24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/496


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1675 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2019,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0107/2021),

A.

billi l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (FCH) twaqqfet f’Mejju 2008 bħala sħubija pubblika-privata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 (1) għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017 biex jiżdiedu l-isforzi tar-riċerka u jiġi aċċelerat l-użu tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu; billi r-Regolament (KE) Nru 521/2008 tħassar mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 (2);

B.

billi f’Mejju 2014 ir-Regolament (UE) Nru 559/2014 stabbilixxa l-Impriża Konġunta biex tissostitwixxi u tissuċċedi l-FCH għal perjodu li jwassal sal-31 ta’ Diċembru 2024;

C.

billi l-membri tal-FCH kienu l-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni, ir-Raggruppament tal-Industrija għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, u r-Raggruppament tar-Riċerka N.ERGHY;

D.

billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni, in-New Energy World Industry Grouping AISBL (“ir-Raggruppament tal-Industrija”), li fl-2016 sar jismu Hydrogen Europe, u n-New European Research Grouping on Fuel Cells and Hydrogen AISBL (“ir-Raggruppament tar-Riċerka”), li fl-2018 sar jismu Hydrogen Europe Research;

E.

billi l-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-ewwel fażi ta’ attivitajiet tal-Impriża Konġunta hija EUR 470 000 000 mis-Seba’ Programm Kwadru; billi l-kontribuzzjonijiet mill-membri l-oħra jridu jkunu mill-inqas daqs il-kontribuzzjoni tal-Unjoni;

F.

billi fl-Impriża Konġunta, il-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni hija EUR 665 000 000 (inklużi l-approprjazzjonijiet mill-EFTA) mill-Orizzont 2020 u l-membri mir-Raggruppamenti tal-Industrija u tar-Riċerka huma mistennija jikkontribwixxu riżorsi totali ta’ mill-inqas EUR 380 000 000 matul il-perjodu ddefinit mir-Regolament (UE) Nru 559/2014, li jinkludu kontribuzzjonijiet in natura fil-proġetti ta’ Orizzont 2020 iffinanzjati mill-Impriża Konġunta, kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali ta’ mill-inqas EUR 285 000 000 u kontribuzzjonijiet fi flus kontanti għall-ispejjeż amministrattivi;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta (ir-“rapport tal-Qorti”) isib li l-kontijiet annwali tal-2019 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2019, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-regolament finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota wkoll mir-rapport tal-Qorti li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

2.

Jinnota li l-baġit finali disponibbli tal-Impriża Konġunta (li jinkludi approprjazzjonijiet mhux użati li ddaħħlu mill-ġdid tas-snin preċedenti, dħul assenjat u riallokazzjonijiet għas-sena ta’ wara) għas-sena finanzjarja 2019 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn li jammontaw għal EUR 91 730 585 u approprjazzjonijiet ta’ pagament li jammontaw għal EUR 113 855 981; jinnota li l-eżekuzzjoni ġenerali tal-baġit 2019 għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament laħqet il-85,9 % u t-98,4 %, rispettivament;

3.

Jinnota li fl-aħħar tal-2019, mill-kontribuzzjoni massima ta’ EUR 470 000 000 skont ir-Regolament (KE) Nru 521/2008, l-Unjoni kkontribwiet total ta’ EUR 421 606 000 mis-Seba’ Programm Kwadru inklużi kontribuzzjonijiet in natura li jammontaw għal EUR 19 107 000 u l-membri mir-Raggruppamenti tal-Industrija u r-Riċerka qed jikkontribwixxu total ta’ riżorsi validati li jammontaw għal EUR 447 506 000, li jinkludu kontribuzzjonijiet in natura validati li jammontaw għal EUR 429 600 000 fil-proġetti tas-Seba’ Programm Kwadru; jinnota li fl-2019 l-Impriża Konġunta għamlet pagamenti ta’ EUR 5 805 092 għas-Seba’ Programm Kwadru li jammontaw għal EUR 415 313 265 għall-perjodu kollu ta’ bejn l-2009 u l-2019, u li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet 95,1 % għall-baġit disponibbli għall-proġetti tas-Seba’ Programm Kwadru fl-2019;

4.

