Brussell, 10.10.2024

COM(2024) 474 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza


Werrej

Akronimi    

Sommarju eżekuttiv    

1.    Is-sitwazzjoni attwali dwar l-implimentazzjoni tal-RRF    

A. Talbiet għall-pagament u żborżi    

Il-pass tal-iżborżar żdied wara r-reviżjonijiet tal-RRPs    

Il-proċedura ta’ sospensjoni qiegħda tintuża dejjem aktar, li tiffaċilita żborżi aktar rapidi    

Il-Kummissjoni kompliet toħroġ Bonds tal-UE biex tiffinanzja l-RRF    

Għadd dejjem akbar ta’ miżuri huma eliġibbli għall-finanzjament taħt il-Bonds Ekoloġiċi ta’ NextGenerationEU    

Il-kundizzjonalità makroekonomika u l-RRF    

B. Reviżjoni tal-RRPs    

RRPs aġġornati jibqgħu ambizzjużi wara r-reviżjonijiet li saru fl-2023 u fl-2024    

Il-pakkett finanzjarju totali u l-kontribuzzjoni tal-RRF għal kull sitt pilastri ta’ politika nbidlu wara r-reviżjonijiet tal-RRP    

Profili tal-pagamenti evolvew wara r-reviżjonijiet tal-RRPs    

Il-miri klimatiċi u diġitali tal-RRF għadhom qegħdin jintlaħqu mill-RRPs riveduti    

L-RRPs riveduti jikkontribwixxu għall-politiki soċjali u għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri madwar l-UE    

C. Riċevituri finali taħt l-RRF    

L-Istati Membri kollha jippubblikaw data dwar l-akbar 100 riċevitur finali    

L-akbar riċevituri finali jirċievu finanzjament għall-investimenti fis-sitt pilastri tal-politika tal-RRF kollha    

D: Kontrolli u awditjar fl-implimentazzjoni tal-RRF    

Il-Kummissjoni kompliet tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni    

L-RRF għadha taħt skrutinju mill-qrib mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri    

E. Komunikazzjoni u djalogi fl-2023-2024    

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, u l-Istati Membri jibqgħu involuti b’mod kontinwu fl-implimentazzjoni tal-RRF    

Il-viżibbiltà tal-UE fl-implimentazzjoni tal-RRPs tista’ tissaħħaħ aktar    

Il-mappa interattiva tipprovdi ħarsa ġenerali viżwali lejn il-proġetti appoġġati mill-RRF    

L-Istati Membri għadhom jorganizzaw avvenimenti annwali tal-RRF    

Il-Kummissjoni twettaq attivitajiet ta’ komunikazzjoni rilevanti addizzjonali    

F. Sejbiet ewlenin mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-RRF    

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tagħha wriet li l-RRF appoġġat l-irkupru u ġabet l-innovazzjoni fl-infiq tal-UE    

L-evalwazzjoni tinkludi kunsiderazzjonijiet utli għal strumenti futuri bbażati fuq il-prestazzjoni    

2.    Progress fl-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza    

A. Indikaturi komuni    

L-RRF kisbet eżiti reali sinifikanti fil-prattika    

B. Data ta’ rapportar biannwali    

Il-biċċa l-kbira tal-objettivi intermedji u l-miri huma rrapportati li jiġu implimentati f’konformità mal-iskedi ta’ żmien tal-RRPs    

C. Progress fis-sitt pilastri ta’ politika    

L-Istati Membri għamlu progress viżibbli fl-implimentazzjoni fis-sitt pilastri tal-politika tal-RRF kollha    

D. Politiki biex tittejjeb il-kompetittività tan-negozji tal-UE    

L-RRPs jikkontribwixxu għal kompetittività mtejba tan-negozji tal-UE, b’madwar tliet miljun intrapriża li diġà bbenefikaw mill-appoġġ tal-RRF    

3.    REPowerEU    

A. Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri fil-kapitoli tar-REPowerEU    

Ir-riformi u l-investimenti addizzjonali tar-REPowerEU jindirizzaw il-konġestjonijiet, jgħinu biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija    

B. Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri li għandhom dimensjoni transfruntiera jew multinazzjonali inklużi fil-kapitoli kollha tar-REPowerEU    

Il-miżuri tar-REPowerEU għandhom dimensjoni transfruntiera jew multinazzjonali qawwija    

4.    Konklużjoni    

Akronimi

BAR

Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit

COVID-19

Marda tal-Coronavirus tal-2019

QEA

Qorti Ewropea tal-Awdituri

ETS

Skema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet

EUR

Euro (€)

RPPs

Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza

RRF

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

MWh

Megawatt siegħa

SMEs

Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju

STEP

Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa

Sommarju eżekuttiv

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“RRF”, Recovery and Resilience Facility) hija l-qofol tal-inizjattiva NextGenerationEU, il-pjan ta’ rkupru tal-Ewropa biex toħroġ aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti mill-effetti ekonomiċi u soċjali mingħajr preċedent tal-pandemija tal-COVID-19. L-RRF, mingħajr preċedent kemm fl-iskala kif ukoll fl-ambizzjoni, ġiet stabbilita fl-2021 1 bħala strument innovattiv u bbażata fuq il-prestazzjoni, li tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ taħlita ta’ riformi u investimenti miftiehma minn qabel. L-RRF hija marbuta biż-żmien sal-2026.

Maż-żmien, l-RRF adattat għal sfidi ġodda u pprovdiet appoġġ kruċjali lill-Istati Membri wara l-aggressjoni mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna, u l-kriżi tal-enerġija li rriżultat minnha. Bir-REPowerEU, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw minn riżorsi addizzjonali biex jagħtu spinta lir-riformi u lill-investimenti li jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija tal-UE, jaċċelleraw it-tranżizzjoni ekoloġika, u jappoġġaw lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli.

Fit-3 snin u nofs mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament RRF, l-Istati Membri għamlu użu mill-Faċilità biex javvanzaw l-aġendi ta’ riforma u ta’ investiment tagħhom, f’konformità mal-prijoritajiet komuni tal-UE, u jindirizzaw kemm sfidi li ilhom jeżistu kif ukoll sfidi ġodda, bħala parti mill-irkupru tagħhom mill-kriżi tal-COVID-19.

Wara xi dewmien fl-2023, fil-biċċa l-kbira marbut mal-ħtieġa li jiġu adottati l-kapitoli tar-REPowerEU, ġew aċċellerati l-implimentazzjoni u l-iżborżi. Sa tmiem Awwissu 2024, EUR 265,4 biljun kienu ġew żborżati lill-Istati Membri u madwar 85 % tal-objettivi intermedji u l-miri b’data tat-tlestija indikattiva sal-aħħar ta’ Marzu 2024 kienu jew ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu b’mod sodisfaċenti mill-Kummissjoni jew irrapportati bħala li tlestew mill-Istati Membri. Dan jirrappreżenta żieda kbira meta mqabbel mal-2023 fejn, kif irrapportat fir-rapport annwali preċedenti tal-RRF, il-Kummissjoni kienet żborżat madwar 58 % tal-ammont totali attwali (EUR 153,4 biljun) sal-1 ta’ Settembru 2023. Jekk kollox imur skont il-pjan, sa tmiem is-sena, l-RRF se tkun żborżat aktar minn EUR 300 biljun mill-bidu tal-Faċilità.

Il-Kummissjoni żiedet l-azzjonijiet tagħha biex tappoġġa l-isforzi ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri, tissimplifika u tnaqqas il-piż amministrattiv. Fid-19 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni adottat Gwida aġġornata dwar l-RRPs biex tissimplifika l-implimentazzjoni tal-RRF u ttejjeb l-effettività tagħha. Il-gwida aġġornata tiffoka b’mod speċjali fuq ir-reviżjonijiet tal-RRP, li se jibqgħu rilevanti biex jiġu indirizzati l-konġestjonijiet possibbli fl-implimentazzjoni. Din tipprovdi aktar ċarezza dwar l-ambitu tar-reviżjonijiet u l-possibbiltà li jiġi emendat RRP fejn Stat Membru jidentifika alternattiva aħjar għall-implimentazzjoni ta’ miżura b’mod li jnaqqas il-piż amministrattiv. Barra minn hekk, bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”, Strategic Technologies in Europe Platform) 2 (li emenda r-Regolament RRF), il-finanzjament mill-RRF u minn fondi oħrajn tal-UE issa jista’ jiġi allokat ukoll għall-objettivi ta’ STEP 3 . Din ir-raġuni legali għall-emenda ġdida ġiet riflessa fil-gwida. Il-gwida tissimplifika wkoll ir-rekwiżiti ta’ rapportar għall-Istati Membri u tipprovdi aktar ċarezza dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-appoġġ mill-RRF u fondi oħrajn tal-UE jista’ jiġi kkombinat biex jittejbu s-sinerġiji.

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-RRF ikkonfermat il-valur miżjud ta’ strument li jikkombina r-riformi mal-investiment u l-approċċ tiegħu bbażat fuq il-prestazzjoni. Il-punti b’saħħithom ewlenin tal-RRF huma l-enfasi tiegħu fuq l-iżborż meta mqabbel mal-progress fil-prattika u l-appoġġ tiegħu kemm għar-riformi kif ukoll għall-investimenti, li spiss isaħħu lil xulxin, taħt strument wieħed. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-RRF, ippubblikata fi Frar 2024, enfasizzat l-appoġġ wiesa’ mill-Istati Membri u minn partijiet ikkonċernati oħrajn kemm għan-natura tal-RRF li hija bbażata fuq il-prestazzjoni kif ukoll għall-kombinazzjoni ta’ riformi u investimenti. Il-pagament fuq il-bażi tar-riżultati miksuba, aktar milli l-kostijiet imġarrba, jipprovdi prevedibbiltà u responsabbiltà kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Kummissjoni. Il-kombinament tar-riformi u l-investimenti fi strument ta’ finanzjament wieħed joħloq sinerġiji bejniethom, jinċentiva l-implimentazzjoni ta’ riformi ewlenin u jappoġġa l-koerenza tal-pjanijiet nazzjonali. L-implimentazzjoni rapida u l-iżborżi rapidi juru li l-RRF appoġġat lill-Istati Membri fi żminijiet ta’ kriżi, filwaqt li l-kombinament uniku ta’ riformi u investimenti jgħin lill-ekonomiji tagħna jsiru aktar adattati għall-futur.

L-RRF u l-komponent REPowerEU tagħha għandhom ukoll rwol ewlieni biex jgħinu lill-kumpaniji tal-UE jiksbu l-benefiċċji tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Sal-31 ta’ Awwissu 2024, aktar minn 2 800 000 kumpanija, l-aktar intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”), kienu bbenefikaw mill-appoġġ tal-RRF. Minbarra l-appoġġ finanzjarju dirett, l-RRPs ikkontribwew ukoll għall-implimentazzjoni ta’ riformi sinifikanti biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju madwar l-Istati Membri, pereżempju fl-oqsma tad-diġitalizzazzjoni tan-negozji, l-iffaċilitar tal-proċess għall-ħruġ tal-permessi, u t-titjib u tiġdid tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol.

Fid-dawl tan-natura tal-RRF li hija marbuta biż-żmien, l-isforzi kollha għandhom jibqgħu ffukati fuq l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tal-RRPs sal-2026. Filwaqt li l-implimentazzjoni u l-iżborżi kienu qegħdin jaċċelleraw, il-progress ivarja fost l-Istati Membri. Xi Stati Membri diġà ssottomettew erba’ talbiet għall-pagament jew aktar, filwaqt li ftit oħrajn għadhom ma ssottomettew xejn. F’xi każijiet, għadhom jippersistu d-dewmien u l-isfidi ewlenin biex jiġu assorbiti l-fondi sa tmiem l-2026. L-Istati Membri kollha jeħtieġ li jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw bis-sħiħ l-RRP rispettiv tagħhom qabel tmiem l-2026, meta l-Faċilità hija mistennija li tiskadi. Fejn rilevanti, l-RRPs xorta jistgħu jiġu riveduti biex jindirizzaw l-ostakli possibbli fl-implimentazzjoni u jilqgħu għall-isfidi emerġenti u li qegħdin jevolvu. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tkompli tappoġġa lill-Istati Membri.

Dan ir-rapport huwa t-tielet wieħed f’serje ta’ pubblikazzjonijiet annwali dwar l-implimentazzjoni tal-RRF, kif meħtieġ skont l-Artikolu 31 tar-Regolament RRF. Dan jippreżenta s-sitwazzjoni attwali rigward l-iżborżi, ir-reviżjonijiet tal-RRPs, l-iżviluppi relatati mal-awditjar u mal-kontroll, u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni fost oħrajn (it-taqsima 1); il-progress fl-implimentazzjoni tal-objettivi intermedji u l-miri fil-pilastri tal-politika tal-RRF (it-taqsima 2); u ħarsa ġenerali lejn il-miżuri inklużi fil-kapitoli REPowerEU tal-Istati Membri (it-taqsima 3) 4 . Fl-anness I, l-iskedi informattivi tal-pajjiżi jiddeskrivu l-progress li sar f’kull Stat Membru, filwaqt li annessi addizzjonali jiffokaw fuq kunċetti speċifiċi rilevanti għall-implimentazzjoni tal-RRF. L-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rapport hija bbażata fuq il-kontenut tal-RRPs sa mill-31 ta’ Awwissu 2024; fuq id-data rrapportata mill-Istati Membri sa April 2024 bħala parti mill-obbligi ta’ rapportar biannwali tagħhom; u fuq l-iżviluppi fl-implimentazzjoni tal-Faċilità sal-31 ta’ Awwissu 2024, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

1.Is-sitwazzjoni attwali dwar l-implimentazzjoni tal-RRF

A. Talbiet għall-pagament u żborżi

Il-pass tal-iżborżar żdied wara r-reviżjonijiet tal-RRPs

Sal-31 ta’ Awwissu 2024, aktar minn 40 % tal-fondi disponibbli tal-RRF kienu ġew żborżati lill-Istati Membri, bl-iżborż ta’ għotjiet li jilħaq it-48 % u self li jaqbeż bi ftit it-30 %. Mill-bidu tal-RRF, il-Kummissjoni rċeviet 63 talba għall-pagament minn 25 Stat Membru u żborżat EUR 265,4 biljun. Din iċ-ċifra tinkludi EUR 198,4 biljun żborżati f’termini netti mas-sottomissjoni tat-talbiet għall-pagament u l-ilħuq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u l-miri, EUR 56,6 biljun fi prefinanzjament tal-RRF mogħti lil 21 Stat Membru sal-31 ta’ Diċembru 2021, u EUR 10,4 biljun fi prefinanzjament tar-REPowerEU żborżat lil 21 Stat Membru. EUR 170,8 biljun mill-ammont totali żborżat lill-Istati Membri jikkonċernaw appoġġ mhux ripagabbli u EUR 94,6 biljun jikkonċernaw self. Jekk jinżamm il-pass attwali tal-iżborżar, il-Kummissjoni tistenna li tkun żborżat aktar minn EUR 300 biljun sal-aħħar tal-2024. It-Tabella 1 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn is-sottomissjoni tat-talbiet għall-pagamenti mill-Istati Membri u l-iżborżi totali korrispondenti mill-Kummissjoni, li jkopru kemm l-appoġġ kif ukoll is-self mhux ripagabbli, wara valutazzjoni pożittiva tal-objettivi intermedji u l-miri koperti mit-talba għall-pagament rispettiva.

Wara l-pass aktar bil-mod tal-iżborżar fl-ewwel nofs tal-2023 hekk kif l-isforzi kienu mmirati lejn ir-reviżjonijiet tal-RRPs, l-iżborżi aċċelleraw mit-tieni nofs tas-sena. Bejn l-1 ta’ Settembru 2023 u l-31 ta’ Awwissu 2024, ġew żborżati EUR 112,0 biljun lill-Istati Membri. Dan jinkludi EUR 10,4 biljun fi prefinanzjament tar-REPowerEU kif ukoll EUR 60,4 biljun f’appoġġ mhux ripagabbli u EUR 41,2 biljun f’self żborżat mal-ilħuq sodisfaċenti tad-908 objettiv intermedju u mira vvalutati f’27 talba għall-pagament. B’paragun ma’ dan, EUR 40,6 biljun ġew żborżati bejn l-1 ta’ Settembru 2022 u l-31 ta’ Awwissu 2023, b’EUR 26,9 biljun f’appoġġ mhux ripagabbli u EUR 13,7 biljun f’self. Il-fondi kollha ġew żborżati mal-ilħuq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u l-miri vvalutati fi 17-il talba għall-pagament, peress li ma ġie żborżat l-ebda prefinanzjament matul dak il-perjodu.

L-Istati Membri rċevew EUR 10,4 biljun fi prefinanzjament tar-REPowerEU fl-2023-2024. L-Istati Membri li emendaw l-RRPs tagħhom biex jinkludu kapitolu dwar ir-REPowerEU fi tmiem l-2023 kellhom il-possibbiltà li jitolbu sa 20 % tal-finanzjament addizzjonali fil-forma ta’ prefinanzjament, biex jiffinanzjaw il-miżuri tagħhom tar-REPowerEU 5 . 21 Stat Membru talbu u rċevew il-prefinanzjament tar-REPowerEU (ara t-Tabella 1). Il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Irlanda u l-Lussemburgu ma kinux eliġibbli għall-prefinanzjament tar-REPowerEU peress li l-kapitoli tagħhom tar-REPowerEU ma ġewx adottati mill-Kunsill sal-aħħar tal-2023. In-Netherlands u l-Iżvezja ma talbu l-ebda prefinanzjament tar-REPowerEU.

Tabella 1: Is-sitwazzjoni attwali dwar l-implimentazzjoni tat-talbiet għall-pagament tal-RRF, sal-31 ta’ Awwissu 2024

BE

BG

CZ

DK

DE

EE

IE

EL

ES

FR

HR

IT

CY

LV

LT

LU

HU

MT

NL

FI

PL

PT

RO

SI

SK

FI

SE

27 pjan approvati mill-Kummissjoni u adottati mill-Kunsill

21 prefinanzjament żborżati qabel il-31 ta’ Diċembru 2021 u li jeskludu l-prefinanzjament tar-REPowerEU (EUR 56,6 biljun)

▲

*

▲

▲

▲

▲

21 prefinanzjament tar-REPowerEU żborżati (EUR 10,4 biljun)

●

●

●

●

■

■

26 Arranġament Operazzjonali ffirmati

63 talba għall-pagament sottomessi lill-Kummissjoni, inkluż self fejn rilevanti

2x

2x

2x

2x

1x

2x

1x

4x

4x

3x

5x

6x

3x

2x

2x

1x

2x

1x

1x

1x

5x

3x

3x

4x

1x

51 pagament żborżati mal-ilħuq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u l-miri (EUR 198,4 biljun)

1x

2x

2x

1x

2x

1x

3x

4x

3x

5x

5x

1x

2x

2x

1x

2x

1x

1x

4x

2x

2x

3x

1x

Nota: * L-Irlanda ma talbet l-ebda prefinanzjament. ▲ L-ebda prefinanzjament disponibbli peress li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ma kinitx ġiet adottata sal-31 ta’ Diċembru 2021, li kien prerekwiżit għall-prefinanzjament. ● L-ebda prefinanzjament tar-REPowerEU disponibbli peress li l-kapitolu tar-REPowerEU ma kienx ġie adottat sal-31 ta’ Diċembru 2023, li kien prerekwiżit għall-prefinanzjament tar-REPowerEU. ■ In-Netherlands u l-Iżvezja ma talbu l-ebda prefinanzjament tar-REPowerEU.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Il-proċedura ta’ sospensjoni qiegħda tintuża dejjem aktar, li tiffaċilita żborżi aktar rapidi 

Il-possibbiltà li l-Kummissjoni tissospendi parzjalment il-pagamenti tipprovdi flessibbiltà għall-Istati Membri biex jirċievu żborż f’każ li jiffaċċjaw dewmien qasir fl-implimentazzjoni relatat ma’ objettivi intermedji jew miri speċifiċi. L-RRPs jorbtu kull ammont ta’ żborż ma’ sett fiss ta’ objettivi intermedji u miri. Dan jiżgura l-progress fl-implimentazzjoni tal-Istati Membri iżda jfisser ukoll li d-dewmien f’objettiv intermedju jew f’mira waħda jista’ jdewwem talba għall-pagament sħiħa. Il-metodoloġija ta’ pagament parzjali tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex tiġi żborżata parti mill-fondi lejn l-Istati Membri u b’hekk isir progress fit-talba għall-pagament, meta għadd żgħir ta’ objettivi intermedji jew miri jkunu għadhom ma ntlaħqux b’mod sodisfaċenti. Skont l-Artikolu 24(8) tar-Regolament RRF, l-Istati Membri mbagħad ikollhom 6 xhur wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar is-sospensjoni parzjali tal-iżborż biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw l-ilħuq sodisfaċenti tal-objettiv/i importanti jew tal-mira/miri li jifdal. Wara dan il-perjodu, il-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid it-talba għall-pagament u jew tneħħi s-sospensjoni jekk l-objettiv/i importanti jew il-mira/miri speċifiċi jiġi vvalutat/jiġu vvalutati bħala milħuq/milħuqin, jew inkella tnaqqas l-allokazzjoni finanzjarja tal-Istat Membru jekk l-objettivi intermedji jew il-miri jibqgħu ma jintlaħqux b’mod sodisfaċenti.

Iż-żieda fl-użu tal-pagamenti parzjali għenet biex jitħaffef l-iżborż tal-fondi tal-RRF. Mill-pubblikazzjoni tal-metodoloġija għad-determinazzjoni tas-sospensjoni tal-pagamenti parzjali fl-2023 6 , il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ sitt każijiet ta’ talbiet għall-pagamenti fejn objettiv(i) intermedju/i jew mira/i li ma setgħetx jew ma setgħux jiġu vvalutati bħala li ntlaħqu b’mod sodisfaċenti. Bejn l-1 ta’ Settembru 2023 u l-31 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni vvalutat li t-talbiet għall-pagament sottomessi minn Spanja 7 , l-Italja 8 , il-Portugall 9 , u r-Rumanija 10 kienu jinkludu objettiv(i) intermedju/i jew mira/i li ma setgħetx jew ma setgħux jiġu vvalutati bħala li ntlaħqu b’mod sodisfaċenti. Dan minbarra l-pagament diġà sospiż f’April 2023 għall-ewwel talba għall-pagament tal-Litwanja 11 . Barra minn hekk, il-valutazzjoni preliminari tal-ewwel talba għall-pagament tal-Belġju 12 tqis li objettiv intermedju wieħed ma setax jiġi vvalutat bħala li ntlaħaq b’mod sodisfaċenti 13 .

Fl-2024, il-Kummissjoni neħħiet kemm is-sospensjonijiet kif ukoll naqqset b’mod permanenti l-appoġġ tal-RRF għall-ewwel darba. Fil-każ tal-Litwanja, fis-6 xhur wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni f’April 2023, l-awtoritajiet nazzjonali ħadu azzjoni politika addizzjonali u, f’Ottubru 2023, issottomettew informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni dwar l-objettivi intermedji sospiżi. Il-Kummissjoni kkonkludiet li wieħed minn dawn iż-żewġ objettivi intermedji ntlaħaq b’mod sodisfaċenti, filwaqt li t-tieni wieħed kien għadu ma ntlaħaqx b’mod sodisfaċenti. Konsegwentement, il-Kummissjoni parzjalment neħħiet is-sospensjoni u żburżat EUR 14,9 miljun lil-Litwanja, b’rikonoxximent tal-progress li sar. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni naqqset ukoll l-allokazzjoni finanzjarja tal-Litwanja b’EUR 8,7 miljun, li tikkorrispondi għall-objettiv intermedju mhux milħuq 14 . Barra minn hekk, fil-każ tal-Portugall, l-awtoritajiet nazzjonali ħadu azzjoni politika fis-6 xhur wara s-sospensjoni għat-tielet u r-raba’ pagamenti adottati f’Diċembru 2023. F’Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-objettivi intermedji u l-miri pendenti ntlaħqu b’mod sodisfaċenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni neħħiet kompletament l-ammont li qabel kien sospiż u żborżat EUR 720 miljun lill-Portugall 15 . F’Marzu 2024, ir-Rumanija ppreżentat ukoll ġustifikazzjonijiet addizzjonali biex turi li kienet wettqet il-miżuri meħtieġa għall-ilħuq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji li kienu ġew sospiżi qabel. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni vvalutat li wieħed miż-żewġ objettivi intermedji ntlaħaq b’mod sodisfaċenti, filwaqt li t-tieni wieħed kompla ma jintlaħaqx b’mod sodisfaċenti. Il-Kummissjoni se tikkonkludi l-valutazzjoni tagħha wara li tkun tat il-possibbiltà lir-Rumanija li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn mill-komunikazzjoni tal-konklużjonijiet tagħha, f’konformità mal-Artikolu 24(8) tar-Regolament RRF. Sal-31 ta’ Awwissu 2024, kien għaddej il-perjodu ta’ sospensjoni ta’ 6 xhur fejn l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw l-ilħuq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji jew il-miri li jifdal għal Spanja u għall-Italja.

