SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)
13 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11(3)(a) u (e) – Persuna residenti fi Stat Membru u li teżerċita attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru ieħor – Kuntratt(i) ta’ xogħol konkluż(i) ma’ aġenzija għal xogħol temporanju waħda – Missjonijiet ta’ xogħol temporanju – Intervalli – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli matul l-intervalli bejn il-missjonijiet ta’ xogħol temporanju – Tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol”
Fil-Kawża C‑713/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa miċ-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, Il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura
Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank,
vs
X,
u
Y
vs
Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen (Relatur), N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għar-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank, minn G. J. Oudenes u H. van der Most, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u P. Huurnink, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u F. van Schaik, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati matul is-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal- Artikolu 11(3)(a) u (e) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet, għall-ewwel waħda, bejn ir-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank (il-Bord tad-Diretturi tal-Bank tal-Assigurazzjonijiet Soċjali, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“SVB”) u X, u, għat-tieni waħda, bejn Y u s-SVB dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil X u lil Y benefiċċji soċjali abbażi tal-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
L-għan tar-Regolament Nru 883/2004, li daħal fis-seħħ fl‑20 ta’ Mejju 2004, huwa l-koordinazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali. Konformement mal-Artikolu 91 tiegħu, dan huwa applikabbli b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1), jiġifieri l‑1 ta’ Mejju 2010. |
|
4 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004 jistipula: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]”. |
|
5 |
It-Titolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Determinazzjoni ta’ liema leġislazzjoni tapplika”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament, intitolat, min-naħa tiegħu, “Regoli ġenerali”, u li jipprevedi, fil-paragrafi (1) sa (3) tiegħu: “1. Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu. 2. Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, persuni li qegħdin jirċievu benefiċċji fi flus minħabba jew bħala konsegwenza ta’ l-attività tagħhom bħala persuni impjegati jew bħala persuni impjegati għal rashom, għandhom jitqiesu bħallikieku qegħdin iwettqu din l-attività. Dan ma japplikax għal pensjonijiet marbuta ma’ l-invalidità, pensjonijiet ta’ l-età, pensjonijiet tas-superstiti jew għal pensjonijiet marbutin ma inċidenti fuq il-post tax-xogħol jew ma’ mard marbut max-xogħol jew għal benefiċċji fi flus marbutin ma’ mard li jkopru trattament għal perjodu mhux determinat. 3. Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:
|
Id‑dritt tal‑Pajjiżi l‑Baxxi
L-AOW
|
6 |
L-Artikolu 6(1) u (3) tal-Algemene Ouderdomswet (il-Liġi dwar l-assigurazzjoni ġenerali tax-xjuħija), tal‑31 ta’ Mejju 1956 (Stb. 1956, Nru 281), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AOW”), jipprevedi: “1. Skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, persuna għandha tkun assigurata jekk għadha ma għalqitx l-età pensjonabbli u:
[…] 3. B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, il-kategorija tal-persuni assigurati tista’ tiġi mwessgħa jew limitata minn miżura amministrattiva ġenerali.” |
|
7 |
L-Artikolu 6a tal-AOW jistipula: “Fil-każ ta’ deroga mill-Artikolu 6 u mid-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minnu:
|
|
8 |
Mill-Artikolu 13(1) tal-AOW jirriżulta li tnaqqis ta’ 2 % huwa applikabbli fuq l-ammont tal-pensjoni għal kull sena kalendarja li matulha, wara li jkun laħaq l-età ta’ 15-il sena iżda qabel ma jkun laħaq l-età ta’ 65 sena, id-detentur tal-pensjoni ma kienx assigurat. |
L-AKW
|
9 |
