Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet fil-Partenarjat Ewropew ma' l-Albanija u t-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/54/KE /* KUMM/2007/0656 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 6.11.2007 KUMM(2007) 656 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet fil-Partenarjat Ewropew ma' l-Albanija u t-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/54/KE (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju ta' l-2003 approva l-"l-Aġenda ta' Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent”, li introduċiet il-Partenarjati Ewropej bħala mezz biex titwettaq il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Fit-30 ta' Jannar 2006, il-Kunsill adotta l-Partenarjat Ewropew rivedut għall-Albanija, ibbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni ppreżentata fid-9 ta' Novembru 2005. Il-partenarjati fihom prijoritajiet għal tul ta' żmien qasir u tul ta' żmien medju. Il-pajjiżi huma mistennija li l-prijoritajiet għal tul ta' żmien qasir jieħdu minn sena sa sentejn biex iwettquhom. Għalhekk il-Kummissjoni jidhrilha li jkun xieraq li tiġi ppreżentata proposta għal Partenarjat Ewropew aġġornat għall-Albanija. Dan il-Partenarjat Ewropew imġedded huwa msejjes fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 533/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 u fih jitqiesu l-iżviluppi l-ġodda kif deskritti fir-Rapport ta' Progress ta' l-2007. Fih hemm elenkati l-prijoritajiet fuq medda qasira u medja ta’ żmien għat-tħejjijiet tal-pajjiż għal aktar integrazzjoni ma’ l-Unjoni Ewropea. Biex iwieġbu għall-Partenarjat Ewropew, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Albanija għandhom jiżviluppaw pjan bi skeda u miżuri speċifiċi li l-Albanija bi ħsiebha tieħu għal dan il-għan. Il-progress fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ser jiġi segwit regolarment mill-Kummissjoni. Il-prijoritajiet tal-Partenarjat Ewropew jiffurmaw il-bażi ta’ l-ipprogrammar ta’ l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità, li se tkompli tkun provduta taħt l-istrumenti finanzjarji rilevanti, b'mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA). Id-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill m’għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill sabiex jadotta l-abbozz mehmuż għal Deċiżjoni tal-Kunsill. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet fil-Partenarjat Ewropew ma' l-Albanija u t-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/54/KE IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 533/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 dwar il-ħolqien ta’ partenarjati fil-qafas tal-Proċess ta’ Stabbilizazzjoni u Assoċjazzjoni[1], kif emendat l-aħħar, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, Billi: (1) Il-Kunsill Ewropew ta’ Tessaloniki tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003 approva l-introduzzjoni tal-Partenarjati Ewropej bħala mezz biex isseħħ il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. (2) Ir-Regolament (KE) Nru 533/2004 jipprovdi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li għandhom jiddaħħlu fil-partenarjati, kif ukoll dwar tibdiliet sussegwenti. Ir-Regolament jiddikjara wkoll li s-segwitu għall-Partenarjati Ewropej se jkun żgurat permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti skond il-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, l-aktar permezz tar-rapporti annwali ta’ progress. (3) Il-Kunsill adotta it-tieni Partenarjat Ewropew ma' l-Albanija fit-30 ta' Jannar ta' l-2006[2]. (4) Id-Dokument tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija għat-tkabbir u l-isfidi ewlenin għal matul il-perjodu 2006-2007 indika li l-partenarjati kellhom jiġu aġġornati fl-aħħar ta' l-2007. (5) Fit-12 ta' Ġunju 2006. il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni (IPA)[3], li jġedded il-qafas għall-għajnuna finanzjarja għal qabel l-adeżjoni. (6) Huwa xieraq għalhekk li jiġi adottat Partenarjat Ewropew rivedut li jaġġorna l-partenarjat attwali sabiex jiġu identifikati prijoritajiet imġedda għal ħidma ulterjuri, fuq il-bażi tas-sejbiet tar-Rapport ta' Progress ta' l-2007 dwar it-tħejjijiet ta' l-Albanija għal integrazzjoni ulterjuri ma' l-Unjoni Ewropea. (7) Sabiex iħejju għal integrazzjoni akbar ma’ l-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet kompetenti Albaniżi għandhom jiżviluppaw pjan bi skeda u b'miżuri speċifiċi biex jindirizzaw il-prijoritajiet ta’ dan il-Partenarjat Ewropew. (8) Għandha għalhekk tiġi mħassra d-Deċiżjoni 2006/54/KE. IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet fil-Partenarjat Ewropew ma' l-Albanija huma stipulati fl-Anness. Artikolu 2 L-implimentazzjoni tal-Partenarjat Ewropew ser tkun eżaminata permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti bil-proċess ta’ stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni, l-aktar ir-rapporti annwali ta' progress ippreżentati mill-Kummissjoni. Artikolu 3 Id-Deċiżjoni 2006/54/KE għandha tiġi mħassra. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea . Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS: ALBANIJA: PARTENARJAT EWROPEW 2007 1. DAĦLA Il-Kunsill Ewropew approva l-introduzzjoni tal-Partenarjati Ewropej bħala mezz biex isseħħ il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Il-partenarjat rivedut propost jaġġorna lit-tieni wieħed, fuq il-bażi tas-sejbiet tar-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni ta' l-2007 dwar l-Albanija. Dan il-partenarjat jidentifika għal azzjoni prijoritajiet ġodda kif ukoll dawk li għadhom ma ntlaħqux. Il-prijoritajiet il-ġodda huma adattati għall-ħtiġiet speċifiċi u l-istadju ta’ tħejjija tal-pajjiż, u jkunu aġġornati skond kif meħtieġ. L-Albanija mistennija tiżviluppa pjan li jkun jinkludi skeda ta' żmien u miżuri speċifiċi maħsuba biex jindirizzaw il-prijoritajiet ta' Partenarjat Ewropew. Il-partenarjat jipprovdi wkoll gwida għal għajnuna finanzjarja lill-pajjiż. 2. PRINĊIPJI Il-Proċess ta’ Stabbilizazzjoni u Assoċjazzjoni jibqa’ l-qafas għall-mira Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, matul it-triq kollha lejn is-sħubija futura tagħhom. Il-prijioritajiet identifikati għall-Albanija huma marbuta mal-kapaċità li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti mill-Kunsill Ewropej ta’ Kopenħagen ta' l-1993 u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Proċess ta’ Stabbilizazzjoni u Assoċjazzjoni, speċjalment il-kundizzjonijiet espressi mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta’ April 997 u l-21 u t-22 ta’ Ġunju 1999, il-kontenut tad-dikjarazzjoni finali tas-Samit ta’ Żagreb ta’ l-24 ta’ Novembru 2000 u l-aġenda ta’ Tessaloniki. 