SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Lulju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Direttiva 2014/41/UE – Artikolu 2(c)(ii) – Kunċett ta’ ‘awtorità kompetenti oħra li qiegħda taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali’ – Kompetenza sabiex tordna l-ġbir ta’ provi konformement mad-dritt nazzjonali – Miżuri ta’ tfittxija li jeħtieġu l-awtorizzazzjoni ta’ mħallef inkwirenti – Artikolu 6(1) u (2) – Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑635/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Ottubru 2023, fil-proċedura dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li tirrigwarda

WBS GmbH,

fil-preżenza ta’:

Generalstaatsanwaltschaft Berlin,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, M. Gavalec, Z. Csehi u F. Schalin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: M. Krausenböck, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Novembru 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal WBS GmbH, minn K. Schaefer, Rechtsanwalt,

–

għall-Generalstaatsanwaltschaft Berlin, minn J. Scherf,

–

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann, A. Sahner u J. Simon, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Estonjan, minn M. Kriisa, bħala aġent,

–

għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča, K. Pommere u S. Zābele, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u J. Sawicka, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Portugiż, minn J. I. Barbosa de Pinho, P. Barros da Costa u J. Ramos, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Svediż, minn H. Eklinder, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Leupold u J. Vondung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Frar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba għall-eżekuzzjoni, fil-Ġermanja, ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa mill-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“KNAB”) relatata ma’ miżuri investigattivi li jirrigwardaw WBS GmbH.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 5 sa 8, 10 u 11 tad-Direttiva 2014/41 jipprovdu:

“(5)

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet Kwadru [tal-Kunsill 2003/577/JHA tat‑22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 185, u rettifika fil-ĠU 2006, L 374, p. 20)] u [2008/978/ĠAI tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali (ĠU 2008, L 350, p. 72)] ’l hawn, jidher ċar li l-qafas eżistenti għall-ġbir ta’ provi huwa wisq frammentat u kkumplikat. Għalhekk, huwa meħtieġ approċċ ġdid.

(6)

Fil-programm ta’ Stokkolma adottat mill-Kunsill Ewropew tal‑10 sal‑11 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra li l-istabbiliment ta’ sistema komprensiva għall-ksib ta’ provi f’każijiet b’dimensjoni transkonfinali, abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, għandu jitkompla. Il-Kunsill Ewropew indika li l-istrumenti eżistenti f’dan il-qasam kienu jikkostitwixxu reġim frammentarju u li kien meħtieġ approċċ ġdid, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li madankollu jżomm kont ukoll tal-flessibbiltà tas-sistema tradizzjonali ta’ assistenza legali reċiproka. Għaldaqstant, il-Kunsill Ewropew appella għal sistema komprensiva li tissostitwixxi l-istrumenti kollha eżistenti f’dan il-qasam, inkluża d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill [2008/978], li tkopri kemm jista’ jkun it-tipi kollha ta’ provi, li tinkludi skadenzi għall-infurzar u tillimita kemm jista’ jkun ir-raġunijiet għaċ-ċaħda.

(7)

Dan l-approċċ il-ġdid għandu jkun ibbażat fuq strument uniku msejjaħ l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE). L-OIE għandu jinħareġ għall-fini tat-twettiq ta’ miżura investigattiva speċifika waħda jew iżjed fl-Istat li jesegwixxi l-OIE (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinġabru l-provi. Dan jinkludi l-ksib ta’ provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

(8)

L-OIE għandu jkun orizzontali fl-ambitu u għaldaqstant għandu japplika għall-miżuri investigattivi kollha mmirati biex jiġbru l-provi. Madankollu, it-twaqqif ta’ skwadra ta’ investigazzjoni konġunta u l-ġbir ta’ provi fi ħdan skwadra bħal din jeħtieġu regoli speċifiċi li jkun aħjar jekk jiġu ttrattati separatament. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-istrumenti eżistenti għandhom għaldaqstant jibqgħu japplikaw għal din it-tip ta’ miżura investigattiva.