Jinnota li, fi tmiem l-2019, l-Unjoni kkontribwiet total ta’ EUR 420 067 000 minn Orizzont 2020 u l-membri mir-Raggruppamenti tal-Industrija u r-Riċerka qed jikkontribwixxu total ta’ riżorsi validati li jammontaw għal EUR 11 707 000 li jinkludu kontribuzzjonijiet in natura validati li jammontaw għal EUR 5 376 000 fil-proġetti ta’ Orizzont 2020 tal-Impriża Konġunta, u barra minn hekk, total ta’ kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 667 001 000 għal attivitajiet addizzjonali;

5.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell baxx ta’ kontribuzzjonijiet in natura tal-membri tal-industrija għall-attivitajiet operattivi huwa dovut għall-fatt li l-Impriża Konġunta tiċċertifikahom fil-mument tad-dikjarazzjonijiet ta’ spiża finali, u għalhekk, iċ-ċertifikazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-kontribuzzjonijiet in natura impenjati se ssir aktar tard fil-programm Orizzont 2020, meta jsir il-pagament finali għall-proġetti u jkunu dovuti ċ-ċertifikati tad-dikjarazzjoni finanzjarja;

6.

Jinnota li jeżistu proċeduri differenti fost l-impriżi konġunti li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-membri privati tagħhom; jitlob l-armonizzazzjoni tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet in natura fost l-impriżi konġunti; iqis li l-proċedura komuni jmissha tipprevedi metodi ta’ evalwazzjoni trasparenti u effikaċi li jiżguraw il-valur reali tal-kontribuzzjoni; jistieden lill-Qorti tipprevedi l-iskrutinju tal-awditi li jkunu għamlu l-awdituri indipendenti esterni; jitlob ukoll qafas ġuridiku xieraq li jiżgura li l-ammont meħtieġ tal-kontribuzzjoni finanzjarja jintlaħaq sa tmiem il-programm; jinnota li l-qafas ġuridiku jista’ jinkludi r-rekwiżiti għal kontribuzzjoni privata li titħallas qabel jew fl-istess mument bħall-kontribuzzjoni korrispondenti tal-Unjoni;

7.

Jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit disponibbli għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 kienet 86,3 % għall-impenji u 100 % għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament; jinnota, barra minn hekk, li l-approprjazzjonijiet ta’ impenn ma ntużawx b’mod sħiħ, peress li żewġ suġġetti tas-sejħa tal-2019 ma ġewx aġġudikati;

Prestazzjoni

8.

Jinnota li l-Impriża Konġunta tuża l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) speċifiċi skont l-Orizzont 2020 kif ukoll żewġ KPIs speċifiċi tal-Impriża Konġunta li jkejlu s-sehem tal-fondi allokati għall-attivitajiet ta’ riċerka, u li għandha proġetti ta’ dimostrazzjoni ospitati fi Stati Membri u f’reġjuni li jibbenefikaw mill-fondi strutturali u ta’ investiment tal-Unjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-KPIs (stabbiliti fl-2014) ġew riveduti u inklużi f’addendum għall-pjan ta’ ħidma pluriennali, approvat mill-Bord ta’ Tmexxija f’Ġunju 2018, hekk kif it-teknoloġija avvanzat b’mod sostanzjali f’dawn l-aħħar snin u bdew jitfaċċaw applikazzjonijiet ġodda;

9.

Jitlob li l-Impriża Konġunta teżamina mill-ġdid l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tagħha biex tiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jkunu konxji mill-missjoni, l-attivitajiet u l-kisbiet tagħha.

10.