3. PRIJORITAJIET Il-prijoritajiet elenkati f’dan il-Partenarjat Ewropew intgħażlu fuq il-bażi ta' dak li hu realistiku li wieħed jistenna li l-Albanija tkun tista’ twettaq jew tmexxi sew ’il quddiem fis-snin li ġejjin. Hemm distinzjoni bejn il-prijoritajiet fuq medda qasira ta’ żmien, li huma mistennija li jintlaħqu fi żmien sena jew sentejn, u l-prijoritajiet fuq medda medja ta' żmien, li huma mistennija li jintlaħqu fi żmien tlieta jew erba’ snin. Il-prijoritajiet jirrigwardaw kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha. Fid-dawl tal-bżonn li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet, huwa ċar li hemm missjonijiet oħra li l-Albanija trid twettaq u li jistgħu jsiru prijoritajiet fi kwalunkwe sħubija fil-futur, filwaqt li jitqies ukoll il-progress futur li jkun sar mill-Albanija. Fost il-prijoritajiet fuq medda qasira ta’ żmien, il-prijoritajiet ewlenin ġew identifikati u miġbura flimkien fil-bidu tal-lista. L-ordni ta’ dawn il-prijoritajiet prinċipali ma tfissirx li hemm xi klassifika fl-importanza tagħhom. 3.1. Prijoritajiet fuq medda qasira ta’ żmien Prijoritajiet Ewlenin - It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva bi tħejjija għall-implimentazzjoni ta' l-impenji tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) u tal-Ftehim Temporajnu. - Il-promozzjoni ta' djalogu kostruttiv bejn il-partiti politiċi kif ukoll mal-partijiet interessati dwar l-implimentazzjoni tar-riformi. - It-tkabbir ta' l-indipendenza u t-trasparenza tas-sistema ġudizzjarja, inklużi t-tisħiħ tal-ħarsien kostituzzjonali ta' l-imħallfin, il-ħatra ta' mħallfin u prosekuturi fuq il-bażi ta' eżamijiet kompetittivi, il-ħolqien ta' sistema meritokratika ta' evalwazzjoni għall-prosekuturi u d-definizzjoni ta' regoli oġġettivi għall-allokazzjoni tal-kawżi lill-imħallfin. - L-implimentar ta' l-istrateġija għal kontra l-korruzzjoni 2007-2013 u r-rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-rapport ta' evalwazzjoni mill-Grupp ta' Stati tal-Kunsill ta' l-Ewropa ta' Kontra l-Korruzzjoni u l-investigar u l-prosekuzzjoni tal-każi ta' korruzzjoni fil-korp tal-pulizija u fis-sistema ġudizzjarja b'qawwa xierqa. - L-implimentar tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-OSCE, b'mod partikolari bit-titjib fil-listi tal-votanti u l-emendar tal-kodiċi elettorali f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, kmieni biżżejjed biex dan it-titjib ikun ta' siwi għall-elezzjonijiet parlamentari li jmiss. - It-tisħiħ ulterjuri tat-tmexxija fis-settur pubbliku permezz ta' titjib fil-kwalità u l-imparzjalità tal-persunal fis-settur ta' l-amministrazzjoni pubblika u ta' tisħiħ tad-Dipartiment ta' l-Amministrazzjoni Pubblika. - It-twettiq ta' l-impenji sottoskritti fit-Trattat li jikkostitwixxi l-Komunità ta' l-Enerġija, inklużi t-twassil fit-tmiem ta' l-aggregazzjoni ta' KESH, u l-privatizzazzjoni mgħaġġla tal-fergħa ta' distribuzzjoni tagħha. L-issoktar tas-separazzjoni tal-kumpanija statali ta' l-elettriku KESH, u l-privatizzar tal-fergħa ta' distribuzzjoni tagħha. L-istabilizzar tal-pożizzjoni finanzjarja ta' KESH billi jiżdiedu r-rati ta' ġbir u billi l-prezzijiet jinġiebu għal-livelli li jippermettu l-irkupru ta' l-ispejjeż, u kif ukoll it-tkabbir tal-kapaċità għall-ġenerazzjoni ta' l-elettriku u l-interkonnettività. - Il-ksib ta' riżultati tanġibbli ulterjuri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari billi jingħata spazju wiesa' għall-attività tal-pulizija bbażata fuq l-informazzjoni u billi jiġi żgurat segwitu effikaċi fuq livell ġudizzjarju. Kriterji Politiċi Demokrazija u stat tad-dritt Iggvernar - L-adottar ta' l-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp u l-integrazzjoni biex ikun fil-waqt għall-proċess tal-baġit 2008/9, għall-iżgurar li din tirrifletti l-impenji relatati ma' l-integrazzjoni Ewropea u li jingħatawlha l-mezzi finanzjarji xierqa, u t-tnedija ta' l-implimentazzjoni tagħha. - L-eżekuzzjoni ta' użu sħiħ u effikaċi tas-sistema integrata ta' ppjanar biex jissaħħu r-rabtiet bejn l-għanijiet politiċi u l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit. - It-titjib fil-koordinazzjoni tax-xogħol governattiv kollu favur l-integrazzjoni ta' l-UE permezz ta' konsultazzjoni usa' u aktar konsistenti tal-ministri, inklużi l-Ministeru għall-Integrazzjoni Ewropea, il-partijiet interessati u l-esperti ta' l-UE dwar il-leġiżlazzjoni relatata. - L-iżgurar tad-disponibbiltà ta' tagħmir xieraq u persunal imħarreġ għall-Ministeru għall-Integrazzjoni Ewropea u għall-Uffiċċji "Integrazzjoni fl-UE" tal-ministeri kompetenti. - L-iżgurar ta' koordinazzjoni xierqa tat-titjib fir-reġistru ċivili u s-sistema ta' l-indirizzi permezz ta' l-introduzzjoni ta' karti ta' l-identità elettroniċi u ta' passaporti bijometriċi. Amministrazzjoni pubblika - L-iżgurar ta' infurzar tal-Liġi dwar is-Servizz Ċivili u r-regoli relatati fl-operazzjoni ta' l-amministrazzjoni publika. - L-iżgurar li r-reklutaġġ, il-ħatriet, il-promozzjoni, it-trasferimenti u t-tkeċċija jsiru skond ir-regoli stabbiliti sabiex jinbena servizz ċivili affidabbli u effiċjenti bbażat fuq kriterji professjonali ta' l-iżviluppar tal-karrieri. Sistema ġudizzjarja - L-iffinalizzar, l-adattar u l-implimentar tal-liġi abbozz dwar ir-riforma ġudizzjarja u t-titjib ta' l-infrastruttura għas-settur ġudizzjarju. - It-titjib fil-koordinazzjoni bejn il-prosekuturi u l-pulizija, partikolarment permezz ta' l-użu tas-sistema ta' ġestjoni tal-kawżi. - L-iżgurar tad-disponibbiltà ta' leġiżlazzjoni u riżorsi xierqa għall-ħarsien xieraq tax-xhieda. Politika kontra l-korruzzjoni - L-armonizzazzjoni tal-Kodiċi ċivili, kummerċjali u amministrattivi mal-Konvenzjoni tal-Liġ Ċivili tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-Korruzzjoni. - It-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati ta' korruzzjoni. - L-implimentar ta' leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni tat-tixħim b'konsiderazzjoni xierqa għall-koordinazzjoni interistituzzjonali. - It-tisħiħ tal-mekkaniżmi biex tiġi infurzata l-Liġi dwar id-dikjarazzjoni ta' l-assi. - Il-kjarifikar tar-regoli relatati mal-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess fit-twettiq ta' funzjonijiet pubbliċi. - Il-kjarifikar tar-regoli relatati ma' l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni f'konformità ma' l-istandards internazzjonali. - It-tnaqqis fil-lista ta' uffiċjali koperti mill-immunità u l-għoti ta' l-immunità meta din tkun strettament meħtieġa biss. Drittijiet tal-bniedem u protezzjoni tal-minoranzi Rispett lejn il-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem - L-iżgurar tas-sensibilizzazzjoni ta' l-entitajiet ta' l-infurzar tal-liġi kollha dwar l-obbligi tagħhom relatati mad-drittijiet tal-bniedem u l-implimentazzjoni rigoruża tagħhom f'konformità mal-kodiċi ta' etika għas-sistema tal-ħabsijiet u mal-konvenzjonijiet internazzjonali ratifikati mill-Albanija, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Drittijiet