[…]

(10)

L-OIE għandu jiffoka fuq il-miżura investigattiva li għandha tiġi eżegwita. L-awtorità emittenti qiegħda fl-aħjar pożizzjoni li tiddeċiedi, abbażi tal-għarfien tagħha tad-dettalji tal-investigazzjoni kkonċernata, liema miżura investigattiva għandha tintuża. Madankollu, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha, fejn hu possibbli, tuża tip ieħor ta’ miżura investigattiva jekk il-miżura indikata ma teżistix taħt il-liġi nazzjonali tagħha jew ma tkunx disponibbli f’każ domestiku simili. Id-disponibbiltà għandha tirriferi għall-okkażjonijiet fejn il-miżura investigattiva indikata teżisti taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni iżda hija legalment disponibbli f’ċerti sitwazzjonijiet biss, pereżempju fejn il-miżura investigattiva tista’ tiġi eżegwita biss għal reati ta’ ċertu grad ta’ serjetà, kontra persuni li fir-rigward tagħhom diġà hemm grad ta’ suspett jew bil-kunsens tal-persuna kkonċernata. Għandu jkun permissibbli għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tirrikorri għal tip ieħor ta’ miżura investigattiva fejn din tikseb l-istess riżultat bħall-miżura investigattiva prevista fl-OIE b’ mezzi li jinvolvu inqas indħil fid-drittijiet fundamentali.

(11)

L-OIE għandu jintgħażel fejn l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva tidher proporzjonata, adegwata u applikabbli għall-każ inkwistjoni. L-awtorità emittenti għandha għalhekk taċċerta jekk il-provi mfittxija humiex meħtieġa u proporzjonati għall-fini tal-proċedimenti, jekk il-miżura investigattiva magħżula hijiex meħtieġa u proporzjonata għall-ġbir ta’ dawn il-provi, u jekk, permezz tal-ħruġ ta’ OIE, Stat Membru ieħor għandux ikun involut fil-ġbir tal-prova konċernata. L-istess valutazzjoni għandha ssir fil-proċedura ta’ validazzjoni, meta tkun meħtieġa l-validazzjoni ta’ OIE taħt din id-Direttiva. L-eżekuzzjoni ta’ OIE ma għandhiex tiġi rrifjutata għal raġunijiet differenti minn dawk iddikjarati f’din id-Direttiva. Madankollu l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tkun intitolata li tagħżel miżura investigattiva anqas intrusiva minn dik indikata fl-OIE jekk din tippermetti li jinkisbu riżultati simili.”

4

Skont l-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c)

‘awtorità kompetenti’ tfisser:

i)

imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat; jew

(ii)

kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, qabel ma jintbagħat lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, l-OIE għandu jiġi vvalidat, wara eżami tal-konformità tiegħu mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE taħt din id-Direttiva, partikolarment il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1), minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti. Fejn l-OIE jkun ġie validat minn awtorità ġudizzjarja, dik l-awtorità tista’ titqies ukoll bħala awtorità emittenti għall-finijiet ta’ trażmissjoni tal-OIE”.

5

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għall-emissjoni u t-trażmissjoni ta’ OIE”, jipprovdi:

“1.   L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-emissjoni tal-OIE tkun meħtieġa u proporzjonata għall-fini tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4 b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata; u

(b)

il-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-OIE setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili.

(2)   Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità emittenti f’kull każ.

3.   Fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġuni għalxiex temmen li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li l-OIE jiġi eżegwit. Wara dik il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.”

6

L-Artikolu 10(3) u (4) tal-istess direttiva jipprevedi:

“3.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni jista’ jkollha wkoll rikors għal miżura investigattiva għajr dik indikata fl-OIE fejn il-miżura investigattiva magħżula mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha l-istess riżultat permezz ta’ mezzi inqas intrużivi mill-miżura indikata fl-OIE.

4.   Meta l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi li tagħmel użu mill-possibbiltà msemmija fil- paragrafi 1 u 3, hija għandha l-ewwelnett tinforma lill-awtorità emittenti, li tista’ tiddeċiedi li tirtira jew tissupplimenta l-OIE.”

7

Meta toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, l-awtorità emittenti hija obbligata timla u tiffirma formola li l-mudell tagħha jinsab fl-Anness A tad-Direttiva 2014/41. L-intestatura ta’ din il-formola hija redatta kif ġej:

“Dan l-OIE inħareġ minn awtorità kompetenti. L-awtorità emittenti tiċċertifika li l-ħruġ ta’ dan l-OIE huwa neċessarju u proporzjonat għall-fini tal-proċedimenti speċifikati fiha b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata u li l-miżuri investigattivi mitluba setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili. Jiena nitlob li l-miżura jew miżuri investigattivi speċifikati hawn taħt jiġu eżegwiti b’kont debitament meħud tal-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni u li l-provi li jinkisbu b’riżultat tal-eżekuzzjoni tal-OIE jiġu ttrasferiti.”

