European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/327

22.1.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/327

tad-19 ta’ Jannar 2024

li jirrevoka r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/429 li jistabbilixxi l-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni tal-imposti għall-ispejjeż tal-effetti tal-istorbju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31(5) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/429 (2) jistabbilixxi l-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti mill-meniġer tal-infrastruttura għall-applikazzjoni tal-imposti għall-kostijiet tal-effetti tal-istorbju kkawżati mill-vetturi ferrovjarji tal-merkanzija. Dan japplika meta Stat Membru, f’konformità mal-Artikolu 31(5), l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva 2012/34/UE, ikun iddeċieda li jintroduċi divrenzjazzjoni tal-imposti tal-infrastruttura biex jitqies il-livell tal-istorbju kkawżat mill-vetturi ferrovjarji.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/429 jagħti s-setgħa lill-meniġers tal-infrastruttura biex jadottaw skemi tat-tariffi tal-aċċess għall-binarji divrenzjati skont l-istorbju (NDTAC) li jinvolvu bonusijiet għal vaguni tal-merkanzija “silenzjużi” u malus għall-vaguni ferrovjarji “storbjużi”. L-objettiv hu li jiġi inċentivat, b’mod partikolari, il-modifikar retroattiv tal-vaguni ferrovjarji tal-merkanzija eżistenti bi blokok tal-brejkijiet komposti billi jiġi permess ir-rimborż tal-kostijiet rilevanti relatati mal-installazzjoni tagħhom.

(3)

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/429 jistipula li l-iskemi tat-tariffi tal-aċċess għall-binarji divrenzjati skont l-istorbju (NDTAC) jenħtieġ li japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(4)

Erba’ skemi bħal dawn biss ġew implimentati: żewġ Stati Membri introduċew skema NDTAC ibbażata fuq ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/429, u żewġ Stati Membri, li kienu adottaw skemi NDTAC qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, allinjaw dawk l-iskemi skont l-Artikolu 11 tiegħu. L-erba’ skemi issa skadew.

(5)

Fl-2021, il-Kummissjoni ppubblikat Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jevalwa r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/429 (3). L-evalwazzjoni kkonkludiet li, filwaqt li l-impatt tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kien pożittiv, dan kien pjuttost limitat. Innotat li żewġ Stati Membri biss kienu introduċew skema NDTAC ġdida wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, u ma setax jiġi ddeterminat jekk kinux jiġu implimentati xorta waħda kieku ma daħalx fis-seħħ ir-Regolament.

(6)

L-evalwazzjoni sabet li, minflok introduċew skemi NDTAC biex inaqqsu l-istorbju ferrovjarju, xi Stati Membri użaw skemi tal-għajnuna mill-Istat biex jikkofinanzjaw il-modifikar retroattiv. Barra minn hekk, intużaw għodod oħra bħall-fondi tas-CEF (4) biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/429.

(7)

Fid-dawl tal-effettività limitata tal-iskemi NDTAC implimentati skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/429, l-iskadenza ta’ dawn l-iskemi kollha, u d-disponibbiltà ta’ strumenti oħra skont il-liġi tal-UE, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/429 jenħtieġ li jiġi revokat.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 62(3) tad-Direttiva 2012/34/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/429 hu revokat.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/429 tat-13 ta' Marzu 2015 li jistabbilixxi l-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni tal-imposti għall-ispejjeż tal-effetti tal-istorbju (ĠU L 70, 14.3.2015, p. 36).

(3)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Evalwazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/429 u r-regoli tat-tariffi tal-aċċess għall-binarji divrenzjati skont l-istorbju [SWD(2021) 72] https://op.europa.eu/o/opportal-service/download-handler?identifier=a48ce71e-8e1f-11eb-b85c-01aa75ed71a1&format=pdf&language=en&productionSystem=cellar&part=

(4)  Il-fondi tas-CEF għall-modifikar retroattiv sar disponibbli fis-sejħiet tas-CEF 2014, 2016, 2019 u 2021. Skont dawn is-sejħiet, ġew modifikati madwar 216 000 vagun tal-merkanzija bi blokok tal-brejkijiet komposti.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/327/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)