Ċivili u politiċi - L-affrontar ta' każi ta' maltrattament mill-entitajiet ta' l-infurzar tal-liġi permezz ta' prosekuzzjoni tal-ħatja kif mistħoqqa. - L-iżgurar ta' l-osservanza tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti bil-ħolqien u l-ġestjoni ta' faċilitajiet penitenzjarji ġodda. - L-allinjament tal-leġiżlazzjoni ta' l-Albanija dwar il-malafama f'konformità ma' l-istandards Ewropej u l-implimentazzjoni tagħha. - It-tħaffif ta' l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni effikaċi biex tiġi żgurata trasparenza fis-settur tas-sjieda tal-midja. - L-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni attwali dwar l-istampa u l-indipendenza ġurnalistika, il-koordinazzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar il-libertà ta' l-espressjoni u l-iżviluppar ta' leġiżlazzjoni kompensiva dwar il-mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi li tikkonforma ma' l-istandards Ewropej. Drittijiet soċjali u ekonomiċi - It-twettiq ta' sforzi ulterjuri biex tiġi evitata l-vjolenza domestika. - It-teħid ta' miżuri ulterjuri biex tiġi indirizzata l-problema tax-xogħol minorili. - L-iżviluppar ta' servizzi bbażati fil-komunità u l-għoti ta' għajnuna lil persuni dipendenti, speċjalment lil dawk fis-settur tas-saħħa mentali. - It-tħaffif ulterjuri kemm ta' l-ewwel reġistrazzjoni tal-proprjetajiet u l-ipproċessar tat-talbiet għar-restituzzjoni u l-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-mekkaniżmi għall-kumpens u l-koordinazzjoni xierqa ta' dawn il-proċessi mal-miżuri ta' legalizazzjoni tal-proprjetà. Drittijiet tal-minoranzi, drittijiet kulturali u protezzjoni tal-minoranzi - L-issuktar fl-implimentazzjoni ta' l-impenji skond il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, partikolarment fir-rigward ta' użu akbar tal-lingwi minoritarji ma' l-awtoritajiet u l-espożizzjoni ta' l-ismijiet lokali tradizzjonali kif ukoll l-iżvilupp tat-tagħlim fil-lingwi minoritarji. - L-implimentazzjoni ta' l-istrateġija nazzjonali għar-Rom u l-iżgurar ta' finanzjament xieraq, bħala parti mill-istrateġija tal-gvern għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. - L-inċentivar tar-reġistrazzjoni, inkluża r-registrazzjoni tat-twelid tal-membri tal-komunità minoritarja tar-Rom. - Il-forniment ta' data affidabbli dwar id-daqs tal-minoritajiet fl-Albanija. Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali - Il-konformità ma' l-impenji tal-proċess ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni f'termini ta' kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajba mal-ġirien, speċjalment bis-sostenn tal-proċess ta' tranżizzjoni mill-Patt ta' Stabbiltà għal qafas ta' kooperazzjoni aktar reġjonalizzat u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali (Central European Free Trade Agreement – CEFTA). - It-twassil sat-tmiem u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet mal-pajjiżi ġirien u l-iżgurar ta' l-implimentazzjoni effikaċi tagħhom, l-aktar il-ftehim dwar kooperazzjoni transkonfinali, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar u l-kuntrabandu, il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ġestjoni tal-fruntieri, ir-rijammissjoni, l-ambjent, it-trasport u l-enerġija. Kriterji ekonomiċi - L-issuktar ta' l-implimentazzjoni ta' politika fiskali orjentata lejn l-istabbiltà li timmira għal konsolidazzjoni fiskali u twitti t-triq għal inflazzjoni baxxa u sostenibbiltà esterna. - L-issuktar fir-riforma fiskali bil-għan li tissaħħaħ l-amministrazzjoni tad-dħul u li tittejjeb il-kapaċità għall-ġestjoni tad-dejn. - It-tkomplija tar-riforma monetarja bil-għan li tinkiseb u tinżamm stabbiltà fil-prezzijiet biex jitnaqqsu u jiġu ankrati l-aspettattivi ta' l-inflazzjoni. - It-twassil sat-tmiem tal-ħolqien ta' uffiċċju ta' informazzjoni dwar il-krediti biex jgħin sabiex jiġi mħares il-portafoll ta' kreditu tas-sistema bankarja li jinsab għaddej minn espansjoni mgħaġġla. - It-tnaqqis ta' l-ekonomija klandestina permezz ta' l-infurzar effikaċi u mingħajr diskriminazzjoni ta' leġiżlazzjoni fiskali u l-intensifikar tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali. Standards Ewropej Is-suq intern Moviment liberu tal-merkanzija - Is-sensibilizzazzjoni ulterjuri ta' l-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-kunċetti ta' standards u ċertifikazzjoni u l-importanza tagħhom fil-kummerċ internazzjonali. - L-adottar u t-tnedija ta' implimentazzjoni ta' l-istrateġija nazzjonali ta' sorveljanza tas-suq għall-prodotti industrijali u l-ikel. - L-adottar ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar il-ħarsien tal-konsumaturi li tkun kompatibbli ma' l-acquis. It-tisħiħ tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Konsumaturi. Moviment tal-persuni u tas-servizzi u dritt ta' stabbiliment - L-iżgurar ta' distinzjoni ċara bejn il-provvista temporanja u permanenti tas-servizzi u l-konformità mar-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. - It-tisħiħ tal-qafas regolatorju għas-sorveljanza finanzjarja fis-settur bankarju u s-settur mhux bankarju u l-kapaċità ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza Finanzjarja. Moviment liberu tal-kapital - L-awtorizzazzjoni għall-ksib ta' proprjetà immobbli minn ċittadini ta' l-UE fl-ambitu tal-limiti previsti fl-Iskeda ta' Impenji Speċifiċi skond il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS). Dwana u tassazzjoni - L-allinjament ulterjuri tal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri tad-dwana mal-prassi ta' l-UE, b'mod partikolari l-iżgurar li l-approssimazzjoni tar-regoli u l-proċeduri għat-tranżitu, l-imħażen tad-dwana, il-valutazzjoni doganali, il-kontroll fiżiċi u l-analiżi tar-riskji għall-istandards ta' l-UE. L-iżgurar li t-tariffa nazzjonali tkun aġġornata fil-ħin fuq il-bażi tan-Nomenklatura Magħquda l-aktar riċenti. - L-implimentazzjoni sħiħa tas-sistema kompjuterizzata għad-dikjarazzjonijiet tad-dwana u l-ipproċessar tad-data doganali fl-uffiċċji kollha tad-dwana. - L-approssimazzjoni ulterjuri tal-leġiżlazzjoni fiskali ma' l-acquis ta' l-UE, speċjalment fis-settur tat-taxxi tas-sisa, u l-impenn għall-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta fir-rigward tat-tassazzjoni ta' l-impriżi, filwaqt li jiġi żgurat li l-miżuri fiskali ġodda jikkonformaw ukoll ma' dawn il-prinċipji. - Ir-rinfurzar tal-kapaċità ta' l-amministrazzjoni fiskali, b'mod partikolari fis-setturi tal-kontrolli fiskali u l-verifika, sabiex tissaħħaħ il-konformità u titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa. - It-twassil sat-tmien tal-proċess tal-kompjuterizzar ta' l-uffiċċji tat-taxxa. Kompetizzjoni - It-titjib u l-approssimazzjoni ma' l-acquis tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-anti-trust biex jiġi infurzat il-kontroll tal-kompetizzjoni. - It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva ta' l-awtorità tal-kompetizzjoni u l-għoti ta' persunal u taħriġ xierqa. - L-adottar ta' leġiżlazzjoni implimentattiva fir-rigward ta' l-għajnuna mill-Istat. - L-issuktar fl-aġġornament ta' l-inventarju ta' l-iskemi ta' għajnuniet mill-Istat. Akkwist pubbliku - L-infurzar ta' leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku u l-adottar ta' miżuri biex isir allinjament sħiħ tagħha ma' l-istandards ta' l-UE speċjalment fir-rigward tas-settur ta' l-utilitajiet u r-rimedji.. - It-tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva ta' l-Aġenzija għall-Akkwist Pubbliku, ta' l-entitajiet responsabbli għall-akkwist pubbliku fl-ambitu tal-Ministeri kompetenti u l-gvernijiet lokali u l-qrati li jittrattaw l-akkwist pubbliku. - L-iżgurar li jsiru investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kriminali tar-reati marbuta ma' l-akkwist pubbliku. Liġi dwar il-proprjetà intelletwali - It-tħejjija ta' strateġija nazzjonali u pjan ta' azzjoni għal żviluppi leġiżlattivi ulterjuri u t-tisħiħ tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (DPI). - It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva għall-ħarsien tad-DPI. - L-intensifikar ta' l-infurzar kontra l-piraterija u l-falsifikazzjoni. - It-tkabbir ulterjuri tas-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mad-DPI fost il-komunità kummerċjali u l-entitajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġi, inkluża l-ġudikatura. - It-titjib fil-leġiżlazzjoni dwar il-proprjetà industrijali. Impjieg u politika soċjali - It-titjib tas-sistemi tal-ħarsien soċjali u t-twettiq tal-ġlieda kontra esklużjoni soċjali. - It-tisħiħ tal-kumitat statali għall-opportunitajiet indaqs u l-implimentar sħiħ ta' l-att dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. - L-adottar ta' miżuri biex jiżdiedu r-rati ta' l-irreġistrar fl-iskejjel f'livell sekondarju u fost tfal fiż-żoni rurali, b'mod partikolari l-bniet, u fl-iskejjel vokazzjonali. - L-iżvilupp ta' strutturi amministrattivi xierqa u ta' kapaċità fis-settur tal-protezzjoni tal-konsumatur u s-saħħa. Edukazzjoni u Riċerka - L-issuktar fl-isforzi għat-titjib fit-tmexxija pubblika tas-sistema edukattiva, it-taħriġ ta' l-għalliema u l-infrastruttura ta' l-edukazzjoni. - L-implimentar tal-liġi l-ġdida dwar l-edukazzjoni għolja. It-tisħiħ ta' l-isforzi għall-promozzjoni ta' involviment aħjar fil-programm Tempus. Kwistjonijiet tal-WHO - It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni Ekonomika mal-WHO fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi. Politika settorjali Industrija u l-SMEs - It-tħaffif tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Impriżi ta' Daqs Żgħir u Medju. - L-implimentazzjoni ulterjuri ta' pjani ta' azzjoni biex jitneħħew l-ostakoli amministrattivi għall-kummerċ u l-investiment u t-twettiq ta' ġlieda kontra l-ekonomija klandestina u l-iżgurar ta' implimentazzjoni xierqa, mhux diskrezzjonali u mhux diskriminatorja ta' leġiżlazzjoni, regoli u proċeduri marbuta mal-kummerċ. It-tnaqqis tar-regolamenti barra minn żmienhom u ineffiċjenti permezz ta' proċeduri regolatorji tal-giljottina. - It-tkabbir tar-riċerka politika dwar problemi ta' innovazzjoni u l-kompetittività għall-kumpaniji ż-żgħar u l-implimentar ta' programmi ta' sostenn. Agrikoltura u sajd - L-adottar ta' liġi ġdida dwar l-ikel f'konformità ma' l-istandards ta' l-UE, it-tisħiħ tas-sistema tas-sigurezza fl-ikel. - It-tisħiħ tal-kapaċità tal-laboratorji fis-setturi tas-sigurezza fl-ikel, u dawk veterinarji u fitosanitarji. - It-titjib fil-leġiżlazzjoni tas-sigurezza ta' l-ikel u l-leġiżlazzjoni fitosanitarja u veterinarja u t-tnedija ta' l-implimentazzjoni tagħha.. - It-titjib fis-sistema ta' identifikazzjoni ta' l-annimali ta' l-ifrat u r-reġistrazzjoni tal-movimenti tagħhom, u t-tnedija ta' l-implimentazzjoni ta' sistema ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta' movimenti għall-qżieqeż, in-nagħaġ u l-mogħoż. Ambjent - It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u l-koordinazzjoni fil-livelli nazzjonali u lokali. - L-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar il-valutazzjoni ta’ l-impatt ambjentali. - L-adottar ta' strateġija għal approssimazzjoni ulterjuri tal-leġiżlazzjoni ambjentali ma' l-acquis u l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti, speċjalment fejn jidħol l-infurzar. - L-issuktar fit-teħid ta' inizjattivi ulterjuri għar-riżolviment tal-problema taż-żoni sensittivi fir-rigward ta' l-ambjent li jinkludu l-miżbla għall-iskart solidu ta' Sharra u ż-żona ta' l-estrazzjoni taż-żejt ta' Patos-Marinez. - L-iżviluppar u l-implimentar ulterjuri ta' l-istrateġija nazzjonali għall-ilma u s-servizzi iġeniċi u ta' l-istrateġija rurali għall-provvista ta' l-ilma u s-sistema tad-dranaġġ; l-iżviluppar u t-tnedija ta' l-implimentazzjoni ta' strateġija għall-approssimazzjoni gradwali għall-acquis tas-settur tal-provvista ta' l-ilma u s-servizzi iġeniċi. - L-implimentazzjoni ta' konvenzjonijiet internazzjonali li l-Albanija taderixxi magħhom fil-qasam tal-ħarsien tan-natura. Politika tat-trasport - L-implimentar tal-pjan nazzjonali għat-trasport inklużi l-ippjanar u l-ibbaġitjar għall-manutenzjoni ta' l-infrastrutturi tat-trasport u l-adottar u l-implimentar ta' l-istrateġija għat-trasport nazzjonali, inkluża l-istrateġija għas-settur ferrovjarju.. - L-issuktar fl-implimentazzjoni tal-memorandum ta' ftehim dwar l-iżvilupp tan-netwerk tal-qalba tat-trasport reġjonali fl-Ewropa tax-Xlokk (South East Europe - SEE) u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' l-Osservatorju Ewropew tat-Trasport ta' l-Ewropa tax-Xlokk. - It-teħid ta' miżuri biex jittejbu l-kundizzjonijiet tas-sigurezza fit-toroq, inkluż il-bidu ta' approssimazzjoni għall-acquis ta' l-UE tal-piżijiet u d-dimensjonijiet, it-testijiet tal-kundizzjoni tal-vetturi għas-sewqan fit-toroq, l-ispezzjonijiet tekniċi fit-toroq, il-liċenzji tas-sewqan, it-takografi u d-dokumenti tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. - It-teħid ta' miżuri biex jiġi evitat bini illegali tul it-toroq ġodda, partikolarment tul toroq ta' aċċess perikolużi mibnija privatament. - It-tħejjija ta' dikjarazzjoni dwar in-netwerk ferrovjarju għal aċċess miftuħ u l-adottar u l-implimentar ta' pjan ta' negozju ferrovjarju. - L-implimentar ta' l-impenji ta' l-Albanija skond l-ewwel fażi ta' tranżizzjoni tal-Ftehim dwar l-Ispazju ta' l-Ajru Komuni Ewropew, inkluża l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-avjazzjoni rilevanti. - L-implimentar tal-pjan ta' azzjoni li jindirizza n-nuqqasijiet identifikati fl-awtorità ta' l-avjazzjoni ċivili fir-rigward tal-kontrolli ta' sikurezza tal-linji ta' l-ajru nazzjonali. - It-titjib fil-kundizzjonijiet tas-sigurezza fuq il-baħar, partikolarment ir-rata ta' detenzjoni tal-vapuri Albaniżi