Id‑dritt Ġermaniż

8

L-Artikolu 91d(1) tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali Reċiproka f’Materji Kriminali), tat‑23 ta’ Diċembru 1982 (BGBl. 1982 I, p. 2071), jipprovdi dan li ġej:

“Il-miżura ta’ assistenza reċiproka tista’ tiġi aċċettata biss jekk l-Istat Membru emittenti jfassal it-talba tiegħu billi juża l-formola riprodotta fl-Anness A jew fl-Anness C tad-Direttiva [2014/41], fil-verżjoni tagħha fis-seħħ, u jekk din:

(1)

tkun tħejjiet minn awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) ta’ din id-direttiva jew

(2)

tkun tħejjiet minn awtorità, li ma tkunx l-awtorità msemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq, iddefinita bħala awtorità kompetenti għal dan l-għan mill-Istat Membru emittenti, u ġiet ivvalidata minn awtorità msemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq fit-Taqsima L tal-formola fl-Anness A tal-imsemmija direttiva.”

Id‑dritt Latvjan

9

Skont l-Artikolu 8871(1) tal-Kriminālprocesa likums (il-Kodiċi tal- Proċedura Kriminali, Latvijas Vēstnesis, 2005, Nru 74), meta jkun neċessarju, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, li jitwettaq att proċedurali fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea qabel ma jinbdew il-prosekuzzjonijiet, il-persuna responsabbli mill-proċeduri, meta toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, għandha tevalwa l-proporzjonalità u n-neċessità tagħha fid-dawl tar-reat li jkun is-suġġett tal-investigazzjoni, u wara dan il-prosekutur inkarigat mit-tmexxija tal-investigazzjoni jivverifika wkoll il-konformità tal-att proċedurali mitlub mill-Istat Membru mar-rekwiżiti tal-liġi u jevalwa n-neċessità u l-proporzjonalità tiegħu fid-dawl tar-reat li jkun is-suġġett tal-investigazzjoni. Qabel ma tiġi stabbilita ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, il-persuna responsabbli mill-proċedura għandha tieħu l-miżuri kollha li jkunu meħtieġa li kieku l-att proċedurali kellu jiġi eżegwit fil-Latvja.

10

It-tfittxijiet huma rregolati mill-Artikoli 179 sa 185 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. L-Artikolu 179(1) ta’ dan il-kodiċi jiddefinixxi t-tfittxija bħala miżura investigattiva li għandha bħala għan l-investigazzjoni forzata ta’ bini, ta’ art, ta’ vettura jew ta’ individwu sabiex jiġi llokalizzat u maqbud l-oġġett imfittex meta jkunu jeżistu motivi raġonevoli sabiex wieħed jaħseb li dan jinsab fil-postijiet tat-tfittxija.

11

L-Artikolu 180(1) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li t-tfittxija għandha ssir wara deċiżjoni ta’ mħallef inkwirenti jew ta’ qorti. L-imħallef inkwirenti għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq proposta ppreżentata mill-persuna responsabbli mill-proċedura u fuq id-dokumenti annessi magħha.

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

12

Fil‑5 ta’ April 2019, il-KNAB beda proċeduri kriminali kontra ċertu numru ta’ membri tal-persunal li jaħdmu ma’ fondazzjoni li tinsab f’Riga (il-Latvja), għal frodi fuq skala kbira, misapproprjazzjoni ta’ oġġett proprjetà ta’ ħaddieħor fuq skala kbira kif ukoll għal falsifikazzjoni u użu ta’ dokumenti foloz. Fil-kuntest tal-investigazzjoni tiegħu, il-KNAB qies neċessarju li joħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea sabiex issir tfittxija fil-bini kummerċjali tal-impriżi FF GmbH u WBS, stabbiliti f’Berlin (il-Ġermanja). Għal dan l-għan, il-KNAB talab lill-imħallef inkwirenti fi ħdan ir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme, il-Latvja) tawtorizza din il-miżura investigattiva, konformement mal-Artikoli 179 u 180 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

13

Permezz ta’ żewġ digrieti tal‑24 ta’ April 2019, dan l-imħallef inkwirenti laqa’ t-talba tal-KNAB, għar-raġuni, minn naħa, li seta’ jiġi preżunt li l-bini ta’ dawn iż-żewġ impriżi kien fihom dokumenti, mezzi ta’ data u oġġetti utli għall-proċeduri kriminali u, min-naħa l-oħra, li t-tfittxijiet, li s-suġġett tagħhom kien l-identifikazzjoni u l-qbid ta’ dawn id-dokumenti, mezzi u oġġetti, kienu neċessarji u proporzjonati.