L-Artikolu 6 tal-Algemene Kinderbijslagwet (il-Liġi li Tistabbilixxi Skema Ġenerali tal-Allowances tal-Familja), tas‑26 ta’ April 1962 (Stb. 1962, Nru 160), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AKW”), jirriproduċi, f’termini identiċi. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tal-AOW. |
|
10 |
L-Artikolu 6a tal-AKW jistipula: “Fil-każ ta’deroga mill-Artikolu 6 u mid-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minnu:
|
Il-BUB
|
11 |
L-Artikolu 6 tal-Besluit uitbreiding en beperking kring verzekerden volksverzekeringen 1999 (id-Digriet tal‑1999 li jestendi u li jillimita l-kategorija ta’ persuni assigurati abbażi tal-assigurazzjonijiet soċjali), tal‑24 ta’ Diċembru 1998 (Stb. 1998, Nru 746) (iktar ’il quddiem il-“BUB”), intitolat “Interruzzjoni temporanja tax-xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi”, jipprevedi: “Persuna li ma tirrisjedix fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda li taħdem esklużivament fil-Pajjiżi l-Baxxi u li x-xogħol tagħha huwa interrott temporanjament, tibqa’ assigurata taħt l-assigurazzjoni soċjali:
|
Il‑fatti fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
Il‑kawża relatata ma’ X
|
12 |
B’effett mill‑14 ta’ Jannar 2013, X, ċittadina tal-Pajjiżi l-Baxxi residenti fil-Ġermanja, bdiet teżerċita attività bħala persuna impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi permezz ta’ impriża ta’ xogħol temporanju. Il-kuntratt ta’ xogħol konkluż ma’ din l-impriża kien jipprevedi li r-relazzjoni ta’ xogħol kellha tibda fil-mument tal-bidu effettiv tal-missjoni ta’ xogħol u kellha tintemm ipso jure hekk kif, fuq talba tal-impriża utenti, tintemm l-imsemmija missjoni. |
|
13 |
Fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, X wettqet diversi missjonijiet ta’ xogħol temporanju, b’xi intervalli bejniethom, l-itwal wieħed, mid‑19 ta’ Ottubru 2013 sat‑30 ta’ Marzu 2014 u, l-iqsar perijodi, mill‑20 sal‑25 ta’ Settembru 2014, kif ukoll mit‑23 sat‑28 ta’ Jannar 2015. |
|
14 |
Matul dawn l-intervalli, X kienet volontarja fil-Pajjiżi l-Baxxi u wettqet kompiti mingħajr remunerazzjoni ta’ kura tal-familja. Hija wettqet ukoll xogħol tad-dar għand uliedha, li għalihom hija rċeviet remunerazzjoni baxxa ħafna. |
|
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Lulju 2015, is-SVB, fuq talba ta’ X, ikkomunikalha r-rendikont tad-drittijiet għall-irtirar tagħha abbażi tal-AOW li minnu jirriżulta li, fit‑30 ta’ Jannar 2015, il-persuna kkonċernata kienet ikkostitwixxiet 82 % tal-pensjoni tax-xjuħija kkompletata abbażi tal-AOW. Is-SVB qies, f’dan ir-rigward, li sa fejn hija kienet residenti fil-Ġermanja, X kienet assigurata abbażi tal-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi biss matul il-perijodi li matulhom hija kienet effettivament ħadmet għall-impriża ta’ xogħol temporanju fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda mhux matul l-intervalli bejn il-missjonijiet tagħha ta’ xogħol temporanju. |
|
16 |
Peress li l-ilment tagħha kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud bħala infondat permezz ta’ deċiżjoni tas-SVB tal‑21 ta’ Diċembru 2015, X ressqet kawża quddiem ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). |
|
17 |
Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2016, l-imsemmija qorti ordnat lis-SVB jadotta deċiżjoni ġdida. Hija ddeċidiet, billi għamlet riferiment, b’mod partikolari, għas-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Franzen et (C‑382/13, EU:C:2015:261), li l-intervalli bejn il-missjonijiet ta’ xogħol temporanju mwettqa minn X kellhom jitqiesu bħala perijodi ta’ leave jew ta’ qagħad, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-BUB, b’tali mod li, matul l-imsemmija intervalli, X kienet koperta mil-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
18 |
Is-SVB appella minn din is-sentenza quddiem iċ-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. |
|
19 |
L-imsemmija qorti tar-rinviju tindika li, sa fejn X ma wettqitx perijodi ta’ assigurazzjoni fil-Ġermanja, hija ma tistax tinvoka d-dritt għal pensjoni tax-xjuħija f’dan l-Istat Membru. |
Il‑kawża relatata ma’ Y
|
20 |
B’effett mis‑16 ta’ Lulju 2007, Y, ċittadin Pollakk residenti mal-familja tiegħu fil-Polonja, beda jeżerċità attività bħala persuna impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi, permezz ta’ impriża ta’ xogħol temporanju li magħha huwa kkonkluda kuntratti ta’ xogħol suċċessivi, b’diversi intervalli bejniethom. |