Jinnota li l-valur tal-effett ta’ lieva fil-31 ta’ Diċembru 2019 kien ta’ 2,24 billi tqiesu l-kontribuzzjonijiet kollha tas-sħab privati, u ta’ 1,51 billi tqiesu biss il-membri ta’ Hydrogen Europe Industry u ta’ Hydrogen Europe Research;

11.

Jinnota li fl-2019 l-Impriża Konġunta lestiet il-proġett CertifHy 2 li jservi ta’ katalizzatur għall-implimentazzjoni ta’ skema GO fuq il-livell tal-Unjoni kollha għall-idroġenu ekoloġiku u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u huwa pass importanti lejn mekkaniżmu possibbli għaċ-ċertifikazzjoni tal-idroġenu fil-kuntest tad-Direttiva (UE) 2018/2001 (3); jinnota ir-rieżami u l-valutazzjoni, fl-2019, tal-avvenimenti inklużi fil-Bażi tad-Data Ewropea ta’ Referenza tas-Sikurezza tal-Idroġenu (HIAD.2.0) li fihom rakkomandazzjonijiet għal riċerka futura f’dan il-qasam; jinnota l-iżviluppi wara l-konklużjonijiet tar-rapport “Fuel Cells and Hydrogen for Green Energy in European Cities and Regions” (Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għall-Enerġija Ekoloġika fil-Bliet u r-Reġjuni Ewropej), bħat-tnedija tas-sħubija Ewropea tal-widien tal-idroġenu (EH-S3P) fl-ambitu tal-pjattaforma ta’ Speċjalizzazzjoni intelliġenti, l-iffirmar ta’ kuntratt għall-ġestjoni ta’ faċilità pilota ta’ assistenza għall-iżvilupp tal-proġett (PDA) u l-inklużjoni fil-pjan ta’ ħidma tal-2019 ta’ suġġett “H2 Valley” għal proġett ta’ dimostrazzjoni (proġett “flagship”);

12.

Jinnota li fl-2019 ġew iffirmati ftehimiet ta’ għotja għal żewġ proġetti ta’ dimostrazzjoni kbar (H2Haul u Djewels) mis-sejħa tal-2018; jinnota, barra minn hekk, li għas-sejħa tal-2019, l-Impriża Konġunta rċeviet total ta’ 43 proposta eliġibbli għas-17-il suġġett tagħha u li l-benefiċjarji kienu ġejjin minn 23 Stat Membru jew pajjiż assoċjat u li entitajiet minn erba’ pajjiżi terzi qed jipparteċipaw f’seba’ proġetti; jinnota, barra minn hekk, li s-17-il ftehim ta’ għotja kollha ġew iffirmati fl-2019;

13.

Jinnota li fi tmiem l-2019, il-portafoll tal-proġetti globali tal-Impriża Konġunta kien jinkludi 155 proġett fl-ambitu tas-Seba’ Programm Kwadru (li minnhom 150 ingħalqu u 5 baqgħu miftuħa) u 109 proġetti ffirmati fl-ambitu tal-Orizzont 2020 (li minnhom 11 ingħalqu u 98 baqgħu miftuħa); jinnota, barra minn hekk, li fl-2019 l-Impriża Konġunta wettqet sejħiet għall-offerti għal żewġ studji, b’kuntratt wieħed iffirmat f’Lulju 2019, u barra minn hekk f’dik is-sena ġew iffirmati żewġ sejħiet għall-offerti biex jingħata appoġġ għall-innovazzjoni tal-missjonijiet u għall-għajnuna fl-iżvilupp tal-proġetti għar-reġjuni;

14.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fi tmiem l-2019, ir-rata ta’ implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020 kienet 83 % fir-rigward tal-proċeduri tas-sejħiet għall-attivitajiet assenjati lill-Impriża Konġunta;

15.

