IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.10.2024
COM(2024) 474 final
ANNESS
tar-
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.10.2024
COM(2024) 474 final
ANNESS
tar-
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
Anness V: Riċevituri finali taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza:
Dan l-anness jiċċara aktar il-kunċett ta’ riċevituri finali skont ir-Regolament RRF u l-ambitu tal-pubblikazzjoni tad-data dwar il-100 riċevitur finali li jirċievu l-ogħla ammont ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ miżuri skont l-RRF, kif meħtieġ mill-Artikolu 25a tar-Regolament RRF.
Min huwa riċevitur finali taħt l-RRF?
Definizzjoni
Id-definizzjoni ta’ riċevituri finali toħroġ direttament mill-Artikolu 22, il-paragrafu 2, il-punt (d) tar-Regolament RRF. F’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, riċevitur finali huwa l-aħħar entità li tirċievi fondi għal miżura tal-RRF li ma hijiex kuntrattur jew sottokuntrattur. Din għandha tiġi distinta mill-benefiċjarji, li taħt il-Faċilità huma l-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ definizzjoni differenti tar-riċevituri finali f’artikoli oħra tar-Regolament RRF, id-definizzjoni tal-Artikolu 22, il-paragrafu 2, il-punt (d) trid tiġi applikata b’mod sistematiku meta jiġu interpretati dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament, b’mod partikolari l-Artikolu 25a tiegħu, f’konformità mal-prinċipji ta’ interpretazzjoni komuni u sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi u konsistenti tar-Regolament.
Xi termini ewlenin tad-definizzjoni jeħtieġu spjegazzjoni aktar dettaljata:
·“l-aħħar entità”: Riċevitur finali jista’ jkun jew persuna fiżika (pereżempju, ċittadin) jew persuna ġuridika (eż., ministeru, aġenzija pubblika, awtorità reġjonali jew lokali, assoċjazzjoni, karità, jew negozju). Ir-riċevituri intermedjarji tal-finanzjament (eż. ministeri jew aġenziji li ma humiex l-awtorità kontraenti iżda li sempliċiment iqassmu l-fondi ulterjorment) ma għandhomx jitqiesu bħala l-aħħar entità (ara wkoll it-taqsima ta’ hawn taħt għal aktar gwida).
·“li tirċievi fondi”: Sabiex titqies bħala riċevitur finali, l-entità għandha tkun irċeviet trasferiment monetarju 1 għall-finijiet indikati fil-miżura tal-RRF rilevanti kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (CID).
·“għal miżura tal-RRF”: ir-riċevitur finali qed jirċievi fondi mill-baġit nazzjonali biex jimplimenta miżura fis-CID.
·“li mhix kuntrattur jew sottokuntrattur”: L-Artikolu 22, il-paragrafu (2), il-punt (d) tar-Regolament RRF isemmi r-riċevituri finali bħala entitajiet separati minn kuntratturi u sottokuntratturi 2 .
Speċifikament fir-rigward tal-lista tal-akbar 100 riċevitur finali, l-Artikolu 25a, il-paragrafu (2), il-punt (c), jirrikjedi li l-“ammont riċevut minn kull riċevitur” jiġi inkluż fl-informazzjoni ppubblikata. F’dan il-kuntest, l-impenn ta’ fondi u s-sempliċi ffirmar ta’ impenn legali (eż. l-għoti ta’ kuntratt) lil riċevitur finali ma humiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li ammont ġie riċevut, peress li din id-dispożizzjoni (u l-identifikazzjoni korretta tar-riċevituri finali li jkunu rċevew l-ogħla ammont) għandhom ikunu bbażati fuq pagamenti li jkunu saru 3 .
Awtoritajiet pubbliċi
Jeħtieġ li jiġi ddeterminat fuq bażi ta’ miżura b’miżura min hu r-riċevitur finali, inkluż jekk awtorità pubblika tkunx l-aħħar entità li tirċievi fondi (minbarra kuntrattur jew sottokuntrattur). Eżempju wieħed fejn awtorità pubblika tista’ titqies bħala r-riċevitur finali jkun il-kostruzzjoni ta’ sptar pubbliku jekk l-awtorità pubblika tirċievi fondi u tiffirma kuntratti ta’ kostruzzjoni diretti ma’ kuntratturi mingħajr ma tinvolvi aktar intermedjarji.