14

Fil‑25 ta’ April 2019, il-KNAB ħareġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni”), li permezz tagħha talab lill-awtoritajiet Ġermaniżi jipproċedu bis-smigħ ta’ żewġ xhieda kif ukoll bl-eżekuzzjoni taż-żewġ digrieti ta’ tfittxija msemmija fil-punt preċedenti. Il-Latvijas Republikas Ģenerālprokuratūra (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja) ivvalida l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni u bagħatha lill-iStaatsanwaltschaft Berlin (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin, il-Ġermanja).

15

Adita mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin, l-Amtsgericht Berlin-Tiergarten (il-Qorti Distrettwali ta’ Berlin-Tiergarten, il-Ġermanja) ordnat it-tfittxijiet tal-bini tal-impriżi FF u WBS. Dawn it-tfittxijiet saru fit‑13 ta’ Mejju 2019 u wasslu għall-qbid ta’ diversi provi.

16

WBS adixxiet lill-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba intiża sabiex din il-qorti tikkonstata li t-trasferiment lir-Repubblika tal-Latvja tal-provi miġbura b’eżekuzzjoni tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni fil-Ġermanja ma jistax jiġi aċċettat.

17

Insostenn tar-rikors tagħha, WBS tinvoka s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Spetsializirana prokuratura (Data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni) (C‑724/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Spetsializirana prokuratura”, EU:C:2021:1020), li minnha jirriżulta li ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li tirrigwarda miżura investigattiva li, skont id-dritt tal-Istat Membru emittenti, tista’ tiġi ordnata biss minn qorti tista’ tinħareġ b’mod validu biss minn awtorità li għandha tali kwalità. Issa, f’dan il-każ, minn naħa, il-KNAB ma huwiex qorti, u, min-naħa l-oħra, skont id-dritt Latvjan, hija biss awtorità li għandha din il-kwalità li għandha l-kompetenza sabiex tordna tali miżura ta’ tfittxija.

18

L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin talab lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja jekk, skont il-każ, l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni setgħetx tinħareġ mill-ġdid minn qorti. Il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja wieġeb fin-negattiv, minħabba li d-dritt Latvjan kien jipprekludi dan.

19

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Spetsializirana prokuratura għandhomx japplikaw għall-kawża li għandha quddiemha, li għandu jwassalha sabiex tikkonstata li t-trasferiment tal-provi b’eżekuzzjoni tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni ma jistax jiġi aċċettat.

20

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-awtorità li kienet ħarġet l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea setgħet tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti”, skont l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41, filwaqt li, f’din il-kawża, il-KNAB huwa “awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza hijiex applikabbli wkoll f’sitwazzjoni fejn l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea tkun inħarġet minn awtorità li taqa’ taħt din it-tieni dispożizzjoni.

21

Skont il-qorti tar-rinviju, il-punti 29 u 30 tas-sentenza Spetsializirana prokuratura jistgħu jinftiehmu fis-sens li “awtorità kompetenti oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tal-imsemmija direttiva, tista’ taġixxi bħala awtorità emittenti ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, anki jekk, skont id-dritt nazzjonali, il-miżura investigattiva kkonċernata tista’ tiġi adottata biss minn qorti, sakemm madankollu tali qorti tintervjeni fi stadju ieħor tal-proċedura.

22

Fit-tieni lok, din il-kawża hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza Spetsializirana prokuratura, sa fejn il-miżura investigattiva li kienet is-suġġett tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni, minkejja li setgħet, skont id-dritt Latvjan, tiġi ordnata biss minn qorti, kienet ġiet awtorizzata, qabel il-ħruġ ta’ din l-ordni, minn imħallef inkwirenti Latvjan li qies li kienet neċessarja u proporzjonata. Dan il-fatt għandu l-konsegwenza li l-motivi adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 32 sa 38 ta’ din is-sentenza, sabiex tibbaża l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 huma irrilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

23

Għalhekk, l-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, minn naħa, li l-awtorità kompetenti sabiex tordna miżura investigattiva skont id-dritt nazzjonali hija l-unika waħda li tista’ tissodisfa l-obbligi ta’ verifika u ta’ ġustifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-awtorità emittenti tista’ toħroġ l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea biss sakemm il-miżura investigattiva msemmija f’din l-ordni setgħet tiġi ordnata taħt l-istess kundizzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili.