Jinnota li, fi tmiem l-2019, l-Impriża Konġunta kienet tgħodd 27 membru tal-persunal ġejjin minn 10 Stati Membri u bi pjaċir jinnota li ntlaħaq kważi bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-persunal (51 % rġiel u 49 % nisa); jinnota wkoll li fl-2019 is-sehem tan-nisa li pparteċipaw f’Orizzont 2020 kien 27 %, li 23,8 % tal-koordinaturi tal-proġetti kienu nisa, u li 33 % tal-membri tal-kumitat xjentifiku kienu nisa;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Qorti jadottaw metodu approfondit li jsegwi l-prestazzjoni, bil-għan li jiġi evalwat il-valur miżjud tal-Impriża Konġunta u li jinkludi l-impatt soċjali u fuq l-impjiegi kif ukoll l-impatt fuq is-suq; huwa tal-fehma li r-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jintużaw għall-futur jew għal tqassim mill-ġdid tal-finanzjamenti tal-Unjoni;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-programm ta’ attivitajiet tal-Impriża Konġunta fil-futur jirrispetta r-rekwiżiti u l-objettivi previsti mid-dritt tal-Unjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u li se jsegwi l-istrateġiji fil-qasam elaborat kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-industrija;

18.

Iqis li hemm bżonn li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) tiġi indirizzata fil-kuntratti kollha li jistgħu jipproduċu eżitu jew riżultat previst tal-prestazzjoni; ifakkar li d-DPI għandhom l-għan li jħarsu d-drittijiet tal-kreaturi individwali iżda joffru wkoll dettalji dwar il-mod kif id-dritt ikun se jintużaw fil-futur; jinnota li billi l-attività hija ffinanzjata anki minn finanzjamenti pubbliċi, ir-riżultati għandhom ikunu trasparenti, aċċessibbli għall-pubbliku u suġġetti għal rekwiżiti speċjali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas ġuridiku fir-rigward tad-DPI u tal-implimentazzjoni tagħhom fis-suq, inklużi rekwiżiti speċjali u tqassim tal-profitti;

Awditu intern

19.

Jinnota li fl-2019, l-Impriża Konġunta tat risposti għall-abbozz u r-rapport finali dwar pjan strateġiku ta’ awditu intern ġdid għall-perjodu ta’ bejn l-2019 u l-2021 imħejji mit-tim tas-servizz tal-awditjar intern (IAS), u li, bi qbil mal-IAS, fl-2020 tnieda awditu ġdid tal-IAS skont il-pjan strateġiku ta’ awditu intern għall-perjodu 2019-2021; jinnota, barra minn hekk, li matul is-sena, l-Impriża Konġunta ġiet ikkonsultata u tat kontribut lill-IAS fil-kuntest ta’ impenn ta’ konsultazzjoni fil-proċess eżistenti ta’ feedback dwar il-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni mwettaq mill-IAS fuq talba taċ-ċentru komuni ta’ implimentazzjoni;

20.

Jinnota li fil-31 ta’ Diċembru 2019, ir-rakkomandazzjonijiet u l-pjanijiet ta’ azzjoni kollha li rriżultaw mill-awditi preċedenti tal-IAS ġew implimentati u magħluqa b’suċċess;

Kontrolli interni

21.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri ta’ kontroll ex ante affidabbli bbażati fuq rieżamijiet dokumentarji finanzjarji u operattivi, u li hija obbligata timplimenta l-qafas ta’ kontroll intern il-ġdid tal-Kummissjoni bbażat fuq 17-il prinċipju ta’ kontroll intern; jinnota, barra minn hekk, mir-rapport tal-Qorti li fl-aħħar tal-2019, l-Impriża Konġunta kienet diġà lestiet analiżi tad-distakk ibbażata fuq is-sistema ta’ kontroll intern eżistenti u żviluppat indikaturi għall-valutazzjoni tal-effikaċja tal-prinċipji ta’ kontroll intern ġodda u l-karatteristiċi relatati; jinnota li wara l-awtovalutazzjoni tal-2018 tal-qafas ta’ kontroll intern li rriżultat fi pjan ta’ azzjoni, fl-2019 saret valutazzjoni interna biex jiġi żgurat li l-pjan ta’ azzjoni ġie segwit;