Min-naħa l-oħra, jekk l-awtorità pubblika tafda lil entità oħra biex tiffirma l-kuntratti meħtieġa sabiex timplimenta l-miżura, biex b’hekk l-awtorità pubblika ma tiffirmax kuntratti diretti mal-kuntratturi, dik l-entità li tirċievi l-fondi u tiffirma l-kuntratti għandha titqies bħala r-riċevitur finali. Pereżempju, dan jista’ jkun il-każ meta l-awtorità pubblika tuża aġenzija separata għall-implimentazzjoni ta’ miżura, li torganizza s-sejħa għall-offerti u tiffirma l-kuntratti mal-kuntrattur.
Fil-każ ta’ korpi ta’ implimentazzjoni li jiġġestixxu l-fondi (eż. li jiġġestixxu programmi ta’ finanzjament indirett għall-SMEs, jew aġenzija governattiva li tiġġestixxi l-flussi tal-pagamenti lil awtoritajiet pubbliċi oħra), dawn normalment ma jitqisux bħala riċevituri finali ta’ miżura partikolari minħabba r-raġunijiet spjegati hawn fuq.
Hemm ukoll każijiet fejn awtorità pubblika jista’ jkollha rwol doppju, li timmaniġġja l-fondi għal miżura waħda u li tkun ir-riċevitur finali ta’ oħra. Huwa importanti li wieħed jinnota li f’dan il-każ, l-awtorità pubblika ma titqiesx bħala riċevitur finali tal-ewwel miżura, filwaqt li għandha titqies bħala riċevitur finali tal-miżura l-oħra.
Filwaqt li d-determinazzjoni ta’ min huwa r-riċevitur finali dejjem se jkollha ssir fuq bażi ta’ miżura b’miżura, abbażi tad-definizzjoni deskritta hawn fuq, għadd ta’ eżempji ta’ fejn ir-riċevitur finali huwa awtorità pubblika huma ppreżentati hawn taħt. Fil-każijiet kollha bħal dawn, il-korp pubbliku huwa l-aħħar entità li tirċievi fondi għal miżura tal-RRF li ma hijiex kuntrattur jew sottokuntrattur:
1.F’investiment kompletament pubbliku, meta korp pubbliku jirċievi fondi għal miżura tal-RRF li tkun ta’ benefiċċju għall-isfera pubblika. Pereżempju, il-Ministeru Grieg tal-Infrastruttura u t-Trasport jinħatar bħala r-riċevitur finali għall-kostruzzjoni tat-Triq Pubblika tal-Greċja Ċentrali, filwaqt li l-kuntratturi u s-sottokuntratturi tal-proġett tat-triq pubblika ma humiex riċevituri finali. F’eżempju ieħor, fil-Ġermanja, il-ministeri tal-edukazzjoni tar-reġjuni federali Ġermaniżi differenti huma r-riċevituri finali tal-fondi tal-RRF li jużaw biex jixtru l-apparati diġitali li qed jiġu pprovduti lil skejjel pubbliċi individwali.
2.Meta korp pubbliku jirċievi fondi għal miżura tal-RRF li tkun tinvolvi l-forniment ta’ servizzi lis-settur privat u/jew liċ-ċittadini. Hemm żewġ xenarji:
I.Il-korp pubbliku jista’ jipprovdi s-servizz innifsu, kif inhu l-każ taċ-ċentru edukattiv Bijotekniku f’Ljubljana li se jipprovdi taħriġ lil mentors f’kumpaniji, jew iċ-Ċentri Mediċi Akkademiċi ta’ Amsterdam u ta’ Maastricht fin-Netherlands, li jirċievu s-sussidju biex jipprovdu servizzi tas-saħħa elettronika lill-pazjenti fi djarhom.