|
21 |
Fl‑20 ta’ Lulju 2015, Y ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ tmien xhur mal-imsemmija impriża, li kien jipprevedi li, jekk ix-xogħol mal-impriża utenti jintemm, Y ikun obbligat, matul il-perijodu tal-imsemmi kuntratt, li jaċċetta xogħol xieraq ta’ sostituzzjoni u li dan il-kuntratt jintemm jekk huwa jirrifjuta jew jekk ma jkunx iktar dispost li jaħdem. Peress li din l-aħħar każ immaterjalizza ruħu, l-imsemmi kuntratt intemm fil‑31 ta’ Diċembru 2015. |
|
22 |
Y, li ma kienx ħadem bejn l‑1 ta’ Jannar u s‑7 ta’ Frar 2016, ikkonkluda, fit‑8 ta’ Frar 2016, kuntratt ta’ xogħol ġdid mal-istess impriża. |
|
23 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2016, is-SVB informa lil Y li huwa ma kellux dritt għall-allowances tal-familja abbażi tal-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi għax-xahar ta’ Jannar u għal dak ta’ Frar 2016 peress li huwa ma kienx jeżerċità attività professjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi l-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn ix-xhur. |
|
24 |
Sa fejn l-ilment tiegħu kien ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tas-SVB tal‑20 ta’ Mejju 2016, Y ressaq rikors quddiem ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam). |
|
25 |
Permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Jannar 2017, dik il-qorti ċaħdet ir-rikors bħala infondat. Hija qieset li l-kuntratt ta’ xogħol tal‑20 ta’ Lulju 2015 kien intemm matul l-intervall ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar u s‑7 ta’ Frar 2016 u tippreċiża li ma kienx ġie stabbilit li fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt kienu ġie previst leave imħallas jew mingħajr ħlas. Għalhekk, dan l-intervall ma setgħax jikkostitwixxi interruzzjoni temporanja ta’ xogħol, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-BUB. |
|
26 |
Y appella minn din is-sentenza quddiem iċ-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku). |
Kunsiderazzjonijiet komuni għaż‑żewġ tilwimiet fil‑kawża prinċipali
|
27 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li X u Y kienu assigurati abbażi, rispettivament, tal-AOW u tal-AKW matul il-perijodi li matulhom huma wettqu missjonijiet ta’ xogħol temporanju fil-Pajjiżi l-Baxxi u li t-tilwimiet fil-kawża prinċipali jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk l-affiljazzjoni tagħhom mas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi ntemmitx matul l-intervalli bejn l-imsemmija missjonijiet. Dik il-qorti tqis li huwa neċessarju, għal dan il-għan, li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli matul dawn l-intervalli abbażi tar-Regolament Nru 883/2004. |
|
28 |
Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004, il-persuni li fir-rigward tagħhom huwa applikabbli dan ir-regolament huma suġġetti biss għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed, leġiżlazzjoni li tiġi ddeterminata konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament. |
|
29 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 jkun applikabbli, għandu jkun hemm attività jew sitwazzjoni ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament, li titqies bħala tali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih tiġi eżerċitata din l-attività jew fejn isseħħ is-sitwazzjoni ekwivalenti. |
|
30 |
Issa, f’dan il-każ, is-sitwazzjonijiet ta’ X u ta’ Y matul l-intervalli bejn il-missjonijiet ta’ xogħol tagħhom ma jikkostitwixxux attivitajiet bħala persuna impjegata, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, abbażi tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-attivitajiet eżerċitati minn X fil-Pajjiżi l-Baxxi matul dawn l-intervalli ma jistgħux jitqiesu bħala attivitajiet bħala persuna impjegata. Bl-istess mod, abbażi tal-imsemmi dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, Y ma kienx eżerċita attività bħala persuna impjegata matul l-imsemmija intervalli għaliex il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kien intemm f’dak iż-żmien. Barra minn hekk, ma kien ġie miftiehem minn qabel ebda leave mingħajr ħlas u l-kuntratt ta’ xogħol tat‑8 ta’ Frar 2016 kien ġie konkluż għal perijodu li jaqbeż id-data ta’ tmiem inizjalment prevista fil-kuntratt ta’ xogħol preċedenti. |