Il-Kummissjoni kompliet toħroġ Bonds tal-UE biex tiffinanzja l-RRF

Fl-2024, il-Kummissjoni kompliet tiġbor fondi fis-swieq permezz ta’ approċċ ta’ finanzjament unifikat, li permezz tiegħu l-Kummissjoni toħroġ Bonds tal-UE ta’ marka unika u talloka r-rikavati għal aggregazzjoni ta’ finanzjament ċentrali li minnha jiġu ffinanzjati l-programmi ta’ politika differenti tal-UE. Sal-31 ta’ Awwissu 2024, l-ammont totali ta’ bonds pendenti tal-UE kien ta’ EUR 531,4 biljun, b’EUR 60,2 biljun minnhom fil-forma ta’ bonds ekoloġiċi ta’ NextGenerationEU. Il-Kummissjoni kompliet ukoll toħroġ Kambjali tal-UE ta’ 3 xhur u 6 xhur biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament fuq terminu qasir. Sal-31 ta’ Awwissu 2024, il-Kambjali tal-UE pendenti kienu ta’ EUR 20,9 biljun.

Bir-rikavat li nġabar mill-ħruġ tal-Bonds tal-UE, il-Kummissjoni setgħet tkompli l-finanzjament bla xkiel tal-RRPs tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għamlet l-iżborżi kollha lill-Istati Membri taħt l-RRF hekk kif kienu dovuti, bħala medja fi żmien 6 ijiem tax-xogħol wara l-awtorizzazzjoni tagħhom. Ma kien hemm l-ebda dewmien.

F’Ġunju, il-Kummissjoni ħarġet il-pjan ta’ finanzjament tagħha għat-tieni semestru tal-2024, b’mira ta’ finanzjament sa EUR 65 biljun ta’ Bonds tal-UE fit-tul bejn Lulju u tmiem Diċembru 2024. Il-pjan ta’ finanzjament tat-tieni nofs tal-2024 bena fuq it-tlestija tal-mira ta’ EUR 75 biljun għall-ewwel semestru tal-2024, bi ħruġ li għandu l-għan li jimmobilizza finanzjament totali sa EUR 140 biljun fl-2024 (meta mqabbel ma’ mira ta’ finanzjament ta’ EUR 120 biljun fl-2023).

Taħt NextGenerationEU u abbażi tat-talbiet għall-finanzjament tal-Istati Membri skont l-RRF u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ programmi oħrajn tal-UE appoġġati minn NextGenerationEU, il-Kummissjoni tistenna li tiġbor sa EUR 712 biljun permezz tal-ħruġ ta’ Bonds tal-UE sal-2026 (minn pakkett ta’ programmi massimu ta’ EUR 806,9 biljun 16 ). Dan jagħmel lill-UE waħda mill-akbar emittenti ta’ dejn iddenominat f’euro f’dan il-perjodu.

Għadd dejjem akbar ta’ miżuri huma eliġibbli għall-finanzjament taħt il-Bonds Ekoloġiċi ta’ NextGenerationEU

Fl-2020, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tiffinanzja sa 30 % ta’ NextGenerationEU billi toħroġ bonds ekoloġiċi. Dan juri l-impenn tal-Kummissjoni għal finanzjament sostenibbli, billi ġabet assi ekoloġiku ġdid bi klassifikazzjoni għolja u likwidu fis-suq, li tat aċċess għal investimenti ekoloġiċi għal firxa wiesgħa ta’ investituri, u saħħet ir-rwol tal-Unjoni Ewropea u tal-euro fis-swieq tal-finanzi sostenibbli. L-ewwel Bond Ekoloġiku ta’ NextGenerationEU inħareġ f’Ottubru 2021. Permezz ta’ dan il-bond ta’ 15-il sena, il-Kummissjoni ġabret EUR 12-il biljun, li jagħmilha l-akbar tranżazzjoni ta’ bonds ekoloġiċi fid-dinja sal-lum. Minn dak iż-żmien, il-Kummissjoni ħarġet EUR 60,2 biljun ta’ Bonds Ekoloġiċi ta’ NextGenerationEU, bi ħruġ ġdid ikkalibrat biex jikkorrispondi għan-nefqa ekoloġika rrapportata mill-Istati Membri.

In-nefqa nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ffinanzjati mill-Bonds Ekoloġiċi ta’ NextGenerationEU, sal-31 ta’ Awwissu 2024, kienet relatata l-aktar mal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika (42,8 % tal-infiq allokat) u t-trasport nadif u l-infrastruttura (33,3 %). L-enerġija nadifa u n-network kienet it-tielet l-akbar kategorija ta’ nefqa, bi 8,4 % tal-infiq fost disa’ kategoriji ta’ nfiq li għalihom jistgħu jiġu allokati r-rikavati mill-bonds ekoloġiċi ta’ NextGenerationEU.

L-UE tavvanza l-finanzjament sostenibbli permezz tal-Bonds Ekoloġiċi ta’ NextGenerationEU billi tidderieġi l-fondi f’firxa wiesgħa ta’ proġetti ekoloġiċi. L-UE saret wieħed mill-akbar emittenti ta’ bonds ekoloġiċi fid-dinja, u b’hekk żiedet dan is-suq b’ammont sinifikanti. Bl-adeżjoni mal-Prinċipji tal-Bonds Ekoloġiċi tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Suq Kapitali u bl-iżgurar ta’ rapportar trasparenti, l-UE tistabbilixxi standard għoli fis-suq tal-bonds ekoloġiċi, filwaqt li tinkoraġġixxi l-fluss tal-kapital lejn investimenti ekoloġikament pożittivi. Il-Bonds Ekoloġiċi ta’ NextGenerationEU mhux biss jindikaw l-impenn qawwi tal-UE għas-sostenibbiltà iżda jintegraw ukoll l-inizjattivi ekoloġiċi fl-irkupru ekonomiku mill-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jippromwovu perkors ta’ tkabbir reżiljenti u sostenibbli għall-futur.

F’konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar tal-Qafas tal-Bonds Ekoloġiċi ta’ NextGenerationEU, f’Diċembru 2023 il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel Rapport komprensiv dwar l-Allokazzjoni u l-Impatt tal-Bonds Ekoloġiċi ta’ NextGenerationEU. L-analiżi turi li l-miżuri ffinanzjati minn dawn il-bonds jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’44 miljun tunnellata fis-sena, ekwivalenti għal 1,2 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra aggregati tal-UE.

Mill-aħħar rapport, minħabba l-inklużjoni ta’ miżuri ġodda mill-kapitoli tar-REPowerEU li ġew adottati dan l-aħħar, l-aggregazzjoni ta’ miżuri ppjanati eliġibbli għall-finanzjament bis-saħħa ta’ bonds ekoloġiċi ta’ NextGenerationEU żdiedet b’aktar minn EUR 80 biljun biex tilħaq EUR 268,1 biljun ta’ assi eliġibbli sal-31 ta’ Awwissu 2024. Ir-rapport li jmiss se jiġi ppubblikat f’Novembru 2024, li juri żieda ulterjuri fl-ammont ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jistgħu jiġu evitati permezz tal-investimenti f’bonds ekoloġiċi ta’ NextGenerationEU.

Il-kundizzjonalità makroekonomika u l-RRF

L-Artikolu 10 tar-Regolament RRF jgħaqqad flimkien l-RRF mal-qafas ta’ governanza fiskali tal-UE. B’mod speċifiku, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament RRF jirrikjedi li l-Kummissjoni tagħmel proposta lill-Kunsill biex jissospendi l-impenji jew il-pagamenti rilevanti kollha jew parti minnhom fejn il-Kunsill jiddeċiedi f’konformità mal-Artikolu 126(8) jew (11) tat-TFUE li Stat Membru ma jkunx ħa azzjoni effettiva biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv tiegħu. Dan huwa l-każ sakemm il-Kummissjoni ma tkunx iddeterminat l-eżistenza ta’ reċessjoni ekonomika severa għall-Unjoni kollha skont l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, jiġifieri l-klawżola liberatorja ġenerali tal-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. L-Artikolu 10(8) tar-Regolament RRF jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq rieżami tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10 sa tmiem l-2024 u li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport jissodisfa dan ir-rekwiżit.

Kien hemm każ wieħed biss mill-bidu tal-RRF li kien rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament RRF. Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni pproponiet deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(8) tat-TFUE minħabba n-nuqqas tar-Rumanija li twettaq azzjoni effettiva b’rispons għal rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, jiġifieri rakkomandazzjoni skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Ir-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE kienet ġiet adottata mill-Kunsill fit-18 ta’ Ġunju 2021 u rrakkomandat li r-Rumanija ttemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2024.

Fl-2023, l-UE kienet għadha meqjusa li tinsab f’sitwazzjoni ta’ reċessjoni ekonomika severa għall-UE kollha, hekk kif il-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir kienet għadha attivata. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ma pproponietx is-sospensjoni tal-impenji jew tal-pagamenti tal-fondi tal-UE lir-Rumanija wara li l-Kunsill adotta d-deċiżjoni skont l-Artikolu 126(8) tat-TFUE fis-26 ta’ Lulju 2024.

B. Reviżjoni tal-RRPs

RRPs aġġornati jibqgħu ambizzjużi wara r-reviżjonijiet li saru fl-2023 u fl-2024

L-avvenimenti ġeopolitiċi, l-inflazzjoni għolja, in-nuqqasijiet fil-katina tal-provvista u, f’xi każijiet, id-diżastri naturali għamluha diffiċli għall-Istati Membri biex jimplimentaw ċerti riformi u investimenti fl-RRPs tagħhom. L-Istati Membri, appoġġati mill-Kummissjoni, setgħu jimmitigaw dawn ir-restrizzjonijiet esterni u jirrevedu l-miżuri rilevanti bl-użu tal-flessibbiltà inkorporata fir-Regolament RRF biex jemendaw l-RRPs fejn ċirkostanzi oġġettivi għamluha impossibbli li jintlaħqu l-objettivi intermedji u l-miri oriġinali (skont l-Artikolu 21 tar-Regolament RRF). L-Istati Membri introduċew ukoll il-kapitoli tar-REPowerEU fl-RRPs tagħhom, u b’hekk ibbenefikaw minn riżorsi addizzjonali u taw spinta lir-riformi u lill-investimenti li jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija tal-UE, jaċċelleraw it-tranżizzjoni ekoloġika u jappoġġaw lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli. Dawn ir-reviżjonijiet kienu wkoll l-okkażjoni biex jiġu aġġornati l-RRPs biex titqies l-allokazzjoni finanzjarja riveduta lill-Istati Membri 17 u jiġi sfruttat l-appoġġ għas-self li jifdal 18 disponibbli taħt l-RRF.

Ir-reviżjonijiet tal-RRPs żguraw li huma jindirizzaw l-impatt tal-inflazzjoni għolja u ta’ ostakli min-naħa tal-provvista li affettwaw ir-riżerva ta’ investiment. L-RRPs kollha ġew aġġornati mill-inqas darba fl-2023 u xi wħud kienu soġġetti għal emendi mmirati addizzjonali: sad-data ta’ skadenza tar-rapport (31 ta’ Awwissu 2024), l-Istati Membri kollha kienu ssottomettew mill-inqas talba waħda biex jimmodifikaw l-RRPs tagħhom, 26 kienu ssottomettew kapitolu tar-REPowerEU, u 11-il Stat Membru kienu għamlu wkoll reviżjonijiet immirati addizzjonali (it-Tabella 2). Meta aġġornaw l-RRPs tagħhom, l-Istati Membri taw attenzjoni partikolari mhux biss għall-kwalità tal-miżuri iżda wkoll għall-grad ta’ maturità tagħhom u l-orizzont ta’ implimentazzjoni tagħhom, minħabba n-natura tal-RRF marbuta maż-żmien sal-2026. L-impenji li ma kinux għadhom jistgħu jinkisbu minħabba ċirkostanzi oġġettivi ġew aġġustati u, f’ħafna każijiet, ġew sostitwiti b’alternattivi aktar xierqa, filwaqt li l-ambizzjoni oriġinali tal-RRP inżammet intatta. L-ambitu wiesa’ tal-RRF ipprovda l-flessibbiltà meħtieġa għall-Istati Membri biex jallokaw ir-riżorsi skont il-prijoritajiet tagħhom li qegħdin jevolvu, f’konformità mal-objettivi tal-RRF.

Tabella 2: Sitwazzjoni attwali dwar is-sottomissjoni tal-RRPs u l-kapitoli tar-REPowerEU modifikati sal-31 ta’ Awwissu 2024

BE

BG

CZ

DK

DE

EE

IE

EL

ES

FR

HR

IT

CY

LV

LT

LU

HU

MT

NL

FI

PL

PT

RO

SI

SK

FI

SE

27 pjan approvati mill-Kummissjoni u adottati mill-Kunsill

42 reviżjoni sottomessi lill-Kummissjoni

1x

1x

1x

1x

3x

1x

3x

2x

2x

1x

1x

3x

2x

1x

2x

2x

1x

1x

1x

1x

2x

2x

1x

1x

1x

3x

1x

26 kapitolu tar-REPowerEU sottomessi lill-Kummissjoni

40 reviżjoni vvalutati mill-Kummissjoni

1x

1x

1x

1x

3x

1x

3x

2x

2x

1x

1x

3x

2x

1x

1x

2x

1x

1x

1x

1x

2x

1x

1x

1x

1x

3x

1x

39 reviżjoni adottati mill-Kunsill

1x

1x

1x

1x

3x

1x

3x

2x

2x

1x

1x

3x

2x

1x

1x

1x

1x

1x

1x

1x

2x

1x

1x

1x

1x

3x

1x

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Il-pakkett finanzjarju totali u l-kontribuzzjoni tal-RRF għal kull sitt pilastri ta’ politika nbidlu wara r-reviżjonijiet tal-RRP

Il-pakkett finanzjarju totali tal-RRF ġie ddeterminat bħala EUR 650 biljun fl-aħħar ta’ Awwissu 2024. Dan jinqasam f’EUR 359 biljun f’appoġġ mhux ripagabbli u f’EUR 291 biljun f’self. Dan jinkludi l-appoġġ addizzjonali mhux ripagabbli ffinanzjat mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (“ETS”) u t-trasferimenti mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (“BAR”) li saru disponibbli għall-Istati Membri mir-Regolament RRF emendat biex jappoġġaw ir-REPowerEU. L-EUR 359 biljun f’appoġġ mhux ripagabbli jinqasmu f’(i) EUR 338 biljun f’appoġġ mhux ripagabbli oriġinali tal-RRF, (ii) qrib EUR 19,5-il biljun f’appoġġ mhux ripagabbli tal-ETS, u (iii) qrib EUR 2 biljun f’appoġġ mhux ripagabbli. L-Istati Membri setgħu jitolbu appoġġ fil-forma ta’ self sa Awwissu 2023. Mill-pakkett totali ta’ self disponibbli ta’ EUR 385 biljun, kważi EUR 291 biljun ġew impenjati sal-aħħar tal-2023, jiġifieri l-iskadenza legali għall-impenji finanzjarji skont l-RRF. Dawn iż-żewġ bidliet (żieda fl-appoġġ mhux ripagabbli disponibbli permezz tal-ETS u l-BAR u inqas appoġġ fil-forma ta’ self mitlub mill-pakkett totali disponibbli) wasslu għal pakkett totali tal-RRF ta’ EUR 650 biljun sal-aħħar ta’ Awwissu 2024. L-ammont irrapportat qabel ta’ EUR 723 biljun kien jirrappreżenta l-ammont massimu ta’ appoġġ mhux ripagabbli tal-RRF (EUR 338 biljun) u self tal-RRF (EUR 385 biljun) disponibbli mir-Regolament RRF.

B’riżultat ta’ dan u tar-reviżjonijiet tal-pjan relatati, il-kontribuzzjoni tal-RRPs għal kull pilastru ta’ politika f’termini ta’ kostijiet stmati nbidlet (ara l-Illustrazzjoni 1). Filwaqt li f’termini assoluti l-kostijiet stmati żdiedu għal kull pilastru tal-politika, il-miżuri li jikkontribwixxu għall-pilastru 1 dwar it-tranżizzjoni ekoloġika u l-pilastru 3 dwar it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv ġew imsaħħa u sehem ogħla tal-RRPs issa jikkontribwixxi għal dawn iż-żewġ objettivi.

Illustrazzjoni 1: Sehem tal-kostijiet tal-RRF stmati li jikkontribwixxu għal kull pilastru tal-politika, qabel u wara r-reviżjonijiet tal-RRPs

Nota: Kull miżura tikkontribwixxi għal tnejn mis-sitt pilastri tal-politika. Għalhekk, il-kontribut totali għall-pilastri kollha murija f’din iċ-ċart jammonta għal 200 % tal-fondi tal-RRF allokati lil Malta. Il-perċentwali murija għall-kontribuzzjoni għall-pilastri tat-tranżizzjoni ekoloġika u tat-trasformazzjoni diġitali huma differenti mill-perċentwali murija għall-kontribuzzjoni għall-objettivi klimatiċi u diġitali; dawn tal-aħħar huma kkalkolati skont metodoloġija differenti (iddettaljata fl-Annessi VI u VII tar-Regolament RRF).

Sors: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza

Profili tal-pagamenti evolvew wara r-reviżjonijiet tal-RRPs 19

Il-profili tal-pagamenti skont l-RRF (jiġifieri l-ammont li għandu jiġi żborżat f’pagamenti parzjali għall-ilħuq sodisfaċenti ta’ lista predefinita ta’ objettivi intermedji u miri) ġew stabbiliti skont sett ta’ prinċipji gwida. Il-profili tal-pagamenti oriġinali ġew stabbiliti bħala riflessjoni ta’ diversi fatturi, li jinkludu l-ħtiġijiet ta’ finanzjament nazzjonali u l-ippjanar baġitarju, u l-proporzjon ta’ objettivi intermedji u miri f’kull pagament kif ukoll l-importanza relattiva tagħhom. Bħala tali, ma hemm l-ebda relazzjoni lineari sempliċi bejn l-għadd ta’ objettivi intermedji u miri f’pagament parzjali partikolari u d-daqs tal-iżborż relatat. Wara diskussjonijiet mal-Istati Membri, il-Kummissjoni pproponiet profili tal-pagamenti li ġew finalment approvati mill-Kunsill.

Bir-reviżjoni tal-RRPs, il-profili tal-pagamenti evolvew biex jirriflettu ż-żieda tal-kapitoli tar-REPowerEU, il-bidliet fl-allokazzjoni finanzjarja għal kull Stat Membru u l-aġġustamenti għall-miżuri eżistenti tal-RRF. L-adozzjoni tal-kapitoli tar-REPowerEU wasslet għal żieda fl-appoġġ totali għall-għotjiet lill-Istati Membri, b’objettivi intermedji u b’miri ġodda relatati mar-REPowerEU miżjuda mal-pagamenti parzjali eżistenti. Barra minn hekk, ir-reviżjonijiet tal-pjan kellhom ukoll l-għan li jirriflettu l-allokazzjoni finanzjarja aġġornata (l-Artikolu 18 tar-Regolament RRF) u li jammontaw għal ċirkostanzi oġġettivi li jaffettwaw l-ilħuq tal-miżuri (l-Artikolu 21). Dan wassal għal bidliet fil-kontenut (eż. tnaqqis/żieda tal-miri kwantitattivi, sostituzzjoni tal-objettivi intermedji u l-miri b’alternattivi aħjar) u skedi ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ miżuri fl-RRPs. Kemm il-bidla fl-allokazzjoni tal-għotjiet kif ukoll iż-żieda, it-tneħħija, u l-modifika tal-objettivi intermedji u l-miri ġew riflessi fil-profili tal-pagamenti riveduti f’konformità mal-prinċipji gwida użati meta ġew stabbiliti l-profili tal-pagamenti elenkati hawn fuq. Il-Kummissjoni qieset il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-profili tal-pagamenti jkunu proporzjonati mal-progress fl-implimentazzjoni tal-objettivi intermedji u l-miri, filwaqt li qieset l-importanza relattiva tagħhom, li jinċentivaw l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet, u li, b’mod aggregat, jibqgħu kompatibbli mal-pjan ta’ finanzjament tal-Unjoni.

L-Illustrazzjoni 2 hawn taħt turi l-profili tal-pagamenti attwali għall-komponent tal-għotja ta’ kull RRP. Dawn juru s-sehem kumulattiv tal-ammont gross ta’ kull pagament parzjali bħala perċentwal tal-allokazzjoni totali tal-għotja u s-sehem kumulattiv tal-għadd ta’ objettivi intermedji u miri ta’ kull pagament parzjali mill-għadd totali ta’ objettivi intermedji u miri fil-komponent tal-għotja. Ma hemm l-ebda relazzjoni lineari bejn l-għadd ta’ objettivi intermedji u miri f’pagament parzjali partikolari u d-daqs tal-iżborż relatat peress li l-profili tal-pagamenti huma stabbiliti f’konformità mas-sett ta’ prinċipji msemmija hawn fuq.

Illustrazzjoni 2: Perċentwal ta’ appoġġ mhux ripagabbli (kumulattiv) u ta’ objettivi intermedji u miri inklużi f’kull pagament parzjali, għal kull Stat Membru.

Nota: Ma hemm l-ebda relazzjoni lineari bejn l-għadd ta’ objettivi intermedji u miri f’pagament parzjali partikolari u d-daqs tal-iżborż relatat. Dan għaliex il-profili tal-pagamenti ġew stabbiliti bħala riflessjoni ta’ diversi fatturi, inklużi l-ħtiġijiet ta’ finanzjament nazzjonali u l-ippjanar baġitarju, il-proporzjon ta’ objettivi intermedji u miri f’kull pagament parzjali, u l-importanza relattiva tagħhom.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Il-miri klimatiċi u diġitali tal-RRF għadhom qegħdin jintlaħqu mill-RRPs riveduti

Wara r-reviżjonijiet tal-RRPs adottati, l-Istati Membri kollha komplew jiddedikaw mill-inqas 37 % tal-allokazzjoni tal-RRP tagħhom għal miżuri li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u mill-inqas 20 % għall-objettivi diġitali (ara l-Illustrazzjoni 3). Għall-RRF b’mod ġenerali, in-nefqa klimatika stmata żdiedet, u ammontat għal 42,5 % tal-allokazzjoni tal-RRF sal-aħħar ta’ Awwissu (id-data ta’ skadenza), filwaqt li n-nefqa diġitali stmata ammontat għal 26 %, u għalhekk ogħla miż-żewġ miri stabbiliti fir-Regolament.

Illustrazzjoni 3: Sehem tal-allokazzjoni totali stmata tal-RRPs li tappoġġa l-objettivi klimatiċi u diġitali, wara r-reviżjoni tal-RRPs

Nota: L-RRPs kellhom jispeċifikaw u jiġġustifikaw sa liema punt kull miżura tikkontribwixxi bis-sħiħ (100 %), parzjalment (40 %) jew ma għandha l-ebda impatt (0 %) fuq l-objettivi klimatiċi u/jew diġitali. Il-kontribuzzjonijiet għall-objettivi klimatiċi u diġitali ġew ikkalkolati bl-użu tal-Annessi VI u VII tar-Regolament RRF, rispettivament. Il-kombinazzjoni tal-koeffiċjenti mal-istimi tal-kostijiet ta’ kull miżura tippermetti li jsir il-kalkolu sa liema punt il-pjanijiet jikkontribwixxu għall-miri klimatiċi u diġitali.

Sors: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza

L-RRPs riveduti jikkontribwixxu għall-politiki soċjali u għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri madwar l-UE

L-RRPs riveduti jkomplu jrawmu konverġenza soċjali ’l fuq. Ammont totali stmat ta’ madwar EUR 162,3 biljun fl-RRPs jikkontribwixxi għal miżuri ta’ politika soċjali 20 , li jirrappreżenta madwar 25 % tan-nefqa totali stmata. Wara r-reviżjonijiet tal-RRPs, kważi 30 % tan-nefqa soċjali stmata hija ddedikata għal investimenti u riformi fl-edukazzjoni u l-indukrar tat-tfal (tnaqqis ta’ 4 punti perċentwali) u s-saħħa u l-kura fit-tul (tnaqqis ta’ 5 punti perċentwali), rispettivament, filwaqt li 25 % tan-nefqa hija ddedikata għall-impjiegi u l-ħiliet (żieda ta’ 6 punti perċentwali) u l-bqija għall-politiki soċjali (żieda ta’ 3 punti perċentwali) (l-Illustrazzjoni 4). L-RPPs tal-Istati Membri issa jinkludu 423 (sotto)miżura b’enfasi fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, mifruxa fuq diversi oqsma ta’ politika, inkluża l-edukazzjoni fil-livelli kollha, l-appoġġ għall-impjiegi, u l-akkomodazzjoni.

Illustrazzjoni 4: Sehem tan-nefqa soċjali tal-RRF stmata għal kull kategorija soċjali

Nota: Din il-grafika turi d-diżaggregazzjoni tan-nefqa soċjali stmata fl-RRPs kollha. Il-kategoriji soċjali huma ddefiniti u applikati skont il-metodoloġija adottata mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Istati Membri fir-Regolament Delegat (UE) 2021/2105.

