Brussell, 10.10.2024

COM(2024) 474 final

ANNESS

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza


Anness IV: Kunċett ta’ finanzjament doppju taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Il-komplementarjetà bejn il-fondi tal-Unjoni timmassimizza l-valur miżjud tal-baġit tal-Unjoni, u tippermetti li jinkisbu sinerġiji addizzjonali meta mqabbla ma’ approċċ iżolat għal kull programm jew strument tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill introduċew rekwiżiti f’ħafna programmi u strumenti tal-Unjoni biex jiżguraw li dawn jikkomplementaw lil xulxin, inkluż billi jippermettu li proġetti individwali jirċievu appoġġ minn aktar minn programm jew strument wieħed tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet għal dan il-għan jistgħu jinstabu f’diversi atti bażiċi bħar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 1 , Ewropa Diġitali 2 , Orizzont 3 jew l-FNE 4 .

L-ikkombinar tal-appoġġ taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) ma’ appoġġ finanzjarju minn fondi oħra tal-UE huwa previst fir-Regolament RRF. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effiċjenti u komplementari tal-fondi tal-Unjoni, l-Artikolu 9 tar-Regolament RRF jipprevedi speċifikament li “proġetti ta’ riformi u ta’ investiment jistgħu jirċievu appoġġ minn programmi u strumenti oħra tal-Unjoni sakemm tali appoġġ ma jkoprix l-istess kost.” 

Filwaqt li l-RRF hija strument ibbażat fuq il-prestazzjoni, l-Artikolu 9 tar-Regolament RRF jintroduċi approċċ ibbażat fuq il-kost għall-valutazzjoni tal-finanzjament doppju. L-RRF hija strument ibbażat fuq il-prestazzjoni li taħtu l-finanzjament huwa marbut mar-riżultati miksuba, u mhux mal-kostijiet imġarrba. L-iżborżi jsiru abbażi tal-issodisfar sodisfaċenti ta’ sett ta’ objettivi intermedji u miri. Għalhekk, il-pagamenti lill-Istati Membri ma humiex soġġetti għal kontrolli fil-livell tal-UE fuq il-kostijiet imġarrba biex jintlaħqu dawk l-objettivi intermedji u l-miri. Il-kostijiet stmati tal-miżuri kollha taħt kull pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP) huma vvalutati ex ante għall-iskop uniku li tiġi stabbilita l-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tiġi impenjata għal kull Stat Membru. F’din l-istima, l-Istat Membru jindika liema kostijiet huwa jistenna li jkunu koperti mill-RRF u liema kostijiet minn programmi jew strumenti oħra tal-Unjoni. Il-kunċett ta’ kostijiet eliġibbli mġarrba, li huwa applikat fil-biċċa l-kbira tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE bbażati fuq il-kost, ma huwiex applikabbli taħt l-RRF. Madankollu, kemm fir-Regolament Finanzjarju 5 kif ukoll fir-Regolament RRF, il-kunċett ta’ finanzjament doppju huwa marbut mal-kostijiet. Il-Kummissjoni pprovdiet gwida 6 , li tispjega kif il-kunċett ibbażat fuq il-kost ta’ finanzjament doppju għandu jiġi applikat għal-loġika ta’ implimentazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni tal-RRF.

Taħt l-RRF, il-finanzjament doppju jista’ jseħħ f’żewġ livelli:

·Fil-livell tal-Istat Membru: Fl-RRPs tagħhom, l-Istati Membri huma meħtieġa jidentifikaw “informazzjoni dwar finanzjament tal-Unjoni eżistenti jew ippjanat” (l-Artikolu 18, il-paragrafu 4, il-punt (l) tar-Regolament RRF) li għandha titqies fl-istima ex ante tal-kostijiet. Wara l-approvazzjoni tal-RRP u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni rilevanti tal-Kunsill (CID), kwalunkwe appoġġ addizzjonali minn fondi oħra tal-Unjoni biex jiġu koperti l-kostijiet li kienu parti mill-istima tal-kostijiet imwettqa għall-RRP iwassal biex l-Istat Membru jirċievi appoġġ minn żewġ sorsi ta’ finanzjament differenti tal-Unjoni biex jiġu koperti l-istess kostijiet.

·Fil-livell tar-riċevitur finali: benefiċjarju finali ma għandux jirċievi appoġġ biex ikopri l-istess kostijiet kemm mill-RRF – permezz tal-Istat Membru – kif ukoll minn fondi oħra tal-Unjoni.