|
31 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, jekk is-sitwazzjonijiet ta’ X u ta’ Y matul l-intervalli bejn il-missjonijiet ta’ xogħol temporanju tagħhom jistgħux jitqiesu bħala “sitwazzjoni[jiet] ekwivalenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 883/2004. |
|
32 |
Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li ma kinitx għadha teżisti relazzjoni ta’ xogħol matul l-intervalli bejn il-missjonijiet ta’ xogħol temporanju ta’ X u ta’ Y, b’tali mod li dawn ma setgħux jitqiesu bħala li kienu, matul dawn il-perijodi, ħaddiema fis-sens tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
33 |
Il-qorti tar-rinviju tkompli tesponi, hekk kif jirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, van den Berg et (C‑95/18 u C‑96/18, EU:C:2019:767), l-Istat Membru ta’ impieg ma huwiex obbligat li jissuġġetta għal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali lill-ħaddiem migranti residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għall-perijodi li matulhom dan tal-aħħar huwa suġġett, abbażi tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, għal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Istat Membru msemmi l-aħħar, minkejja li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg ma tagħti lil dan il-ħaddiem ebda dritt għal pensjoni tax-xjuħija jew għall-allowances tal-familja. Għaldaqstant, il-fatt li l-persuni kkonċernati ma kellhomx dritt għal benefiċċji simili fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom huwa irrilevanti. |
|
34 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli matul l-intervalli bejn il-missjonijiet ta’ xogħol temporanju ta’ X u ta’ Y għandhiex tiġi ddeterminata abbażi tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004. |
|
35 |
Hija ssostni, f’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mill-punt 50 tas-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Franzen et (C‑382/13, EU:C:2015:261), mogħtija fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 392, p. 1), li hija trasponibbli fil-kuntest tar-Regolament Nru 883/2004, jirriżulta li l-persuni li normalment jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fi Stat Membru huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 sakemm huma ma jkunux definittivament jew temporanjament temmu din l-attività u li huma jibqgħu suġġetti għal din il-leġiżlazzjoni anki fil-ġranet meta huma ma jeżerċitawx effettivament din l-attività. Għalhekk, iċ-ċirkustanza li teżisti relazzjoni ta’ xogħol ma hijiex deċiżiva f’dan ir-rigward. Il-qorti tar-rinviju ma teskludix, għalhekk, li l-intervalli bejn il-missjonijiet ta’ xogħol temporanju ta’ X u ta’ Y, b’mod partikolari ta’ X, ma jikkostitwixxux effettivament tmiem tal-attività tagħhom bħala persuni impjegati fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija tistaqsi liema huma l-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward, b’mod partikolari dwar it-terminu li lil hinn minnu għandu jitqies li persuna li, bħal X, ma għandhiex iktar relazzjoni ta’ xogħol, temmet l-attività tagħha fl-Istat Membru ta’ impieg. |
|
36 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li mill-punt 51 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li persuna hija l-ewwel u qabel kollox suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza jekk hija ma teżerċitax xogħol bi ħlas u ma għandhiex relazzjoni ta’ xogħol, anki jekk hija temmet biss temporanjament l-attività tagħha fl-Istat ta’ impieg, fejn l-unika eċċezzjoni hija meta l-persuna kkonċernata tirċievi benefiċċju fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 883/2004. |
|
37 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, iċ-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
|
38 |
Permezz tat-tliet domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(3)(a) u (e) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna residenti fi Stat Membru u li twettaq, permezz ta’ impriża ta’ xogħol temporanju stabbilita fi Stat Membru ieħor, missjonijiet ta’ xogħol temporanju fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor hija suġġetta, matul l-intervalli bejn l-imsemmija missjonijiet ta’ xogħol temporanju, għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru tagħha ta’ impieg jew inkella fis-sens li tali persuna hija suġġetta, matul l-imsemmija intervalli, għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru tagħha ta’ residenza. |