Sors: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza

L-RRPs tal-Istati Membri jkomplu jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bil-pjanijiet kollha ħlief tnejn li jinkludu miżuri li jimmiraw b’mod espliċitu li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-RRPs riveduti fihom 136 (sotto)miżura b’enfasi fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Id-diżaggregazzjoni tal-miżuri rilevanti għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri għal kull Stat Membru hija pprovduta fl-Illustrazzjoni 5. Minbarra l-1367 (sotto)miżura li jikkontribwixxu b’mod espliċitu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-Istati Membri jkomplu jinkludu riformi u investimenti oħrajn fil-pjanijiet tagħhom li l-implimentazzjoni tagħhom tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal dawn id-dimensjonijiet. Dan jinkludi, pereżempju, riformi u investimenti fl-infrastruttura, it-trasport pubbliku jew il-konnettività diġitali. Miżuri bħal dawn jista’ jkollhom impatt pożittiv f’termini ta’ aċċess għal edukazzjoni mill-bogħod, servizzi (tas-saħħa) essenzjali u utilitajiet, jew li jippermettu lil persuni b’mobbiltà limitata jew li jgħixu f’żoni remoti jipparteċipaw f’attivitajiet ekonomiċi u fil-ħajja soċjali.

Illustrazzjoni 5: Perċentwal ta’ miżuri tal-RRP b’enfasi fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

Sors: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza

C. Riċevituri finali taħt l-RRF

L-Istati Membri kollha jippubblikaw data dwar l-akbar 100 riċevitur finali

Fil-bidu tal-2023, ġiet imsaħħa t-trasparenza fir-rigward tal-użu tal-fondi tal-RRF meta ġie emendat ir-Regolament RRF, fil-kuntest tar-REPowerEU, biex jirrikjedi li l-Istati Membri jiddivulgaw informazzjoni dwar l-akbar riċevituri finali taħt l-RRPs tagħhom. Skont l-Artikolu 25a tar-Regolament RRF, l-Istati Membri jeħtiġilhom joħolqu portal disponibbli għall-pubbliku li jikkompila data dwar il-100 riċevitur finali li jirċievu l-ogħla ammont ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ miżuri taħt il-Faċilità u li jaġġornaw dik id-data darbtejn fis-sena 21 . Fil-kuntest tal-RRF, ir-riċevituri finali jirreferu għall-aħħar entitajiet li rċevew il-fondi għall-implimentazzjoni ta’ miżura RRF li ma humiex kuntratturi jew sottokuntratturi, bħaċ-ċittadini, in-negozji, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali. Għalhekk dawn jistgħu jkunu persuni ġuridiċi jew fiżiċi 22 . F’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament, il-Kummissjoni tiċċentralizza u tippubblika d-data flimkien ma’ links għall-portals nazzjonali tal-Istati Membri dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza 23 .

Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-komparabbiltà tad-data, il-Kummissjoni pprovdiet gwida lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni ddiskutiet ir-rapportar dwar ir-riċevituri finali mal-Istati Membri f’diversi laqgħat tal-grupp ta’ esperti informali tal-RRF, u enfasizzat l-importanza tiegħu għat-tisħiħ tat-trasparenza. F’dan ir-rigward, u wkoll b’segwitu għal talba mill-Parlament Ewropew 24 , l-anness V ta’ dan ir-rapport jikkonsolida din il-gwida u jiċċara aktar il-kunċett tar-riċevitur finali skont ir-Regolament RRF u l-ambitu tal-pubblikazzjoni tad-data dwar l-akbar 100 riċevitur finali taħt l-RRF.

Is-27 Stat Membru kollha ħolqu portal disponibbli għall-pubbliku bid-data dwar l-akbar 100 riċevitur finali. L-Istati Membri kollha kienu diġà pprovdew l-ewwel sett ta’ data dwar l-akbar 100 riċevitur finali fl-2023, u l-biċċa l-kbira pprovdew ukoll aġġornament aktar tard fis-sena. Il-Kummissjoni tistenna li l-Istati Membri kollha jaderixxu mad-data ta’ skadenza biannwali għar-rapportar minn issa ’l quddiem u se timmonitorja mill-qrib li l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jaġġornaw id-data darbtejn fis-sena. Fl-2024, kważi l-Istati Membri kollha diġà pprovdew l-ewwel aġġornament tad-data tagħhom, u l-Kummissjoni tistenna t-tieni aġġornament tad-data f’Ottubru.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri pprovdew lista sħiħa ta’ data dwar l-akbar 100 riċevitur finali taħt l-RRPs tagħhom, filwaqt li xi wħud minnhom ipprovdew listi li fihom inqas minn 100 riċevitur finali, jiġifieri l-Bulgarija (19), l-Estonja (98), l-Ungerija (99), il-Litwanja (71), Malta (31) u r-Rumanija (98). F’xi każijiet, dan jista’ jkun marbut mal-istat ta’ implimentazzjoni tal-RRPs rispettivi tal-Istati Membri kkonċernati, fejn l-implimentazzjoni tal-miżuri qiegħda titħejja iżda l-fondi għadhom ma waslux għand ir-riċevituri finali. Ir-Regolament RRF jinkludi wkoll eżenzjonijiet 25 mill-obbligu li tiġi ppubblikata d-data, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, li f’xi każijiet jistgħu jkunu rilevanti għar-rapportar dwar l-akbar riċevituri finali.

Id-data dwar l-akbar riċevituri finali f’kull Stat Membru tista’ tipprovdi għarfien siewi, li jippermetti trasparenza akbar dwar id-distribuzzjoni tal-finanzjament tal-RRF. Id-data tissupplimenta d-data eżistenti dwar l-implimentazzjoni tal-RRPs, bħall-objettivi intermedji u l-miri milħuqin, u l-iżborżi għal kull pilastru, u tikkontribwixxi għall-mappa tal-proġetti appoġġati mill-RRF.

L-ammonti ta’ finanzjament żborżati lill-akbar riċevituri finali f’kull Stat Membru jvarjaw b’mod konsiderevoli, f’konformità man-natura eteroġena tal-RRPs u d-differenzi fl-allokazzjonijiet finanzjarji. L-ogħla ammont riċevut minn riċevitur finali huwa ta’ aktar minn EUR 22 biljun, filwaqt li l-inqas ammont riċevut minn wieħed mill-akbar riċevituri finali huwa ta’ EUR 5 723. Il-valur medju tal-fondi riċevuti mill-akbar riċevituri finali huwa ta’ kważi EUR 63 miljun u l-valur medjan huwa ferm aktar baxx għal madwar EUR 4,5 miljun. Bl-istess mod, is-somma tal-fondi li l-akbar riċevituri finali rċevew sa issa f’kull Stat Membru tirrappreżenta ishma differenti tal-pakketti totali tagħhom (ara l-Illustrazzjoni 6), kemm fost l-Istati Membri kif ukoll meta titqabbel is-somma tal-fondi riċevuti mill-akbar 10 riċevituri finali u mill-akbar 100 riċevitur finali f’kull Stat Membru. Bħala medja, il-fondi totali riċevuti mill-akbar 100 riċevitur finali bħala sehem mill-allokazzjonijiet tal-Istati Membri jammontaw għal 22,1 %, filwaqt li l-fondi riċevuti mill-akbar 10 riċevituri finali jirrappreżentaw sehem ta’ 14,3 % tal-allokazzjonijiet tal-Istati Membri.

Illustrazzjoni 6: Somma tal-fondi riċevuti mill-akbar 10 u 100 riċevituri finali, bħala sehem mill-pakkett totali tal-Istati Membri

Sors: Il-kalkolu tal-Kummissjoni Ewropea stess ibbażat fuq id-data tar-riċevituri finali pprovduta mill-Istati Membri.

Il-biċċa l-kbira tal-akbar riċevituri finali rrapportati madwar l-Istati Membri huma entitajiet pubbliċi. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, 59,4 % tal-akbar 100 riċevitur finali madwar l-Istati Membri huma entitajiet pubbliċi u 40,7 % huma entitajiet privati 26 . L-akbar riċevituri finali għal kull Stat Membru li huma awtoritajiet pubbliċi rċevew total ta’ madwar EUR 94,5 biljun, li jikkorrispondi għal 15 % tal-fondi impenjati kollha tal-RRF, u dawk li huma entitajiet privati rċevew EUR 65 biljun, li jirrappreżenta sehem ta’ 10 % tal-fondi impenjati tal-RRF. Peress li ħafna miżuri tal-RRF huma mmirati lejn it-titjib tal-provvista ta’ beni pubbliċi, f’oqsma bħas-saħħa, it-trasport jew id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi li ġeneralment jirrappreżentaw proġetti ta’ investiment b’kostijiet għoljin u fuq skala kbira, l-awtoritajiet pubbliċi spiss ikunu r-riċevituri finali. Madankollu, l-RRF qiegħda tipprovdi wkoll appoġġ estensiv lis-settur privat u b’mod partikolari lill-SMEs, filwaqt li tappoġġa d-diġitalizzazzjoni tagħhom u t-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-impjegati tagħhom.

L-akbar riċevituri finali jirċievu finanzjament għall-investimenti fis-sitt pilastri tal-politika tal-RRF kollha

Il-miżuri li għalihom l-akbar 100 riċevitur finali taħt l-RRF irċevew finanzjament huma distribwiti fost is-sitt pilastri ta’ politika (l-Illustrazzjoni 7). Dan juri li l-RRF toffri appoġġ komprensiv lill-Istati Membri fl-aktar oqsma ta’ politika rilevanti. Fl-istess ħin, l-akbar riċevituri finali kienu involuti l-aktar fl-implimentazzjoni ta’ miżuri li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika (23 %), segwiti mill-qrib minn investimenti fi tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (22 %), it-trasformazzjoni diġitali u l-koeżjoni soċjali u territorjali (18 % għal kull waħda). Dan jissottolinja l-enfasi fuq l-istimulazzjoni tal-irkupru ekonomiku u soċjali wara l-kriżi tal-COVID-19, kif ukoll it-tħejjija tal-ekonomiji, is-soċjetajiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-UE għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, f’konformità sħiħa mal-objettivi ġenerali tal-Faċilità.

L-akbar ammonti riċevuti mir-riċevituri finali jappoġġaw proġetti infrastrutturali, id-diġitalizzazzjoni u l-mobbiltà, filwaqt li l-miżuri appoġġati l-aktar ta’ spiss huma relatati ma’ investimenti li jrawmu l-effiċjenza enerġetika. B’mod ġenerali, l-akbar somom ta’ finanzjament li r-riċevituri finali rċevew għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-RRP huma relatati mal-investimenti fl-infrastruttura u s-servizzi territorjali, il-gvern elettroniku u s-servizzi pubbliċi diġitali, u l-mobbiltà sostenibbli. Miżuri bħal dawn tipikament jirrappreżentaw proġetti li huma kbar, aktar għaljin u li jieħdu aktar żmien biex jiġu implimentati. Min-naħa l-oħra, l-akbar 100 riċevitur finali ħafna drabi rċevew finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ miżuri li jappoġġaw l-effiċjenza enerġetika. Oqsma ta’ politika oħrajn fejn ir-riċevituri finali ħafna drabi jkunu rċevew finanzjament huma l-infrastruttura u s-servizzi territorjali, il-gvern elettroniku u s-servizzi pubbliċi diġitali, l-edukazzjoni ġenerali, vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja, u r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

Illustrazzjoni 7: Il-kontribuzzjoni tal-ammonti riċevuti u l-miżuri assoċjati li l-akbar 100 riċevitur finali jirċievu appoġġ għas-sitt pilastri ta’ politika 27

Sors: Il-kalkolu tal-Kummissjoni Ewropea stess ibbażat fuq id-data tar-riċevituri finali pprovduta mill-Istati Membri.

D: Kontrolli u awditjar fl-implimentazzjoni tal-RRF

Il-qafas ta’ kontroll tal-RRF tal-Kummissjoni jinkludi żewġ saffi: kontrolli biex tiġi pprovduta assigurazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-iżborżi tal-Kummissjoni lill-Istati Membri, u kontrolli biex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet, jitwettqu kontrolli ex ante bir-reqqa qabel ma jsir kwalunkwe żborż sabiex jiġi vvalutat l-ilħuq sodisfaċenti ta’ kull objettiv intermedju u mira inklużi fit-talba għall-pagament. Wara l-iżborż, il-Kummissjoni twettaq ukoll awditi ex post ibbażati fuq ir-riskju dwar l-objettivi intermedji u l-miri biex tikseb assigurazzjoni addizzjonali li l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru kienet korretta. Flimkien ma’ dan, sabiex jiġi żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti, il-Kummissjoni vvalutat kull sistema ta’ kontroll nazzjonali ex ante, u, fejn meħtieġ, introduċiet objettivi intermedji fuq is-sistemi ta’ kontroll li jridu jintlaħqu qabel kwalunkwe pagament futur. Jitwettqu awditi tas-sistema bbażati fuq ir-riskju biex jiġu vverifikati l-proċeduri fis-seħħ fl-Istati Membri biex jiġu pprevenuti, identifikati u kkoreġuti l-frodi, il-korruzzjoni, u l-kunflitt ta’ interessi, kif ukoll il-finanzjament doppju, u jitwettqu awditi tal-konformità addizzjonali biex tiġi vverifikata l-affidabbiltà tal-ħidma tal-awditu mwettqa mill-awtoritajiet tal-awditjar nazzjonali.

Il-Kummissjoni kompliet tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Mill-1 ta’ Settembru 2023 sal-31 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni wettqet 17-il awditu ex post dwar l-objettivi intermedji u l-miri 28 . L-għażla tal-objettivi intermedji u l-miri hija ggwidata minn valutazzjoni tar-riskju li tqis diversi fatturi. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni tar-riskju 29 , il-Kummissjoni vverifikat b’kollox 82 mis-748 objettiv intermedju u mira inklużi fit-talbiet għall-pagament imħallsa fl-2023. Sabiex tiddetermina l-kampjun tal-awditjar tagħha, il-Kummissjoni qieset ukoll jekk objettiv intermedju jew mira għall-istess miżura kinitx diġà awditjata mill-Kummissjoni fis-sena preċedenti u/jew kinitx diġà awditjata mill-Awtoritajiet tal-Awditjar nazzjonali li jipprovdu assigurazzjoni raġonevoli lill-Kummissjoni. Sal-31 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni awditjat ukoll l-10 objettivi intermedji u miri inklużi fit-talbiet għall-pagament imħallsa fl-2024. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza li l-objettivi intermedji u l-miri awditjati ma ntlaħqux b’mod sodisfaċenti. Kwalunkwe diskrepanza oħra identifikata bejn id-data ddikjarata u d-data awditjata tibqa’ fil-marġni ta’ 5 % ikkunsidrat mill-Kummissjoni għall-valutazzjoni tagħha.

Mill-1 ta’ Settembru 2023 sal-31 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni wettqet erba’ awditi tas-sistema dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Unjoni 30 . L-erba’ awditi koprew tliet korpi ta’ koordinazzjoni u 11-il korp ta’ implimentazzjoni, bħal ministeri, jew aġenziji, li ntgħażlu abbażi ta’ qafas ta’ valutazzjoni tar-riskju. Sa tmiem l-2023, is-sistema ta’ kontroll ta’ kull Stat Membru kienet ġiet awditjata mill-inqas darba. Fil-kuntest ta’ dawn l-awditi tas-sistema u xogħol ieħor tal-awditjar, il-Kummissjoni wettqet ukoll kontrolli mmirati fuq il-konformità mal-għajnuna mill-Istat u mal-proċeduri tal-akkwist pubbliku, li jkopru kemm il-proċeduri fis-seħħ għall-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku, kif ukoll l-implimentazzjoni reali ta’ dawn il-proċeduri fuq miżuri kkampjunati.

Abbażi tal-ħidma tal-awditjar attwali, il-Kummissjoni identifikat stampa ġenerali pożittiva, għalkemm hemm lok għal titjib, fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll intern madwar l-Istati Membri. Ġew identifikati prattiki tajbin għal xi wħud mill-korpi ta’ implimentazzjoni awditjati, bħal proċeduri fis-seħħ għad-detezzjoni ta’ frodi, korruzzjoni, kunflitt ta’ interessi possibbli, u finanzjament doppju, b’mod partikolari bl-użu ta’ għodod ta’ estrazzjoni ta’ data bħal ARACHNE 31 . Madankollu, il-Kummissjoni qajmet ukoll firxa ta’ tħassib speċifiku, li spiss kien relatat mhux mas-sistema nazzjonali b’mod ġenerali iżda biss ma’ korpi individwali fi Stat Membru, bħal nuqqas ta’ koordinazzjoni u superviżjoni, kwistjonijiet ta’ ġbir ta’ data, strateġiji kontra l-frodi u valutazzjonijiet tar-riskju ta’ frodi mhux lesti, u titjib meħtieġ fir-rigward tal-kontrolli ex ante. L-Istati Membri bdew jimplimentaw it-titjib meħtieġ li jirriżulta minn dawn is-sejbiet tal-awditjar u l-Kummissjoni qiegħda timmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-qrib.

L-RRF għadha taħt skrutinju mill-qrib mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Minbarra l-awditi mwettqa mill-Kummissjoni nnifisha, l-RRF hija skrutinizzata mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (“QEA”) permezz ta’ awditi dwar kull pagament individwali kif ukoll għadd kbir ta’ awditi tal-prestazzjoni dwar l-istruttura tal-RRF jew oqsma tematiċi speċifiċi. S’issa l-QEA awditjat il-pagamenti kollha tal-RRF li saru lill-Istati Membri. Barra minn hekk, tliet awditi tal-prestazzjoni speċifikament iddedikati għall-RRF ġew iffinalizzati sal-31 ta’ Awwissu 2024, fosthom dwar il-valutazzjoni tal-RRPs tal-Kummissjoni, it-tfassil tas-sistema ta’ kontroll tal-Kummissjoni għall-RRF, u dwar il-qafas stabbilit mill-Kummissjoni biex timmonitorja l-prestazzjoni tal-RRF. Tmien 32 awditi tal-QEA oħrajn li jiffukaw fuq l-RRF jew għadhom ma ġewx ippubblikati jew inkella huma mistennija li jiġu ffinalizzati sa tmiem l-2024 u ħames awditi ulterjuri se jibdew jew huma mistennija li jibdew sa tmiem l-2024, bħal awditu ddedikat fuq l-RRPs riveduti u l-kapitoli tar-REPowerEU tagħhom. Barra minn hekk, kwistjonijiet relatati mal-RRF huma kkunsidrati wkoll fir-Rieżamijiet tal-QEA u fir-rapporti tematiċi speċjali dwar oqsma ta’ politika speċifiċi jew programmi oħra, bħal f’awditu riċenti dwar il-qafas tal-Unjoni dwar l-istat tad-dritt 33 .

Bħal fis-snin preċedenti, il-QEA awditjat il-pagamenti kollha tal-RRF li saru fis-sena finanzjarja 2023, jiġifieri t-23 pagament tal-RRF li sar lil 17-il Stat Membru. Il-QEA eżaminat ukoll b’mod speċifiku l-awditi ex post imwettqa mid-DĠ ECFIN u l-objettivi intermedji tal-awditjar u tal-kontroll inklużi fl-RRPs. Dan ix-xogħol tal-awditjar jiżdied mal-awditi nazzjonali ta’ qabel u ta’ wara s-sottomissjoni dwar id-data inkluża fit-talbiet għall-pagamenti u l-awditi proprji tal-Kummissjoni. Fir-rapport annwali tagħha għas-sena finanzjarja 2023, il-QEA tidentifika sejbiet b’impatt finanzjarju b’rabta ma’ sitt pagamenti mhux ripagabbli li saru lill-Istati Membri fl-2023. Wara li eżaminat bir-reqqa s-sejbiet tal-QEA, il-Kummissjoni tqis li l-valutazzjonijiet oriġinali tagħha ta’ “lħuq sodisfaċenti” huma korretti. Hija tinnota fit-tweġibiet tagħha li l-konklużjonijiet tal-QEA huma prinċipalment ibbażati fuq differenzi fl-interpretazzjoni tal-Kummissjoni u tal-QEA tar-rekwiżiti legali, jew differenzi fil-ġudizzju kwalitattiv dwar każijiet speċifiċi jew kunċetti legali usa’ tal-RRF. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tipprovdi żewġ dokumenti ta’ spjegazzjoni fl-anness ta’ dan ir-Rapport Annwali. L-Anness II jispjega l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibbiltà tal-miżuri fid-dawl tad-data tal-bidu “retroattiva” prevista mill-koleġiżlaturi fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament RRF. L-Anness III jispjega l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-klawżola ta’ eliġibbiltà dwar is-sostituzzjoni tan-“nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti”.

Il-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-QEA b'ħeffa. Il-Kummissjoni s’issa rċeviet 28 rakkomandazzjoni relatata mal-RRF mir-rapporti annwali jew mir-rapporti speċjali tal-QEA 34 . Tlieta biss ġew miċħuda bis-sħiħ mill-Kummissjoni, peress li l-Kummissjoni nnotat li r-rakkomandazzjonijiet ma setgħux jiġu implimentati f’konformità mal-bażi legali u mal-objettivi tar-Regolament RRF. Mill-25 rakkomandazzjoni l-oħrajn tal-RRF li ġew riċevuti, il-Kummissjoni tqis li 24 ġew implimentati, kollha fil-ħin, li jħalli biss waħda li għad trid tiġi implimentata sa tmiem l-2024. Pereżempju, wara r-rakkomandazzjoni tal-QEA, il-Kummissjoni ppubblikat metodoloġiji dwar it-trattament tat-treġġigħ lura tal-objettivi intermedji jew tal-miri, ippubblikat metodoloġija għal sospensjonijiet parzjali jew sħaħ, tejbet iż-żamma tar-rekords u d-dokumentazzjoni dwar il-valutazzjonijiet tat-talbiet għall-pagament tagħha, organizzat skambji ta’ prattika tajba fost l-Istati Membri, u rrieżaminat l-objettivi intermedji u l-miri taħt reviżjoni biex tiżgura ċ-ċarezza tar-rekwiżiti.

Filwaqt li bbenefikat mis-sejbiet u mir-rakkomandazzjonijiet minn diversi awditi 35 , il-Kummissjoni ħadet approċċ dinamiku għall-awditjar u l-kontroll u rrevediet u kompliet issaħħaħ il-qafas tal-awditjar u l-kontroll tagħha għall-RRF. Bħala eżempju, il-Gwida aġġornata dwar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza 36 , adottata fid-19 ta’ Lulju 2024, tipprovdi gwida addizzjonali biex tiżgura l-adegwatezza kontinwa tal-kontrolli biex jiġi identifikat u evitat kwalunkwe riskju ta’ finanzjament doppju, filwaqt li tiffaċilita sinerġiji fl-użu tal-fondi tal-UE. Sabiex jiġu pprovduti aktar trasparenza u ċarezza, l-Anness IV ta’ dan ir-rapport jiġbor fil-qosor kif il-Kummissjoni tinterpreta l-kunċett ta’ finanzjament doppju kif previst mill-Artikolu 9 tar-Regolament RRF, li jipprevedi addizzjonalità ta’ finanzjament filwaqt li jippermetti taħlita ta’ appoġġ tal-RRF ma’ programmi oħrajn tal-UE. Bħala parti mill-gwida aġġornata, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll qafas għat-tnaqqis u l-irkupri, li jkopri r-raġunijiet kollha għat-tnaqqis u l-irkupri skont ir-Regolament RRF 37 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni kompliet issaħħaħ il-qafas ta’ kontroll tagħha. Fis-sena li għaddiet, hija rrevediet l-istrateġiji ta’ kontroll u awditjar tal-RRF biex issaħħaħ il-kontrolli ex ante, biex tkopri aħjar ir-riskji potenzjali relatati mal-implimentazzjoni tal-RRF kif ukoll biex tirrifletti l-kontrolli msaħħa tagħha dwar l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-Istati Membri biex tiżgura l-konformità mar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali, issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn id-DĠ dwar kwistjonijiet ta’ awditjar, u tkopri b’mod espliċitu r-riskji potenzjali tat-treġġigħ lura fil-ħidma tagħha.

E. Komunikazzjoni u djalogi fl-2023-2024

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, u l-Istati Membri jibqgħu involuti b’mod kontinwu fl-implimentazzjoni tal-RRF

Il-Kummissjoni ilha tinvolvi ruħha mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill mill-bidu tal-implimentazzjoni tal-RRF. Il-Kummissjoni tkompli taqsam mingħajr dewmien l-RRPs immodifikati kollha sottomessi mill-Istati Membri, kif ukoll il-valutazzjonijiet preliminari kollha tat-talbiet għall-pagament, kemm mal-Parlament Ewropew kif ukoll mal-Kunsill fuq termini ugwali. Dan jiżgura fluss trasparenti ta’ informazzjoni b’livell għoli ta’ involviment bejn l-istituzzjonijiet matul il-fażi ta’ implimentazzjoni. Fir-rigward tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni qiegħda torganizza skambji regolari biex tiddiskuti suġġetti orizzontali li jikkonċernaw l-RRF.

Mindu ġiet stabbilita l-RRF, il-Kummissjoni ġiet mistiedna u pparteċipat f’16-il Djalogu dwar l-Irkupru u r-Reżiljenza ta’ livell għoli 38 mal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinvolvi ruħha b’mod regolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew fil-Grupp ta’ Ħidma permanenti tal-Kumitati konġunti ECON-BUDG u ħadet sehem b’kollox f’35 laqgħa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija mistiedna fuq bażi regolari f’diversi kumitati oħrajn biex tiskambja fehmiet dwar kwistjonijiet relatati mal-RRF, inklużi l-kumitati REGI, CONT u ENVI. Il-Kummissjoni tkompli tippubblika l-preżentazzjonijiet kollha mwettqa fil-kuntest tal-Grupp ta’ Ħidma permanenti, fuq sit web iddedikat 39 u tistenna bil-ħerqa li taħdem mal-Parlament Ewropew li għadu kif ġie elett.

Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll il-grupp informali ta’ esperti tagħha biex jiskambja mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-RRF u ta’ spiss qiegħda torganizza skambji ta’ fehmiet u prattiki tajbin. Dan il-grupp huwa forum importanti għal diskussjoni fost l-esperti mill-Istati Membri u għall-aspetti trażversali tal-Kummissjoni dwar l-RRF. Il-Kummissjoni tippubblika d-dokumenti rilevanti kollha, bħal aġendi, minuti, u oħrajn, fuq sit web iddedikat 40 . Sal-lum, il-Kummissjoni organizzat 28 laqgħa tal-grupp ta’ esperti informali tal-RRF, inklużi żewġ workshops ta’ “pariġġar” personali organizzati fi Brussell fejn l-Istati Membri ltaqgħu biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom u jiddiskutu l-isfidi komuni. L-ewwel workshop ġie organizzat fit-28 ta’ Novembru 2023 u kopra l-governanza u l-kapaċità amministrattiva. It-tieni workshop ġie organizat fl-4 ta’ Lulju 2024 u ffoka speċifikament fuq l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-prinċipju “La Tagħmilx Ħsara Sinifikanti”.

Il-viżibbiltà tal-UE fl-implimentazzjoni tal-RRPs tista’ tissaħħaħ aktar

Fir-rigward ta’ fondi oħrajn tal-Unjoni, l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li r-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni taħt l-RRF jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament. Minkejja dawn l-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ viżibbiltà, ir-riżultati ta’ stħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2022 41 juru li, filwaqt li hemm għarfien tajjeb fost iċ-ċittadini tal-UE dwar l-eżistenza tal-RRPs għall-pajjiżi tagħhom (b’differenzi bejn l-Istati Membri), ma hemmx għarfien biżżejjed li l-RRPs huma ffinanzjati (kompletament jew parzjalment) mill-UE. Dan juri l-ħtieġa li l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom. Fl-istess ħin, aktar minn nofs l-Ewropej (55 %, +2 punti perċentwali mill-ħarifa tal-2023) jaħsbu li NextGenerationEU jista’ jkun effettiv biex iwieġeb għall-isfidi ekonomiċi kurrenti 42 .

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea organizzat żewġ avvenimenti fi Brussell matul l-2024 biex tirrifletti fuq il-kisbiet tal-RRF s’issa u biex tagħti spinta lill-komunikazzjoni madwarhom. L-ewwel, fid-9 ta’ April 2024, il-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea organizzaw avveniment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-RRF. L-avveniment kien ukoll opportunità biex wieħed iħares ’il quddiem lejn l-isfidi li fadal u kif jiġi żgurat li l-RRF jilħaq l-objettivi tiegħu fit-3 snin li kien fadal. Fit-12 ta’ April 2024, matul il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ organizzata kull sentejn biex tippromwovi l-involviment taż-żgħażagħ, saret sessjoni dwar l-impatt pożittiv tal-RRF fuq iż-żgħażagħ. Is-sessjoni ffokat fuq l-esperjenzi ta’ tmien parteċipanti żgħażagħ minn madwar l-UE li bbenefikaw mill-miżuri tal-RRF b’modi differenti.

Il-konformità mar-rekwiżiti tal-komunikazzjoni hija wkoll sistematikament parti mill-awditi ex post tal-objettivi intermedji u l-miri mwettqa mill-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tkompli wkoll tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom tal-istrateġiji ta’ komunikazzjoni inklużi fl-RRPs. Tmien Stati Membri bħalissa qegħdin jipparteċipaw fi proġett ta’ Strumenti ta’ Appoġġ Tekniku 43 multinazzjonali dwar il-bini ta’ kapaċitajiet għal komunikazzjoni effettiva tal-benefiċċji tal-RRPs.

Il-mappa interattiva tipprovdi ħarsa ġenerali viżwali lejn il-proġetti appoġġati mill-RRF

Bl-għan li tkompli żżid il-viżibbiltà u t-trasparenza tal-RRF, il-Kummissjoni regolarment taġġorna l-mappa interattiva ta’ proġetti appoġġati mill-RRF f’kull Stat Membru 44 .

Il-mappa ġiet imnedija f’Marzu tal-2023 u tipprovdi ħarsa ġenerali lejn ir-riformi u l-investimenti magħżula, tindika l-pożizzjoni ġeografika tagħhom u toffri informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tagħhom. Il-mappa tinkludi wkoll links għal riżorsi online li jipprovdu informazzjoni aktar iddettaljata, bħal siti web nazzjonali tal-RRF u, fejn disponibbli, is-siti web tal-proġetti speċifiċi ffinanzjati mill-RRF.

S’issa, żdiedu mal-mappa aktar minn 1 800 proġett fl-Istati Membri kollha. 

Illustrazzjoni 8: Mappa tal-proġetti appoġġati mill-RRF

Sors: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza

L-Istati Membri għadhom jorganizzaw avvenimenti annwali tal-RRF

L-avvenimenti annwali jlaqqgħu flimkien rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-Kummissjoni, partijiet ikkonċernati (inklużi sħab soċjali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili) u riċevituri ta’ appoġġ tal-RRF, fost l-oħrajn, biex jiddiskutu l-progress fl-implimentazzjoni tad-diversi proġetti proposti mill-Istati Membri fl-RRPs nazzjonali tagħhom.

Sa Awwissu tal-2024, seħħew 33 avveniment annwali f’24 Stat Membru. Matul il-perjodu tar-rapportar (mill-1 ta’ Settembru 2023 sal-31 ta’ Awwissu 2024), kien hemm 14-il avveniment annwali. Il-kooperazzjoni stabbilita sew bejn l-Uffiċjali tas-Semestru Ewropew fir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni u l-amministrazzjonijiet nazzjonali tikkontribwixxi għas-suċċess ta’ dawn l-avvenimenti. Dawn jipprovdu opportunitajiet eċċellenti biex l-udjenza titwessa’ lil hinn mill-partijiet ikkonċernati regolari tal-RRF u jipprovdu sensibilizzazzjoni ferm usa’.

Eżempju ta’ avveniment annwali tal-RRF

Fl-14 ta’ Marzu 2024, l-Avveniment Annwali dwar l-RRP ta’ Spanja laqqa’ flimkien partijiet ikkonċernati ewlenin, inklużi rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, mill-gvern Spanjol, mill-awtoritajiet reġjonali u lokali, u diversi sħab bħal benefiċjarji tal-proġetti, akkademiċi, organizzazzjonijiet soċjali u NGOs. L-avveniment kellu tliet bordijiet tematiċi li esploraw l-isforzi ta’ Spanja biex taċċellera t-tranżizzjoni ekoloġika, ittejjeb il-kompetittività u tindirizza l-isfidi tal-implimentazzjoni tal-RRP rivedut.

Il-Kummissjoni twettaq attivitajiet ta’ komunikazzjoni rilevanti addizzjonali

Il-komunikazzjoni dwar il-benefiċċji tal-RRPs nazzjonali hija wkoll kompitu ewlieni ta’ komunikazzjoni tar-Rappreżentanzi kollha tal-Kummissjoni Ewropea għall-Istati Membri. Minbarra l-avvenimenti annwali, bosta attivitajiet oħrajn ta’ sensibilizzazzjoni huma implimentati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Uffiċjali tas-Semestru Ewropew u ma’ timijiet oħrajn fi ħdan ir-Rappreżentanzi. Se jsegwu erba’ kampanji lokalizzati pilota fl-Awstrija, fil-Kroazja, fiċ-Ċekja u fis-Slovenja, u fi Stati Membri oħrajn.

Il-Kummissjoni ilha wkoll tikkomunika b’mod estensiv dwar l-implimentazzjoni tal-RRF mal-istampa, sa mill-bidu tal-RRF. Il-Kummissjoni regolarment tikkomunika ma’ korrispondenti nazzjonali u ġurnalisti speċjalizzati biex tiżgura kopertura wiesgħa u fehim wiesa’ mill-pubbliku ġenerali tal-kwistjonijiet ewlenin relatati mal-RRF u l-implimentazzjoni tagħha fil-prattika, bil-ħruġ ta’ aktar minn 200 stqarrija għall-istampa u materjal għall-istampa u l-organizzazzjoni ta’ bosta konferenzi stampa u laqgħat ta’ informazzjoni teknika kemm fi Brussell kif ukoll fl-Istati Membri, bl-appoġġ tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni.

F. Sejbiet ewlenin mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-RRF

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tagħha wriet li l-RRF appoġġat l-irkupru u ġabet l-innovazzjoni fl-infiq tal-UE

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-RRF ġiet ippubblikata fil-21 ta’ Frar 2024, f’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament RRF, u tivvaluta kif l-RRF qiegħda tilħaq l-objettivi tagħha, abbażi tal-evidenza disponibbli dak iż-żmien. L-evalwazzjoni tirrikonoxxi li tasal kmieni wisq biex jiġi vvalutat l-impatt ekonomiku sħiħ tal-istrument. Din tħares lejn dak li ħadem tajjeb u dak li jista’ jittejjeb u tidentifika t-tagħlimiet ewlenin meħuda, li jistgħu jgħinu biex jiġu informati r-riflessjonijiet dwar strumenti futuri possibbli ta’ finanzjament ibbażati fuq il-prestazzjoni. Valutazzjoni aktar komprensiva tal-impatt tal-Faċilità se tiġi inkluża fl-evalwazzjoni ex post tal-RRF, li għandha tiġi ppubblikata fl-2028.

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tkopri r-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament RRF u l-ħames kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fil-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni Ewropea u fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 45 . L-ambitu jinkludi t-tfassil tal-RRPs u l-implimentazzjoni tal-Faċilità fl-Istati Membri kollha sal-1 ta’ Frar 2024. Il-valutazzjoni bbenefikat minn rapport estern indipendenti mħejji minn konsorzju ta’ riċerkaturi 46 , li pprovda valutazzjoni oġġettiva tal-progress. Dan ġie ssupplimentat minn data miżmuma mill-Kummissjoni Ewropea u disponibbli fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza 47 , minn rapporti uffiċjali mill-Istati Membri u minn istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, kif ukoll minn feedback minn diversi partijiet ikkonċernati, inklużi awtoritajiet reġjonali u lokali.

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu turi li l-RRF wittiet it-triq għall-irkupru ekonomiku tal-UE wara l-pandemija. It-tħabbira tal-RRF ikkontribwiet għat-tnaqqis tal-firxiet tal-bonds sovrani, u l-investiment pubbliku inżamm wara l-kriżi tal-COVID-19, u żdied minn 3,0 % fl-2019 għal 3,5 % fl-2023. Madwar nofs iż-żieda mistennija fl-investiment pubbliku bejn l-2019 u l-2025 hija relatata mal-investiment iffinanzjat mill-baġit tal-UE, b’mod partikolari mill-RRF. L-immudellar tal-Kummissjoni jissuġġerixxi li NextGenerationEU għandha l-potenzjal li żżid il-PDG reali tal-UE sa 1,4 % fl-2026 ’il fuq minn xenarju mingħajr NextGenerationEU 48 . Is-simulazzjonijiet mudell jissuġġerixxu wkoll żieda mdaqqsa u fuq medda qasira ta’ żmien fl-impjiegi fl-UE (sa 0,8 %).

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu turi li l-RRF għandha rwol ewlieni fl-appoġġ ta’ riformi strutturali u prijoritajiet ta’ politika komuni tal-UE. Ir-riformi u l-investimenti strutturali appoġġati mill-RRF rawmu progress fuq prijoritajiet ta’ politika komuni, b’mod partikolari fir-rigward tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-konverġenza soċjoekonomika. Filwaqt li għadu kmieni wisq biex jiġi vvalutat l-impatt sħiħ tal-Faċilità, l-evalwazzjoni tinkludi eżempji evidenti ta’ riformi u investimenti appoġġati mill-RRF. L-eżempji jinkludu t-titjib tal-funzjonament tal-amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji, għall-effiċjenza enerġetika, għas-servizzi pubbliċi diġitali, għat-trasport sostenibbli, għall-edukazzjoni u t-taħriġ, għar-riċerka u l-innovazzjoni, għall-protezzjoni soċjali u għall-aċċess għas-suq tax-xogħol.

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-RRF enfasizzat il-valur miżjud tal-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni u tal-għoti ta’ appoġġ finanzjarju biex jiġu inċentivati r-riformi strutturali. L-evalwazzjoni tinnota li l-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni tal-RRF huwa strumentali fit-tisħiħ tal-effettività tal-Faċilità: l-iżborżi mat-twettiq ta’ outputs konkreti (jiġifieri objettivi intermedji u miri) huma rapidi. Il-kombinazzjoni tar-riformi u l-investimenti fi strument ta’ finanzjament wieħed toħloq sinerġiji bejniethom, filwaqt li l-integrazzjoni ta’ aġenda komprensiva ta’ riforma u investiment f’RRP wieħed tappoġġa l-koerenza interna tal-pjanijiet. Wieħed mill-aktar suċċessi notevoli tal-RRF huwa l-kapaċità ppruvata tagħha li tinċentiva l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, inklużi r-riformi rrakkomandati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Fis-sentejn ta’ qabel l-RRF, is-sehem tas-CSRs ta’ bejn l-2016 u l-2017 li laħaq mill-anqas “xi progress” żdied b’sitt punti perċentwali biss minn 53 % fl-2018 għal 59 % fl-2020. B’paragun ma’ dan, is-sehem tas-CSRs ta’ bejn l-2019 u l-2020 li laħaq mill-anqas “xi progress” żdied bi 17-il punt perċentwali minn 52 % fl-2021 qabel l-implimentazzjoni tal-RRF għal kważi 69 % fl-2023.

L-evalwazzjoni tinkludi kunsiderazzjonijiet utli għal strumenti futuri bbażati fuq il-prestazzjoni

L-RRF ħolqot kostijiet tad-dħul għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, b’lok għal aktar simplifikazzjoni. Fir-rigward tat-tfassil tal-istrument, fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu l-Istati Membri jirreferu għall-obbligi kkombinati marbuta ma’ (i) l-evidenza meħtieġa biex jiġi ppruvat li ntlaħqu l-objettivi intermedji u l-miri, (ii) rekwiżiti ta’ rapportar eżiġenti, pereżempju l-indikaturi komuni u d-data biannwali; u (iii) il-qafas tal-awditjar u tal-kontroll. Il-qafas tal-awditjar u tal-kontroll stabbilit fir-Regolament RRF jitqies bħala kumpless, b’mod partikolari minħabba d-duplikazzjoni perċepita bejn il-kontrolli u l-awditi mill-awtoritajiet nazzjonali, mill-Kummissjoni u mill-QEA. L-Istati Membri jaraw lok għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll u ta’ awditjar, l-iżgurar ta’ koordinazzjoni aħjar fost l-atturi involuti u l-evitar ta’ kontrolli multipli. Fl-aħħar nett, xi awtoritajiet nazzjonali indikaw ukoll nuqqas ta’ flessibbiltà fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-objettivi intermedji u l-miri u l-proċeduri riġidi u intensivi fir-riżorsi għar-reviżjoni tal-RRPs.

Il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri hija kruċjali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-RRPs tagħhom. Ħafna Stati Membri ma saħħewx biżżejjed il-kapaċità amministrattiva, inkluż fil-livelli lokali u reġjonali, kif indikat pereżempju mill-Kumitat tar-Reġjuni. Dan xekkel il-kapaċità tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-pjanijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-kunsens politiku dwar l-implimentazzjoni ta’ riformi ewlenin, pereżempju marbuta ma’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew ma’ objettivi intermedji tal-awditjar u tal-kontroll, huwa kruċjali. Id-dewmien ewlieni fl-implimentazzjoni tal-RRPs jidher fejn il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri hija limitata u/jew fejn l-Istati Membri (għadhom) ma kinux kapaċi jilħqu objettivi intermedji ta’ riforma kruċjali.

L-involviment ta’ awtoritajiet reġjonali u lokali, sħab soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn huwa fattur ewlieni fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-RRP. Filwaqt li r-Regolament RRF jirrikjedi li l-Istati Membri jinkludu informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet imwettqa meta jabbozzaw l-RRPs tagħhom, il-livell u l-forma tal-involviment ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati jiddependu fuq l-oqfsa legali nazzjonali u jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti minn Stat Membru għal ieħor. Flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, li jassumu r-rwol ewlieni ta’ koordinazzjoni u sorveljanza, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħrajn, ukoll għandhom rwol kruċjali x’jaqdu. Fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili indikaw l-involviment insuffiċjenti mill-Istati Membri fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-RRPs. Filwaqt li dan jista’ jiġi spjegat parzjalment bil-ħtieġa ta’ ħeffa fit-tfassil tal-RRPs f’kuntest ta’ kriżi, huwa kruċjali li, fil-futur, l-involviment mill-qrib tagħhom jappoġġa s-sjieda u l-implimentazzjoni fil-prattika.

B’reazzjoni għall-għarfien mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-RRF, il-Kunsill adotta Konklużjoni u l-Kummissjoni aġġornat il-gwida tagħha. Fit-12 ta’ April 2024, l-ECOFIN adotta Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-RRF 49 , li indikaw il-piż amministrattiv ogħla milli mistenni relatat mal-implimentazzjoni tal-RRF, kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri. Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jidentifikaw modi biex jissimplifikaw u jtejbu l-implimentazzjoni tal-RRPs, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. F’dan l-ispirtu, il-Kummissjoni eżaminat modi kif tissimplifika l-implimentazzjoni tal-RRF fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni kurrenti. Fid-19 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni adottat il-gwida aġġornata tagħha dwar l-RRPs 50 , li tintroduċi bosta elementi ta’ simplifikazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-RRF. B’mod partikolari, il-Gwida aġġornata:

-tipprovdi aktar ċarezza dwar il-possibbiltà li jiġi emendat RRP skont l-Artikolu 21 tar-Regolament RRF, fejn Stat Membru jidentifika alternattiva aħjar biex jimplimenta miżura b’mod li jnaqqas il-piż amministrattiv marbut mal-implimentazzjoni ta’ dik il-miżura u mingħajr ma jnaqqas l-ambizzjoni tal-pjan;

-tiddefinixxi b’mod aktar ċar l-ambitu għal bidliet oħrajn li jistgħu jsiru għal RRP skont l-Artikolu 21 tar-Regolament RRF;

-tispjega ċ-ċirkostanzi li fihom l-arranġamenti operazzjonali jistgħu ma jkollhomx bżonn jiġu riveduti wara l-emenda ta’ RRP, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv marbut ma’ dawn ir-reviżjonijiet; u

-tipprovdi aktar ċarezza dwar il-kundizzjonijiet li taħthom hija possibbli kombinazzjoni pro rata ta’ appoġġ mill-RRF u fondi oħrajn tal-UE, filwaqt li jiġi evitat finanzjament doppju.

B’mod parallel, il-Kummissjoni ssimplifikat ukoll ir-rekwiżiti ta’ rapportar tal-Istati Membri sa fejn possibbli skont ir-Regolament RRF, billi naqqset l-informazzjoni mitluba fil-kuntest tar-rapportar biannwali dwar l-implimentazzjoni tal-RRPs u billi ppermettiet lill-Istati Membri jħassru l-Anness II 51 tagħhom mill-arranġamenti operazzjonali.

2.Progress fl-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

A. Indikaturi komuni

L-RRF kisbet eżiti reali sinifikanti fil-prattika

L-Indikaturi Komuni juru l-progress fl-implimentazzjoni tal-RRPs lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi u l-prestazzjoni ġenerali tal-RRF 52 . Id-data tiġi rrapportata mill-Istati Membri darbtejn fis-sena u tkopri 14-il indikatur 53 . Filwaqt li l-Indikaturi Komuni jirriflettu riżultati konkreti tal-prestazzjoni li jirriżultaw mill-miżuri tal-RRF, dawn ma humiex l-unika għodda biex jiġi segwit il-progress fl-implimentazzjoni tal-RRF. L-Indikaturi Komuni huma rrapportati flimkien mal-progress dwar aktar minn 6 000 objettiv intermedju u mira li jidhru fir-rapportar biannwali mill-Istati Membri.

L-RRF ikkontribwiet għal outputs u riżultati konsiderevoli fl-14-il indikatur differenti. Sal-lum, id-data ta’ ħames ċikli ta’ rapportar ġiet rieżaminata u ppubblikata fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza 54 , li tkopri l-progress miksub fil-perjodu minn Frar 2020 sa Diċembru 2023. L-Illustrazzjoni 9 turi is-sitwazzjoni kurrenti tal-indikaturi komuni, li tirrifletti kisbiet importanti lejn l-objettivi tal-Faċilità u l-prijoritajiet ewlenin tal-UE.

Illustrazzjoni 9: Is-sitwazzjoni attwali tal-indikaturi komuni

Sors: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza

Sa tmiem l-2023, madwar 34 miljun Megawatt siegħa (“MWh”) ta’ ffrankar fil-konsum annwali tal-enerġija kien diġà nkiseb bis-saħħa tal-appoġġ mill-RRF (l-Illustrazzjoni 10). It-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija tagħna u ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika huma fost il-prijoritajiet ewlenin tal-UE u prekundizzjoni għat-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa. L-indikatur komuni (1) ikopri t-tnaqqis fil-konsum annwali tal-enerġija primarja miksub b’appoġġ mill-RRF. Għal kuntest, l-iffrankar tal-enerġija miksub s’issa jaqbeż il-konsum annwali kollu tal-elettriku tad-Danimarka 55 . Eżempji huma t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija fil-bini, fl-iskejjel, fl-isptarijiet jew fl-intrapriżi.

Illustrazzjoni 10: L-evoluzzjoni tal-iffrankar fil-konsum annwali tal-enerġija primarja, f’MWh

Nota: Din il-graff turi l-indikatur komuni 2. Dan huwa indikatur tal-istokk li huwa kumulattiv u jiżdied maż-żmien. Għalhekk, il-valuri inkrementali huma rrapportati mill-Istati Membri.

Sors: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza

Sa Diċembru tal-2023, il-miżuri ta’ appoġġ tal-RRF għenu lil kważi 15-il miljun dar jiksbu aċċess għal networks tal-Internet b’kapaċità għolja ħafna (l-Illustrazzjoni 11). L-indikatur komuni (5) jirrifletti l-għadd ta’ djar (abitazzjonijiet) li kisbu aċċess għal networks tal-Internet b’kapaċità għolja ħafna permezz ta’ miżuri taħt l-RRF, inklużi networks 5G u veloċità tal-gigabits. Jingħaddu djar li qabel ma kellhom l-ebda aċċess jew aċċess aktar bil-mod. L-aċċess għal infrastruttura diġitali b’veloċità għolja huwa prerekwiżit għal trasformazzjoni diġitali inklużiva u huwa rifless bħala prijorità fl-RRPs kollha.

Illustrazzjoni 11: L-evoluzzjoni ta’ abitazzjonijiet addizzjonali b’aċċess għall-Internet ipprovdut permezz ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna

Nota: Din il-graff turi l-indikatur komuni 5. Dan huwa indikatur tal-istokk li huwa kumulattiv u jiżdied maż-żmien. Għalhekk, il-valuri inkrementali huma rrapportati mill-Istati Membri.

Sors: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza.

Fit-tieni nofs tal-2023 biss, aktar minn 3 miljun persuna tħarrġu bis-saħħa tal-appoġġ tal-RRF (l-Illustrazzjoni 12). B’kollox, l-edukazzjoni jew it-taħriġ ta’ aktar minn 11,8-il miljun persuna ġew appoġġati mill-RRF sa mill-bidu tagħha. Il-kriżi tal-COVID-19 ukoll fixklet ħafna s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE, u l-indikatur komuni (10) jirrifletti l-kontribut tal-RRF għall-edukazzjoni u t-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet. Ir-riformi u l-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ huma kruċjali biex iħejju liċ-ċittadini għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u biex jiżguraw li jkollhom il-possibbiltà li jiżviluppaw il-ħiliet li jeħtieġu. Qiegħda ssir enfasi partikolari fuq it-taħriġ biex jittejbu l-ħiliet diġitali, fid-dawl tal-importanza dejjem tikber tagħhom fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

Illustrazzjoni 12: L-evoluzzjoni fl-għadd ta’ parteċipanti fl-edukazzjoni jew it-taħriġ

Nota: Din il-graff turi l-indikatur komuni 10. Dan l-indikatur komuni huwa indikatur tal-fluss, li huwa relatat mal-prestazzjoni fil-perjodu tar-rapportar tas-6 xhur partikolari biss u, għalhekk, jista’ jvarja bejn il-perjodi ta’ rapportar.

Sors: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza

L-RRF għen lil 800 000 intrapriża jew permezz ta’ appoġġ monetarju jew in natura fit-tieni nofs tal-2023 (l-Illustrazzjoni 13). B’kollox, aktar minn 2,8 miljun intrapriża ġew appoġġati mill-RRF sa mill-bidu tagħha. Il-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt kbir fuq l-ekonomija kollha tal-UE u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”) sofrew b’mod partikolari. Meta wieħed iħares lejn l-appoġġ ipprovdut biex jagħti spinta lill-ekonomiji tal-UE u biex jgħin lill-intrapriżi, l-indikatur komuni (9) juri l-għadd ta’ intrapriżi appoġġati minn miżuri taħt l-RRF.