24

Issa, fil-kuntest tal-kawża li hija adita biha, il-qorti tar-rinviju tqis li l-awtorità kompetenti skont id-dritt nazzjonali sabiex tordna l-miżura investigattiva kienet issodisfat l-obbligi ta’ verifika u ta’ ġustifikazzjoni tagħha, previsti fl-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2014/41, sa fejn l-imħallef inkwirenti Latvjan kompetenti qies li t-tfittxijiet inkwistjoni kienu neċessarji u proporzjonati. Barra minn hekk, l-awtorità emittenti ħarġet l-ordni ta’ investigazzjoni inkwistjoni taħt l-istess kundizzjonijiet li fihom miżura investigattiva setgħet tiġi ordnata fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, peress li qorti intervjeniet sabiex tawtorizza l-miżura ta’ tfittxija qabel il-ħruġ ta’ din l-ordni.

25

It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza Spetsializirana prokuratura, li, skont id-dritt nazzjonali, l-awtorità emittenti tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea għandha tkun l-awtorità kompetenti sabiex tordna, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, il-miżura investigattiva li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn, jekk dan ma jkunx il-każ, dan ikollu l-konsegwenza li jikkomplika u jikkomprometti s-sistema ta’ kooperazzjoni ssemplifikata u effikaċi ta’ assistenza ġudizzjarja stabbilita mid-Direttiva 2014/41.

26

Issa, minn naħa, din il-qorti għandha dubju dwar ir-rilevanza ta’ tali kunsiderazzjoni f’dan il-każ, peress li tali rekwiżit jista’ effettivament jikkomplika l-proċedura ta’ assistenza ġudizzjarja.

27

Fil-fatt, f’ċerti Stati Membri, bħall-Ġermanja, l-imħallef inkwirenti ma għandux rwol ċentrali fil-proċedura ta’ investigazzjoni u jintervjeni biss okkażjonalment sabiex jawtorizza ċerti miżuri investigattivi mitluba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur. F’tali ċirkustanzi, li kieku kellu jitqies li hija biss din il-qorti li tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti”, fis-sens tad-Direttiva 2014/41, filwaqt li, fil-fatt, huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur li huwa responsabbli mill-proċedura ta’ investigazzjoni, dan iwassal għal dewmien fl-assistenza ġudizzjarja, b’mod partikolari fil-każ fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi li tikkonsulta lill-awtorità emittenti skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2014/41. Tkun iktar kumplessa l-proċedura ta’ assistenza minħabba l-fatt li, f’ċerti Stati Membri, ċerti miżuri investigattivi jistgħu ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-qrati nazzjonali, iżda jistgħu jiġu ordnati minn awtoritajiet oħra. Għaldaqstant, f’tali ċirkustanza, ma huwiex eskluż li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ tiġi adita b’żewġ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropej maħruġa minn żewġ interlokuturi differenti.

28

Min-naħa l-oħra, skont il-qorti tar-rinviju, għandu jsir riferiment, b’analoġija, għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457), dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, li minnha jirriżulta li l-awtorità li tordna l-mandat ta’ arrest nazzjonali tista’ tkun differenti minn dik li toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li tikkonċerna miżura li, skont id-dritt tal-Istat emittenti tista’ tiġi adottata biss minn qorti, tista’ tinħareġ minn awtorità kompetenti oħra, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva [2014/41] li taġixxi b’kollaborazzjoni ma’ awtorità mhux ġudizzjarja ta’ validazzjoni, f’sitwazzjoni fejn qorti tal-Istat emittenti tkun preċedentement adottat ordni ta’ investigazzjoni u b’hekk tkun issodisfatt l-obbligi ta’ stħarriġ u ta’ motivazzjoni previsti fid-Direttiva 2014/41?”

Fuq id‑domanda preliminari

30

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41 għandux jiġi interpretat fis-sens li tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, awtorità amministrattiva ddefinita mill-Istat emittenti li, f’dan il-każ, taġixxi fil-kwalità ta’ awtorità inkarigata mill-investigazzjonijiet fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u li l-miżuri investigattivi tagħha li jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata għandhom, konformement mad-dritt nazzjonali, jiġu awtorizzati minn qabel minn awtorità ġudizzjarja.