|
39 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, li fosthom hemm l-Artikolu 11(3) tiegħu, jikkostitwixxu sistema sħiħa u uniformi ta’ regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li l-għan tagħhom huwa li jissuġġettaw lill-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss, b’tali mod li jiġu evitati l-kumuli ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-komplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, FORMAT Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C‑879/19, EU:C:2021:409, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Għal dan il-għan, l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 jimponi l-prinċipju li jgħid li l-persuna li teżerċita attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru. |
|
41 |
Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza ta’ tali relazzjoni ta’ xogħol tkun irrilevanti biss fil-każ tal-possibbiltà eċċezzjonali prevista fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 883/2004, li tassimila lill-persuni li jwettqu attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha ma’ dawk li jirċievu benefiċċju fi flus għal jew bħala konsegwenza ta’ tali attività. |
|
42 |
Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul l-intervalli bejn il-missjonijiet tagħhom ta’ xogħol temporanju, X u Y ma bbenefikawx mill-vantaġġi msemmija fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 883/2004. |
|
43 |
Għandu, għalhekk, jiġi ddeterminat jekk X u Y għandhomx jitqiesu bħala li eżerċitaw, matul l-imsemmija intervalli, attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, fis-sens tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 883/2004 jiddefinixxi t-termini “attività bħala persuna impjegata” bħala attività jew sitwazzjoni ekwivalenti meqjusa bħala attività għall-għanijiet tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ l-Istat Membru li fih teżisti din l-attività jew sitwazzjoni ekwivalenti. |
|
45 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li X kienet teżerċita l-attività tagħha fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol temporanju għal żmien determinat, li kien jinkludi klawżola li abbażi tagħha r-relazzjoni ta’ xogħol tibda meta hija effettivament tibda l-attività tagħha u tispiċċa meta din l-attività tintemm. Minn dan isegwi li, matul l-intervalli bejn il-missjonijiet tagħha ta’ xogħol temporanju, ma kinitx teżisti relazzjoni ta’ xogħol bejn X u l-impriża ta’ xogħol temporanju. |
|
46 |
Barra minn hekk, għalkemm, matul dawn l-intervalli, X kienet iskritta ma’ diversi impriżi ta’ xogħol temporanju tal-Pajjiżi l-Baxxi, hija ma wettqet ebda missjoni ta’ xogħol temporanju f’isem dawn tal-aħħar. Fir-rigward tal-attivitajiet ta’ volontarjat u tax-xogħol tad-dar li X wettqet fil-Pajjiżi l-Baxxi matul l-imsemmija intervalli, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dawn ma jistgħux, skont il-qorti tar-rinviju, jitqiesu bħala attività bħala persuna impjegata jew sitwazzjoni ekwivalenti, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
47 |
F’dak li jirrigwarda Y, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan kien eżerċita l-attività tagħha f’isem impriża ta’ xogħol temporanju permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat li beda fl‑20 ta’ Lulju 2015 u ntemm fil‑31 ta’ Diċembru 2015 u li ma’ din l-istess impriża huwa kkonkluda kuntratt ġdid ta’ xogħol li beda fit‑8 ta’ Frar 2016. Għalhekk, matul l-intervall bejn dawn iż-żewġ kuntratti, jiġifieri mill‑1 ta’ Jannar 2016 sas‑7 ta’ Frar 2016, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn Y u l-impriża ta’ xogħol temporanju kienet intemmet. |
|
48 |
Minn dan isegwi li, minħabba t-tmiem tal-attività professjonali tagħhom, X u Y ma kinux jeżerċitaw, matul l-intervalli bejn il-missjonijiet tagħhom ta’ xogħol temporanju, attività bħala persuna impjegata u lanqas ma kienu jinsabu f’sitwazzjoni ekwivalenti, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi. Konsegwentement, huma ma kinux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, b’tali mod li huma ma kinux suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