Illustrazzjoni 13: L-evoluzzjoni tal-intrapriżi appoġġati (inklużi dawk mikro, żgħar, medji u kbar)

Nota: Din il-graff turi l-indikatur komuni 9. Dan l-indikatur komuni huwa indikatur tal-fluss, li huwa relatat mal-prestazzjoni fil-perjodu tar-rapportar tas-6 xhur partikolari biss u, għalhekk, jista’ jvarja bejn il-perjodi ta’ rapportar.

Sors: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza

F’konformità mal-prinċipji tal-integrazzjoni tal-ġeneri u tal-opportunitajiet indaqs għal kulħadd imsemmija fir-Regolament, erbgħa mill-indikaturi komuni jiddiżaggregaw id-data skont il-ġeneru. Skont id-data rrapportata mill-Istati Membri, madwar 55 % tal-parteċipanti fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ appoġġati mill-finanzjament tal-RRF huma nisa (indikatur komuni 10). L-indikatur komuni 8 juri li madwar 40 % tar-riċerkaturi li jaħdmu f’faċilitajiet ta’ riċerka appoġġati huma nisa. L-indikatur komuni 11 dwar l-għadd ta’ persuni f’impjieg jew involuti f’attivitajiet ta’ tfittix ta’ impjieg jindika li aktar minn 60 % ta’ dawk appoġġati huma nisa filwaqt li l-indikatur komuni 14 juri l-għadd ta’ żgħażagħ li jirċievu appoġġ mill-RRF huwa relattivament ibbilanċjat bejn il-ġeneri 56 .

B. Data ta’ rapportar biannwali

Il-biċċa l-kbira tal-objettivi intermedji u l-miri huma rrapportati li jiġu implimentati f’konformità mal-iskedi ta’ żmien tal-RRPs

85 % tal-objettivi intermedji u l-miri li kienu dovuti sat-T1 tal-2024 jew ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu jew awtorrapportati mill-Istati Membri bħala li tlestew 57 . B’mod speċifiku, 1 419 mill-3 171 objettiv intermedju u mira li kienu mistennija sat-T1 tal-2024 ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu mill-Kummissjoni u 1 267 oħrajn ġew irrapportati bħala li tlestew mill-Istati Membri (l-Illustrazzjoni 14). Madankollu, 485 objettiv intermedju u mira oħrajn dovuti sat-T1 tal-2024 (jew 15,3 %) ġew irrapportati mill-Istati Membri bħala li ma tlestewx.

Illustrazzjoni 14: Il-progress ta’ objettivi intermedji u miri li jħarsu lura, għat-T1 tal-2020 sat-T1 tal-2024

Illustrazzjoni 15: Il-progress tal-objettivi intermedji u l-miri dovuti fil-futur, għat-T2 tal-2024 sat-T2 tal-2025

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

L-implimentazzjoni tal-objettivi intermedji u l-miri hija rrapportata li hija fit-triq it-tajba għat-12-il xahar li ġejjin. L-objettivi intermedji u l-miri li għandhom jitlestew bejn it-T2 tal-2024 u t-T1 tal-2025 ġew irrapportati l-aktar bħala “fit-triq it-tajba” mill-Istati Membri (kważi 83 %, jew 996 minn 1 199 objettiv intermedju u mira). L-Istati Membri jindikaw li lestew 93 objettiv intermedju u mira (8 %) qabel id-data ppjanata u rrapportaw 110 (jew 9 %) bħala “mdewma” (l-Illustrazzjoni 15). Fost ir-raġunijiet għad-dewmien, l-Istati Membri enfasizzaw id-dewmien amministrattiv, l-effetti ta’ proċeduri leġiżlattivi mdewma jew ta’ dewmien fit-tlestija tal-objettivi intermedji meħtieġa preċedenti, il-konsegwenzi tal-inflazzjoni għolja u tat-tfixkil fil-katina tal-provvista, is-sottoskrizzjoni baxxa jew l-aċċettazzjoni ta’ proġetti, id-diffikultà fl-implimentazzjoni ta’ proġetti kbar u kumplessi, kif ukoll implimentazzjoni aktar bil-mod milli mistenni.

Il-progress fl-implimentazzjoni tal-objettivi intermedji u l-miri huwa stabbli fis-sitt pilastri ta’ politika kollha (l-Illustrazzjoni 16). It-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u l-pilastri tat-tranżizzjoni ekoloġika jinkludu l-aktar objettivi intermedji u miri milħuqin u li tlestew (1 616 u 1 527 rispettivament), filwaqt li ammont tajjeb jinsabu fit-triq it-tajba li jitwettqu sat-T1 tal-2025. Is-saħħa u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali u l-pilastri tat-trasformazzjoni diġitali, kif ukoll il-koeżjoni soċjali u territorjali huma wkoll ferm ogħla minn 1 000 objettiv intermedju u mira li intlaħqu, tlestew jew li jinsabu fit-triq it-tajba.

Illustrazzjoni 16: Objettivi intermedji u miri li jikkontribwixxu għas-sitt pilastri tar-Regolament RRF u l-istatus rispettiv tagħhom sat-T1 tal-2025

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

C. Progress fis-sitt pilastri ta’ politika

L-Istati Membri għamlu progress viżibbli fl-implimentazzjoni fis-sitt pilastri tal-politika tal-RRF kollha

Tranżizzjoni ekoloġika

L-RRF se tgħin biex jintlaħqu l-miri tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-anqas 55 % sal-2030 u biex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050. Il-miżuri appoġġati mill-RRF qegħdin jikkontribwixxu biex tintlaħaq l-ambizzjoni klimatika tal-UE billi jippromwovu l-mobbiltà sostenibbli, iżidu l-effiċjenza enerġetika u jippromwovu varar ogħla ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Dawn se jiżguraw ukoll il-progress lejn l-adattament għat-tibdil fil-klima u objettivi ambjentali oħrajn bħat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, il-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari jew ir-restawr u l-protezzjoni tal-bijodiversità. Wara l-adozzjoni tal-kapitoli tar-REPowerEU, total ta’ EUR 346 biljun 58 – aktar minn 50 fil-mija tal-allokazzjoni totali tal-Istati Membri sal-lum – ġie ddedikat għal miżuri li jikkontribwixxu għall-pilastru tat-tranżizzjoni ekoloġika.

Illustrazzjoni 17: Il-perċentwal tal-objettivi intermedji u l-miri li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika vvalutati bħala li ntlaħqu jew irrapportati bħala li tlestew, għal kull RRP

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea 

B’mod ġenerali, il-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika kien tajjeb. Madwar terz tal-objettivi intermedji u l-miri ġew irrapportati bħala li tlestew jew ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu b’mod sodisfaċenti mill-Kummissjoni. B’mod speċifiku, 1 080 mill-3 214-il objettiv intermedju u mira relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika diġà huma rrapportati bħala li tlestew mill-Istati Membri jew ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu mill-Kummissjoni, li jikkorrispondu għal rata ta’ progress ta’ madwar 34 % (inklużi 19 % ivvalutati fit-talbiet għall-pagament). 355 minn dawn l-objettivi intermedji u miri li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu bejn l-1 ta’ Settembru 2023 u l-31 ta’ Awwissu 2024. Filwaqt li għadu kmieni wisq biex jiġi vvalutat l-impatt sħiħ tal-RRF fuq it-tranżizzjoni ekoloġika peress li l-effetti finali se jimmaterjalizzaw biss fuq perjodu itwal, l-objettivi intermedji u l-miri “ekoloġiċi” diġà milħuqin għenu biex jiżdied ir-ritmu għat-tranżizzjoni ekoloġika. L-eżempji pprovduti fil-kaxxa ta’ hawn taħt jenfasizzaw il-miżuri ewlenin b’objettivi intermedji u miri li tlestew matul il-perjodu tar-rapportar (mill-1 ta’ Settembru 2023 sal-31 ta’ Awwissu 2024).

Eżempji ta’ miżuri rilevanti b’objettivi intermedji u miri milħuqin taħt il-pilastru tat-tranżizzjoni ekoloġika

Riformi:

-Spanja (i) adottat ir-Rapport dwar il-Baġit Ekoloġiku biex tidentifika l-ispejjeż ekoloġiċi fil-liġi annwali tal-baġit f’konformità mal-metodoloġija u l-qafas ta’ monitoraġġ tal-UE; (ii) approvat l-Istrateġija dwar il-Foresti; (iii) emendat il-liġi orizzontali dwar il-proprjetà biex jiġu ffaċilitati x-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni tal-bini u aċċess imtejjeb għall-finanzi; u (iv) approvat Strateġija Ferrovjarja biex tistabbilixxi xenarju ċar ta’ ppjanar tal-mobbiltà sostenibbli għall-mezz tat-trasport ferrovjarju u biex tallinja l-prijoritajiet ta’ investiment fis-settur.

-Il-Polonja (i) aġġornat il-Programm Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Arja tagħha, filwaqt li tat mandat għat-tmiem tas-sussidji pubbliċi lil sorsi tas-sħana mħaddma bil-faħam u introduċiet serje ta’ miżuri u politiki biex ittejjeb b’mod effettiv il-kwalità tal-arja; u (ii) emendat l-Att dwar l-Effiċjenza Enerġetika biex tiffaċilita l-użu ta’ Kuntratti tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija, u b’hekk tippromwovi investimenti fl-effiċjenza enerġetika fi proġetti pubbliċi u privati biex titħaffef is-sostituzzjoni ta’ sorsi tas-sħana niġġiesa.

-Il-Finlandja adottat l-Att dwar id-Dazju tas-Sisa fuq l-Elettriku u Ċerti Fjuwils. Id-dispożizzjoni fil-liġi tad-dħul fis-seħħ tal-Att tindika bidla fit-tassazzjoni eżistenti ta’ tipi differenti ta’ enerġija bil-għan li tikkontribwixxi għat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili billi tippromwovi l-elettrifikazzjoni tal-industrija u tħeġġeġ l-investiment f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

Investimenti:

-L-Italja (i) bniet aktar minn 200 km ta’ mogħdijiet għar-roti fiż-żoni metropolitani u fil-bliet li jospitaw l-universitajiet, li se jiffaċilitaw l-ivvjaġġar bejn l-universitajiet, in-nodi intermodali u punti oħrajn f’żoni metropolitani; (ii) tejbet ir-reżiljenza ta’ aktar minn 172 km ta’ ferroviji fil-ferroviji tan-nofsinhar, li jinkludi t-tiġdid tal-linja ferrovjarja fuq sitt rotot differenti; u (iii) naqqset il-landfills irregolari minn 34 għal 14, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 60 %, filwaqt li tejbet il-ġestjoni tal-iskart u naqqset il-pressjoni ambjentali.

-Il-Portugall (i) installa 1 730 stazzjon tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku addizzjonali sabiex jibni b’mod effettiv fuq in-network eżistenti u jespandih biex jappoġġa l-użu ta’ vetturi aktar nodfa; u (ii) iffirma kuntratti għall-akkwist ta’ 257 xarabank b’emissjonijiet żero u l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar iddedikata għall-użu fiż-żoni Metropolitani ta’ Liżbona u Porto sabiex it-trasport pubbliku jiġi ddekarbonizzat.

-Iċ-Ċekja (i) lestiet 26 proġett relatat mal-immodernizzar tal-linji ferrovjarji, li jimmodernizzaw l-istazzjonijiet ferrovjarji b’binarji mibnija mill-ġdid u sikuri, u pjattaformi aċċessibbli u mingħajr ostakli u b’intensità enerġetika mnaqqsa u żieda fil-kumdità fil-binjiet tal-istazzjonijiet; (ii) bniet aktar minn 24 km ta’ mogħdijiet għar-roti biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà mhux motorizzata; u (iii) lestiet 15-il proġett biex tistabbilixxi protezzjoni reżiljenti kontra l-għargħar, inkluża l-ġestjoni effiċjenti tal-ilma tax-xita fiż-żoni urbani, li se tipproteġi liċ-ċittadini kontra r-riskji ta’ għargħar.

Trasformazzjoni diġitali

L-RRF tipprovdi kontribut sinifikanti għat-trasformazzjoni diġitali fl-Unjoni. L-RRPs ikopru firxa ta’ miżuri, inkluż il-varar ta’ infrastrutturi diġitali tal-ġenerazzjoni li jmiss u teknoloġiji avvanzati, l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali għall-popolazzjoni ġenerali u l-forza tax-xogħol (permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ), u l-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tal-intrapriżi kif ukoll tas-servizzi pubbliċi. Total ta’ EUR 166,2 biljun se jiġu allokati biex jappoġġaw il-pilastru tat-trasformazzjoni diġitali 59 .

L-Istati Membri għamlu progress sinifikanti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri relatati mat-trasformazzjoni diġitali, u aktar minn terz tal-objettivi intermedji u l-miri relatati huma rrapportati bħala li tlestew jew huma vvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu. B’mod speċifiku, 877 mill-2 464 objettiv intermedju u mira relatati mat-trasformazzjoni diġitali diġà huma rrapportati bħala li tlestew mill-Istati Membri jew ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu mill-Kummissjoni, li jikkorrispondu għal rata ta’ progress ta’ 35 % (inkluż 19 % vvalutati fit-talbiet għal pagament). 290 minn dawn l-objettivi intermedji u l-miri li jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni diġitali ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu bejn l-1 ta’ Settembru 2023 u l-31 ta’ Awwissu 2024 (il-perjodu tar-rapportar). L-eżempji pprovduti fil-kaxxa ta’ hawn taħt jenfasizzaw miżuri ewlenin b’objettivi intermedji u miri li tlestew matul il-perjodu tar-rapportar.

Illustrazzjoni 18: Il-perċentwal tal-objettivi intermedji u l-miri li jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni diġitali vvalutati bħala li ntlaħqu jew irrapportati bħala li tlestew, għal kull RRP

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Eżempji ta’ miżuri rilevanti b’objettivi intermedji u miri milħuqin taħt il-pilastru tat-trasformazzjoni diġitali

Riformi:

-L-Att dwar il-Gvern Miftuħ implimentat fin-Netherlands isaħħaħ it-trasparenza u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. L-awtoritajiet pubbliċi u semipubbliċi issa jipprovdu informazzjoni aktar aċċessibbli u kompatibbli faċilment liċ-ċittadini, lill-istampa u lill-media, lill-Membri tal-Parlament u lill-persunal tagħhom.

-Fil-Latvja, ġiet adottata l-Istrateġija tas-Saħħa Diġitali, li sservi bħala pjan direzzjonali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali fis-settur tal-kura tas-saħħa li huma sikuri u jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-pazjenti u tal-industrija. L-istrateġija tkopri aspetti bħall-ġestjoni tad-data, l-użu tad-data għar-riċerka, is-sistemi u s-soluzzjonijiet tal-IT tas-settur tas-saħħa pubblika, is-sistemi tal-IT privati, l-iskambju transfruntier tad-data u l-ħiliet diġitali meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-użu ta’ kwalunkwe soluzzjoni diġitali ġdida għas-saħħa.

Investimenti:

-Franza nediet b’suċċess l-applikazzjoni l-ġdida tal-identità diġitali sovrana, li tippermetti lill-utenti jaċċessawha mingħajr xkiel. B’riżultat ta’ dan, inħarġu aktar minn 12,5-il miljun karta tal-identità ġdida b’funzjonalità ta’ “identità diġitali”.

-Iċ-Ċekja espandiet l-aċċess għall-bordijiet tal-bullettin diġitali tal-awtoritajiet reġjonali u muniċipali. Issa tirrikjedi l-pubblikazzjoni ta’ metadata miftuħa tal-bordijiet tal-bullettin uffiċjali fi kważi 300 entità, inklużi gvernijiet lokali u muniċipalitajiet. Din tikkontribwixxi għat-titjib tal-Katalogu Nazzjonali tad-Data Miftuħa billi tippubblika listi ta’ kodiċijiet tal-amministrazzjoni pubblika fil-bażijiet tad-data pubbliċi, u żżid l-għadd ta’ produtturi tad-data miftuħa.

-Mill-anqas 3 500 unità domestika u negozju fid-Danimarka kisbu aċċess għal Internet b’veloċità għolja, li qabel ma kellhomx, permezz tal-espansjoni tal-iskema eżistenti tal-banda wiesgħa, Bredbåndspuljen. Din l-iskema wasslet aċċess għal Internet b’veloċità għolja għal żoni rurali tad-Danimarka li jbatu minn kopertura mhux adegwata minħabba inċentivi tas-suq insuffiċjenti, inklużi gżejjer mingħajr konnessjoni ta’ pont.

-Fl-Italja, intlaħqu tliet miri importanti marbuta mal-inkorporazzjoni ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi f’soluzzjonijiet tal-Gvern elettroniku: (i) 6 678 amministrazzjoni pubblika addizzjonali adottaw is-sistema ta’ pagament diġitali ta’ “PagoPA” (+71 % meta mqabbla mal-2021), (ii) 10 675 amministrazzjoni pubblika addizzjonali ngħaqdu u pprovdew servizzi permezz tal-punt ta’ aċċess uniku tas-servizzi pubbliċi, imsejjaħ “app IO” (+251 % meta mqabbla mal-2021) u (iii) 1 798 Amministrazzjoni Pubblika Ċentrali u Muniċipalità abbonaw mal-“Pjattaforma ta’ Notifika Diġitali” u bdew jibagħtu avviżi legalment vinkolanti liċ-ċittadini, lil entitajiet legali, lil assoċjazzjonijiet u lil kwalunkwe entità pubblika jew pubblika oħra permezz tal-pjattaforma.

Tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv

L-RRPs jikkontribwixxu għal tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli (jiġifieri l-pilastru 3) b’1 700 miżura u sottomiżura li jiswew aktar minn EUR 332 biljun 60 . Dawn il-miżuri jkopru firxa wiesgħa ta’ oqsma, inklużi r-riformi u l-investimenti biex itejbu l-ambjent tan-negozju u l-kompetittività, l-appoġġ għall-SMEs, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u s-settur kulturali.

Kien hemm progress sinifikanti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri relatati mat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, b’40 % tal-objettivi intermedji u l-miri jikkontribwixxu għal dan l-objettiv tal-RRF irrapportati bħala li tlestew mill-Istati Membri jew ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu b’mod sodisfaċenti mill-Kummissjoni. 1 346 mit-3 305 objettivi intermedji u miri li jikkontribwixxu għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv huma rrapportati bħala li tlestew mill-Istati Membri jew ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu mill-Kummissjoni, li jikkorrispondu għal rata ta’ progress ta’ 41 % (inkluż 23 % vvalutati fit-talbiet għal pagament). 420 minn dawn l-objettivi intermedji u miri ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu bejn l-1 ta’ Settembru 2023 u l-31 ta’ Awwissu 2024 (il-perjodu tar-rapportar). L-eżempji pprovduti fil-kaxxa ta’ hawn taħt jenfasizzaw miżuri ewlenin b’objettivi intermedji u miri li tlestew matul il-perjodu tar-rapportar.

Illustrazzjoni 19: Il-perċentwal tal-objettivi intermedji u l-miri li jikkontribwixxu għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv li ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu jew li ġew irrapportati bħala li tlestew, għal kull RRP

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Eżempji ta’ miżuri rilevanti b’objettivi intermedji u miri milħuqin taħt il-pilastru tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv

Riformi:

-Iċ-Ċekja stabbiliet pjattaforma ta’ ċertifikazzjoni għall-industriji tal-apparat mediku u tal-ajruspazju. Din il-pjattaforma tgħaqqad il-kumpaniji ma’ korpi regolatorji biex jipprovdu informazzjoni, taħriġ u gwida essenzjali dwar il-kisba ta’ ċertifikati għal prodotti u servizzi speċifiċi.

-Malta waqqfet kulleġġ elettroniku li joffri korsijiet online komprensivi bl-għan li jespandi l-opportunitajiet ta’ titjib u tiġdid tal-ħiliet għall-adulti kollha irrispettivament mill-istatus ta’ impjieg tagħhom. L-istudenti huma megħjuna permezz ta’ unità ta’ mentoraġġ u gwida kif ukoll ċentru online biex jipprovdi servizzi ta’ gwida lil adulti li jkunu qegħdin ifittxu l-aħjar trajettorja edukattiva biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom ta’ titjib u tiġdid tal-ħiliet kif ukoll konsulenza fil-benessri ġenerali. Il-kulleġġ elettroniku huwa kkomplementat ukoll minn faċilità ta’ ċentru li jipprovdi spazju fiżiku b’tagħmir tekniku u kkowċjar wiċċ imb wiċċ għal adulti li ma jkollhomx ħiliet jew tagħmir diġitali biex jaċċessaw korsijiet online.

-Il-Litwanja ħolqot Kunsill ta’ Riċerka ġdid li jgħin lin-negozji u lill-organizzazzjonijiet jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet internazzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni u jipprovdi appoġġ analitiku lill-gvern dwar il-politiki tal-innovazzjoni u tal-edukazzjoni għolja.

Investimenti:

-Fl-Italja, 25 kumpanija, inklużi SMEs, irċevew finanzjament għall-parteċipazzjoni fi Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni dwar it-teknoloġija u l-industrija tal-idroġenu; il-mikroelettronika u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni; u l-infrastruttura u s-servizzi tal-cloud tal-ġenerazzjoni li jmiss. Dawn il-proġetti jiffinanzjaw innovazzjoni rivoluzzjonarja li tikkontribwixxi għall-kompetittività, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà tal-Ewropa.

-Fil-Kroazja, ingħataw madwar EUR 18-il miljun għal proġetti ta’ riċerka mwettqa minn universitajiet u istituti ta’ riċerka li qablu li jiffokaw fuq ir-riżultati, filwaqt li biddlu l-mod kif ir-riċerka pubblika tiġi ffinanzjata biex jiġu ppremjati eżiti ta’ suċċess.

-Fi Spanja, ingħataw EUR 897 miljun għal 3 463 proġett ta’ riċerka u żvilupp marbuta ma’: (i) prova tal-kunċett, (ii) teknoloġiji strateġiċi, (iii) tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, (iv) kollaborazzjoni fir-riċerka pubblika-privata, (v) riċerka u żvilupp għall-isfidi tas-soċjetà u (vi) għall-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka.

Koeżjoni soċjali u territorjali

L-Istati Membri inkludew għadd sinifikanti ta’ miżuri biex jappoġġaw il-koeżjoni soċjali u territorjali, speċjalment billi jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Ħafna RRPs inkludew kapitoli ddedikati dwar opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. L-RRPs kollha jiffinanzjaw ukoll miżuri mmirati lejn it-titjib ta’ tipi differenti ta’ infrastruttura u servizzi territorjali, inklużi riformi u investimenti biex tingħata spinta lill-kompetittività, tittejjeb il-konnettività tat-trasport u tal-banda wiesgħa, jiġi żgurat l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u jiġi ppreżervat l-ambjent, kif ukoll tittejjeb il-prestazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fil-livell lokali u reġjonali. B’mod aktar preċiż, is-27 RRP adottati mill-Kunsill se jappoġġaw dan il-pilastru b’madwar EUR 261,2 biljun 61 .

Il-kopertura tal-RRPs tal-koeżjoni soċjali u territorjali hija aktar preżenti f’xi pjanijiet minn oħrajn, bi progress ġenerali tajjeb. F’xi Stati Membri, il-koeżjoni soċjali u territorjali hija inkorporata f’diversi miżuri fil-komponenti kollha tal-RRP. 1 064 mill-2 888 objettiv intermedju u mira li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u territorjali diġà huma rrapportati bħala li tlestew mill-Istati Membri jew ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu mill-Kummissjoni, li jirrappreżentaw rata ta’ progress ta’ 37 % (inklużi 20 % vvalutati fit-talbiet għal pagament). 322 mill-objettivi intermedji u l-miri li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u territorjali ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu bejn l-1 ta’ Settembru 2023 u l-31 ta’ Awwissu 2024 (il-perjodu tar-rapportar). L-eżempji pprovduti fil-kaxxa ta’ hawn taħt jenfasizzaw miżuri ewlenin b’objettivi intermedji u miri li tlestew matul il-perjodu tar-rapportar.

Illustrazzjoni 20: Il-perċentwal tal-objettivi intermedji u l-miri li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u territorjali vvalutati bħala li ntlaħqu jew irrapportati bħala li tlestew, għal kull RRP

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Eżempji ta’ miżuri rilevanti b’objettivi intermedji u miri milħuqin taħt il-pilastru tal-koeżjoni soċjali u territorjali

Riformi:

-L-Italja adottat liġi qafas ġdida biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ persuni anzjani li ma humiex awtosuffiċjenti. B’mod partikolari, il-liġi għandha l-għan li tissimplifika u tipprovdi “Punti Uniċi ta’ Kuntatt” għas-servizzi soċjali u tas-saħħa, tirrieżamina l-proċeduri għall-valutazzjoni tal-kundizzjoni ta’ persuni anzjani dipendenti mill-kura u żżid is-sett ta’ servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa li jistgħu jiġu pprovduti fid-dar.

-Il-Greċja ċċertifikat 150 000 ċittadin għat-tlestija b’suċċess ta’ programmi ta’ taħriġ dwar ħiliet diġitali, ekoloġiċi u tal-litteriżmu finanzjarju. Il-programmi għandhom l-għan li jtejbu l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ u tal-persuni qiegħda fit-tul, tal-impjegati teknoloġikament żvantaġġati, tal-impjegati b’riżorsi limitati ta’ taħriġ u tal-impjegati tas-settur pubbliku bħall-għalliema.