31

L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 jiddefinixxi, rispettivament fil-punti (i) u (ii) tiegħu, il-kunċett ta’ “awtorità emittenti” bħala “imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat”, jew, bħala “kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali”.

32

Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-“awtorità emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija awtorità nazzjonali li tissodisfa t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin.

33

L-ewwel, mill-użu tal-kelma “oħra” jirriżulta li tali awtorità ma hijiex waħda mill-awtoritajiet ġudizzjarji, imsemmija fl-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41, jiġifieri mħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku, iżda awtorità, bħalma hija awtorità amministrattiva, li ġiet indikata mill-Istat Membru emittenti bħala kompetenti sabiex toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

34

It-tieni, din l-awtorità għandha tkun dik li, f’dan il-każ, taġixxi fil-kwalità ta’ awtorità inkarigata mill-investigazzjonijiet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

35

It-tielet, l-imsemmija awtorità għandha tkun kompetenti sabiex tordna l-ksib ta’ provi konformement mad-dritt nazzjonali.

36

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li l-KNAB jissodisfa l-ewwel tnejn minn dawn il-kundizzjonijiet. Fil-fatt, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, bħala awtorità amministrattiva, il-KNAB ma jaqax taħt dawk imsemmija fl-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41. Min-naħa l-oħra, konformement mad-dritt nazzjonali, il-KNAB huwa l-awtorità inkarigata mill-investigazzjonijiet fil-kawżi li jaqgħu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u din l-awtorità ġiet indikata bħala kompetenti sabiex toħroġ l-ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea f’dawn il-kawżi.

37

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-imsemmija awtorità tissodisfax it-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, jiġifieri dik li tkun “kompetenti sabiex tordna l-ksib ta’ provi konformement mad-dritt nazzjonali”.

38

F’dan ir-rigward, din il-qorti tenfasizza li, fost il-miżuri investigattivi li huma s-suġġett tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni, huma biss il-miżuri dwar is-smigħ tax-xhieda li setgħu jiġu ordnati direttament mill-KNAB, mingħajr ma kien hemm bżonn li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ mħallef inkwirenti. Għall-kuntrarju, il-miżuri ta’ tfittxija tal-binjiet kummerċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn dawn kienu jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, kellhom ikunu, konformement mad-dritt Latvjan, awtorizzati minn tali mħallef, wara li tkun intalbet awtorizzazzjoni mingħandu mill-KNAB.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk il-fatt li, fid-dritt Latvjan, il-miżuri ta’ tfittxija mitluba mill-KNAB għandhom jiġu awtorizzati minn imħallef inkwirenti qabel ma jkunu jistgħu jiġu eżegwiti għandux bħala konsegwenza li din l-awtorità ma tistax titqies li hija kompetenti sabiex tordna l-ksib ta’ provi konformement mad-dritt nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41.

40

Sa fejn il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva ma tippermettix, waħedha, li tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom, skont ġurisprudenza stabbilita, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12 u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, G. K. et (Prosekutur Pubbliku Ewropew), C‑281/22, EU:C:2023:1018, punt 46, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fl-ewwel lok, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni.

42

L-ewwel, l-Artikolu 6(1)(a) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2) u mal-Anness A tal-istess direttiva, u fid-dawl tal-premessa 11 tagħha, jimponi fuq l-awtorità emittenti obbligu li tivverifika n-natura neċessarja u proporzjonata tal-miżura investigattiva li hija s-suġġett tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet tal-proċedura li fil-kuntest tagħha din l-ordni tkun inħarġet u tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spetsializirana prokuratur, punt 32).

43

Barra minn hekk, fir-rigward tal-każ fejn ordni ta’ investigazzjoni Ewropea toriġina minn “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41, mit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, qabel ma tiġi trażmessa lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, din id-deċiżjoni għandha tiġi vvalidata, wara eżami tal-konformità tagħha mal-kundizzjonijiet għall-ħruġ previsti minn din id-direttiva, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tagħha, “minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti”.

