02001D0171 — MT — 29.10.2026 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta' Frar 2001

li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal deroga għall-imballaġġ ta' ħġieġ fir-rigward tal-livelli ta' konċentrazzjoni ta' metall tqil stabbiliti fid-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ

(notifikata taħt id-dokument numru K(2001) 398)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2001/171/KE)

(ĠU L 062 2.3.2001, p. 20)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI  tat-8 ta’ Mejju 2006

  L 125

43

12.5.2006

►M2

DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1948 tat-12 ta’ Awwissu 2026

  L 1948

1

28.10.2026


Ikkoreġuta bi:

 C1

Rettifika, ĠU L 076M, 24.3.2009, p.  197  (340/2006)




▼B

ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta' Frar 2001

li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal deroga għall-imballaġġ ta' ħġieġ fir-rigward tal-livelli ta' konċentrazzjoni ta' metall tqil stabbiliti fid-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ

(notifikata taħt id-dokument numru K(2001) 398)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2001/171/KE)



Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-imballaġġ ta' ħġieġ kopert mid-Direttiva 94/62/KE, u timmira li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom il-livelli ta' konċentrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 94/62/KE m'għandhomx japplikaw.

▼M2

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2025/40 għandhom japplikaw.

Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“introdott intenzjonalment” tfisser użat deliberatament fil-formulazzjoni ta’ imballaġġ jew ta’ komponent tal-imballaġġ fejn il-preżenza kontinwa tiegħu tkun mixtieqa fl-imballaġġ finali jew fil-komponent tal-imballaġġ biex jipprovdi karatteristika, dehra jew kwalità speċifiċi; l-użu ta’ materjali riċiklati bħala materja prima għall-manifattura ta’ materjali ġodda tal-imballaġġ, fejn xi porzjon tal-materjali riċiklati jista’ jkun fih ammonti ta’ metalli regolati, ma jitqiesx bħala introdott intenzjonalment;

(2) 

“imballaġġ tal-ħġieġ tal-kristall” tfisser l-imballaġġ magħmul kollu kemm hu jew parzjalment mill-kategoriji tal-ħġieġ tal-kristall elenkati fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 69/493/KEE ( 1 );

(3) 

“produttur tal-ħġieġ tal-kristall” tfisser l-impriża li timmanifattura l-imballaġġ tal-ħġieġ tal-kristall;

(4) 

“ċirkwit magħluq u kkontrollat” tfisser sistema li fiha l-imballaġġ tal-ħġieġ tal-kristall jiġi introdott fis-suq permezz ta’ kanali kummerċjali identifikabbli, immarkat b’mod permanenti biex jippermetti l-identifikazzjoni tal-produttur tal-ħġieġ tal-kristall, ritornat permezz ta’ arranġamenti ta’ ġbir ikkontrollati, u riċiklat bl-introduzzjoni mill-ġdid fil-proċess tal-manifattura tal-produttur tal-ħġieġ tal-kristall li minnu oriġina l-imballaġġ.

▼B

Artikolu 3

L-imballaġġ tal-ħġieġ huwa permess li jeċċedi, wara d-data tat-30 ta' Ġunju 2001, il-limitu ta' 100ppm skond il-piż stabbilit fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 94/62/KE meta jikkonforma mal-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

L-ebda ċomb, kadmju, merkurju jew hexavalent chromium m'għandu jiġi introdott intenzjonalment waqt il-proċess tal-fabbrikazzjoni.

Il-materjal mill-imballaġġ jista' jeċċedi biss il-limiti ta' konċentrazzjoni minħabba ż-żieda ta' materjali riċiklati.

Artikolu 5

Meta l-livelli medji ta' konċentrazzjoni ta' metalli tqal fuq kwalunkwe tnax-il kontroll konsekuttiv, wieħed kull xahar, magħmul mill-produzzjoni ta' kull forn individwali għall-ħġieġ, rappreżentant ta' attività normali u regolari ta' produzzjoni, jeċċedu l-limitu ta' 200ppm, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jissottometti rapport lill-awtoritajiet kompenteti fl-Istati Membri. Dan ir-rapport għandu jinkludi bħala minimu l-informazzjoni li ġejja:

— 
valuri ta' miżuri,
— 
deskrizzjoni tal-metodi ta' kejl użati,
— 
sorsi suspettati għall-preżenza ta' livelli ta' konċentrazzjoni ta' metalli tqal,
— 
deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri meħuda sabiex jitnaqqsu l-livelli ta' konċentrazzjoni ta' metalli tqal.

