IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.10.2024
COM(2024) 474 final
ANNESS
tar-
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.10.2024
COM(2024) 474 final
ANNESS
tar-
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
Anness III: Eliġibbiltà tal-miżuri taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – Sostituzzjoni tan-nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti.
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri bil-għan li jintlaħqu l-objettivi intermedji u l-miri tar-riformi u l-investimenti kif stabbiliti fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza. Fl-għoti ta’ dak l-appoġġ finanzjarju, jeħtieġ li jiġu rrispettati għadd ta’ dispożizzjonijiet dwar l-eliġibbiltà.
In-nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti hija n-nefqa ta’ Stat Membru mill-baġit nazzjonali tiegħu li sseħħ fuq bażi ripetuta. Eżempju tipiku ta’ tali nefqa huwa l-kostijiet tal-persunal, li jirriżultaw f’nefqa fuq bażi ta’ kull xahar.
Bħala regola ġenerali, is-sostituzzjoni tan-nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti bl-appoġġ mill-RRF tqajjem dubju dwar il-valur miżjud Ewropew u tqajjem tħassib dwar is-sostenibbiltà ta’ tali nefqa wara l-ħajja tal-RRF. Madankollu, ta’ min ifakkar li l-RRF inħolqot f’kuntest speċifiku – b’mod partikolari dak tal-pandemija tal-COVID-19 – fejn ġie identifikat li jista’ jkun hemm raġunijiet biex tiġi ssostitwita tali nefqa, pereżempju, biex tiġi appoġġata żieda fil-persunal fl-isptarijiet.
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament RRF jirrikjedi li “l-appoġġ mill-Faċilità m’għandux, għajr f’każijiet debitament ġustifikati, jissostitwixxi n-nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti”. Din id-dispożizzjoni, bħala tali, ġeneralment tipprojbixxi s-sostituzzjoni tan-nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti bl-appoġġ mill-RRF iżda tippermetti dan f’każijiet debitament iġġustifikati.
Fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mir-Regolament RRF, jistgħu jiġu identifikati erba’ testijiet kumulattivi:
1.Il-miżura tinvolvi nefqa baġitarja li hija marbuta direttament mal-miżura proposta?
2.Jekk iva, dik in-nefqa hija ta’ natura rikorrenti?
3.Jekk iva, l-appoġġ finanzjarju mill-RRF jissostitwixxi dik in-nefqa rikorrenti?
4.Jekk iva, dan ma jaqax f’użu debitament iġġustifikat?
Jekk jiġu ssodisfati dawn l-erbgħa testijiet kollha, il-miżura proposta ma tkunx konformi mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament RRF u, bħala tali, ma tkunx eliġibbli għall-appoġġ mill-RRF.
Fil-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tuża dawn l-erba’ testijiet biex tiddetermina l-eliġibbiltà tal-miżuri u l-konformità tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament RRF. Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar kif il-Kummissjoni applikat dawn it-testijiet, kull wieħed minn dawn it-testijiet huwa spjegat wieħed wara l-ieħor.
Il-miżura tinvolvi nefqa baġitarja li hija marbuta direttament mal-miżura proposta?
Il-miżuri potenzjali mhux eliġibbli jiġu identifikati l-ewwel billi jitqies jekk dik il-miżura għandhiex nefqa baġitarja nazzjonali li hija marbuta direttament mal-miżura proposta. Pereżempju, miżura biex tinbena turbina eolika għandha kostijiet tal-kostruzzjoni li huma marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-miżura. B’kuntrast ma’ dan, miżura biex tiġi adottata leġiżlazzjoni ma tfissirx li, pereżempju, is-salarji tal-impjegati taċ-ċivil li jabbozzawha għandhom jitqiesu awtomatikament bħala nefqa baġitarja nazzjonali marbuta direttament ma’ dik il-miżura, b’mod partikolari meta dawk il-kostijiet ikunu mmaterjalizzaw irrispettivament mill-miżura li tkun għaddejja jew le.
Il-kostijiet iddikjarati minn Stat Membru assoċjati ma’ dik il-miżura jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li ma huwiex possibbli li Stat Membru jiddikjara li kost huwa appoġġat mill-RRF kif ukoll fl-istess ħin iqisu bħala li ma huwiex marbut direttament mal-miżura proposta.
Jekk iva, dik in-nefqa hija ta’ natura rikorrenti?
Jekk miżura tkun tinvolvi nefqa baġitarja nazzjonali marbuta direttament magħha, jeħtieġ li jitqies jekk dik in-nefqa hijiex ta’ natura rikorrenti, li jfisser li din isseħħ fuq bażi ripetuta. Din il-bażi ripetuta tfisser li trid timmaterjalizza aktar minn darba, b’xi grad ta’ perjodiċità (pereżempju, kull ġimgħa, kull xahar jew kull sena). Eżempji ta’ tali kostijiet rikorrenti jistgħu jinkludu salarji, kostijiet tal-manutenzjoni, jew tariffi tas-servizz jew tal-abbonament.
Il-fatt li, f’xi mument qabel, l-Istat Membru jkun ġarrab kost ta’ darba li mbagħad jiġi ripetut sabiex tiġi ssodisfata miżura tal-RRF ma jimplikax li n-nefqa hija rikorrenti. Pereżempju, f’każ li qabel Stat Membru jkun ġarrab kostijiet biex jimplimenta studju jew stħarriġ ma jipprekludihx milli jinkludi l-kostijiet stmati għal studju jew stħarriġ ġdid taħt miżura tal-RRP.