49 |
Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mis-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Franzen et (C‑382/13, EU:C:2015:261), li għaliha jagħmlu riferiment il-Kummissjoni u l-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, fil-punti 50 u 51 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impieg tibqa’ applikabbli sakemm il-persuna kkonċernata tibqa’ teżerċita l-attività professjonali tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru iżda li, min-naħa l-oħra, il-persuni li temmew, definittivament jew temporanjament, l-attività professjonali tagħhom huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn huma jirrisjedu. minn dan jirriżulta li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 u 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impieg, l-eżistenza ta’ relazzjoni kontinwa ta’ xogħol hija dejjem neċessarja. Il-modalitajiet konkreti tal-eżerċizzju tal-provvista ta’ xogħol, bħal ma hija ċ-ċirkustanza li x-xogħol jitwettaq part-time jew b’mod okkażjonali jew li l-obbligi konkreti li jirriżultaw minnu huma sospiżi, huma irrilevanti peress li dawn ma jaffettwawx in-natura kontinwa ta’ relazzjoni ta’ xogħol. |
|
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-konstatazzjoni mwettqa fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, matul l-intervalli l-missjonijiet tagħhom ta’ xogħol temporanju, X u Y kienu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, li jikkostitwixxi regola residwa, li hija maħsuba sabiex tapplika għall-persuni kollha li jinsabu f’sitwazzjoni li ma hijiex irregolata b’mod speċifiku minn dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi sistema sħiħa għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 31). |
|
51 |
Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-persuni l-oħra għajr dawk imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-imsemmi paragrafu huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament li jiggarantixxulhom benefiċċji abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ diversi Stati Membri. Din tapplika kemm għall-persuni li jkunu definittivament temmu l-attività professjonali tagħhom kif ukoll għal dawk li jkunu temmewha biss temporanjament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Adanez-Vega, C‑372/02, EU:C:2004:705, punt 24). |
|
52 |
Issa, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ X u ta’ Y matul l-intervalli bejn il-missjonijiet tagħhom ta’ xogħol temporanju la tikkorrispondi għas-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 hekk kif ġie espost fil-punti 45 sa 48 ta’ din is-sentenza, u lanqas għal dawk previsti fl-Artikolu 11(3)(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament, sa fejn dawn tal-aħħar jirrigwardaw il-persuni impjegati maċ-ċivil, il-persuni qiegħda u l-persuni msejħa jew imsejħa mill-ġdid biex isservi fil-forzi armati jew biex iwettqu s-servizz ċivili. |
|
53 |
B’konsegwenza ta’ dan, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11(3)(a) u (e) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna residenti fi Stat Membru u li twettaq, permezz ta’ impriża ta’ xogħol temporanju stabbilita fi Stat Membru ieħor, missjonijiet ta’ xogħol temporanju fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor hija suġġetta, matul l-intervalli bejn l-imsemmija missjonijiet ta’ xogħol, għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha, kemm-il darba, skont il-kuntratt temporanju, ir-relazzjoni ta’ xogħol tintemm matul dawn l-intervalli. |
Fuq l‑ispejjeż
|
54 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 11(3)(a) u (e) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
persuna residenti fi Stat Membru u li twettaq, permezz ta’ impriża ta’ xogħol temporanju stabbilita fi Stat Membru ieħor, missjonijiet ta’ xogħol temporanju fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor hija suġġetta, matul l-intervalli bejn l-imsemmija missjonijiet ta’ xogħol, għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha, kemm il-darba, skont il-kuntratt temporanju, ir-relazzjoni ta’ xogħol tintemm matul dawn l-intervalli. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.