skond il-Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi. Enerġija - L-approvazzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija nazzjonali għas-settur ta' l-enerġija. - L-issodisfar tar-rekwiżiti tat-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija fis-settur tal-gass u ta' l-elettriku. Soċjetà ta’ l-informazzjoni u Midja - L-iżgurar li l-leġiżlazzjoni dwar il-komunikazzjoni elettronika hija konformi ma' l-acquis u li tiġi infurzata u t-teħid ta' miżuri biex jinkiseb suq kompetittiv għan-netwerks u s-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika. - It-tisħiħ tal-kompetenza u l-kapaċità ta' l-Entità Regolatorja tal-Komunikazzjoni. - L-allinjament tal-leġiżlazzjoni Albaniża mal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Transkonfinali u d-direttiva dwar it-Televiżjoni mingħajr Fruntieri. - It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-Kunsill Nazzjonali tar-Radju u t-Televiżjoni u l-adottar ta' strateġija għall-iżvilupp tas-settur radjofoniku u televiżiv u l-aġġornar ta' pjan nazzjonali għall-għoti ta' frekwenzi radjoteleviżivi analogi u diġitali. Kontroll finanzjarju - L-eżaminar mill-ġdid tad-dokument ta' politika relatat mal-kontroll intern u finanzjarju pubbliku u l-pjan ta' azzjoni u d-definizzjoni ċara tal-funzjoni ta' l-ivverifikar intern, separatament minn funzjonijiet oħra ta' kontroll u spezzjoni. L-iżviluppar ta' servizz xieraq ta' spezzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi. - L-iżgurar tal-konformità tal-Liġi dwar il-Verifika Interna u l-abbozz tal-Liġi organika dwar il-Baġit ma' l-istandards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. - It-tisħiħ ta' l-indipendenza ta' l-Istitut Suprem tal-Verifika. Statistika - Tisħiħ tal-kapaċità ta' l-Uffiċċju ta' l-Istatistika. Ġustizzja, libertà u sigurtà Viża, kontroll tal-fruntieri, ażil u migrazzjoni - Il-ħruġ ta' dokumenti ta' l-ivvjaġġar skond l-istandards internazzjonali u l-ħolqien ta' netwerk ċentralizzat ta' l-IT għall-amministrazzjoni tal-viżi. - L-adottar ta' emendi għall-Liġi dwar il-frustieri biex il-leġiżlazzjoni dwar il-viża titqarreb lejn l-istandards Komunitarji. - L-implimentar ta' l-istrateġija integrata tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-pjan ta' azzjoni filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-kooperazzjoni fil-fruntiera bejn l-uffiċjali tad-dwana u l-pulizija tal-fruntiera. - L-iżgurar li l-ġestjoni tal-punti tal-qsim kollha fuq il-fruntieri, partikolarment fil-portijiet ta' Durres u Vlora, tikkonforma ma' l-istandards ta' l-UE . - L-implimentar tal-ftehim bejn il-KE u l-Albanija dwar ir-rijammissjoni u l-innegozjar ta' ftehimiet dwar ir-rijammissjoni mal-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti li jaqsmu lejn l-Albanija. - Il-provvediment ta' kapaċitajiet amministrattivi u finanzjarji suffiċjenti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ażil u l-migrazzjoni u kif ukoll l-istrateġiji u l-pjani ta' azzjoni nazzjonali relatati. Ħasil ta' flus - It-teħid tal-miżuri meħtieġa għall-infurzar aħjar ta' leġiżlazzjoni kontra l-ħasil ta' flus f'termini ta' prevenzjoni, kundanni, konfiski, sekwestri u ffriżar ta' assi. - It-tisħiħ tal-kapaċità ta' l-unità ta' l-intelligence finanzjarja, l-uffiċċji tal-prosekutur u l-Unità tal-forzi tal-pulizija responsabbli mill-Kriminalità Ekonomika billi jiġu żgurati riżorsi xierqa finanzjarji u ta' l-IT u billi tittejjeb il-kooperazzjoni reċiproka fil-livell tax-xogħol. - L-allinjament tal-Liġi dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus ma' l-acquis u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Azzjoni 'Azzjoni Finanzjarja' u ta' Moneyval tal-Kunsill ta' l-Ewropa. - It-tisħiħ tal-kapaċità ta' l-aġenzija ta' l-amministrazzjoni ta' l-assi maqbuda u kkonfiskati. - Titjib ulterjuri fil-kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet ta' pajjiżi oħra. - L-iżgurar ta' l-infurzar xieraq ta' l-obbligi tar-rappurtaġġ u l-eżami tal-limiti tar-rappurtaġġ obbligatorju tat-tranżazzjonijiet. - It-teħid ta' miżuri aktar effettiv għat-tnaqqis fl-użu tal-flus kontanti fl-ekonomija. Drogi - L-implimentar ta' l-istrateġija nazzjonali għal kontra d-droga, il-pjan ta' azzjoni relatat u r-rakkomandazzjonijiet tal-mini Grupp ta' Dublin. - It-titjib fit-taħriġ u t-tagħmir ta' l-uffiċjali tal-pulizija involuti fil-ġlieda kontra d-drogi u t-teħid ta' azzjonijiet ulterjuri biex tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar, kemm fil-livell domestiku u kif ukoll ma' sħab f'pajjiżi oħra, fil-ġlieda kontra d-drogi. - L-identifikar u l-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli għall-korruzzjoni marbuta mad-drogi f'kull livell fl-amministrazzjoni pubblika. - L-iżgurar ta' trasparenza akbar fiċ-ċifri relatati mas-sekwestri tad-droga u t-teħid ta' miżuri biex jiġu eliminati b'mod xieraq id-drogi sekwestrati fl-imgħoddi. - L-implimentar ta' strateġija globali bbilanċjata biex tiġi indirizzata d-domanda għad-drogi, inkluża l-prevenzjoni, it-trattament u r-rijabilitazzjoni ta' min hu dipendenti mid-droga. Pulizija - L-iżgurar ta' implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet dwar il-gradi inklużi fil-Liġi l-ġdida tal-Pulizija ta' l-Istat. - It-titjib fil-kapaċità ta' ġestjoni tal-pulizija ta' l-istat Albaniż. - It-tisħiħ ta' l-unità ta' l-affarijiet interni tal-pulizija u l-iżgurar ta' prosekuzzjoni xierqa ta' uffiċjali tal-pulizija ħatja ta' reati. - Il-ħolqien u t-tħaddim ta' manwal konsolidat ta' proċeduri għall-uffiċjali tal-pulizija kriminali kollha. - L-implimentar ta' l-istrateġija għaż-żamma ta' l-ordni fil-komunità. Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu - It-teħid ta' miżuri ulterjuri biex titkabbar il-kooperazzjoni bejn id-diversi untitajiet statali involuti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu u, b'mod partikolari, bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-pulizija. - It-teħid ta' miżuri ulterjuri biex jiġu stabbiliti sistemi omoġenji u kkoordinati ta' ġbir u pproċessar ta' intelligence. - It-tkabbir ta' l-użu ta' mezzi investigattivi speċjali għall-interċettar tat-telekomunikazzjoni u l-użu ta' l-informazzjoni fornuta mill-intelligence. - It-twettiq b'urġenza ta' miżuri prattiċi biex tiġi garantita l-protezzjoni tax-xhieda. - It-tisħiħ ta' kooperazzjoni domestika u internazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u t-tisħiħ fil-persunal ta' l-unità tal-pulizija ta' kontra t-traffikar tal-bnedmin. - It-teħid ta' miżuri biex l-analisti u l-investigaturi ta' l-antiterroriżmu jingħataw tagħmir u taħriġ aħjar. Protezzjoni tad-data personali - L-allinjament tal-liġi attwali dwar il-protezzjoni tad-data personali ma' l-acquis u l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-data personali. - Il-ħolqien ta' awtorità superviżorja indipendenti għall-protezzjoni tad-data b'setgħat suffiċjenti fuq is-setturi pubbliċi u privati u riżorsi umani u finanzjarji biżżejjed. 