Minħabba n-natura tal-RRF li hija bbażata fuq il-prestazzjoni, meta jiġi kkombinat l-appoġġ tal-RRF ma’ appoġġ minn fondi oħra tal-UE, l-approċċ prestabbilit biex jiġi evitat finanzjament doppju huwa li ssir delineazzjoni ċara tal-kostijiet ex ante. Għal miżuri li huma biss parzjalment iffinanzjati mill-RRF, l-Istati Membri għandhom jiddelinjaw b’mod ċar bejn il-partijiet tal-proġett li huma ffinanzjati mill-RRF u dawk li huma ffinanzjati minn fondi oħra tal-UE. Għall-RRF, l-Istati Membri jridu jindikaw din id-delineazzjoni meta jippreżentaw l-istimi tal-kostijiet ex ante tagħhom. Tista’ tiġi stabbilita delineazzjoni tal-kostijiet ex ante, pereżempju, billi jiġu identifikati fażijiet distinti ta’ implimentazzjoni ta’ proġett kofinanzjat, jew billi jiġu sseparati entrati differenti tal-kostijiet u jiġu attribwiti lill-istrumenti ta’ finanzjament rispettivi tal-UE.

Madankollu, ripartizzjoni tal-kostijiet fuq bażi pro rata hija permessa f’ċerti kundizzjonijiet. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn delineazzjoni ċara tal-kostijiet ma tkunx fattibbli jew tkun ta’ piż eċċessiv 7 , il-miżuri jistgħu jiġu appoġġati fuq bażi pro rata. Skont dan l-approċċ, kull fond tal-UE jiffinanzja sehem definit minn qabel tal-kostijiet totali. Il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-gwida tal-Kummissjoni lill-Istati Membri jiżguraw li l-output/ir-riżultat imkejjel taħt l-RRF u ffinanzjat minnha jiġi allinjat mal-kost stmat ex ante, li l-ebda kost ma jkun kopert darbtejn, u li l-appoġġ ġenerali tal-UE ma jaqbiżx il-100 % tal-kostijiet eliġibbli attwalment imġarrba. Dawn il-ħames kundizzjonijiet jirrikjedu li:

(I)id-deskrizzjoni tal-miżura fis-CID rilevanti tindika b’mod ċar li l-RRF qed tiffinanzja biss parti mill-proġett flimkien ma’ programmi jew strumenti oħra tal-Unjoni;

(II)l-istimi tal-kostijiet ex ante pprovduti mill-Istat Membru għall-proġett kollu jistabbilixxu liema ammont huwa ffinanzjat mill-RRF u jitqies għall-kalkolu tal-kostijiet tal-RRP, filwaqt li jiġi nnotat li kostijiet oħra jistgħu jiġu appoġġati minn programmi jew strumenti oħra tal-Unjoni (jekk ikun possibbli, b’ammont indikattiv għal programmi jew strumenti bħal dawn tal-Unjoni);

(III)l-objettivi intermedji/miri rilevanti kkonċernati huma abbozzati b’mod li jkejjel biss il-kontribuzzjoni tal-RRF, possibbilment permezz ta’ mira ta’ eżekuzzjoni baġitarja;

(IV)l-Istat Membru jinnotifika lir-riċevitur finali dwar l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-RRF, li r-riċevitur finali jrid jiddikjara lill-entità li timplimenta l-programm tal-Unjoni jew l-istrument li jikkomplementa l-appoġġ mill-RRF;

(V)l-entità li timplimenta kwalunkwe programm jew strument ieħor tal-Unjoni li jikkomplementa l-appoġġ mill-RRF tkun kapaċi tivverifika, fil-livell tal-proġett, li r-riċevituri finali tal-finanzjament taħt l-RRF ma jirċevux appoġġ mill-Unjoni għal aktar minn 100 % tal-kost totali eliġibbli 8 .

Minbarra l-kundizzjonijiet deskritti hawn fuq, dan l-approċċ irid ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-istrument ta’ finanzjament l-ieħor tal-UE kkonċernat u jrid jikkonforma mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat inklużi d-dispożizzjonijiet dwar l-akkumulazzjoni. Dan l-approċċ ma japplikax għall-fondi rregolati mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni peress li l-kundizzjoni (v) hija diffiċli biex tiġi applikata fil-kuntest tagħhom.

 Peress li l-finanzjament doppju huwa ddefinit bħala li jkopri l-istess kost mill-RRF u minn programm jew strument ieħor tal-Unjoni, ma jista’ jseħħ l-ebda finanzjament doppju meta Stat Membru ma jkunx ippreżenta kost stmat għal miżura partikolari, peress li l-RRF ma tkopri l-ebda kost. Ħafna RRPs jinkludu miżuri li għalihom l-Istat Membru ma jkun ippreżenta l-ebda kost stmat, l-hekk imsejħa “miżuri b’kost żero”. Filwaqt li l-inklużjoni ta’ miżuri b’kost żero ma żżidx l-allokazzjoni finanzjarja tal-Istat Membru, din torbot l-iżborż tal-appoġġ mill-RRF mal-ilħuq tal-objettivi intermedji u l-miri marbuta mal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Peress li l-RRF ma tkopri l-ebda kost għal miżuri bħal dawn, ma jistax ikun hemm finanzjament doppju, anke jekk fond ieħor tal-UE jiffinanzja l-implimentazzjoni tagħhom parzjalment jew kompletament.