II.Il-korp pubbliku jista’ jissottokuntratta l-forniment tas-servizzi, kif inhu l-każ tal-Awtorità għad-Diġitalizzazzjoni tar-Rumanija, li qed tiffinanzja programm li jippermetti aċċess għat-titjib tal-ħiliet/għat-taħriġ mill-ġdid tal-impjegati tal-SMEs abbażi tal-applikazzjonijiet sottomessi mill-impjegaturi tagħhom, filwaqt li t-taħriġ jiġi pprovdut minn ditti tat-taħriġ magħżula (imħallsa direttament għas-servizzi tagħhom mill-Awtorità għad-Diġitalizzazzjoni tar-Rumanija). Dawn id-ditti tat-taħriġ huma kuntratturi, u għalhekk, ma jistgħux jitqiesu bħala riċevituri finali.
Kemm f’(i) kif ukoll f’(ii), ir-riċevituri finali huma l-korpi pubbliċi li jirċievu fondi għall-miżuri tal-RRF rilevanti.
Kumpaniji azzjonarji
Fil-każ ta’ kumpanija azzjonarja, li tkun tippossjedi/tikkontrolla diversi kumpaniji, irid jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ jekk grupp ta’ kumpaniji jifformax riċevitur finali wieħed għall-finijiet tar-Regolament RRF.
Jekk il-kuntratt, l-għotja, jew l-istrument ekwivalenti jingħata lill-kumpanija azzjonarja, id-determinazzjoni ta’ min huwa r-riċevitur finali tiddependi fuq liema bażi jkun ingħata l-kuntratt, l-għotja jew l-istrument ekwivalenti. Jekk ingħata “biss” lill-kumpanija azzjonarja (jiġifieri mhux lil kumpanija waħda jew aktar li jkunu parti mill-grupp), ir-riċevitur finali jkun biss il-kumpanija azzjonarja. Jekk ingħata direttament lill-kumpaniji li huma parti mill-grupp, l-entitajiet involuti kollha jitqiesu wkoll bħala riċevituri finali. Jekk ingħata lis-sussidjarja (jiġifieri mhux lill-kumpanija azzjonarja jew lill-kumpaniji li huma parti mill-grupp), dik is-sussidjarja tkun ir-riċevitur finali.
Riċevituri finali tar-riformi u miżuri b’kost żero
“Miżuri b’kost żero” huma miżuri li għalihom l-Istati Membri ma jkunu inkludew l-ebda kost mistenni fl-“istima tal-kost” ex ante sottomessa mal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs) tagħhom 4 . Filwaqt li dan ikopri b’mod predominanti r-riformi, hemm ukoll każijiet bħal dawn għall-investimenti.
Ir-Regolament RRF ma jagħmilx distinzjoni bejn miżuri li inkludew l-kostijiet mistennija u miżuri li ma inkludewx il-kostijiet mistennija. F’dan ir-rigward, l-obbligi li japplikaw għall-miżuri tal-RRF rigward il-ġbir u l-ħżin tad-data dwar ir-riċevituri finali japplikaw irrispettivament minn jekk miżura kellhiex kostijiet mistennija jew le. F’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament RRF, dak li jgħodd huwa jekk kienx hemm “l-użu ta’ fondi fir-rigward ta’ miżuri appoġġati mill-Faċilità” 5 fejn “fondi” għandhom jinftiehmu bħala kwalunkwe finanzjament pubbliku riċevut fir-rigward ta’ miżuri inklużi fl-RRP, kemm jekk minn sorsi nazzjonali kif ukoll minn sorsi tal-UE (mhux limitati għall-RRF), f’konformità ma’ dak li huwa previst fl-Artikolu 22(2), il-punt (d)(iv).
·Sa fejn ikun hemm użu bħal dan ta’ fondi pubbliċi (irrispettivament minn x’kien il-kost mistenni), l-aħħar entitajiet li jirċievu fondi bħal dawn għandhom jitqiesu bħala riċevituri finali.
·Sa fejn ma jkun hemm l-ebda użu bħal dan ta’ fondi pubbliċi (irrispettivament minn x’kien il-kost mistenni), ma jkun hemm l-ebda riċevitur finali.