3.2. Prijoritajiet fuq medda medja ta’ żmien Kriterji politiċi Demokrazija u stat tad-dritt Tmexxija pubblika - L-iżgurar ta' implimentazzjoni effettiva u sorveljar ta' l-istrateġija nazzjonali ta' żvilupp u integrazzjoni. Amministrazzjoni pubblika - L-iżgurar li s-setturi ta' l-amministrazzjoni responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA), kif ukoll dawk involuti fl-implimentazzjoni ta' l-għajnuna finanzjarja mill-UE, jingħataw taħriġ u tagħmir xieraq biex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom. - L-introduzzjoni ta' metodi ta' ġestjoni u ta' taħriġ orjentati lejn ir-riżultati għall-impjegati taċ-ċivil. - Il-ħolqien u l-implimentar ta' struttura ta' salarji għall-impjegati taċ-ċivil li tippermetti kemm ippjanar baġitarju xieraq u fl-istess ħin pjan għal karriera motivanti. - L-iżgurar tas-sostenibbiltà tar-riformi fl-amministrazzjoni pubblika. Sistema ġudizzjarja - L-iżgurar ta' prosekuzzjoni kontra reati gravi, speċjalment il-kriminalità organizzata, b'attenzjoni partikolari mogħtija lill-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni transkonfinali. - L-infurzar ta' leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tax-xhieda. - L-iżgurar ta' taħriġ permanenti u xieraq għall-imħallfin u l-prosekuturi, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, l-etika, kwistjonijiet kummerċjali u azjendali u aspetti marbuta mal-FSA. - L-iżgurar tas-sostenibbiltà finanzjarja ta' l-iskola tal-maġistratura. - Id-definizzjoni mill-ġdid tar-rwol u l-kwalifiki ta' l-amministraturi ġudizzjarji u l-inkorporazzjoni gradwali tagħhom fis-servizz ċivili, filwaqt li tiġi żgurata lilhom parità fis-salarju mal-persunal tal-ministeri. Politika kontra l-korruzzjoni - L-implimentar tal-Konvenzjonijiet Ewropej dwar il-Korruzzjoni f'Materji Kriminali u Ċivili ratifikati mill-Albanija kif ukoll il-konvenzjonijiet tan-NU rilevanti. - Il-ksib ta' riżultati sinifikanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha, permezz ta' l-infurzar ta' leġiżlazzjoni xierqa. Drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi Rispett lejn il-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem - L-iżgurar li d-detenuti u l-priġunieri taħt kustodja jkunu ttrattati skond l-istandards internazzjonali. - Garanzija li d-dinjità tal-bniedem u s-sigurezza personali jiġu rrispettati fiċ-ċentri ta' detenzjoni u l-istituzzjonijiet mentali, skond il-konvenzjonijiet internazzjonali. Drittijiet Ċivili u politiċi - It-titjib fis-sistema tal-ġustizzja minorili. - L-iżgurar ta' konformità mal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Prevenzjoni mit-Torturi u l-Ikkastigar jew it-Trattament Kiefer, Inumani jew Degradanti. - L-adottar ta' leġiżlazzjoni globali antidiskriminatorja u l-iżgurar ta' sostenn istituzzjonali xieraq għall-vittmi speċjalment mill-istituzzjonijiet eżistenti responsabbli għar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem. - L-infurzar ta' leġiżlazzjoni dwar ir-restituzzjoni ta' jew kumpens għal proprjetajiet ikkonfiskati matul il-perjodu komunista. - L-issuktar fil-proċess tar-reġistrazzjoni ta' l-art. - L-iżgurar ta' l-eżekuzzjoni tat-trasferimenti tal-proprjetà skond il-liġi u l-iżgurar ta' funzjonament xieraq ta' l-entitajiet kollha involuti fil-proċess (nutara, reġistru tal-proprjetà, eċċ.). - L-infurzar ta' leġiżlazzjoni għall-istampa u l-midja elettronika filwaqt li jitqiesu l-istandards Komunitarji. - L-iżgurar li l-allokazzjoni tal-frekwenzi televiżivi ssir b'mod ġust u mingħajr diskriminazzjoni skond il-pjan nazzjonali u li r-rekwiżiti jkunu rrispettati b'mod sħiħ mix-xandara, it-titjib fin-newtralità tas-servizz pubbliku tax-xandir. - L-inkoraġġiment għall-parteċipazzjoni attiva ta' l-NGO's u organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili fil-proċess deċiżjonali pubbliku u t-titjib kontinwu fil-kwalità tal-ġurnaliżmu. Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali - Il-promozzjoni ulterjuri ta' djalogu reġjonali, l-istabbiltà, ir-relazzjonijiet ta' viċinat tajjeb u l-kooperazzjoni. - L-allinjament tal-ftehim milħuq ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerka dwar il-kundizzjonijiet tar-rilaxx tan-nies lill-Qorti Kriminali Internazzjonali mal-prinċipji ta' gwida Ewropej adottati mill-Kunsill Ewropew f'Settembru 2002. Kriterji ekonomiċi - It-tnaqqis tar-rati fiskali fuq is-salarji u t-titjib fl-inċentivi u l-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol biex jogħlew ir-rati ta' parteċipazzjoni u impjieg, filwaqt li jiġu żgurati r-riżorsi fiskali bit-twessigħ tal-bażi fiskali u t-titjib fil-konformità, b'ritmu mkejjel u prudenti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. - It-titjib fis-sistema edukattiva bil-għan li tiżdied il-provvista tal-kompetenzi mfittxija biex jiġu stimulati l-impjieg u t-tkabbir ekonomiku għat-tul. - L-immodernizzar ta' l-infrastruttura tal-pajjiż, partikolarment fis-setturi ta' l-enerġija u t-trasport, sabiex tissaħħaħ il-kompetittività ta' l-ekonomija kollha. - It-tħaffif tal-proċess ta' privatizzazzjoni ta' l-imprizi ta' sjieda pubblika biex tissaħħaħ it-tmexxija pubblika u jitnaqqas it-telf parafiskali. - It-titjib ta' l-ambjent tal-kummerċ biex jiżdiedu l-investimenti barranin diretti ġodda (greenfield). - Il-ħolqien ta' proċeduri effettivi għall-kxif, it-trattament u s-segwiment tal-każi ta' frodi (issuspettati) u irregolaritajiet oħra li jaffetwaw il-fondi nazzjonali u internazzjonali. Standards Ewropej Suq intern Moviment liberu tal-merkanzija - L-iżgurar tal-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-FSA u l-IA f'dan is-settur. - Il-ksib ta' progress ulterjuri fl-adottar ta' l-istandards Ewropej u t-tħaffif fl-isforzi biex il-pajjiż isir membru sħiħ ta' l-organizzazzjonijiet Ewropej ta' l-istandardizzazzjoni. - Il-ksib ta' progress fit-traspożizzjoni tad-direttivi ta’ l-istrateġija l-ġdida u ġlobali u l-istrateġija l-qadima. - L-iżviluppar sħiħ ta' struttura ta’ sorveljanza tas-suq. - L-iżgurar ta' funzjonament imtejjeb ta' l-entitajiet responsabbli għall-istandardizzazzjoni, l-akkreditazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni u kif ukoll ta' dawk responsabbli għall-metroloġija u l-ikkalibrar, filwaqt li jitqiesu l-aħjar prattiċi Komunitarji. - L-iżgurar tas-sħubija ta' l-Albanija fl-organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni. Moviment tal-persuni, tas-servizzi u dritt ta' stabbiliment - L-approvar ta' leġiżlazzjoni dwar l-impjieg ta' barranin u t-teħid ta' miżuri għall-koordinazzjoni tas-servizzi tas-sigurtà soċjali. - L-iżgurar li l-leġiżlazzjoni dwar id-dritt ta' stabbiliment titwettaq b'mod ġust u imparzjali. Moviment liberu tal-kapital - Il-ksib ta' progress lejn fl-issodisfar