-Il-Polonja stabbiliet l-Istrument ta’ Trasformazzjoni Urbana Ekoloġika biex trawwem l-iżvilupp urban sostenibbli u biex tindirizza d-disparitajiet soċjoekonomiċi. Din l-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb l-infrastruttura urbana permezz ta’ soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija (bħar-raggruppamenti tal-enerġija u l-użu ta’ sorsi rinnovabbli); il-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għat-trasformazzjoni ekoloġika (bħal infrastrutturi ekoloġiċi u blu għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma tax-xita); u l-appoġġ ta’ sistemi tat-trasport b’emissjonijiet żero (billi tinkoraġġixxi l-mixi, iċ-ċikliżmu u t-trasport kollettiv, kif ukoll il-ħolqien ta’ Żoni b’Emissjonijiet Baxxi).

Investimenti:

-Franza ssussidjat ir-rinnovazzjoni termali ta’ 20 000 abitazzjoni soċjali addizzjonali kemm fi Franza kontinentali kif ukoll fit-territorji ekstra-Ewropej, u laħqet 40 000 abitazzjoni soċjali mill-2020. Permezz ta’ rinnovazzjonijiet profondi tal-bini, l-ambizzjoni hija li jiġu eliminati progressivament l-għeriebel termali u li tinkiseb medja ta’ mill-anqas 30 % ta’ ffrankar tal-enerġija sal-aħħar tal-2026.

-L-Italja saħħet il-forza tax-xogħol tagħha billi attivat perkors ta’ taħriġ biex ittejjeb il-ħiliet tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa Taljan. Billi jipprovdi l-ewwel 1 800 borża ta’ studju, il-programm għandu l-għan li jtejjeb il-prattika medika ġenerali u s-sikurezza tal-infezzjonijiet fl-isptarijiet għall-membri tal-persunal.

-Il-Latvja rrinnovat jew bniet mill-ġdid 75 km ta’ toroq reġjonali u lokali bl-għan li ttejjeb is-sikurezza fit-toroq, tiżgura l-konnettività u l-funzjonament tal-muniċipalitajiet il-ġodda, kif ukoll li ttejjeb l-aċċess taċ-ċittadini għall-impjiegi u s-servizzi.

Reżiljenza tas-saħħa, ekonomika u istituzzjonali

L-RRPs jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-saħħa u għar-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali, bil-għan li, inter alia, tiżdied it-tħejjija għall-kriżijiet u l-kapaċità ta’ rispons għall-kriżijiet. Aktar minn 1 200 miżura u sottomiżura għal madwar EUR 88,5 biljun 62 , inklużi fl-RRPs, jikkontribwixxu għall-pilastru tal-politika tas-saħħa, u tar-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali. Dawn il-miżuri jkopru oqsma ta’ politika li jvarjaw minn kura tas-saħħa u fit-tul għall-effettività tas-sistemi ġudizzjarji u miżuri kontra l-ħasil tal-flus.

Il-pilastru tar-reżiljenza tas-saħħa, ekonomika u istituzzjonali huwa dak li fih inkiseb l-aktar progress s’issa. 1 162 mill-2 503 objettiv intermedju u mira li jikkontribwixxu għas-saħħa, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali huma rrapportati bħala li tlestew mill-Istati Membri jew ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu mill-Kummissjoni, li jikkorrispondu għal rata ta’ progress ta’ 46 % (inklużi 27 % vvalutati fit-talbiet għal pagament). 374 mill-objettivi intermedji u l-miri li jikkontribwixxu għar-reżiljenza tas-saħħa, ekonomika u istituzzjonali ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu bejn l-1 ta’ Settembru 2023 u l-31 ta’ Awwissu 2024 (il-perjodu tar-rapportar). L-eżempji pprovduti fil-kaxxa ta’ hawn taħt jenfasizzaw il-miżuri ewlenin b’objettivi intermedji u miri li tlestew matul il-perjodu tar-rapportar.

Illustrazzjoni 21: Il-perċentwal tal-objettivi intermedji u l-miri li jikkontribwixxu għar-reżiljenza tas-saħħa, ekonomika u istituzzjonali li ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu jew li ġew irrapportati bħala li tlestew, għal kull RRP

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Eżempji ta’ miżuri rilevanti b’objettivi intermedji u miri milħuqin taħt il-pilastru tar-reżiljenza tas-saħħa, ekonomika u istituzzjonali

Riformi:

-Il-Greċja stabbiliet 48 unità tas-saħħa mentali, biex tappoġġa l-aċċess universali liberu għal servizzi tas-saħħa mentali ta’ kwalità. Il-pazjenti ta’ dawn l-unitajiet jinkludu tfal, adolexxenti u adulti żgħażagħ bi problemi ta’ saħħa mentali, pazjenti bid-dimenzja, bil-marda ta’ Alzheimer u bl-awtiżmu, kif ukoll persuni li jużaw sustanzi li jwasslu għal dipendenza u individwi dipendenti. Barra minn hekk, ir-riforma għandha l-għan li ċċaqlaq il-kura tas-saħħa mentali mill-istituzzjonijiet u toħloq servizzi bbażati fil-komunità li jaħdmu flimkien biex jissodisfaw il-ħtiġijiet kurrenti tas-saħħa mentali u jħejju għal sfidi futuri wara l-pandemija.

-L-Estonja emendat il-liġijiet rilevanti biex issaħħaħ il-kura tas-saħħa primarja. Il-bidliet leġiżlattivi tejbu l-ġestjoni tal-listi tal-pazjenti, u b’hekk għamluha aktar faċli għall-pazjenti biex ikomplu jirċievu kura primarja u estendew id-drittijiet tal-infermiera biex jippreskrivu mediċini lill-pazjenti. Il-pajjiż għamilha wkoll aktar attraenti għat-tobba u għall-ispiżjara li jaħdmu f’żoni remoti.

-Fil-Kroazja, ġiet implimentata riforma tal-iffissar tal-pagi. Minn April 2024, l-impjegati kollha taċ-ċivil u l-uffiċjali pubbliċi rċevew salarji skont is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida u aktar trasparenti bbażata fuq il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali.

Investimenti:

-Il-Belġju approva strateġija ta’ deistituzzjonalizzazzjoni għall-kura fit-tul tar-Reġjun ta’ Wallonia bħala parti minn investiment usa’ li għandu l-għan li jżid il-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali għal gruppi vulnerabbli permezz tal-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija ta’ akkomodazzjoni b’kera baxxa, ta’ akkomodazzjoni inklużiva u bbażata fuq is-solidarjetà, kif ukoll ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni għal persuni mingħajr dar.

-Id-Danimarka żviluppat soluzzjoni diġitali ġdida biex iċ-ċittadini u s-sistema tal-kura tas-saħħa jsiru aktar konnessi wara l-pandemija tal-COVID-19. Ġew żviluppati kwestjonarji diġitali ġodda, li jkopru l-pneumococcus, l-influwenza u t-tqala, biex jippermettu stratifikazzjoni rapida tal-pazjenti f’termini ta’ ħtiġijiet ta’ tilqim u kundizzjonijiet mediċi oħrajn.

-L-Irlanda tat kuntratti għall-akkwist ta’ soluzzjoni diġitali li tappoġġa l-varar ta’ sistema ta’ Spiżerija elettronika fi sptarijiet fl-Irlanda. Din is-sistema tippermetti lill-awtoritajiet jimmonitorjaw aħjar l-użu u l-kostijiet tal-mediċini, u tappoġġa l-preskrizzjoni u l-amministrazzjoni elettronika tal-mediċini, u b’hekk ittejjeb it-twassil tal-kura u s-sikurezza tal-pazjenti. L-Irlanda lestiet ukoll it-tfassil, il-bini u l-konfigurazzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni finanzjarja integrata biex l-akkwist u l-ġestjoni finanzjarja fi ħdan is-sistema tal-kura tas-saħħa jsiru aktar effiċjenti.

Politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss

Il-miżuri għall-ġenerazzjoni li jmiss, it-tfal u ż-żgħażagħ jiffokaw primarjament fuq l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll miżuri li jappoġġaw l-impjieg taż-żgħażagħ. L-RRPs adottati mill-Kunsill jappoġġaw dan il-pilastru b’madwar EUR 56,4 biljun 63 , li minnhom madwar tliet kwarti jikkontribwixxu għall-edukazzjoni ġenerali, vokazzjonali u għolja. Il-kwart li jifdal huwa maqsum kważi b’mod ugwali bejn l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, u l-appoġġ għall-impjieg taż-żgħażagħ.

Il-progress huwa tanġibbli wkoll għall-objettivi intermedji u għall-miri li jikkontribwixxu għall-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss, għat-tfal u għaż-żgħażagħ, bħall-edukazzjoni u l-ħiliet. S’issa, 259 minn 665 objettiv intermedju u mira diġà huma rrapportati bħala li tlestew mill-Istati Membri jew ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu mill-Kummissjoni, li jikkorrispondu għal rata ta’ progress ta’ 39 % (inklużi 21 % vvalutati fit-talbiet għal pagament). 75 minn dawn l-objettivi intermedji u l-miri li jikkontribwixxu għall-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu bejn l-1 ta’ Settembru 2023 u l-31 ta’ Awwissu 2024 (il-perjodu tar-rapportar). L-eżempji pprovduti fil-kaxxa ta’ hawn taħt jenfasizzaw miżuri ewlenin b’objettivi intermedji u miri li tlestew matul il-perjodu tar-rapportar.

Illustrazzjoni 22: Il-perċentwal tal-objettivi intermedji u l-miri li jikkontribwixxu għall-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss li ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu jew ġew irrapportati bħala li tlestew, għal kull RRP

Nota: L-RRP tad-Danimarka jinkludi bosta objettivi intermedji u miri li jikkontribwixxu għall-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss, li għadhom ma ġewx ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu jew għadhom ma ġewx irrapportati mill-Istat Membru bħala li tlestew.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Eżempji ta’ miżuri rilevanti b’objettivi intermedji u miri milħuqin taħt il-politiki għall-pilastru tal-ġenerazzjoni li jmiss

Riformi:

-Is-Slovakkja introduċiet programm nazzjonali tal-edukazzjoni tal-istat għall-iskejjel tal-primarja u tal-ewwel livell tas-sekondarja, li se jwassal kurrikuli aġġornati fil-klassijiet. Il-kurrikulu l-ġdid se jitnieda fi tliet ċikli u għandu l-għan li jistabbilixxi standards ogħla u mmodernizzati għal għanijiet ewlenin ta’ apprendiment.

-Ir-riforma tal-governanza tal-edukazzjoni għolja daħlet fis-seħħ fil-Latvja. Ir-riforma tinkludi (i) id-definizzjoni tat-tipoloġiji universitarji u l-ispeċjalizzazzjoni strateġika tal-universitajiet; (ii) il-proċedura għall-istabbiliment u l-approvazzjoni ta’ kunsilli universitarji, il-kompetenza tal-kunsilli, filwaqt li tiċċara l-kompetenzi tas-Senat, tar-Rettur u tal-Assemblea Kostituzzjonali; u (iii) il-proċedura għall-għażla u l-approvazzjoni ta’ retturi universitarji ġodda.

-Il-Ġermanja saħħet is-sistema edukattiva permezz ta’ riforma biex tipprovdi korsijiet u mentoraġġ addizzjonali lill-istudenti li waqgħu lura fl-apprendiment, b’enfasi fuq is-suġġetti ewlenin u l-kompetenzi ewlenin biex jiġu indirizzati d-disparitajiet fl-apprendiment maħluqa mill-kriżi tal-COVID-19. Se jintefqu wkoll EUR 500 miljun biex jinħolqu 90 000 post addizzjonali għall-indukrar tat-tfal, billi jinbnew faċilitajiet ġodda għall-indukrar tat-tfal u jiġu rrestawrati dawk eżistenti.

Investimenti:

-Il-Portugall ipprovda 600 000 laptop lill-istudenti u lill-għalliema fl-iskejjel pubbliċi tal-primarja u s-sekondarja fuq bażi ta’ self li jappoġġaw l-edukazzjoni u t-tagħlim diġitali.

-L-Italja offriet appoġġ edukattiv strutturat lil mill-anqas 20 000 minorenni ta’ età sa 17-il sena, u b’hekk iġġieldet il-faqar edukattiv u appoġġat opportunitajiet indaqs għat-tfal kollha fin-Nofsinhar tal-Italja.

-L-Irlanda għaqqdet 750 skola primarja ma’ network tal-banda wiesgħa b’veloċità għolja permezz tal-installazzjoni ta’ routers, u b’hekk iffaċilitat l-edukazzjoni diġitali moderna. Dan jgħin ukoll biex jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali u diġitali fl-Irlanda permezz ta’ żieda fil-konnettività fi skejjel iżgħar u rurali, li storikament kellhom l-aktar klassifikazzjonijiet baxxi ta’ konnettività.

Ġeneru u tfal u żgħażagħ

L-RRPs ikomplu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiffokaw fuq it-tfal u ż-żgħażagħ. L-RRPs tal-Istati Membri fihom 136 (sotto)miżura li flimkien jikkontribwixxu EUR 22,0 biljun 64 għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Dawn jinkludu wkoll 423 (sotto)miżura li jiffokaw fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, li jikkontribwixxu EUR 66,6 biljun 65 . Dawn iċ-ċifri ma jinkludux il-kontribut ta’ riformi u investimenti oħrajn li jistgħu ma jitqisux inizjalment bħala politiki li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għat-tfal u ż-żgħażagħ iżda li l-implimentazzjoni tagħhom jista’ jkollha impatt pożittiv sinifikanti.

Kien hemm ukoll progress notevoli fl-implimentazzjoni ta’ miżuri li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li jiffokaw fuq it-tfal u ż-żgħażagħ. Mill-253 objettiv intermedju u mira b’enfasi fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-27 RRP, 102 diġà huma rrapportati mill-Istati Membri bħala li tlestew jew ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu, li jirrappreżentaw rata ta’ progress ta’ 40 % (inklużi 22 % vvalutati b’mod pożittiv fit-talbiet għal pagament). Barra minn hekk, 288 mis-714-il objettiv intermedju u mira li jikkontribwixxu għat-tfal u għaż-żgħażagħ diġà huma rrapportati mill-Istati Membri bħala li tlestew jew ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu, li jirrappreżentaw rata ta’ progress ta’ 40 % (inklużi 22 % vvalutati b’mod pożittiv fit-talbiet għal pagament). 33 mill-objettivi intermedji u l-miri li jikkontribwixxu għall-ġeneru u 79 minn dawk li jikkontribwixxu għat-tfal u ż-żgħażagħ ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu bejn l-1 ta’ Settembru 2023 u l-31 ta’ Awwissu 2024 (il-perjodu tar-rapportar). L-eżempji pprovduti fil-kaxxa ta’ hawn taħt jenfasizzaw miżuri ewlenin b’objettivi intermedji u miri li tlestew matul il-perjodu tar-rapportar.

Illustrazzjoni 23: Il-perċentwal tal-objettivi intermedji u l-miri li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri li ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu jew ġew irrapportati bħala li tlestew, għal kull RRP

Nota: L-RRPs tal-Belġju, tal-Latvja, tal-Litwanja u tal-Ungerija jinkludu bosta objettivi intermedji u miri li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li għadhom ma ġewx ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu jew għadhom ma ġewx irrapportati mill-Istat Membru bħala li tlestew.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Illustrazzjoni 24: Il-perċentwal tal-objettivi intermedji u l-miri b’enfasi fuq it-tfal u ż-żgħażagħ li ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu jew li ġew irrapportati bħala li tlestew, għal kull RRP

Nota: L-RRP tad-Danimarka jinkludi bosta objettivi intermedji u miri b’enfasi fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, li għadhom ma ġewx ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu jew għadhom ma ġewx irrapportati mill-Istat Membru bħala li tlestew.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Matul il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Kummissjoni organizzat avveniment dwar l-impatt tal-RRF fuq iż-żgħażagħ. Il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, li hija organizzata mill-Kummissjoni Ewropea kull sentejn biex tippromwovi l-involviment taż-żgħażagħ, ġibdet aktar minn 900 attendent żagħżugħ f’April 2024. L-avveniment iffoka fuq tmien żgħażagħ li bbenefikaw minn miżuri tal-RRF b’diversi modi, flimkien ma’ għarfien mill-korpi ta’ implimentazzjoni nazzjonali u mill-Kummissjoni Ewropea. Pereżempju, għalliem żagħżugħ tal-IT mil-Latvja ddiskuta l-proġett “Kompjuter għal Kull Tifel u Tifla”, li jipprovdi laptops lill-istudenti, b’mod partikolari dawk minn sfondi żvantaġġati. Barra minn hekk, disinjatur Sloven u maniġer tal-PR spjegaw kif ingħataw is-setgħa u kif tejbu s-sigurtà soċjali tagħhom bis-saħħa tal-inċentivi finanzjarji għall-impjegaturi biex jimpjegaw żgħażagħ b’kuntratti permanenti. Parteċipanti oħrajn qasmu l-esperjenzi tagħhom dwar il-modernizzazzjoni tal-programm universitarju fiċ-Ċekja, il-vawċers għat-tagħmir diġitali fil-Greċja, il-konsulenza għall-karriera fi Franza u l-apparat diġitali għall-istituzzjonijiet tat-taħriġ fi Spanja 66 .

Eżempji ta’ miżuri rilevanti b’objettivi intermedji u miri milħuqin li jikkontribwixxu għall-ġeneru u għat-tfal u ż-żgħażagħ

Riformi:

- Il-Kroazja introduċiet mudell ta’ finanzjament biex tkopri l-kostijiet operattivi kemm taċ-ċentri tal-edukazzjoni u tal-kura bikrija tat-tfal eżistenti kif ukoll dawk li għadhom kif inbnew għall-bliet u għall-gvernijiet lokali b’baġits limitati. Dan jappoġġa opportunitajiet indaqs għat-tfal kollha u jgħin lill-persuni li jindukraw, ta’ spiss nisa, isibu impjiegi full-time.

-L-Estonja żviluppat prototip ta’ għodda diġitali tad-diskrepanza fil-pagi bejn il-ġeneri għall-impjegaturi. B’din l-għodda, l-impjegaturi jistgħu jiksbu l-informazzjoni meħtieġa dwar id-diskrepanza fil-pagi bejn il-ġeneri u l-kawżi possibbli tagħha fl-organizzazzjoni tagħhom, u jingħataw is-setgħa li jieħdu azzjoni biex inaqqsu d-diskrepanza fil-pagi bejn il-ġeneri.

Investimenti:

-L-Italja pprovdiet appoġġ finanzjarju għall-ħolqien u/jew għat-tkabbir ta’ 700 intrapriża mmexxija min-nisa, li jappoġġa l-intraprenditorija tan-nisa u jsaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa f’attivitajiet ta’ negozju.

-Is-Slovenja pprovdiet sussidji għall-impjieg ta’ 700 persuna taħt l-età ta’ 30 sena, u b’hekk żgurat id-dħul aktar mgħaġġel tagħhom fis-suq tax-xogħol, filwaqt li tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ, ittejjeb is-sigurtà soċjali tagħhom u ttejjeb il-ħiliet tagħhom.

-Ir-Rumanija pprovdiet għotjiet lil 750 stabbiliment edukattiv l-aktar fil-bżonn, biex tappoġġa lill-istudenti bil-ħsieb li tnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u tiffaċilita t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell għal dik tat-tieni livell. L-iskejjel intgħażlu abbażi ta’ ħames indikaturi ddefiniti fil-Mekkaniżmu ta’ Twissija Bikrija fl-Edukazzjoni. 

-Franza ssussidjat 160 000 kuntratt addizzjonali ta’ apprendistat, kif ukoll il-ħolqien ta’ 2 200 impjieg għaż-żgħażagħ fis-settur tal-isport u bniet jew irrinnovat 1 500 post fi “skejjel ta’ eċċellenza li jgħixu fihom l-istudenti”.

D. Politiki biex tittejjeb il-kompetittività tan-negozji tal-UE

L-RRPs jikkontribwixxu għal kompetittività mtejba tan-negozji tal-UE, b’madwar tliet miljun intrapriża li diġà bbenefikaw mill-appoġġ tal-RRF

L-investimenti li jappoġġaw direttament lill-intrapriżi jammontaw għal aktar minn EUR 82 biljun, 13 % tan-nefqa totali stmata tal-RRF. Minn dan l-ammont, madwar EUR 78 biljun huma allokati lill-SMEs fi 22 Stat Membru. Barra minn hekk, l-appoġġ lill-kumpaniji, inklużi l-għajnuna finanzjarja u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, jammonta għal mill-anqas EUR 164 biljun (25 % tan-nefqa totali stmata tal-RRF). L-investimenti tal-RRF li jtejbu l-kompetittività jkopru bosta setturi, inklużi l-manifattura, il-karozzi, l-enerġija, il-bejgħ bl-imnut, it-turiżmu u l-kultura, b’aktar minn EUR 110 biljun investiti fid-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u t-teknoloġija nadifa, EUR 23 biljun fir-riċerka u l-iżvilupp ekoloġiċi, u aktar minn EUR 2 biljun f’ħiliet u impjiegi ekoloġiċi. L-investimenti tal-RRF irawmu wkoll it-tranżizzjoni diġitali, u jibbenefikaw lil kważi 600 000 kumpanija biex javvanzaw b’teknoloġiji bħall-IA u ċ-ċibersigurtà.

Minbarra l-investimenti, l-RRPs fihom aktar minn 900 riforma, f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika 67 mmirati lejn it-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji u amministrattivi u l-indirizzar tal-isfidi matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tan-negozju, biex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti u tingħata spinta lill-kompetittività tan-negozji tal-UE. Dawn il-miżuri tal-RRP jiffokaw fuq is-simplifikazzjoni tar-regolamenti u t-tnaqqis tal-burokrazija li spiss ifixklu n-negozju, b’mod partikolari l-SMEs. Il-miżuri ta’ kompettività jindirizzaw l-isfidi matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tan-negozju. L-RRF jgħin lill-Istati Membri jnaqqsu ż-żmien meħtieġ biex jibdew kumpanija, jissimplifikaw u jħaffu l-proċessi tal-liċenzjar u tal-permessi, inaqqsu r-restrizzjonijiet għall-aċċess ta’ professjonijiet irregolati, u jiffaċilitaw u jiddiġitalizzaw l-inkorporazzjoni tan-negozji.

Kien hemm progress sinifikanti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri relatati mal-kompetittività. Mill-bidu tal-RRF, 1 856 mill-4 352 objettiv intermedju u mira li jikkontribwixxu direttament għat-tkabbir u għall-kompetittività tan-negozji diġà huma rrapportati mill-Istati Membri bħala li tlestew jew ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu, li jirrappreżentaw rata ta’ progress ta’ kważi 43 % (inklużi 25 % vvalutati fit-talbiet għal pagament). 592 minn dawn l-objettivi intermedji u miri li jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-kompetittività ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu bejn l-1 ta’ Settembru 2023 u l-31 ta’ Awwissu 2024 (il-perjodu tar-rapportar). L-eżempji pprovduti fil-kaxxa ta’ hawn taħt jenfasizzaw miżuri ewlenin b’objettivi intermedji u miri li tlestew matul il-perjodu tar-rapportar.

Illustrazzjoni 25: Il-perċentwal tal-objettivi intermedji u l-miri li jikkontribwixxu għall-kompetittività li ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu jew li ġew irrapportati bħala li tlestew, għal kull RRP

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Eżempji ta’ miżuri rilevanti b’objettivi intermedji u miri milħuqin li jikkontribwixxu għall-kompetittività

Riformi:

-Franza, permezz tal-liġi dwar l-aċċellerazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-azzjoni pubblika, issimplifikat ir-regoli u l-proċeduri amministrattivi, inkluż fost l-oħrajn it-tqassir taż-żmien meħtieġ għar-rieżami tal-proġetti industrijali jew is-simplifikazzjoni tal-kumitati konsultattivi sabiex jiġu aċċellerati d-deċiżjonijiet amministrattivi.

-Is-Slovenja, permezz tal-“Att dwar it-Tnaqqis tal-Burokrazija”, għenet biex jinħoloq ambjent tan-negozju li jiffavorixxi t-tkabbir għas-settur tan-negozju u għaċ-ċittadini billi ssimplifikat jew neħħiet proċeduri amministrattivi ta’ piż. Dan irriżulta f’kostijiet amministrattivi aktar baxxi u żieda fil-kompetittività tan-negozji fis-Slovenja. Hija ssimplifikat ukoll il-leġiżlazzjoni billi ħassret aktar minn 200 liġi u liġi sekondarja li kienu skaduti jew li ma kinux għadhom applikabbli.

-Il-Kroazja għamlitha aktar faċli għan-negozji biex jittrattaw ir-regolamenti billi ċaqalqet it-Test tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-SMEs online. Dan jinkludi pjattaforma diġitali li tgħin fit-traċċar ta’ kif il-liġijiet il-ġodda jaffettwaw lill-SMEs u tippermetti lill-esperti minn madwar il-pajjiż jaħdmu flimkien u jaqsmu l-għarfien. Barra minn hekk, il-Kroazja nediet pjan ta’ azzjoni ġdid biex tnaqqas it-tariffi u l-imposti addizzjonali li jiffaċċjaw in-negozji, minbarra t-taxxi.