Għalkemm ir-Regolament RRF ma jintroduċi l-ebda distinzjoni b’implikazzjonijiet legali bejn ir-riformi u l-investimenti, għar-riformi hemm suppożizzjoni li r-riformi b’kost żero ma jinvolvux nefqa nazzjonali. Suppożizzjoni bħal din tista’ tiġi kkonfutata jekk id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tipprevedi b’mod ċar in-nefqa nazzjonali (eż. it-twettiq ta’ akkwist biex jinkiseb studju).
Ambitu tar-rapportar għall-pubblikazzjoni tad-data dwar l-akbar 100 riċevitur finali
F’konformità mal-Artikolu 25a tar-Regolament RRF, l-Istati Membri huma meħtieġa jirrapportaw dwar il-100 riċevitur finali li jirċievu l-ogħla ammont ta’ finanzjament taħt l-RRF. Għal dan il-għan, għandu jitqies il-finanzjament aggregat riċevut għall-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura appoġġata mill-RRF (kemm jekk appoġġata minn appoġġ ripagabbli kif ukoll jekk mhux ripagabbli) matul il-ħajja tal-RRF, jiġifieri l-finanzjament pubbliku kollu meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-objettiv/i intermedju/i jew tal-mira/i rilevanti skont is-CID. L-ammont ta’ finanzjament riċevut għandu jiġi kkalkolat b’mod kumulattiv mill-1 ta’ Frar 2020 saż-żmien tar-rapportar għal kull riċevitur finali, fil-miżuri kollha appoġġati mill-RRF.
L-Istati Membri għandhom iqisu kwalunkwe miżura inkluża fl-RRPs tagħhom fejn diġà kien hemm żborż lil riċevitur finali, irrispettivament minn jekk l-Istat Membru jkunx diġà lesta l-objettivi intermedji u l-miri rilevanti, ippreżenta talba għall-pagament, jew irċieva finanzjament taħt il-Faċilità. Dan għaliex l-Istati Membri jirċievu l-iżborżi ex post ladarba l-Kummissjoni tkun ivvalutat li l-objettivi intermedji u l-miri rilevanti jkunu ġew issodisfati b’mod sodisfaċenti (u indipendentement minn kwalunkwe nefqa mġarrba).
Data li għandha tiġi pprovduta
L-Artikolu 25a tar-Regolament RRF jispeċifika liema data hija meħtieġa li tiġi ppubblikata, jiġifieri:
a.fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-isem ġuridiku sħiħ tar-riċevitur u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, meta disponibbli, jew identifikatur uniku ieħor stabbilit fil-livell nazzjonali;
b.fil-każ ta’ persuna fiżika, l-isem u l-kunjom tar-riċevitur,
c.l-ammont riċevuti minn kull riċevitur, kif ukoll il-miżuri assoċjati li għalihom Stat Membru kien irċieva l-finanzjament taħt il-Faċilità.
Barra minn hekk, lil hinn mir-rekwiżiti tar-Regolament RRF, l-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar il-proġetti speċifiċi li jirċievu fondi mill-RRP tagħhom (eż. il-post, l-istat tal-implimentazzjoni, l-ammont riċevut), li mbagħad jikkontribwixxu wkoll għall-mappa interattiva tal-proġetti appoġġati mill-RRF disponibbli fuq is-sit web tal-RRF.
L-Istati Membri jistgħu jippubblikaw lista li tmur lil hinn mill-minimu ta’ 100 stabbilit mir-Regolament RRF.
Meta għandu jsir ir-rapportar
Ir-Regolament dwar l-RRF emendat ma jistabbilixxix skadenza speċifika għall-Istati Membri biex jaġġornaw id-data dwar (tal-anqas) l-akbar 100 riċevitur finali. Madankollu, dan jintroduċi obbligu għall-Istati Membri biex jaġġornaw din id-data ppubblikata darbtejn fis-sena. Minħabba li l-Kummissjoni trid tiċċentralizza u tippubblika d-data, hija stiednet lill-Istati Membri jaġġornaw id-data ppubblikata fuq il-portali nazzjonali tagħhom u jikkondividu dik id-data aġġornata mal-Kummissjoni fl-istess ħin bħall-eżerċizzju ta’ rapportar biannwali, f’April u f’Ottubru.