Ir-Regolament RRF jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ kontroll biex jevitaw finanzjament doppju, fejn il-Kummissjoni tivvaluta l-arranġamenti deskritti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Fil-prattika, dan ifisser li l-Istati Membri huma meħtieġa jevitaw finanzjament doppju meta jimplimentaw l-RRF billi:

·Fl-RRP tagħhom jinkludu biżżejjed informazzjoni u evidenza li juru b’mod ċar li l-ammont tal-kost totali stmat ta’ kull riforma u ta’ kull investiment ma huwiex kopert minn finanzjament eżistenti jew ippjanat tal-Unjoni. F’każijiet fejn il-finanzjament tal-RRF jiġi kkombinat ma’ fondi oħra tal-UE biex jappoġġa miżura, dan jeħtieġ li jiġi identifikat b’mod ċar fil-kostijiet stmati, filwaqt li tiġi stabbilita l-parti tal-kostijiet stmati ffinanzjati mill-RRF u l-parti ffinanzjata minn fondi oħra tal-UE;

·Jiddeskrivu fid-dettall il-proċeduri, l-istrutturi u l-arranġamenti stabbiliti fil-livelli nazzjonali u reġjonali bil-għan li jiżguraw l-evitar ta’ finanzjament doppju; u

·Fl-RRP tagħhom jirreferu għall-arranġamenti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-RRF.

L-adegwatezza tal-kontrolli maħsuba biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-finanzjament doppju hija mmonitorjata matul il-valutazzjoni u l-implimentazzjoni tal-RRPs. Matul il-valutazzjoni tal-pjanijiet, il-Kummissjoni tivvaluta n-nuqqas ta’ finanzjament doppju għall-miżuri kollha tal-RRF kif ukoll l-arranġamenti ta’ kontroll deskritti mill-Istati Membri. Fejn rilevanti, jiġu stabbiliti objettivi intermedji speċifiċi ta’ awditjar u kontroll biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet fis-sistemi nazzjonali u dawn iridu jiġu rrispettati bħala prerekwiżit biex jiġu rilaxxati l-iżborżi sussegwenti. F’każ ta’ emenda tal-RRP, is-sistema ta’ kontroll ta’ Stat Membru tiġi vvalutata mill-ġdid. Jekk l-arranġamenti oriġinali tas-sistema jkun fihom nuqqasijiet, jiġu stabbiliti objettivi intermedji tal-awditjar u tal-kontroll fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni rispettiva tal-Kunsill, inkluż għal kwistjonijiet relatati mal-finanzjament doppju. Matul l-implimentazzjoni tal-pjanijiet, il-Kummissjoni tivverifika d-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni u s-sommarji tal-awditi ppreżentati mill-Istati Membri flimkien mat-talbiet għall-pagament, li jkopru wkoll il-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi evitat il-finanzjament doppju. Din il-valutazzjoni hija kkomplementata minn awditi tas-sistema u ex post imwettqa mill-Kummissjoni, inkluż dwar il-finanzjament doppju. Fl-aħħar mill-aħħar, fejn jiġi identifikat finanzjament doppju iżda mhux ikkoreġut mill-Istat Membru, il-Kummissjoni tista’ tirkupra l-fondi tal-RRF direttament mill-Istat Membru. Peress li l-prevenzjoni tal-finanzjament doppju hija element ewlieni tal-istrateġiji ta’ kontroll u awditjar tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-servizzi tagħha pprovdew gwida u għodod rilevanti mill-istadji bikrija tal-RRF 9 biex jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali fl-eżerċitar tar-responsabbiltà tagħhom li jipprevjenu u jidentifikaw finanzjament doppju.

(1)

L-Artikolu 63(9) tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi.

(2)

L-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali.

(3)

 L-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa.

(4)

 L-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

(5)

L-Artikolu 191 tar-Regolament (UE) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(6)

Din tinkludi gwida tas-servizzi tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar il-Pjanijiet tagħhom għall-Irkupru u r-Reżiljenza, SWD (2021) 12 ( https://commission.europa.eu/publications/guidance-member-states-recovery-and-resilience-plans-part-1_en ), C/2024/4618 Avviż tal-Kummissjoni – Gwida dwar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza ( http://data.europa.eu/eli/C/2024/4618/oj ).

(7)

Ara t-taqsima tal-Parti II.V dwar “Il-komplementarjetà tal-finanzjament u l-evitar ta’ finanzjament doppju” f’C/2024/4990.

(8)

F’każijiet fejn il-finanzjament l-ieħor tal-UE ma jirrimborżax il-kost (Fond għall-Innovazzjoni) iżda jopera wkoll fuq bażi ta’ stima tal-kost ex ante, din il-verifika tiġi ssostitwita bi tqabbil taż-żewġ stimi tal-kostijiet ex ante mill-RRF u min-naħa ta’ fondi oħra tal-UE biex jiġi żgurat li ma jkunx ġie allokat aktar minn 100 % tal-istima tal-kost totali ex ante.

(9)

Ara pereżempju l-gwida tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar il-Pjanijiet tagħhom għall-Irkupru u r-Reżiljenza, SWD (2021) 12 ( https://commission.europa.eu/publications/guidance-member-states-recovery-and-resilience-plans-part-1_mt ).