44

Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea minn “awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41, jimplika stħarriġ tan-neċessità u tal-proporzjonalità ta’ din id-deċiżjoni f’żewġ livelli tal-proċedura fl-Istat Membru emittenti, jiġifieri, minn naħa, waqt l-adozzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni nazzjonali u, min-naħa l-oħra, waqt il-validazzjoni tagħha minn awtorità ġudizzjarja qabel ma tiġi trażmessa lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

45

F’dan il-każ, id-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar il-kwalità ta’ “awtorità emittenti” tal-KNAB jikkonċernaw l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ livelli ta’ stħarriġ. Fil-fatt, fir-rigward tat-tieni livell, ma huwiex ikkontestat li, qabel it-trażmissjoni tagħha lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea inkwistjoni ġiet ivvalidata minn prosekutur, jiġifieri l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja, li eżamina n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ din id-deċiżjoni konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

46

F’dan ir-rigward, mill-premessa 10 tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li din id-direttiva tidentifika lill-awtorità emittenti bħala dik li tinsab fl-aħjar pożizzjoni li tiddeċiedi, abbażi tal-għarfien tagħha tad-dettalji tal-investigazzjoni kkonċernata, liema miżuri investigattivi għandhom jintużaw (sentenza Spetsializirana prokuratura, punt 37).

47

Kif tfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, sabiex titqies bħala “awtorità emittenti”, fis-sens tad-Direttiva 2014/41, l-“awtorità […] oħra” msemmija fl-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva għandha tkun dik li, f’dan il-każ, hija inkarigata mill-investigazzjoni kriminali. Din il-pożizzjoni tippermettilha, fid-dawl tal-għarfien tagħha tal-elementi tal-imsemmija investigazzjoni, li twettaq, konformement mal-Artikolu 6(1)(a) tal-imsemmija direttiva, l-istħarriġ tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-miżura investigattiva li hija tixtieq li titwettaq fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

48

Issa, is-sempliċi fatt li d-dritt tal-Istat Membru emittenti jissuġġetta l-adozzjoni ta’ miżuri investigattivi mitluba mill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni għall-kundizzjoni li dawn ikunu awtorizzati minn qabel minn imħallef inkwirenti meta dawn jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, ma jipprekludix li din l-awtorità responsabbli mill-proċedura ta’ investigazzjoni titqies li hija “kompetenti sabiex tordna l-ksib ta’ provi konformement mad-dritt nazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41, u, konsegwentement, li tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

49

Fil-fatt, tali rekwiżit jippermetti li jiġi żgurat li l-eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-imsemmija miżuri mwettaq mill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni, fl-ewwel livell imsemmi fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, isir taħt l-istħarriġ ta’ qorti, sabiex din tal-aħħar tikkonferma b’mod partikolari li l-miżuri previsti huma neċessarji u ma jippreġudikawx b’mod sproporzjonat id-drittijiet fundamentali tal-persuna ssuspettata jew akkużata.

50

It-tieni nett, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 48 ta’ din is-sentenza hija sostnuta mill-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41.

51

Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità emittenti tista’ toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea biss jekk il-miżura jew miżuri investigattivi msemmija f’din l-ordni setgħu jiġu ordnati taħt l-istess kundizzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili.

52

Billi juża l-kliem “taħt l-istess kondizzjonijiet” u “f’każ domestiku simili”, l-Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmija direttiva jissuġġetta d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet preċiżi meħtieġa għall-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea biss għad-dritt tal-Istat emittenti. Din id-dispożizzjoni hija intiża għalhekk sabiex tevita evażjoni tar-regoli u tal-garanziji previsti mid-dritt tal-Istat emittenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M.N., (EncroChat), C‑670/22, EU:C:2024:372, punti 92 u 97).

53

Issa, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit li miżura investigattiva prevista mill-KNAB fil-kuntest ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, meta tinvolvi ndħil fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, għandha tiġi awtorizzata minn imħallef inkwirenti jikkostitwixxi effettivament kundizzjoni prevista mid-dritt Latvjan li għandha tissodisfa wkoll miżura investigattiva ekwivalenti li jkollha tiġi eżegwita biss fit-territorju Latvjan.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza Spetsializirana prokuratura.

55

Fil-fatt, din il-kawża tal-aħħar kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni mhux tal-punt (ii), iżda tal-punt (i) tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41, f’sitwazzjoni li fiha prokuratur kien ħareġ, waqt l-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali, ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża għall-ksib ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet, meta, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, l-adozzjoni ta’ miżura investigattiva intiża sabiex jinkiseb aċċess għal tali data tkun taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-imħallef.

56

It-tielet nett, interpretazzjoni tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41 minbarra dik adottata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza tmur kontra d-distinzjoni magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn l-awtoritajiet li jaqgħu rispettivament taħt l-Artikolu 2(c)(i) u l-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva.