Kunsiderazzjonijiet dwar id-data personali għall-pubblikazzjoni tad-data dwar l-akbar 100 riċevitur finali
F’konformità mal-Artikolu 25a(4) tar-Regolament RRF, u sabiex jiġu żgurati l-proporzjonalità u r-rispett tal-privatezza, meta r-riċevituri finali jkunu persuni fiżiċi, meta tiġi ppubblikata data personali, l-informazzjoni għandha titneħħa mill-Istat Membru kkonċernat sentejn wara t-tmiem tas-sena finanzjarja li fiha l-finanzjament ikun tħallas lir-riċevitur finali. Din id-dispożizzjoni tapplika biss meta tiġi ppubblikata data personali, jiġifieri meta r-riċevitur finali jkun persuna fiżika. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni ma tapplikax mid-data tal-pubblikazzjoni iżda “ sentejn wara tmiem is-sena finanzjarja li fiha jkun ingħata il-finanzjament lir-riċevitur finali.” Dan jirrikjedi li d-data ma għandhiex titħassar sentejn wara l-pubblikazzjoni, iżda sentejn wara tmiem is-sena finanzjarja meta dak ir-riċevitur ikun irċieva l-aħħar finanzjament mill-RRF.
L-Istati Membri jeħtieġ li jaġġornaw id-data darbtejn fis-sena u jistgħu jagħżlu li jħassru settijiet ta’ data qodma wara sentejn (sakemm settijiet ta’ data bħal dawn ma jkunux jinkludu data personali, f’liema każ data bħal din għandha titħassar, ara l-paragrafu preċedenti). Il-Kummissjoni tfakkar li r-rekords għandhom jinżammu anki wara li titħassar id-data msemmija hawn fuq mill-isfera pubblika, f’konformità mal-Artikolu 132 tar-Regolament Finanzjarju, kif imsemmi wkoll fl-Artikolu 11(1)(d) tal-Ftehim ta’ Finanzjament u fejn applikabbli, l-Artikolu 20(1)(d) tal-Ftehim dwar is-Self.
Madankollu, l-informazzjoni li titneħħa fuq din il-bażi għandha tkompli titqies meta jiġi kkalkolat l-ammont konsolidat ta’ fondi riċevuti, jekk l-istess persuna fiżika tirċievi finanzjament ulterjuri.
Barra minn hekk, fir-rigward tal-RRF japplikaw ftit eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni tad-data, previsti fl-Artikolu 25a(3) tar-Regolament RRF, b’referenza għall-Artikolu 38(3) tar-Regolament Finanzjarju. Dawn jikkonċernaw il-każijiet li ġejjin:
·sostenn għall-edukazzjoni mħallas lil persuni fiżiċi u kwalunkwe appoġġ dirett ieħor imħallas lil persuni fiżiċi l-aktar fil-bżonn bħal persuni qiegħda u refuġjati (l-Artikolu 191(4)(b) tar-Regolament Finanzjarju).
·kuntratti b’valur baxx ħafna mogħtija lil esperti magħżula abbażi tal-kapaċità professjonali tagħhom (l-Artikolu 237(2) tar-Regolament Finanzjarju) kif ukoll kuntratti b’valur baxx ħafna taħt il-EUR15 000 (l-ammont imsemmi fil-punt 14.4 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju).
·appoġġ finanzjarju pprovdut permezz ta’ strumenti finanzjarji b’ammont inqas minn EUR 500 000.
·każijiet fejn id-divulgazzjoni toħloq ir-riskju li jiġu mhedda d-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni jew entitajiet ikkonċernati kif protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jew jekk tkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali tar-riċevituri.
Fl-Artikolu 25a(3) tar-Regolament RRF, u abbażi tal-prattika amministrattiva, l-informazzjoni dwar ir-riċevituri finali ta’ appoġġ finanzjarju mogħti taħt ġestjoni diretta għal ammonti anqas minn EUR 15 000 (ara l-eżenzjoni tar-rapportar skont ir-Regolament Finanzjarju għal “kuntratti b’valur baxx ħafna mogħtija lil esperti magħżula abbażi tal-kapaċità professjonali tagħhom (l-Artikolu 237(2) tar-Regolament Finanzjarju) kif ukoll kuntratti b’valur baxx ħafna taħt EUR 15 000 ” ma hijiex meħtieġa li tiġi ppubblikata.