Meta la l-fabbrikant u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu ma huma stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, l-obbligu li jissottomettu rapport lill-awtoritajiet kompetenti għandu jkun fuq il-persuna li tqiegħed il-prodott fis-suq Komunitarju.

Riżultati ta' kejl minn siti ta' produzzjoni u metodi ta' kejl użati għandhom ikunu magħmula disponibbli fi kwalunkwe ħin lill-awtoritajiet kompetenti, jekk mitlub.

▼M2

Artikolu 5a

1.  
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “manifatturat” tfisser magħmul jew prodott bl-użu tal-proċess li jkollu materja prima individwali kkombinata f’temperatura għolja biex jifforma ħġieġ imdewweb.
2.  
B’deroga mill-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2025/40, l-imballaġġ tal-ħġieġ tal-kristall għandu jitħalla jaqbeż il-livelli ta’ konċentrazzjoni msemmija f’dik id-dispożizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2029, dment li jikkonforma mal-Artikoli 5b u 5c ta’ din id-Deċiżjoni.
3.  
L-imballaġġ tal-ħġieġ tal-kristall li jkun fih iċ-ċomb li jew jiġi introdott intenzjonalment jew jiġi introdott b’riżultat tal-kontaminazzjoni residwa jista’ jiġi manifatturat biss sal-31 ta’ Diċembru 2028.
4.  
L-imballaġġ tal-ħġieġ tal-kristall manifatturat qabel il-31 ta’ Diċembru 2028 jista’ jkompli jkun soġġett għal operazzjonijiet ta’ tlestija, inkluż ix-xogħol tal-ħġieġ fil-kiesaħ, u jista’ jkompli jimtela, jiġi ttikkettat, jiġi distribwit u jiġi introdott fis-suq sal-31 ta’ Diċembru 2029.

Artikolu 5b

1.  
Iċ-ċomb għandu jiġi introdott intenzjonalment biss sa fejn ikun meħtieġ għall-manifattura tal-imballaġġ tal-ħġieġ tal-kristall.
2.  
L-imballaġġ tal-ħġieġ tal-kristall kopert mid-deroga prevista fl-Artikolu 5a għandu jgħaddi minn trattament tad-dealkalizzazzjoni jew minn proċess ekwivalenti li jiżgura l-formazzjoni ta’ barriera tal-wiċċ li tillimita r-rilaxx taċ-ċomb fil-kontenut.
3.  
Il-produtturi tal-ħġieġ tal-kristall għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn il-produzzjoni tal-ħġieġ tal-kristall mingħajr ċomb u għandhom iwaqqfu l-manifattura tal-imballaġġ tal-ħġieġ tal-kristall li jkun fih iċ-ċomb introdott intenzjonalment sal-31 ta’ Diċembru 2028.

Artikolu 5c

1.  
L-imballaġġ tal-ħġieġ tal-kristall kopert mid-deroga prevista fl-Artikolu 5a għandu jkollu mmarkar permanenti li jippermetti l-identifikazzjoni tal-produttur tal-ħġieġ tal-kristall responsabbli għall-manifattura tiegħu.
2.  
L-operaturi ekonomiċi li jintroduċu prodotti fl-imballaġġ tal-ħġieġ tal-kristall fis-suq għandhom jagħmlu disponibbli għall-utenti finali informazzjoni dwar il-possibbiltà li imballaġġ bħal dan jiġi ritornat għar-riċiklaġġ mingħajr ħlas.
3.  
L-imballaġġ tal-ħġieġ tal-kristall ritornat għar-riċiklaġġ għandu jiġi trasferit, direttament jew permezz ta’ kanali kummerċjali stabbiliti, lill-produttur tal-ħġieġ tal-kristall identifikat mill-immarkar permanenti msemmi fil-paragrafu 1.
4.  
L-imballaġġ tal-ħġieġ tal-kristall ritornat għar-riċiklaġġ jista’ jiġi introdott mill-ġdid fil-proċess tal-manifattura tal-produttur tal-ħġieġ tal-kristall li minnu jkun oriġina.
5.  
Il-produtturi tal-ħġieġ tal-kristall għandhom iżommu rekords xierqa li juru l-operazzjoni taċ-ċirkwit magħluq u kkontrollat għall-imballaġġ tal-ħġieġ tal-kristall u għandhom jagħmlu rekords bħal dawn disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u għall-Kummissjoni fuq talba.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 69/493/KEE tal-15 ta’ Diċembru 1969 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrelataw mal-ħġieġ tal-kristall (ĠU L 326, 29.12.1969, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1969/493/oj).