Investimenti:

-Franza introduċiet skema ta’ finanzjament għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, li tammonta għal EUR 300 miljun. Din irriżultat f’appoġġ konkret lill-kumpaniji fil-perkors tad-dekarbonizzazzjoni tagħhom. Pereżempju, kumpanija tat-tessuti rċeviet EUR 917 000 biex tinvesti fi proċessi industrijali aktar effiċjenti f’waħda mill-fabbriki tagħha. Dan l-investiment se jnaqqas il-konsum tal-enerġija b’2 950 MWh/sena, filwaqt li jbaxxi l-emissjonijiet tas-CO2 b’30 % kull sena u l-konsum tal-ilma b’50 % sal-2025. Kooperattiva Franċiża ewlenija fil-qasam tad-deidratazzjoni ssostitwiet apparat li jnixxef b’temperatura għolja (150 sa 600 C°), b’apparat li jnixxef b’temperatura baxxa (105 sa 70 C°), li jirkupra s-sħana mill-impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart tal-belt. Din il-miżura għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 fil-post b’40 % (7 680 tunnellata kull sena).

-Spanja għamlet progress fl-investimenti fi proġetti strateġiċi biex tittrasforma l-ktajjen tal-valur f’setturi ewlenin bħall-karozzi, l-ikel agrikolu, is-saħħa, is-settur navali u d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija. Ingħataw mill-anqas EUR 1,2 biljun lil 925 proġett innovattiv li jiffokaw fuq l-effiċjenza enerġetika, is-sostenibbiltà u t-trasformazzjoni diġitali. Minnhom, 584 huma marbuta ma’ vetturi elettriċi, is-saħħa u l-ikel agrikolu. B’mod partikolari, 266 proġett jappoġġaw l-iżvilupp ta’ komponenti u pjattaformi għall-vetturi elettriċi, ibridi rikarikabbli u tal-idroġenu, kif ukoll ir-riċerka u l-iżvilupp tas-sewqan awtonomu u tal-mobbiltà konnessa.

3.REPowerEU

L-RRF hija strument ewlieni għall-ilħuq tal-objettivi tal-Pjan REPowerEU, li huwa mmirat lejn it-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa fuq il-fjuwils fossili Russi billi jaċċellera t-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa u jikseb sistema tal-enerġija aktar reżiljenti. Ir-Regolament RRF ġie emendat fi Frar 2023 biex jipprovdi riżorsi finanzjarji addizzjonali lill-Istati Membri, jappoġġa riformi u investimenti ġodda jew estiżi ffokati fuq id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, iż-żieda fl-iffrankar tal-enerġija, iż-żieda fil-produzzjoni ta’ enerġija nadifa u t-tisħiħ tar-reżiljenza, tas-sigurtà u tas-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-UE.

Il-finanzjament ta’ EUR 64,2 biljun għall-objettivi tar-REPowerEU ġej minn diversi sorsi. EUR 20 biljun f’appoġġ finanzjarju addizzjonali mhux ripagabbli huma pprovduti taħt l-RRF, iġġenerati mill-irkant ta’ kwoti taħt l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet. Dan l-appoġġ finanzjarju jitqassam fost l-Istati Membri abbażi ta’ kjavi ta’ allokazzjoni aġġornata fl-Anness IVa tar-Regolament RRF 68 . L-Istati Membri jistgħu jittrasferixxu wkoll l-allokazzjoni provviżorja kollha tagħhom jew parti minnha skont ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (“BAR”, Brexit Adjustment Reserve) lill-RRF għall-finanzjament tal-investimenti u r-riformi fil-kapitoli tagħhom tar-REPowerEU. 23 Stat Membru talbu trasferiment bħal dan, li jammonta għal EUR 2,1 biljun 69 . Sabiex jiffinanzjaw investimenti u riformi ġodda li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tar-REPowerEU, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli ħafna tas-self tal-RRF. Sal-iskadenza tal-31 ta’ Awwissu 2023, 10 Stati Membri talbu self addizzjonali li jammonta għal EUR 127,2 biljun 70 , li minnhom EUR 40,5 biljun huma miżuri ddedikati tar-REPowerEU 71 .

Biex jaċċessaw dawn il-fondi addizzjonali, l-Istati Membri rrevedew l-RRPs tagħhom biex jinkludu riformi u investimenti ġodda jew estiżi f’“kapitolu tar-REPowerEU” ddedikat. Sal-31 ta’ Awwissu 2024, 26 Stat Membru 72 kienu ppreżentaw l-RRPs immodifikati tagħhom flimkien mal-kapitoli tar-REPowerEU, li minnhom 25 ġew adottati mill-Kunsill 73 .

Illustrazzjoni 26: Il-kost stmat tal-kapitoli tar-REPowerEU skont l-Istat Membru, f’miljuni ta’ EUR

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Il-miżuri fil-kapitoli tar-REPowerEU jridu jindirizzaw b’mod effettiv l-objettivi tal-pjan REPowerEU. B’mod aktar speċifiku, ir-Regolament RRF jistabbilixxi sitt objettivi għar-riformi u l-investimenti fil-kapitolu tar-REPowerEU u jirrikjedi li kull miżura tikkontribwixxi għal mill-anqas wieħed minnhom 74 :

(1)it-titjib tal-infrastruttura tal-enerġija għas-sigurtà u d-diversifikazzjoni tal-provvista għall-gass;

(2)it-tisħiħ tal-effiċjenza enerġetika, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, il-varar tal-enerġija rinnovabbli;

(3)l-indirizzar tal-faqar enerġetiku;

(4)l-inċentivi għat-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija;

(5)l-indirizzar tal-konġestjonijiet fit-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, l-appoġġ għal trasport b’emissjonijiet żero;

(6)ir-rikwalifikazzjoni tal-forza tax-xogħol lejn ħiliet ekoloġiċi u diġitali, li tappoġġa l-ktajjen tal-valur marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika.

Il-Kummissjoni vvalutat bir-reqqa l-miżuri l-ġodda fil-kapitoli tar-REPowerEU, u pproponiet għall-adozzjoni mill-Kunsill biss dawk li kienu konformi b’mod sodisfaċenti mal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament RRF, inklużi l-kriterji addizzjonali rilevanti għall-kapitoli tar-REPowerEU: (i) kontribut għall-objettivi tar-REPowerEU u (ii) jekk il-miżuri għandhomx dimensjoni jew effett transfruntier jew multinazzjonali.

Lil hinn mill-kapitoli tar-REPowerEU, miżuri oħrajn fl-RRPs huma relatati wkoll mal-enerġija, li jikkontribwixxu għall-objettivi tar-REPowerEU u jgħinu lill-Ewropa tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi.

A. Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri fil-kapitoli tar-REPowerEU

Ir-riformi u l-investimenti addizzjonali tar-REPowerEU jindirizzaw il-konġestjonijiet, jgħinu biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija

Il-25 kapitolu tar-REPowerEU adottati mill-Kunsill sal-31 ta’ Awwissu 2024 jinkludu 261 miżura ġdida: 89 riforma u 172 investiment, b’kost totali stmat ta’ EUR 64 biljun. Dawn il-miżuri kollha jikkontribwixxu għal wieħed mill-objettivi tar-REPowerEU, b’enfasi prominenti fuq l-objettivi 2 u 5: il-miżuri li jammontaw għal aktar minn 80 % tal-kostijiet totali stmati jindirizzaw l-objettiv 2 “it-tisħiħ tal-effiċjenza enerġetika u l-aċċellerazzjoni tal-varar tal-enerġija rinnovabbli” (EUR 35,3 biljun) u l-objettiv 5 “l-indirizzar tal-konġestjonijiet fit-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, u l-appoġġ għat-trasport b’emissjonijiet żero” (EUR 17,3-il biljun).

Illustrazzjoni 27: L-allokazzjoni tar-REPowerEU għal kull objettiv tar-REPowerEU, diżaggregazzjoni skont il-qasam ta’ politika primarju

Sors: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza

Id-distribuzzjoni tal-appoġġ fl-oqsma ta’ politika kollha tirrifletti l-aktar ħtiġijiet urġenti tal-Istati Membri fit-tranżizzjoni tagħhom lejn enerġija nadifa. Il-miżuri fil-kapitoli tar-REPowerEU jinfirxu fuq bosta oqsma ta’ politika u l-kontribut tagħhom għall-objettivi tar-REPowerEU jiddependi fuq l-ambitu speċifiku tal-miżuri individwali. L-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u fin-networks jammontaw għall-akbar sehem tal-appoġġ tar-REPowerEU (47 %, jew madwar EUR 29,8 biljun). Dawn l-investimenti jinkludu kapaċità addizzjonali tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-iżviluppi fil-grilja tal-elettriku u l-kapaċità tal-ħżin. Il-miżuri għall-effiċjenza enerġetika (allokazzjoni ta’ madwar EUR 8 biljun) jikkontribwixxu għal bosta objettivi tar-REPowerEU, bl-ogħla kontribut għall-objettiv 2 tar-REPowerEU “it-tisħiħ tal-effiċjenza enerġetika, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, il-varar tal-enerġija rinnovabbli”. Il-miżuri li jiffokaw fuq it-titjib tal-infrastruttura u s-servizzi territorjali (allokazzjoni ta’ madwar EUR 5,7 biljun) għandhom ambitu differenti iżda jiffokaw l-aktar fuq il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-livell reġjonali u lokali, filwaqt li jispjegaw il-kontribut importanti tagħhom għall-objettiv 2 tar-REPowerEU “it-tisħiħ tal-effiċjenza enerġetika, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, il-varar tal-enerġija rinnovabbli”. Il-miżuri marbuta maż-żieda fil-kompetittività (allokazzjoni ta’ madwar EUR 5,2 biljun) għandhom l-għan li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija tan-negozji u tal-kumpaniji permezz ta’ interventi differenti (prinċipalment titjib fl-effiċjenza enerġetika u żviluppi fl-infrastruttura tal-enerġija) u jikkontribwixxu primarjament għall-objettiv 4 tar-REPowerEU “l-inċentivar tat-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija”. L-investimenti fil-mobbiltà sostenibbli (allokazzjoni ta’ EUR 3,4 biljun) jikkontribwixxu għall-objettiv 5 tar-REPowerEU “network tal-enerġija u trasport b’emissjonijiet żero”.

Il-ħtiġijiet u l-isfidi tal-Istati Membri jvarjaw f’termini ta’ volumi ta’ investiment u oqsma speċifiċi li għandhom jiġu mmirati biex jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-ilħuq tal-objettivi tar-REPowerEU. F’termini tal-volum finanzjarju tagħhom, il-miżuri fil-kapitoli tar-REPowerEU jiffokaw ħafna fuq iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika u fuq il-varar u l-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fi kważi nofs l-Istati Membri (aktar minn 70 % tal-kost totali stmat tal-kapitoli tar-REPowerEU fil-Belġju, fil-Kroazja, fid-Danimarka, fil-Finlandja, fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fil-Litwanja, f’Malta, fin-Netherlands, fir-Rumanija, fi Spanja, fl-Iżvezja). Il-miżuri li jindirizzaw il-konġestjonijiet fit-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija u l-appoġġ għat-trasport b’emissjonijiet żero (l-objettiv 5) jirrappreżentaw ukoll sehem konsiderevoli mill-kost totali stmat tal-miżuri l-ġodda tar-REPowerEU f’sitt Stati Membri (aktar minn 40 % tal-kost totali stmat tal-kapitoli tar-REPowerEU fiċ-Ċekja, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Polonja, fis-Slovakkja u fis-Slovenja), bil-Latvja li ddedikat 99 % tal-kostijiet totali stmati għal dak l-objettiv.

Tliet Stati Membri inkludew miżuri li jindirizzaw l-objettiv 1 tar-REPowerEU, “it-titjib tal-infrastruttura tal-enerġija għas-sigurtà u d-diversifikazzjoni tal-provvista għall-gass”. Il-kapitoli tar-REPowerEU jinkludu investimenti fil-kostruzzjoni, fl-estensjoni u fl-aġġornament tas-sistema eżistenti tad-distribuzzjoni tal-gass naturali (l-Italja, il-Polonja) u fiż-żieda tal-kapaċità tat-terminal tal-LNG (il-Kroazja) biex tiġi ddiversifikata l-provvista u tissaħħaħ is-sigurtà. Il-kost totali għal dawk l-erba’ investimenti huwa stmat għal EUR 1,6 biljun 75 .

Il-miżuri inklużi fil-kapitoli tar-REPowerEU jsaħħu b’mod sinifikanti l-kontribut tal-RRF għall-objettivi klimatiċi. Aktar minn 74 % tal-kost totali stmat tal-miżuri tar-REPowerEU jirrappreżentaw nefqa klimatika, ferm ogħla mir-rekwiżit minimu ta’ 37 %. Dan l-appoġġ addizzjonali taħt l-RRF għall-azzjoni klimatika jammonta għal EUR 47,8 biljun.

Illustrazzjoni 28: Is-sehem tal-kost stmat tal-miżuri li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-RRF tar-REPowerEU

Sors: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza

Sabiex jibbenefikaw mill-appoġġ finanzjarju disponibbli għall-kapitoli tar-REPowerEU, l-Istati Membri se jkollhom jilħqu 372 objettiv intermedju u 254 mira. Fil-5 ta’ Ġunju 2024, l-ewwel appoġġ mhux ripagabbli ġie żborżat lil Franza biex jintlaħqu 5 objettivi intermedji u miri taħt ir-REPowerEU 76 . Dawn koprew, fost l-oħrajn, l-għażla ta’ proġetti għad-dekarbonizzazzjoni industrijali li se jiksbu tnaqqis mistenni fil-konsum tal-enerġija fossili ta’ 250 GWh fis-sena u d-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar l-aċċellerazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli biex tħaffef il-proċeduri ta’ permessi. Mill-31 ta’ Awwissu 2024, 68 objettiv intermedju u mira (mit-total ta’ 622) ġew irrapportati bħala li tlestew iżda għadhom ma ġewx ivvalutati formalment mill-Kummissjoni. Minħabba l-adozzjoni reċenti tal-kapitoli tar-REPowerEU, għadu kmieni wisq biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti l-ġodda inklużi fihom. Madankollu, sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi tar-REPowerEU fil-ħin, l-Istati Membri ġew imħeġġa jinkludu proġetti maturi fil-kapitoli tar-REPowerEU tagħhom, filwaqt li jiżguraw implimentazzjoni aċċellerata.

Eżempji ta’ miżuri fil-kapitoli tar-REPowerEU:

Riformi:

-Spanja se tintroduċi riforma ewlenija li ttejjeb il-permessi għal proġetti ta’ produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u għall-infrastruttura tan-network tal-elettriku. Ir-riforma għandha l-għan li: (i) tiffaċilita l-varar ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u (ii) tissimplifika l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-permessi.

-Il-Polonja se tiżgura varar aktar mgħaġġel ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, speċjalment installazzjonijiet tar-riħ fuq l-art, bis-saħħa ta’ riformi estensivi biex tiffaċilita l-permessi, permezz tal-introduzzjoni ta’ ġabra unika tar-regoli, li tippermetti applikazzjonijiet elettroniċi u l-iżgurar tat-trasparenza dwar il-kapaċitajiet ta’ konnessjoni disponibbli. B’kollox, 30 gigawatt ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma mistennija li jiġu konnessi mal-grilja sal-2026.

Investimenti:

-Il-Portugall se jipprovdi appoġġ għall-kapaċità tal-manifattura għal teknoloġiji strateġiċi b’emissjonijiet żero netti, bħall-produzzjoni ta’ pannelli solari fil-Portugall u fl-Ewropa, teknoloġiji rinnovabbli fuq l-art u lil hinn mill-kosta, elettrolizzaturi u bijometan sostenibbli.

-Ir-Rumanija se tipprovdi appoġġ lil aktar minn 120 000 sid tad-dar biex jinstallaw pannelli solari u lil aktar minn 30 000 sid tad-dar għal miżuri ta’ effiċjenza enerġetika – minbarra appoġġ immirat għal investimenti simili lil 14 000 sid tad-dar li huma foqra fl-enerġija u konsumaturi tal-enerġija vulnerabbli.

-Il-Belġju se jiffaċilita l-integrazzjoni u l-importazzjoni ta’ aktar enerġija rinnovabbli fil-Baħar tat-Tramuntana u madwaru, billi jappoġġa l-iżvilupp ta’ ċentru tal-gżejjer tal-enerġija lil hinn mill-kosta fil-Baħar tat-Tramuntana. Dan se jippermetti l-konnessjoni ta’ mill-anqas 3,15 gigawatt ta’ elettriku eoliku lil hinn mill-kosta fil-futur mal-grilja tal-elettriku fuq l-art.

B. Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri li għandhom dimensjoni transfruntiera jew multinazzjonali inklużi fil-kapitoli kollha tar-REPowerEU

Il-miżuri tar-REPowerEU għandhom dimensjoni transfruntiera jew multinazzjonali qawwija

Il-proġetti transfruntieri u multinazzjonali huma kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU fit-terminu medju u huma mħeġġa taħt l-RRF. Il-miżuri b’dimensjoni jew b’effett transfruntier jew multinazzjonali huma dawk li jikkontribwixxu biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija tal-UE jew biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u/jew id-domanda għall-enerġija. Filwaqt li l-appoġġ tal-RRF għal infrastruttura transfruntiera ġenwina kien limitat, minħabba l-kumplessità u l-iskedi ta’ żmien tal-eżekuzzjoni tagħhom, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri inkludew fil-kapitoli tar-REPowerEU tagħhom riformi u investimenti biex itejbu l-kapaċitajiet ta’ ħżin tal-enerġija u l-grilji tal-enerġija tagħhom. Dawn ir-riformi huma mfassla biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli u jtejbu l-flessibbiltà u l-effiċjenza tal-grilja, u b’hekk jappoġġaw infrastruttura tal-enerġija usa’ fl-UE kollha. Il-25 kapitolu tar-REPowerEU kollha adottati sal-31 ta’ Awwissu 2024 jinkludu miżuri b’dimensjoni multinazzjonali jew transfruntiera, b’kost totali stmat ta’ EUR 48,7 biljun, li jirrappreżenta 76 % tal-kost totali tal-miżuri fil-kapitoli, ferm ogħla mill-minimu ta’ 30 % meħtieġ mir-Regolament RRF. Xi wħud mid-dimensjonijiet u l-proġetti transfruntieri u multinazzjonali ewlenin huma:

-bosta Stati Membri inkludew proġetti ta’ interkonnessjoni transfruntiera tal-elettriku fl-RRPs tagħhom. Pereżempju, il-Belġju qiegħed jibni gżira artifiċjali tal-enerġija fil-Baħar tat-Tramuntana, li se tgħaqqad mill-anqas 3 GW ta’ enerġija eolika lil hinn mill-kosta futura mal-grilja tal-elettriku fuq l-art u se tiffaċilita l-importazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli minn pajjiżi ġirien. L-Italja qiegħda ttejjeb l-infrastruttura tal-enerġija interna tagħha billi tibni kejbils taħt il-baħar bejn Sqallija u Campania, u qiegħda ttejjeb ukoll l-interkonnetturi tat-trażmissjoni tal-elettriku mal-Awstrija u mas-Slovenja biex ittejjeb il-flussi transfruntieri tal-elettriku. Dan se jtejjeb ir-reżiljenza tal-enerġija u l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli,

-hemm investimenti fl-infrastruttura tal-gass immirati lejn it-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-gass Russu u l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija fl-UE kollha. Pereżempju, il-Polonja qiegħda tespandi n-network tal-gass tagħha bejn Gdańsk u Gustorzyn; il-Kroazja qiegħda żżid il-kapaċità tat-terminal tal-LNG f’Krk, b’konnessjonijiet mal-Ungerija u s-Slovenja; u l-Italja qiegħda żżid il-konnessjoni mal-Awstrija u mal-Ewropa ċentrali.

-xi Stati Membri, bħal Franza u Spanja, qegħdin jiffokaw fuq investimenti konġunti fil-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli (Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni jew IPCEIs (Important Projects of Common European Interest)), li għandhom dimensjoni transfruntiera u għandhom l-għan li jsaħħu l-katina tal-valur tal-idroġenu fl-UE kollha. Il-Kroazja qiegħda tiffinanzja proġetti tal-idroġenu rinnovabbli fil-kuntest tal-Wied tal-Idroġenu tal-Adrijatiku tat-Tramuntana, li jgħaqqad flimkien il-Kroazja, is-Slovenja u r-reġjun ta’ Friuli Venezia Giulia fl-Italja.

Karatteristika komuni ta’ dawn il-proġetti kollha hija li l-objettiv aħħari tagħhom huwa li jnaqqsu d-domanda għall-enerġija, inaqqsu l-użu tal-fjuwils fossili u jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u b’hekk jagħtu kontribut kbir għall-objettivi tar-REPowerEU. Informazzjoni dwar il-kapitoli tar-REPowerEU tal-RRP hija disponibbli wkoll fuq it-taqsima tar-REPowerEU tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza 77 .

4.Konklużjoni

L-ilħuq tal-objettivi intermedji u l-miri u l-iżborżi tal-fondi tal-RRF aċċelleraw wara d-dewmien esperjenzat fl-2023. Filwaqt li l-isforzi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fl-2023 kienu mmirati lejn ir-reviżjonijiet tal-RRPs b’reazzjoni għall-pjan tar-REPowerEU, il-pass tal-iżborż sussegwentement żdied. Sal-31 ta’ Awwissu 2024, aktar minn 40 % tal-fondi disponibbli tal-RRF ġew żborżati, b’EUR 265,4 biljun żborżati lil 25 Stat Membru. Fil-perjodu tar-rapportar 78  waħdu, il-Kummissjoni vvalutat 908 objettiv intermedju u mira bħala li ntlaħqu b’mod sodisfaċenti f’27 talba għal pagament u sussegwentement żborżat EUR 112-il biljun lill-Istati Membri. Jekk jinżamm il-pass kurrenti, il-Kummissjoni tistenna li tkun ħallset aktar minn EUR 300 biljun sal-aħħar tal-2024. Barra minn hekk, 85 % tal-objettivi intermedji u l-miri dovuti sal-ewwel trimestru tal-2024 jew ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu jew ġew awtorrapportati mill-Istati Membri bħala li tlestew.

L-effikaċja tal-RRF u tal-approċċ tagħha bbażat fuq il-prestazzjoni ġiet ikkonfermata fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-RRF. Ir-rapport, ippubblikat fi Frar 2024, issottolinja li kemm l-iżborż tal-fondi kontra l-progress fl-implimentazzjoni kif ukoll l-appoġġ ta’ riformi u investimenti kkombinati kienu l-aktar karatteristiċi ta’ suċċess tal-RRF, spiss b’impatti ta’ tisħiħ reċiproku. L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati esprimew appoġġ għan-natura tal-RRF li hija bbażata fuq il-prestazzjoni, bis-saħħa tal-prevedibbiltà u l-akkontabilità li tipprovdi. L-evalwazzjoni nnotat ukoll l-impatt ta’ żborżi rapidi tal-fondi tal-RRF fl-appoġġ lill-Istati Membri fi żminijiet ta’ kriżi u fiż-żamma tal-livell ta’ investiment pubbliku, filwaqt li l-kombinazzjoni unika ta’ investimenti u riformi tgħin lill-ekonomiji Ewropej isiru mgħammra aħjar għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għall-futur.

Wara l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-RRF, il-Kummissjoni intensifikat l-isforzi tagħha biex tissimplifika u taċċellera l-implimentazzjoni. Fid-19 ta’ Lulju 2024 il-Kummissjoni adottat Gwida aġġornata dwar l-RRPs, biex ittejjeb l-effiċjenza fl-implimentazzjoni tal-Faċilità u tissimplifika r-rekwiżiti ta’ rapportar għall-Istati Membri. Il-gwida aġġornata tipprovdi aktar ċarezza dwar il-possibbiltà li jiġi emendat RRP skont ir-Regolament RRF u l-ambitu għall-emendi li jistgħu jsiru lil RRP f’każ ta’ ċirkostanzi oġġettivi. Dan jipprovdi wkoll ċarezza akbar dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-appoġġ mill-RRF u minn fondi oħrajn tal-UE jista’ jiġi kkombinat biex jittejbu s-sinerġiji.

Bi ftit aktar minn sentejn biss li jifdal qabel l-iskadenza tal-RRF sal-aħħar tal-2026, l-isforzi kollha tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet għandhom jiffokaw fuq l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tal-Faċilità. Iridu jiġu indirizzati konġestjonijiet possibbli fl-implimentazzjoni u l-RRPs għandhom jiġu adattati fejn rilevanti biex jindirizzaw l-isfidi emerġenti u li qegħdin jevolvu. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri u ma’ sħab ewlenin biex tuża bis-sħiħ l-opportunitajiet ipprovduti mill-RRF biex twettaq malajr ir-riformi u l-investimenti li jindirizzaw l-isfidi ewlenin ta’ żminijietna biex tavvanza t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u biex tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza u l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea.

(1)

  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza .

(2)

  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP).

(3)

Bis-saħħa tar-Regolament STEP, l-Istati Membri issa jistgħu jgħaddu ammont addizzjonali sa 6 % tal-allokazzjoni totali tal-RRF lill-kompartiment tal-Istat Membru ta’ InvestEU għal azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP, minbarra l-4 % diġà permessi mir-Regolament RRF. Barra minn hekk, meta l-Istati Membri jirrevedu l-RRPs tagħhom, dawn ikollhom iqisu bħala prijorità l-proġetti b’Siġill STEP.