57

Permezz ta’ din id-distinzjoni, dan il-leġiżlatur ried jippermetti li awtoritajiet mhux ġudizzjarji li, konformement mad-dritt nazzjonali, huma responsabbli mill-investigazzjoni kriminali fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali u kompetenti sabiex jordnaw miżuri investigattivi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “awtorità emittenti”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(c).

58

Issa, li kieku kellu jitqies li l-intervent, fl-ewwel livell ta’ stħarriġ imsemmi fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, ta’ awtorità ġudizzjarja, meħtieġ mid-dritt nazzjonali, sabiex tiġi awtorizzata l-adozzjoni ta’ wħud minn dawn il-miżuri, jimplika neċessarjament li hija biss din l-awtorità ġudizzjarja li tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti” iwassal sabiex l-awtoritajiet ġudizzjarji msemmija fl-Artikolu 2(c)(i) tal-imsemmija direttiva biss ikunu kompetenti sabiex joħorġu ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, minkejja li dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji jintervjenu biss okkażjonalment fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni kriminali nazzjonali.

59

Tali interpretazzjoni għalhekk iċċaħħad lill-Artikolu 2(c)(ii) tal-istess direttiva mill-effett utli tiegħu, peress li, fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni ma għandhomx ikollhom il-kwalità ta’ “awtoritajiet ġudizzjarji”, huwa leġittimu li l-Istati Membri jiżguraw l-adozzjoni tal-miżuri investigattivi minn dawn l-awtoritajiet b’garanziji proċedurali billi jipprevedu b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, li l-miżuri investigattivi li jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati jkunu awtorizzati minn qabel minn awtorità ġudizzjarja.

60

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2014/41, din għandha l-għan, kif jirriżulta mill-premessi 5 sa 8 tagħha, li tissostitwixxi l-qafas frammentarju u kumpless eżistenti fil-qasam tal-ksib ta’ provi fil-kawżi kriminali li jkollhom dimensjoni transkonfinali u hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u iktar effikaċi bbażata fuq strument uniku, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, billi sserraħ fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (sentenza Spetsializirana prokuratura, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

Kif tfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija direttiva tidentifika lill-awtorità emittenti bħala dik li tinsab fl-aħjar pożizzjoni li tiddeċiedi, abbażi tal-għarfien tagħha tad-dettalji tal-investigazzjoni kkonċernata, liema miżuri investigattivi għandhom jintużaw.

62

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ din il-kunsiderazzjoni kif ukoll tal-għanijiet ta’ simplifikazzjoni u ta’ effettività tal-proċedura li fuqhom hija bbażata d-Direttiva 2014/41, jidher iġġustifikat li l-awtorità nazzjonali li tkun effettivament inkarigata mill-investigazzjoni kriminali tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva, minkejja li wħud mill-miżuri investigattivi li hija tixtieq li jitwettqu għandhom, konformement mad-dritt nazzjonali, jiġu awtorizzati minn qabel minn awtorità ġudizzjarja meta dawn jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata.

63

Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 2(c)(ii) tal-imsemmija direttiva tippermetti li jiġi ggarantit li, meta diversi miżuri investigattivi jkunu previsti minn tali awtorità fil-kuntest tal-istess proċedura kriminali, li wħud minnhom jeħtieġu li jiġu awtorizzati minn imħallef inkwirenti u oħrajn le, l-istess ordni ta’ investigazzjoni Ewropea waħda tinħareġ minn din l-awtorità għal dawn il-miżuri investigattivi kollha, fil-kwalità tagħha ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

64

Din l-interpretazzjoni tippermetti wkoll li jiġu ffaċilitati l-iskambji possibbli bejn l-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, skont l-Artikolu 6(3) tal-istess direttiva jew l-Artikolu 10(4) tagħha.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41 għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, awtorità amministrattiva ddefinita mill-Istat emittenti li, f’dan il-każ, taġixxi fil-kwalità ta’ awtorità inkarigata mill-investigazzjonijiet fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u li l-miżuri investigattivi tagħha li jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata għandhom, konformement mad-dritt nazzjonali, jiġu awtorizzati minn qabel minn awtorità ġudizzjarja.

Fuq l‑ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, awtorità amministrattiva ddefinita mill-Istat emittenti li, f’dan il-każ, taġixxi fil-kwalità ta’ awtorità inkarigata mill-investigazzjonijiet fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u li l-miżuri investigattivi tagħha li jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata għandhom, konformement mad-dritt nazzjonali, jiġu awtorizzati minn qabel minn awtorità ġudizzjarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.