10.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/906

tad-9 ta’ Ġunju 2022

dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jissaħħu l-kapaċitajiet tat-Task Force Medika tal-Balkani

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1), ġiet stabbilita Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni PESK) biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2), il-punt (b)(i), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF tista’ tiffinanzja azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2)

It-Task Force Medika tal-Balkani (BMTF) ġiet stabbilita bħala inizjattiva reġjonali li tlaqqa’ flimkien sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, jiġifieri l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u s-Slovenja bil-għan li tipprovdi rispons rapidu u effettiv għal pajjiżi jew reġjuni milquta minn diżastri billi tuża l-kapaċitajiet mediċi militari diġà eżistenti tan-nazzjonijiet parteċipanti. Kull wieħed mis-sitt nazzjonijiet parteċipanti jassumi r-rwol ta’ “Nazzjon Qafas” fuq bażi ta’ rotazzjoni ta’ sentejn. Il-Maċedonja ta’ Fuq tkopri dak ir-rwol għall-perjodu minn Ġunju 2020 sa Ġunju 2022. Fit-tieni nofs tal-2021, l-organizzazzjoni introduċiet regoli interni ġodda li jippermettu skjerament aktar fit-tul b’appoġġ għal missjonijiet u operazzjonijiet, inkluż bħala parti mill-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) barra l-Balkani tal-Punent.

(3)

Billi tgħammar l-unitajiet mediċi tal-Forzi Armati mhux tal-UE li jipparteċipaw fil-BMTF bit-tagħmir u l-materjal meħtieġ, l-Unjoni ssaħħaħ il-kapaċitajiet mediċi militari tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent involuti u tqawwi unità medika militari multinazzjonali li potenzjalment tista’ tappoġġa aspetti militari tal-operazzjonijiet ta’ paċi lil hinn mir-reġjun, u tikkontribwixxi biex jinkisbu l-miri tal-kapaċità tan-NATO u l-għanijiet tas-sħubija taħt is-Sħubija għall-Paċi (PfP).

(4)

Din il-miżura ta’ assistenza għandha ssaħħaħ ukoll il-kapaċità tal-Balkani tal-Punent li jirreaġixxu għall-kriżijiet u ssaħħaħ ir-reżiljenza tar-reġjun, u b’hekk fl-aħħar mill-aħħar tikkontribwixxi għall-istabbiltà reġjonali, u tippermetti lill-pajjiżi fir-reġjun jipproteġu aħjar il-popolazzjonijiet tagħhom. Jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-kooperazzjoni u l-koeżjoni reġjonali, u tippromwovi relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat fil-Balkani tal-Punent.

(5)

Fl-ittra tiegħu tat-18 ta’ April 2022 indirizzata lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), il-Ministru għad-Difiża tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, f’isem il-BMTF, talab lill-Unjoni tappoġġa lill-BMTF bl-akkwist ta’ tagħmir essenzjali biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-unitajiet mediċi tagħha.

(6)

F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-EPF, il-miżura ta’ assistenza tagħti s-setgħa lin-nazzjonijiet mhux membri tal-UE li jipparteċipaw fil-BMTF biex jirreaġixxu b’mod awtonomu għall-kriżijiet. Billi tlaqqa’ flimkien ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, din il-miżura ta’ assistenza tikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet aktar ġenerali tal-PESK/PSDK fir-reġjun, bħall-promozzjoni tal-kooperazzjoni u d-djalogu reġjonali.

(7)

Mat-tlestija ta’ din il-miżura ta’ assistenza, ir-Rappreżentant Għoli ser iwettaq evalwazzjoni tal-impatt tagħha u tal-ġestjoni u l-użu tat-tagħmir ipprovdut. Dan l-eżerċizzju ser iwassal għal proċess ta’ tagħlimiet meħuda, li għandu l-għan li jivvaluta l-effettività tal-miżura ta’ assistenza u l-konsistenza tagħha mal-istrateġija u l-politiki ġenerali tal-Unjoni fil-pajjiż benefiċjarju.

(8)

Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati f’konformità mal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u, b’mod partikolari, b’rispett tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.

(9)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata

1.   Miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tat- (BMTF) (il-‘benefiċjarju’) li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (il-‘miżura ta’ assistenza’) hija b’dan stabbilita.

2.   L-għan tal-miżura ta’ assistenza huwa li tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-BMTF billi takkwista t-tagħmir u l-materjal meħtieġa għall-unitajiet mediċi tal-Forzi Armati tal-pajjiżi parteċipanti, jiġifieri l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja, sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet mediċi militari tar-reġjun u fl-aħħar mill-aħħar l-isforzi ta’ sokkors ċivili.

3.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja:

(a)

assi ta’ mobbiltà (vetturi mediċi u tal-art);

(b)

sptarijiet bir-rwol 2;

(c)

tagħmir u provvisti għal-laboratorji;

(d)

tagħmir tal-IT u ta’ komunikazzjoni.

4.   Il-miżura ta’ assistenza għandha ddum 36 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt bejn l-amministratur għal miżuri ta’ assistenza li jaġixxi bħala uffiċċjal ta’ awtorizzazzjoni u l-entità msemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 32(2), il-punt (a), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 6 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

il-konformità tal-unitajiet tal-BMTF mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

(b)

l-użu adegwat u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

(c)

il-manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza biex jiġi żgurat li dawn jistgħu jintużaw u biex tiġi żgurata d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li l-ebda wieħed mill-assi pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza ma jintilef, jew jiġi ttrasferit mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 (“il-Kumitat tal-Faċilità”) lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF, f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill-ITF Enhancing Human Security (ITF).

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja li l-obbligi previsti fl-Artikolu 3 jiġu rrispettati mill-benefiċjarju. Il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi previsti fl-Artikolu 3, u jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali minn unitajiet tal-BMTF.

2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

(a)

verifika tal-kunsinna, fejn iċ-ċertifikati tal-kunsinna għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;

(b)

rappurtar dwar l-attivitajiet, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-attivitajiet imwettqa bit-tagħmir, il-provvisti u s-servizzi pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza sakemm tali rappurtar ma jibqax jitqies bħala meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS);

(c)

kontrolli fuq il-post, fejn il-benefiċjarju jrid jagħti lir-Rappreżentant Għoli aċċess biex iwettaq kontrolli fuq il-post meta mitlub.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni, fil-forma tal-ewwel valutazzjoni strutturata tal-miżura ta’assistenza, 12-il xahar wara l-kunsinna tat-tagħmir. Dan jista’ jinvolvi żjarat fuq il-post biex jiġu kkontrollati t-tagħmir, il-provvisti u s-servizzi kkonsenjati taħt il-miżura ta’ assistenza, jew kwalunkwe forma oħra ta’ informazzjoni pprovduta b’mod indipendenti. Għandha ssir evalwazzjoni finali fi tmiem il-miżura ta’ assistenza biex jiġi vvalutat jekk il-miżura ta’ assistenza tkunx ikkontribwiet għall-kisba tal-objettivi ddikjarati.

Artikolu 6

Rappurtar

Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa, f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s sottokuntratturi involuti.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

1.   Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   Il-KPS jista’ wkoll jirrakkomanda li l-Kunsill jittermina l-miżura ta’ assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

Éric DUPOND-MORETTI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335 13.12.2008, p. 99).