Jekk iva, l-appoġġ finanzjarju mill-RRF jissostitwixxi dik in-nefqa rikorrenti?
Jekk miżura tkun tinvolvi nefqa baġitarja nazzjonali marbuta direttament magħha li hija ta’ natura rikorrenti, jeħtieġ li jitqies jekk l-RRF hijiex qed tissostitwixxi dik in-nefqa.
F’konformità mal-Artikolu 18, il-paragrafu (4), il-punt (k) tar-Regolament RRF, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kostijiet totali stmati tar-riformi u l-investimenti koperti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Jekk fl-RRP tiegħu l-Istat Membru jkun ippreżenta dik in-nefqa bħala kostijiet stmati, huwa evidenti li l-RRF se tkun qed tappoġġa finanzjarjament dik in-nefqa u, bħala tali, se tissostitwixxi n-nefqa nazzjonali rikorrenti.
Dan ta’ hawn fuq huwa rilevanti biss għal miżuri li għalihom l-Istati Membri jkunu ppreżentaw kostijiet stmati, minħabba li l-valutazzjoni dwar jekk dawk il-kostijiet jikkostitwixxux nefqa nazzjonali rikorrenti li ma tistax tiġi appoġġata taħt l-RRF tippresupponi li l-Istati Membri jippreżentaw dawk il-kostijiet bħala parti mill-pjan tagħhom. Jekk l-Istat Membru ma jinkludi l-ebda kost stmat għal dik il-miżura, l-inklużjoni ta’ miżura bħal din ma titqiesx għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati Membri taħt l-RRF u, bħala tali, l-Istat Membru ma jinkludi l-ebda kost stmat għall-RRF biex tappoġġaha finanzjarjament. F’dan ir-rigward, ma huwiex possibbli li l-RRF tissostitwixxi n-nefqa baġitarja nazzjonali li sseħħ għal dik il-miżura (jew għal parti mill-miżura mhux koperta mill-RRF), anke jekk dik in-nefqa tkun nefqa rikorrenti. Dan għaliex ma tkun seħħet l-ebda sostituzzjoni.
Jekk iva, dan ma jaqax f’użu debitament iġġustifikat?
Fl-aħħar nett, jekk miżura tkun tinvolvi nefqa baġitarja nazzjonali direttament marbuta magħha li tkun ta’ natura rikorrenti u l-RRF tappoġġaha finanzjarjament, jeħtieġ li jitqies jekk is-sostituzzjoni tagħha b’appoġġ mill-Faċilità tistax tiġi debitament iġġustifikata u, bħala tali, permessa bl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament RRF.
Ir-Regolament ma jipprovdix kriterji preċiżi għal dak li għandu jitqies bħala każ debitament iġġustifikat. Fl-applikazzjoni ta’ dan, is-servizzi tal-Kummissjoni kkomunikaw mal-Istati Membri biex jużaw tliet testijiet. Speċifikament, jekk:
(I)il-kost stmat huwiex parti integrali minn riforma/investiment;
(II)din ir-riforma/dan l-investiment tikkontribwixxix/jikkontribwixxix biex jiġu ssodisfati l-kriterji ta’ valutazzjoni definiti fl-Artikolu 19 tar-Regolament RRF; u
(III)l-finanzjament ta’ tali riforma/investiment jkunx se jiġi żgurat b’mod sostenibbli wara l-ħajja tal-RRF u jekk l-effett negattiv fuq il-bilanċ tal-gvern huwiex biss temporanju.
Abbażi tal-prattika stabbilita, jistgħu jitnisslu xi kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar x’jista’ jikkostitwixxi każ debitament iġġustifikat:
·B’mod ġenerali, il-kumpens tal-impjegati pubbliċi li jaħdmu fl-amministrazzjoni pubblika fuq it-tħejjija jew l-implimentazzjoni ta’ riformi/investimenti koperti mill-RRF ma għandux jiġi inkluż fl-istima tal-kostijiet. Madankollu, f’każijiet debitament iġġustifikati (eż. il-ħtieġa ta’ għarfien espert speċifiku jew biex tiżdied temporanjament il-kapaċità amministrattiva), il-kost tal-persunal mhux permanenti matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jista’ jiġi inkluż fejn meħtieġ.
·Il-kostijiet għat-taħriġ tal-persunal tas-servizz ċivili relatati ma’ riforma jew investiment marbuta mal-objettivi tal-Faċilità jistgħu jiġu koperti jekk ikunu debitament iġġustifikati u integrati bis-sħiħ f’riforma jew investiment tal-pjan.
·In-nefqa soċjali bħas-sussidji għar-reklutaġġ jew il-boroż ta’ studju tal-istudenti tista’ tiġi ffinanzjata mill-RRF jekk in-nefqa (jew in-nuqqas ta’ dħul) tkun ta’ darba jew temporanja min-natura tagħha li tasal fi tmiemha tul il-ħajja tal-RRF. Jeħtieġ li jkollha effetti pożittivi fit-tul li jappoġġaw l-objettivi tal-Faċilità, u l-impatt tagħha fuq il-finanzi pubbliċi għandu jkun limitat fiż-żmien.