Fi kwalunkwe każ, ir-riċevituri ta’ valuri baxxi bħal dawn x’aktarx li ma jiġux inklużi fil-lista tal-akbar 100 riċevitur finali li l-Istati Membri huma meħtieġa jippubblikaw skont ir-Regolament RRF.
Kunsiderazzjonijiet dwar l-ammonti li għandhom jiġu rrapportati għall-pubblikazzjoni ta’ data dwar l-akbar 100 riċevitur finali
L-ammont ta’ fondi tal-RRF riċevuti minn riċevitur finali kif imsemmi fl-Artikolu 25a, il-paragrafu (2), il-punt (c) għandu jiġi rrapportat f’EUR. L-ammonti riċevuti f’muniti oħra għandhom jiġu kkonvertiti għal EUR billi tintuża l-aħħar rata ta’ konverżjoni ta’ kull xahar li tuża l-Kummissjoni Ewropea (Inforeuro: https://commission.europa.eu/funding-tenders/procedures-guidelines-tenders/information-contractors-and-beneficiaries/exchange-rate-inforeuro_mt) kif applikabbli għad-data tar-rapportar, jiġifieri r-rata ta’ konverżjoni applikabbli għandha tintgħażel kemm jista’ jkun qrib id-data tar-rapportar.
Meta r-riċevitur finali jkun awtorità pubblika (reġjonali/lokali), mhux dejjem jista’ jkun hemm trasferiment monetarju bejn l-awtoritajiet pubbliċi differenti. Għalhekk, f’każijiet bħal dawn, dan jista’ jkopri wkoll l-allokazzjoni ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament baġitarji, jiġifieri, l-ammonti li jsiru disponibbli f’baġit għall-eżekuzzjoni ta’ pagamenti f’konformità mal-impenji baġitarji.
Meta awtorità kontraenti tiffirma direttament kuntratti mal-kuntratturi għall-implimentazzjoni tal-miżura tal-RRF, din l-awtorità kontraenti hija r-riċevitur finali (ara aktar eżempji ta’ entitajiet pubbliċi li huma riċevituri finali tal-miżuri tal-RRF hawn taħt). Jista’ jkun hemm ukoll każijiet fejn aġenzija separata jew kumpanija privata tuża kuntratturi, f’liema każ l-aġenzija jew il-kumpanija privata għandha titqies bħala r-riċevitur finali.
Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu stipulat fl-Artikolu 22(2)(d)(i) – (iii) tar-Regolament RRF li tinġabar data dwar ir-riċevituri finali, il-kuntratturi, is-sottokuntratturi u s-sidien benefiċjarji għall-finijiet ta’ awditjar u kontroll u li tiġi prevista informazzjoni komparabbli dwar l-użu ta’ fondi diġà fl-istadju tal-impenn (jiġifieri, meta jiġi konkluż il-ftehim ta’ għotja jew il-kuntratt).
Ħafna RRPs jinkludu miżuri li għalihom l-Istat Membru ma ppreżenta l-ebda kost stmat, l-hekk imsejħa “miżuri b’kost żero”. Filwaqt li l-inklużjoni ta’ miżuri b’kost żero ma żżidx l-allokazzjoni finanzjarja tal-Istat Membru, din torbot l-iżborż tal-appoġġ mill-RRF mal-ilħuq tal-objettivi intermedji u l-miri marbuta mal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.
Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 tar-Regolament RRF, li jipprevedi li “Proġetti ta’ riformi u ta’ investiment jistgħu jirċievu appoġġ minn programmi u strumenti oħra tal-Unjoni sakemm tali appoġġ ma jkoprix l-istess kost.” Għalhekk, fir-rigward tal-possibbiltà ta’ finanzjament doppju, jekk l-Istat Membru ma jkun iddikjara l-ebda kost fl-RRP – jiġifieri din hija miżura b’kost żero – skont id-definizzjoni, ma jista’ jkun hemm l-ebda finanzjament doppju ta’ miżura bħal din.