ta' l-impenji ta' l-Albanija mal-FSA fir-rigward tal-liberalizzazzjoni sħiħa tal-moviment tal-kapital, filwaqt li jiġi żgurat l-istess trattament għaċ-ċittadini Ewropej u Albaniżi fir-rigward ta' l-investimenti ta' portafoll, it-tislif finanzjarju u l-kreditu b'maturità iqsar minn sena. Dwana u tassazzjoni - L-iżgurar ta' kontinwazzjoni fl-approssimazzjoni ma’ l-acquis tal-leġiżlazzjoni doganali u tat-tassazzjoni ta' l-Albanija, u żieda ulterjuri fil-kapaċità amministrattiva biex titwettaq il-leġiżlazzjoni doganali u fiskali, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-kriminalità transkonfinali u l-evażjoni fiskali. - It-titjib fit-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ l-Istati Membri ta’ l-UE sabiex jitħaffef l-infurzar ta’ miżuri li jipprevjenu l-evitar jew l-evażjoni tat-taxxi. Kompetizzjoni - Titjib ulterjuri tar-rekord ta’ infurzar fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-monopolju (anti-trust) u l-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat. - It-twassil sat-tmiem ta' l-allinjament ta' l-iskemi ta' għajnuna mill-Istat mar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni kif stipulat fil-ftehim temporanju. Akkwist pubbliku - L-iżgurar tal-kompatibbiltà tal-qafas legali ta' l-Albanija ma' l-acquis ta' l-UE. - Il-kisba ta' strutturi kompletament operattivi fis-settur ta' l-akkwist pubbliku, filwaqt li jkun żgurat li l-proċeduri jkunu applikati b'rispett rigoruż għal-liġi u r-rekwiżiti tal-FSA. Liġi dwar il-proprjetà intelletwali - L-implimentar sħiħ tal-konvenzjonijiet internazzjonali ratifikati fis-settur tad-drittijiet intellettwali, kummerċjali u ta' proprjetà industrijali. - L-implimentar xieraq tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ksib ta' riżultati aħjar fil-ġlieda kontra l-piraterija u l-falsifikazzjoni. - L-iżgurar ta' kapaċità amministrattiva suffiċjenti għall-konformità mar-rekwiżiti tal-FSA f'dan is-settur. Impjieg u politika soċjali - L-iffaċilitar ta' l-inklużjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. - L-integrazzjoni ta' l-istrateġiji għall-impjieg u t-taħriġ vokazzjonali fil-politika soċjali, edukattiva u fiskali u l-politika kummerċjali u reġjonali. L-indirizzar ta' l-implimentazzjoni ta' impenji internazzjonali dwar is-saħħa b'mod partikolari ir-regolamenti internazzjonali dwar is-saħħa. - Il-ksib ta' progress fl-allinjament ta' l-istandards tal-kwalità għat-trasfużjoni tad-demm u l-komponenti tad-demm mal-leġiżlazzjoni Komunitarja. - It-tnedija ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija għas-Sistema tas-Saħħa Nazzjonali għall-perjodu 2007-2013. Edukazzjoni u Riċerka - L-issuktar fl-isforzi biex tittejjeb il-kwalità ta' l-edukazzjoni u l-ħolqien ta' sistema moderna ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali fis-settur ta' l-edukazzjoni għolja. Politika settorjali Industrija u SMEs - L-infurzar ta' leġiżlazzjoni kommerċjali aħjar. - L-iżgurar li l-istrateġija għall-ġlieda kontra l-ekonomija klandestina żżomm il-pass ma' l-iżviluppi fis-settur. - L-iżvilupp ulterjuri ta' strutturi ta' sostenn speċjalizzati għall-impriżi (pereżempju inkubatriċi u raggruppamenti ta' impriżi) u l-eżami tal-flessibbiltà ta' park kommerċjali/teknoloġiku. - It-tnedija tal-ħolqien u l-applikazzjoni ta' politika integrata ta' riċerka u l-iżviluppar ulterjuri ta' miżuri għall-promozzjoni ta' l-innovazzjoni u l-kompetittività fejn jidħlu l-kumpaniji ż-żgħar - L-introduzzjoni ta' rekwiżiti ta' komunikazzjoni u rrappurtar finanzjarju konformi ma' l-istandards Komunitarji u l-iżgurar ta' infurzar effettiv. - L-issuktar fl-implimentazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Impriżi ż-Żgħar. Agrikoltura u sajd - L-iżviluppar ta' strateġiji għall-użu ta' l-art, is-suq ta' l-art, l-iżvilupp rurali, id-diversifikazzjoni ta' l-attivitajiet agrikoli u ż-żieda fil-kompetittività agrikola. - Il-ksib ta' titjib sostanzjali fejn jidħlu s-sigurezza ta' l-ikel u l-kundizzjonijiet fitosanitarji u veterinarji, f'konformità mar-rekwiżiti Komunitarji. - L-ivvalutar tal-konformità ta' l-istabbilimenti agroalimentari mar-rekwiżiti Komunitarji u t-tħejjija ta' programm għall-immodernizzar tagħhom u t-tnedija ta' l-implimentazzjoni ta' dan il-programm. - It-tnedija ta' azzjoni bil-għan li jiġi żgurat kontroll effiċjenti tal-produzzjoni veġetali fl-Albanija, b'mod partikolari għall-prodotti b'rekwiżiti Komunitarji speċifiċi, u l-iżviluppar ta' kapaċità analitika fis-settur fitosanitarju. - It-teħid ta' miżuri biex jiġi żgurat li l-politika ta' sajd Albaniża tersaq eqreb lejn l-istandards ta' l-UE, partikolarment fl-oqsma tal-ġestjoni tar-riżorsi, l-ispezzjoni u l-kontroll u l-politika strutturali u tas-suq. Ambjent - Il-ħolqien ta' inventarju sħiħ taż-żoni sensittivi u l-issuktar fl-isforzi biex ikunu indirizzati ż-żoni sensittivi li diġà ġew identifikati. - It-tnaqqis tat-tniġġis mir-raffinerija ta' Balsh, inkluż ir-rimi ta' effluwenti fix-xmara Gjanica, u t-teħid ta' miżuri għall-kontroll tat-tniġġis ta' l-ilma b'mod ġenerali. - L-intensifikar tas-sorveljanza ambjentali u l-iżgurar ta' sanzjonijiet dissważivi biżżejjed kontra min iniġġes. - L-issuktar fl-implimentazzjoni ta' impenji reġjonali u internazzjonali fis-settur ambjentali. Politika tat-trasport - L-issuktar fl-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali ġenerali għat-trasport Albaniż. - It-twassil sat-tmiem tar-riformi istituzzjonali meħtieġa għat-titjib tal-ġestjoni ta' l-infrastrutturi tat-trasport, il-prijoritizzazzjoni ta' l-investimenti, it-tiswir tal-politika u l-involviment tas-settur privat. - Il-ksib ta' progress sostanzjali fir-rijabilitazzjoni tal-portijiet ta' Durres u Vlora u l-ikkonsolidar ta' l-operazzjonijiet fil-portijiet ta' hemmhekk. - Il-ksib ta' riżultati aħjar fir-rigward tas-sigurezza stradali (inkluża l-implimentazzjoni tat-takografija diġitali) u t-teħid ta' passi addizzjonali lejn approssimazzjoni ulterjuri ma' l-acquis fir-rigward ta' l-aċċess għas-suq (okkupazzjoni) u r-regoli soċjali. - L-issuktar fl-implimentazzjoni tal-Memorandum ta' Ftehim dwar l-iżvilupp tan-netwerk tal-qalba tat-trasport reġjonali fl-Ewropa tax-Xlokk (SEE), u l-kooperazzjoni ma' l-osservatorju tat-trasport ta' l-SEE. - Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport ferrovjarju, inkluż it-twaqqif ta' entitajiet regolatorji u tas-sigurezza. - L-implimentar ta' l-impenji meħuda skond it-tieni fażi tranżitorja tal-Ftehim dwar l-Ispazju ta' l-Ajru Komuni Ewropew. - Il-ksib ta' riżultati sinifikanti fit-titjib tal-kundizzjonijiet tas-sigurezza fuq il-baħar, inklużi l-faċilitajiet ta' kontroll statali tal-portijiet u l-prestazzjoni tar-reġistru tat-tbaħħir skond il-memorandum ta' ftehim ta' Pariġi. Enerġija - L-issuktar fl-għoti ta' garanzija għall-implimentazzjoni xierqa tal-pjani ta' azzjoni fir-rigward tas-settur