22.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li għall-pagamenti interim u finali tas-Seba’ Programm Kwadru, l-Impriża Konġunta hija responsabbli għall-awditi ex post tal-benefiċjarji, filwaqt li għad-dikjarazzjonijiet ta’ spiża tal-proġett Orizzont 2020, is-servizz ta’ awditjar komuni tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-awditi ex post, u li abbażi tar-riżultati tal-awditjar ex post disponibbli fi tmiem l-2019, l-Impriża Konġunta rrapportat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 2,08 % u rata tal-iżball residwu ta’ 1,08 % għall-proġetti tas-Seba’ Programm Kwadru tagħha, u rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 0,94 % u rata tal-iżball residwu ta’ 0,7 % għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 (ikklerjar u pagamenti finali); jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni għar-regolament ta’ Orizzont 2020 ipproponiet li għall-infiq fir-riċerka fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, riskju ta’ żball annwali f’medda ta’ bejn 2 % u 5 % huwa objettiv realistiku, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż tal-kontrolli, il-miżuri ta’ semplifikazzjoni proposti biex titnaqqas il-kumplessità tar-regoli u r-riskju inerenti relatat assoċjat mar-rimborż tal-ispejjeż tal-proġett ta’ riċerka, u li l-għan aħħari għal-livell residwu ta’ żball fl-għeluq tal-programmi wara li jkunu tqiesu l-impatt finanzjarju tal-awditi kollha, il-miżuri ta’ korrezzjoni u rkupru kollha, ikun li jinkiseb livell li jkun qrib kemm jista’ jkun 2 %;

23.

Jinnota li l-Qorti awditjat b’mod każwali l-pagamenti ta’ Orizzont 2020 inklużi fil-kampjun li saru fl-2019, fil-livell tal-benefiċjarji finali biex tikkorrobora r-rati ta’ żbalji tal-awditjar ex post, bħala parti mill-kontrolli tal-pagamenti operattivi, u li dawn l-awditi ddettaljati ma wrew l-ebda żball sinifikanti jew nuqqasijiet ta’ kontroll fil-benefiċjarji tal-Impriża Konġunta inklużi fil-kampjun;

24.

Jinnota li l-kodiċi ta’ mġiba amministrattiva tajba tal-Impriża Konġunta ġie adottat mid-direttur eżekuttiv tagħha f’Settembru 2019; jinnota li l-Impriża Konġunta adottat regoli finanzjarji ġodda, skont il-mudell tar-regolament finanzjarju għas-sħubijiet pubbliċi-privati, permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija f’Diċembru 2019; jinnota, barra minn hekk, li, fl-aħħar tal-2019, l-Impriża Konġunta nediet proċedura għall-adozzjoni ta’ politika dwar il-ġestjoni tad-dokumenti, u tali adozzjoni finali kienet prevista li ssir fil-bidu tal-2020;

25.

Jinnota li l-Impriża Konġunta kellha matriċi tar-riskju kompluta għall-2020 (inklużi r-riskji ta’ prijorità aktar baxxa) regolarment ivvalutata u diskussa mill-maniġment, bħala parti minn proċess kontinwu ta’ valutazzjoni tar-riskju, biex tiġi riflessa kwalunkwe bidla fl-ambjent intern u estern tal-organizzazzjoni, u kkunsidrat ukoll l-istatus tar-riskji u l-pjanijiet ta’ azzjoni sinifikanti li ġew identifikati fl-2018; jinnota li l-Impriża Konġunta timplimenta l-istrateġija komuni ta’ kontra l-frodi fil-qasam tar-riċerka.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 tat-30 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).