(4)

L-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rapport hija bbażata fuq il-kontenut tal-pjanijiet adottati kif ivvalutati mill-Kummissjoni, fuq id-data rrapportata mill-Istati Membri sa April 2024 bħala parti mill-obbligi ta’ rapportar biannwali tagħhom, fuq data mit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza sa mill-31 ta’ Awwissu 2024, u fuq l-iżviluppi fl-implimentazzjoni tal-Faċilità sal-31 ta’ Awwissu 2024, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

(5)

Ara l-Artikolu 21d tar- Regolament RRF .

(6)

Ara l-Anness II tal- Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2023) 99 final)

(7)

Ara d- Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-19.7.2024 dwar is-sospensjoni parzjali tal-iżborż tar-raba’ pagament parzjali ta’ appoġġ mhux ripagabbli għal Spanja .

(8)

Ara d- Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-26.7.2024 dwar is-sospensjoni parzjali tal-iżborż tal-ħames pagament parzjali ta’ appoġġ mhux ripagabbli għall-Italja .

(9)

Ara d- Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-22.12.2023 dwar is-sospensjoni parzjali tal-iżborż tat-tielet u r-raba’ pagamenti parzjali ta’ appoġġ mhux ripagabbli għall-Portugall .

(10)

Ara d- Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-21.9.2023 dwar is-sospensjoni parzjali tal-iżborż tat-tieni pagament parzjali ta’ appoġġ fil-forma ta’ self lir-Rumanija .

(11)

Ara d- Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-28.4.2023 dwar is-sospensjoni parzjali tal-iżborż tal-ewwel pagament parzjali ta’ appoġġ mhux ripagabbli għal-Litwanja .

(12)

Ara l- Valutazzjoni preliminari pożittiva tal-ilħuq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u l-miri relatati mal-ewwel talba għall-pagament sottomessa mill-Belġju fid-29 ta’ Settembru 2023, trażmessa lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju mill-Kummissjoni Ewropea .

(13)

Innota li l-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni kienet għadha ma ġietx rieżaminata mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fiż-żmien tal-kitba u għalhekk id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sospensjoni parzjali kienet għadha ma ġietx adottata sad-data ta’ skadenza ta’ dan ir-rapport annwali, jiġifieri l-31 ta’ Awwissu 2024. Id- Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sospensjoni parzjali tal-iżborż tal-ewwel pagament parzjali ta’ appoġġ mhux ripagabbli lill-Belġju ġiet adottata fis-16 ta’ Settembru 2024.

(14)

Ara d- Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-6.5.2024 dwar it-tnaqqis tal-ammont tal-ewwel pagament ta’ appoġġ mhux ripagabbli għal-Litwanja .

(15)

Ara d- Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-26.7.2024 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (C2023) 9290 tat-22.12.2023 dwar l-awtorizzazzjoni tal-iżborż tat-tielet u r-raba’ pagament ta’ appoġġ mhux ripagabbli u t-tielet u r-raba’ pagament ta’ appoġġ fil-forma ta’ self għall-Portugall .

(16)

Id-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti tikkorrispondi għall-ammont f’appoġġ għas-self tal-RRF disponibbli mhux mitlub mill-Istati Membri. Minħabba li l-iskadenza għat-talba ta’ appoġġ għas-self issa skadiet, skont il-qafas legali attwali, dawn il-fondi li jifdal mhux se jinġabru mill-Kummissjoni fis-swieq finanzjarji biex jiġi ffinanzjat dan is-self.

(17)

F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar- Regolament RRF , il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli ta’ kull Stat Membru ġiet aġġornata f’Ġunju 2022 abbażi tad-data tal-eżitu tal-Eurostat dwar il-bidla fit-tkabbir tal-PDG reali matul l-2020 u l-bidla aggregata fil-PDG reali għall-perjodu 2020-2021.

(18)

L-Istati Membri setgħu jitolbu appoġġ fil-forma ta’ self (addizzjonali) sal-31 ta’ Awwissu 2023, kif stipulat fl-Artikolu 14(2) tar- Regolament RRF . Mill-pakkett kumplessiv ta’ EUR 385,8 biljun disponibbli għall-appoġġ fil-forma ta’ self taħt l-RRF, ġew impenjati kważi EUR 291 biljun sa tmiem l-2023.

(19)

L-analiżi f’din it-taqsima twieġeb rakkomandazzjoni mill-Parlament Ewropew li saret fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza tal-2021.

(20)

Minħabba l-importanza tal-infiq soċjali wara l-pandemija tal-COVID, ir- Regolament RRF ta s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta att delegat li jistabbilixxi metodoloġija għar-rapportar dwar in-nefqa soċjali, inkluż fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, taħt l-RRF (l-Artikolu 29(4)b). Il-metodoloġija adottata mill-Kummissjoni tikklassifika n-nefqa kollha ffinanzjata mill-Faċilità relatata mar-riformi u l-investimenti f’disa’ oqsma ta’ politika wiesa’, li mbagħad jiġu aggregati f’erba’ kategoriji soċjali: (1) l-impjiegi u l-ħiliet, (2) l-edukazzjoni u l-indukrar tat-tfal, (3) is-saħħa u l-kura fit-tul, u (4) il-politiki soċjali; ara r- Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2021/2105 .

(21)

Ir-Regolament jispeċifika wkoll liema informazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-Istati Membri, jiġifieri l-isem sħiħ tar-riċevitur, in-numru tal-VAT jew tal-identifikazzjoni tat-taxxa (jew identifikatur uniku differenti) fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-ammont riċevut u l-miżuri assoċjati li għalihom ir-riċevitur ikun irċieva finanzjament.

(22)

Dan huwa f’konformità mar-Regolament RRF, fejn l-Artikolu 22(2)(d) isemmi lir-riċevituri finali bħala entitajiet separati minn kuntratturi u sottokuntratturi, u b’hekk jiżgura applikazzjoni konsistenti tal-interpretazzjoni tat-terminu fir-Regolament RRF kollu.

(23)

  https://ec.europa.eu/economy_finance/recovery-and-resilience-scoreboard/disbursements.html?table=finalRecipientByCountry

(24)

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ April 2024 dwar l-għeluq tal-kontijiet għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, Taqsima III – Il-Kummissjoni, §286(xiii).

(25)

Dawn l-eżenzjonijiet jinkludu l-erba’ każijiet li ġejjin: (i) appoġġ għall-edukazzjoni mħallas lil persuni fiżiċi u kwalunkwe appoġġ dirett ieħor imħallas lil persuni fiżiċi l-aktar fil-bżonn, (ii) kuntratti ta’ valur baxx ħafna taħt il-EUR 15 000, (iii) appoġġ finanzjarju pprovdut permezz ta’ strumenti finanzjarji għal ammont anqas minn EUR 500 000, u (iv) fejn id-divulgazzjoni toħloq riskju li tipperikola d-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni jew tal-entitajiet ikkonċernati jew li tagħmel ħsara lill-interessi kummerċjali tar-riċevituri.

(26)

F’konformità mal-Artikolu 25a tar- Regolament RRF , l-Istati Membri ma humiex meħtieġa jispeċifikaw jekk ir-riċevituri finali humiex entitajiet pubbliċi jew privati. Għalhekk, iċ-ċifri ppreżentati hawn huma bbażati fuq l-istimi tal-Kummissjoni stess.

(27)

Dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq il-metodoloġija tal-ittaggjar tal-pilastri żviluppata għat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza, fejn kull miżura fl-RRPs tiġi attribwita għal qasam ta’ politika primarju u sekondarju biex jiġi rifless li l-miżuri jistgħu jikkontribwixxu għal aktar minn objettiv ta’ politika wieħed. Is-sitt pilastri ta’ politika huma: it-tranżizzjoni ekoloġika; it-trasformazzjoni diġitali; it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; il-koeżjoni soċjali u territorjali; ir-reżiljenza tas-saħħa u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali; politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss.

(28)

Dawn l-awditi jikkonċernaw talbiet għall-pagamenti sottomessi mill-Ġermanja, mill-Estonja, mill-Greċja, minn Franza, mill-Kroazja, mill-Italja, mil-Latvja, mil-Lussemburgu, minn Malta, mill-Polonja, mill-Portugall, mir-Rumanija, mis-Slovenja u mis-Slovakkja.

(29)

Il-valutazzjoni tar-riskju hija bbażata fuq għadd ta’ kriterji, bħat-tip u l-għadd ta’ awtoritajiet ta’ implimentazzjoni, it-tip u l-għadd ta’ riċevituri finali, l-ittaggjar applikat, u l-kumplessità tal-mekkaniżmu ta’ verifika.

(30)

Saru awditi tas-sistema fil-Belġju, fil-Litwanja, fin-Netherlands, u fis-Slovakkja.

(31)

ARACHNE hija għodda tal-IT integrata għall-estrazzjoni ta’ data u għall-arrikkiment tad-data żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea. ARACHNE tgħin biex tidentifika proġetti li jużaw diversi fondi tal-UE fejn jeżisti riskju potenzjali ta’ finanzjament doppju. Din turi benefiċjarji, kuntratturi, sottokuntratturi, sħab, u membri tal-konsorzju involuti f’ħafna proġetti irrispettivament mir-rwol tagħhom fid-diversi proġetti.

(32)

Dawn ikopru, fost l-oħrajn, id-dimensjonijiet tat-tranżizzjoni ekoloġika u tat-trasformazzjoni diġitali tal-RRF, l-assorbiment tal-fondi RRF, is-suq tax-xogħol u, separatament, ir-riformi tal-ambjent tan-negozju inklużi fl-RRPs, is-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri, u l-prevenzjoni ta’ finanzjament doppju bejn l-RRF, il-Politika ta’ Koeżjoni u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Awditi u rieżamijiet tal-prestazzjoni oħrajn jistgħu jittrattaw ukoll l-RRF jew il-miżuri appoġġati mill-RRF. Ir-rapporti speċjali kollha tal-QEA huma kkomplementati minn tweġibiet uffiċjali tal-Kummissjoni, li huma pubbliċi u disponibbli fuq is- sit web tal-QEA .

(33)

Ara r-Rapport Speċjali tal-QEA 03/2024: L-istat tad-dritt fl-UE – Qafas imtejjeb biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE, iżda għad hemm riskji

(34)

Ara r- Rapport speċjali tal-QEA 21/2022: Il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza ; Rapport Speċjali tal-QEA 07/2023: It-tfassil tas-sistema ta’ kontroll tal-Kummissjoni għall-RRF ; Rapport Speċjali tal-QEA 26/2023: Il-qafas ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ; Rapport Annwali tal-QEA għas-sena finanzjarja 2021 u Rapport Annwali tal-QEA għas-sena finanzjarja 2022.

(35)

Dawn l-awdituri jinkludu s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kunsill Ewropew, u l-Parlament Ewropew.

(36)

Ara l- Avviż tal-Kummissjoni – Gwida dwar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (C/2024/4618) .

(37)

Il-qafas legali tal-RRF jipprevedi tliet raġunijiet distinti li permezz tagħhom il-Kummissjoni tista’ tinvolvi ruħha fi tnaqqis u rkupri: (1) każijiet ta’ frodi, korruzzjoni, u kunflitt ta’ interessi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; (2) każijiet ta’ ksur serju ta’ obbligu tal-Ftehim ta’ Finanzjament jew tal-Ftehim ta’ Self; (3) każijiet fejn l-informazzjoni u l-ġustifikazzjoni sottostanti għal talba għall-pagament jinstabu li ma humiex korretti.

(38)

Is-16-il Djalogu dwar l-Irkupru u r-Reżiljenza sar fis-16 ta’ Settembru 2024, jiġifieri wara d-data ta’ skadenza ta’ dan ir-rapport annwali.

(39)

  Informazzjoni pprovduta lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill dwar il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza .

(40)

  Reġistru ta’ gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u ta’ entitajiet simili oħrajn Kummissjoni, Grupp informali ta’ esperti dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (E03772) .

(41)

  Flash Eurobarometer FL515: Pjan ta’ Rkupru tal-UE “NextGenerationEU”

(42)

  Ewrobarometru standard 101 - Rebbiegħa 2024 - Mejju 2024 - Stħarriġ tal-Ewrobarometru (europa.eu)

(43)

L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI, Technical Support Instrument) huwa l-programm tal-UE li jipprovdi għarfien espert tekniku mfassal apposta lill-Istati Membri tal-UE biex ifasslu u jimplimentaw ir-riformi. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara https://commission.europa.eu/funding-tenders/find-funding/eu-funding-programmes/technical-support-instrument/technical-support-instrument-tsi_en?prefLang=mt .

(44)

Ara https://commission.europa.eu/business-economy-euro/economic-recovery/recovery-and-resilience-facility_mt#map .

(45)

 Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar Regolamentazzjoni Aħjar (2021), disponibbli fuq: https://commission.europa.eu/system/files/2021-11/swd2021_305_en.pdf .

(46)

Il-konsorzju kien magħmul minn CEPS, ECORYS, NIESR, CSIL u Wavestone.

(47)

  https://ec.europa.eu/economy_finance/recovery-and-resilience-scoreboard/index.html

(48)

Ir-riżultati tas-simulazzjonijiet jiddependu fuq is-suppożizzjonijiet magħmula rigward il-produttività u l-addizzjonalità tal-proġetti ta’ investiment iffinanzjati; madankollu, dawn ma jqisux l-impatt tar-riformi, li għandhom il-potenzjal li jkomplu jżidu t-tkabbir Ewropew fuq terminu twil.

(49)

Disponibbli fuq: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8868-2024-INIT/mt/pdf .

(50)

Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:C_202404618 .

(51)

L-Anness II jelenka l-passi ta’ monitoraġġ: dawn huma passi addizzjonali mhux vinkolanti fejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali jridu jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri rilevanti. Peress li dawn il-passi ta’ monitoraġġ ma humiex vinkolanti u ma humiex obbligatorji skont ir-Regolament RRF, l-inklużjoni tal-Anness II fil-ftehim operazzjonali hija fakultattiva.

(52)

Kif ġie analizzat fid-dettall fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, ir-riżervi metodoloġiċi japplikaw għall-indikaturi komuni. Filwaqt li l-għan tagħhom huwa li jirrapportaw dwar il-prestazzjoni u l-progress ġenerali tal-RRF lejn l-objettivi tagħha, dawn ma jkoprux b’mod komprensiv l-investimenti kollha inklużi fl-RRPs u ma jkoprux bis-sħiħ il-kontribut tar-riformi, li huwa diffiċli li jitkejjel bl-użu ta’ indikaturi kwantitattivi. Il-metodoloġija tal-ġbir tad-data sottostanti tal-indikaturi komuni xi kultant tagħmilha impossibbli li l-oriġini speċifika u l-kontribut tagħhom għall-objettivi tal-RRF jiġu diżassoċjati, b’mod partikolari peress li ma hemm l-ebda punt ta’ tqabbil (kontrofattwali fin-nuqqas tal-RFF). Barra minn hekk, l-indikaturi komuni ma jinkludux il-valuri finali fil-mira, li jillimita l-użu tagħhom fil-kuntest ta’ evalwazzjoni u fid-determinazzjoni tal-effettività tal-RRF. Dan il-punt ġie mtenni mill-feedback li wasal mingħand l-Istati Membri.

(53)

Ir- Regolament RRF jirrikjedi li l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-indikaturi komuni u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tispeċifika l-indikaturi komuni li għandhom jintużaw għal dan ir-rapportar. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2021/2106 jiddefinixxi l-14-il indikatur inkwistjoni. Hemm żewġ tipi ta’ indikaturi. L-indikaturi tar-riżultati jkejlu r-riżultati speċifiċi ta’ attività jew proġett appoġġat mill-RRF (eż. kapaċità operazzjonali addizzjonali installata għall-enerġija rinnovabbli). L-indikaturi tar-riżultati jaqbdu bidla fis-sitwazzjoni u l-effetti tagħha għall-benefiċjarji (eż. persuni li jibbenefikaw minn servizzi diġitali pubbliċi ġodda jew taħriġ). Mill-14-il indikatur komuni, erbgħa huma diżaggregati skont il-ġeneru. L-Istati Membri jirrapportaw darbtejn fis-sena dwar dawn l-indikaturi komuni sat-28 ta’ Frar (li jkopri l-il-perjodu tar-rapportar ta’ Lulju u Diċembru tas-sena preċedenti) u sal-31 ta’ Awwissu (li jkopri l-il-perjodu tar-rapportar ta’ Jannar sa Ġunju tal-istess sena). Il-Kummissjoni tippubblika d-data tal-indikaturi komuni fit- Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza , wara li twettaq kontrolli tad-data biex tiżgura l-komparabbiltà tad-data. F’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni, meta d-data tiġi ppubblikata fil-livell ta’ kull Stat Membru, din tiġi ppreżentata f’termini relattivi. Madankollu, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda bażi legali biex tawditja jew tivverifika l-kwalità tad-data ppreżentata mill-Istati Membri u lanqas biex tbiddel jew tiċħad rapportar speċifiku mill-Istati Membri. Il-kontrolli tal-Kummissjoni huma limitati għall-plawżibbiltà u l-komparabbiltà ġenerali tad-data.

(54)

  https://ec.europa.eu/economy_finance/recovery-and-resilience-scoreboard/index.html  

(55)

Id-data tal-Eurostat dwar il-Provvista, it-trasformazzjoni u l-konsum tal-elettriku fl-2023, ara https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/nrg_cb_e/default/table?lang=en .

(56)

Xi Stati Membri stmaw id-diżaggregazzjoni skont il-ġeneru peress li d-data reali kienet diffiċli biex tinġabar jew ma nġabret xejn.

(57)

Skont iċ-ċifri taċ-ċiklu ta’ rapportar biannwali tar-rebbiegħa tal-2024. F’konformità mal-Artikolu 27 tar- Regolament RRF , l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrapportaw darbtejn fis-sena fil-kuntest tas-Semestru Ewropew dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-RRPs tagħhom. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2106 jispeċifika aktar dan l-obbligu, u jistabbilixxi l-iskadenzi għar-rapportar biannwali sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April u mill-15 ta’ Ottubru. L-Istati Membri jirrapportaw il-progress tagħhom fil-kisba tal-objettivi intermedji u l-miri tagħhom li kienu mistennija fil-passat u li huma dovuti 12-il xahar fil-futur. Filwaqt li d-data hija rrapportata mill-Istati Membri nfushom u ma tiġix ivverifikata mill-Kummissjoni, din tipprovdi rendikont komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet kollha u tippermetti l-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tal-RRPs. L-objettivi intermedji u l-miri li diġà ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu b’mod sodisfaċenti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ talba għal pagament huma kklassifikati bħala “milħuqin”. L-istatus tal-progress ta’ kull objettiv intermedju u mira li jħarsu lura (jiġifieri dawk ippjanati li jintlaħqu sat-trimestru qabel id-data tar-rapportar) jista’ jkun ikklassifikat bħala jew “komplut” jew “mhux komplut”. L-istatus ta’ objettivi intermedji u miri li jħarsu ’l quddiem (jiġifieri dawk ippjanati li jintlaħqu fit-trimestru tad-data tar-rapportar u t-tliet trimestri ta’ wara) jista’ jkun ikklassifikat bħala “komplut”, “fit-triq it-tajba” jew “imdewwem”.

(58)

Din l-illustrazzjoni turi l-kost stmat ibbażat fuq il-metodoloġija tal-ittaggjar tal-pilastri għat- Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza u tikkorrispondi għall-miżuri allokati għall-pilastru tat-tranżizzjoni ekoloġika bħala pilastru tal-politika primarju u/jew sekondarju.

(59)

Din l-illustrazzjoni turi l-kost stmat ibbażat fuq il-metodoloġija tal-ittaggjar tal-pilastri għat- Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza u tikkorrispondi għall-miżuri allokati għall-pilastru tat-trasformazzjoni diġitali bħala pilastru primarju u/jew sekondarju.

(60)

Din l-illustrazzjoni turi l-kost stmat ibbażat fuq il-metodoloġija tal-ittaggjar tal-pilastri għat- Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza u tikkorrispondi għall-miżuri allokati għall-pilastru tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv bħala pilastru tal-politika primarju u/jew sekondarju.

(61)

Din l-illustrazzjoni turi l-kost stmat ibbażat fuq il-metodoloġija tal-ittaggjar tal-pilastri għat- Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza u tikkorrispondi għall-miżuri allokati għall-pilastru tal-koeżjoni soċjali u territorjali bħala pilastru tal-politika primarju u/jew sekondarju.

(62)

Din l-illustrazzjoni turi l-kost stmat ibbażat fuq il-metodoloġija tal-ittaggjar tal-pilastri għat- Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza u tikkorrispondi għall-miżuri allokati għall-pilastru tar-reżiljenza tas-saħħa, ekonomika u istituzzjonali bħala pilastru tal-politika primarju u/jew sekondarju.

(63)

Din l-illustrazzjoni turi l-kost stmat ibbażat fuq il-metodoloġija tal-ittaggjar tal-pilastri għat- Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza u tikkorrispondi għall-miżuri allokati għall-politiki għall-pilastru tal-ġenerazzjoni li jmiss bħala pilastru tal-politika primarju u/jew sekondarju.

(64)

Din iċ-ċifra turi stimi tal-kostijiet ibbażati fuq il-metodoloġija tal-ittaggjar tal-pilastri għat- Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza u tikkorrispondi għas-sehem ta’ miżuri b’enfasi fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

(65)

Din iċ-ċifra turi stimi tal-kostijiet ibbażati fuq il-metodoloġija tal-ittaggjar tal-pilastri għat- Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza u tikkorrispondi għas-sehem ta’ miżuri b’enfasi fuq it-tfal u ż-żgħażagħ.

(66)

Għal aktar informazzjoni, ara l-iskeda informattiva disponibbli fuq https://commission.europa.eu/document/download/c6550656-98f3-472d-a6d7-6ae2a0620de8_en?filename=240425-RRF_supporting_young_people-FACTSHEET_v6.pdf .

(67)

L-oqsma ta’ politika tal-RRF li ġejjin huma meqjusin li jikkontribwixxu għall-kompetittività: L-Ambjent tan-Negozju/l-Intraprenditorija; L-Infrastruttura tan-Negozju; Il-Kompetittività; L-Effettività tas-Sistemi Ġudizzjarji; L-Effettività tal-Amministrazzjoni Pubblika u tas-Sistemi Nazzjonali, inkluża l-Minimizzazzjoni tal-Piż Amministrattiv; Il-Gvern Elettroniku, is-Servizzi Pubbliċi Diġitali (Inkluża d-Diġitalizzazzjoni tat-Trasport) u l-Ekosistemi Diġitali Lokali; Ir-Riformi fis-Settur Finanzjarju; Il-Politika Fiskali u l-Governanza Fiskali; Il-Prevenzjoni tal-Frodi; Il-Bidliet Regolatorji għal Tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklużiv; Ir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni; L-Appoġġ lil Intrapriżi Kbar; L-Appoġġ lil SMEs.

(68)

Għall-appoġġ addizzjonali mhux ripagabbli disponibbli għal kull Stat Membru ara t-Tabella 11 tar- Rapport Annwali tal-RRF 2023 (COM(2023) 545 final/2) .

(69)

Għal aktar dettalji ara t-Tabella 12 tar- Rapport Annwali tal-RRF 2023 (COM(2023) 545 final/2) .

(70)

Dan jirrappreżenta 43,7 % tal-ammont totali tas-self (EUR 291 biljun) mitlub mill-Istati Membri għall-RRP nazzjonali tagħhom

(71)

Għal aktar dettalji ara t-Tabella 7 tar- Rapport Annwali tal-RRF 2023 (COM(2023) 545 final/2) .

(72)

Fiż-żmien tal-kitba, il-Bulgarija kienet għadha ma ppreżentatx il-kapitolu tar-REPowerEU tagħha.

(73)

Il-Lussemburgu ppreżenta l-kapitolu tar-REPowerEU tiegħu fis-16 ta’ Mejju 2024. Il-Kummissjoni ħarġet valutazzjoni pożittiva tal-pjan rivedut tal-Lussemburgu inkluż il-kapitolu tar-REPowerEU fit-23 ta’ Lulju 2024 u l-pjan rivedut ġie adottat mill-Kunsill fit-23 ta’ Settembru 2024.

(74)

L-Artikolu 24c(3) tar- Regolament RRF

(75)

Fil-valutazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-miżuri ssodisfaw ir-rekwiżiti għad-deroga mill-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” f’konformità mal-Artikolu 21c(6) tar-Regolament 2021/241, biex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà immedjata tal-enerġija tal-UE.

(76)

L-Istati Membri jistgħu jitolbu prefinanzjament tal-allokazzjoni tar-REPowerEU sa tmiem l-2023, li jammonta għal 20 % tal-finanzjament addizzjonali. Sabiex jiġi antiċipat l-appoġġ finanzjarju għall-miżuri tar-REPowerEU tagħhom, ġew żborżati EUR 10,4 biljun lill-21 Stat Membru li talbuh (l-Iżvezja u n-Netherlands ma talbux prefinanzjament).

(77)

Ara https://ec.europa.eu/economy_finance/recovery-and-resilience-scoreboard/rePowerEu.html .

(78)

Mill-1 ta’ Settembru 2023 sal-31 ta’ Awwissu 2024.