ta' l-elettriku u l-gass u l-irreġistrar ta' progress ulterjuri fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija nazzjonali għas-settur ta' l-enerġija. - L-iżgurar ta' implimentazzjoni f'waqtha tad-diversi proġetti immirati għat-titjib fl-infrastruttura għall-produzzjoni elettrika, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni. - L-issuktar fl-implimentazzjoni ta' l-impenji reġjonali u internazzjonali fil-qasam ta' l-enerġija sabiex ikun jista’ jitwaqqaf suq reġjonali kompetittiv ta’ l-enerġija. - It-titjib fl-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Effiċjenza ta' l-Enerġija. Soċjetà ta’ l-informazzjoni u midja - It-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-qafas ta' l-UE għall-komunikazzjoni elettronika. - L-issuktar tal-proċess ta’ allinjament mal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Transkonfinali u d-direttiva dwar it-Televiżjoni mingħajr Fruntieri. Kontroll finanzjarju - L-iżvilupp u l-implimentar tal-prinċipji tar-responsabbiltà ta' ġestjoni deċentralizzata u ta’ l-awditjar intern li jiffunzjona indipendentament skond l-istandards aċċettati internazzjonalment u l-aħjar prattika ta’ l-UE. - L-iżviluppar ta' proċeduri u kapaċità amministrattiva biex ikun żgurat il-ħarsien effettiv ta’ l-interessi finanzjarji ta’ l-UE. - L-iżgurar li l-Liġi dwar il-verifika esterna tkun konformi mal-linji gwida ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika. - It-tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità għall-verifika esterna, il-ġestjoni tal-kontroll finanzjarju u l-verifika interna. Statistika - It-titjib fl-istatistika agrarja u l-istatistika makroekonomika, l-iżvilupp ta' statistika soċjali inkluża statistika edukattiva u tas-saħħa, u l-ksib ta' progress lejn l-implimentazzjoni tal-klassifikazzjonijiet Ewropej kollha, inkluża l-klassifikazzjoni tar-reġjuni statistiċi. Ġustizzja, libertà u sigurtà Viża, kontroll tal-fruntieri, ażil u migrazzjoni - L-iżgurar ta' konformità sħiħa tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar Albaniżi kollha ma' l-istandards internazzjonali. - L-implimentar ta' l-impenji internazzjonali kollha li l-Albanija assumiet fis-settur tal-ġestjoni tal-fruntieri. - L-infurzar ta' leġiżlazzjoni marbuta ma' l-ażil u l-ħolqien ta' sistema komprensiva għall-ażil, f'konformità ma' l-istandards internazzjonali, inkluża l-aċċettazzjoni ta' min ifittex l-ażil. - L-implimentar ta' l-istrateġija nazzjonali ta' l-Albanija dwar il-migrazzjoni u l-pjan ta' azzjoni nazzjonali dwar l-ażil. - L-iżgurar li l-Albanija tinsab f'pożizzjoni li tkun tista' tissodisfa r-rekwiżiti tal-FSA fir-rigward taċ-ċittadini ta' l-UE li jkunu qed jaħdmu jew joqogħdu fl-Albanija. - Il-konklużjoni gradwali, ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin kollha fis-settur tal-migrazzjoni. Ħasil tal-flus - L-intensifikar tal-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika u finanzjarja, inklużi l-ħasil tal-flus u l-falsifikazzjoni tal-muniti. - Il-ksib ta' riżultati tanġibbli fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, kemm fis-settur finanzjarju kif ukoll barra minnu. Drogi - L-iżgurar ta' ksib ta' riżultati sostanzjalment aħjar fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, speċjalment fir-rigward tad-drogi sintetiċi, l-erojina u l-kokajina. Pulizija - L-issuktar fl-allinjament tas-servizzi tal-pulizija ma' l-istandards Ewropej, fuq kollox bl-għoti lilhom ta' taħriġ u tagħmir xierqa. - Il-ksib ta' riżultati sinifikanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra komportamenti kriminali oħra fost il-forzi tal-pulizija. Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu - Żieda ulterjuri fil-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. - Il-ksib ta' progress konsiderevoli fir-rata, l-għadd u l-kwalità tal-prosekuzzjonijiet relatati ma' reati marbuta mal-kriminalità organizzata u t-traffikar illegali, u kif ukoll f'termini tal-konfiska tad-dħul mir-reati. - L-inkorporazzjoni sħiħa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-konvenzjonijiet u l-protokolli internazzjonali dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu li l-Albanija tagħmel parti minnhom u l-implimentar ta' dawn il-konvenzjonijiet u protokolli. Protezzjoni tad-data personali - L-iżgurar tas-sorveljanza effettiva u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali. 4. PROGRAMMAZZJONI L-għajnuna Komunitarja skond il-proċess ta' stabbilizazzjoni u assoċjazzjoni għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ser tingħata skond l-istrumenti finanzjarji eżistenti, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 (IPA), u għall-programmi adottati qabel l-2007, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2666/2000 tal-5 ta' Diċembru 2000 (ir-regolament CARDS)4. Il-ftehimiet finanzjarji jservu bħala bażi legali għall-implimentazzjoni tal-programmi konkreti. Għalhekk, din id-Deċiżjoni mhux se jkollha implikazzjonijiet finanzjarji. L-Albanija jista’ jkollha wkoll aċċess għal finanzjar mill-programmi multi-statali u orizzontali. 5. KONDIZZJONALITÀ L-għajnuna Komunitarja lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent tiddependi fuq il-progress fit-twettiq tal-kriterji politiċi ta’ Kopenħagen kif ukoll fuq il-progress fl-implimentazzjoni ta’ prijoritajiet speċifiċi ta’ dan il-Partenarjat Ewropew. F’każ li dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux rispettati, il-Kunsill jista’ jieħu l-miżuri xierqa fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 jew, fil-każ ta' programmi ta' qabel l-2007, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2666/2000. L-għajnuna Komunitarja hi wkoll soġġetta għall-kundizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997, b’mod partikulari fejn għandhom x’jaqsmu l-impenn tal-benefiċjarji li jwettqu r-riformi demokratiċi, ekonomiċi u istituzzjonali. Huma inklużi wkoll kundizzjonijiet speċifiċi fi programmi annwali individwali. Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament ser jiġu segwiti minn ftehim finanzjarju ffirmat ma' l-Albanija. 6. MONITORAĠĠ L-implimentazzjoni tal-Partenarjat Ewropew ser tkun eżamintata mill-mekkaniżmi stabbiliti bil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, l-aktar ir-rapporti annwali ppreżentati mill-Kummissjoni. [1] ĠU L 86, 24.3.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 269/2006 (ĠU L 47, 17.2.2006, p. 7). [2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/54/KE tat-30 ta’ Jannar 2006 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fil-Partenarjat Ewropew ma’ l-Albanija u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/519/KE (ĠU L 35, 7.2.2006, p. 32). [3] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82. 4 ĠU L 306, 7.12.2000 p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005 (ĠU L 344, 27.12.2005, p.23).