27.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 143/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/686

tat-23 ta’ April 2021

li jawtorizza l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 432/2012

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel huma pprojbiti sakemm dawn ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dak ir-Regolament u sakemm ma jkunux inklużi f’lista ta’ indikazzjonijiet permessi.

(2)

Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ġie adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 (2) li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprevedi wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jistgħu jintbagħtu mill-operaturi tan-negozji tal-ikel lill-awtorità kompetenti nazzjonali ta’ Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali trid tibgħat l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Awtorità”, għal valutazzjoni xjentifika, kif ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex tinfurmahom bihom.

(4)

Il-Kummissjoni trid tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa filwaqt li tqis l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità.

(5)

Biex tiġi stimulata l-innovazzjoni, l-indikazzjonijiet tas-saħħa li huma bbażati fuq provi xjentifiċi ġodda li ġew żviluppati dan l-aħħar u/jew li jinkludi talba għall-protezzjoni tad-data proprjetarja għandu jkollhom tip ta’ awtorizzazzjoni mgħaġġla.

(6)

Wara applikazzjoni mingħand Specialised Nutrition Europe (“SNE”), li tressqet skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet opinjoni fuq indikazzjoni dwar is-saħħa li tikkonċerna soluzzjonijiet ta’ karboidrati (CHO) u kemm jgħinu l-kapaċità fiżika waqt l-eżerċizzju ta’ intensità qawwija u fit-tul (Il-Mistoqsija Nru EFSA-Q-2017-00621). L-indikazzjoni proposta mill-applikant kienet tgħid dan li ġej: “Il-konsum tal-karboidrati glikimiċi jgħin biex itejjeb il-kapaċità fiżika waqt l-eżerċizzju fiżiku tqil u fit-tul”.

(7)

Fit-13 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità (3), fejn din kienet ikkonkludiet li, abbażi tad-data li tressqet, kienet ġiet stabbilita rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum tas-soluzzjonijiet tal-karboidrati u t-titjib tal-kapaċità fiżika waqt eżerċizzju fiżiku tqil u fit-tul fil-popolazzjoni fil-mira ta’ adulti mħarrġin u f’saħħithom li jwettqu eżerċizzju fiżiku ta’ intensità qawwija (mill-inqas 65 % tal-VO2max — ir-rata massima tal-konsum ta’ ossiġenu mkejjel waqt eżerċizzju ta’ intensità inkrementali) u fit-tul (mill-inqas 60 min.). Għaldaqstant, jenħtieġ li indikazzjoni dwar is-saħħa li tirrifletti din il-konklużjoni titqies li hi konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u jenħtieġ li tiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet permessi, stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 432/2012.

(8)

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi jridu jidhru flimkien mal-kundizzjonijiet meħtieġa kollha (inklużi r-restrizzjonijiet) għall-użu tagħhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-lista tal-indikazzjonijiet permessi tkun tinkludi l-kliem tal-indikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tal-użu speċifiċi, u fejn japplika, il-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet tal-użu u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali, skont ir-regoli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u konformi mal-opinjonijiet tal-Awtorità.

(9)

Wieħed mill-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 huwa li jiżgura li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jkunu veri, ċari u affidabbli, u siewja għall-konsumatur, u li l-mod kif jitpoġġa l-kliem u l-preżentazzjoni jitqiesu f’dan ir-rigward. Għalhekk, meta l-kliem li juża l-applikant fl-indikazzjoni jkollu l-istess tifsira għall-konsumaturi bħal dak ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa awtorizzata, għaliex turi l-istess relazzjoni li teżisti bejn kategorija tal-ikel, tip ta’ ikel jew xi wieħed mill-kostitwenti tiegħu, u s-saħħa, jenħtieġ li din l-indikazzjoni tkun soġġetta għall-istess kundizzjonijiet tal-użu bħal dik elenkata fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, jenħtieġ li jiġi aġġornat ir-Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa li fih l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati kollha biex jinkludi din l-indikazzjoni dwar is-saħħa li hi awtorizzata b’dan ir-Regolament.

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 432/2012 jiġi emendat skont dan.

(12)

L-Istati Membri ġew ikkonsultati.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-indikazzjoni dwar is-saħħa stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandha tiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet permessi kif stipulat fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 tas-16 ta’ Mejju 2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, 25.5.2012, p. 1).

(3)   EFSA Journal 2018;16(3):5191.


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012 tiddaħħal l-entrata li ġejja f’ordni alfabetika:

Nutrijent, sustanza, ikel jew kategorija ta’ ikel

Indikazzjoni

Kundizzjonijiet dwar l-użu tal-indikazzjoni

Kundizzjonijiet dwar u/jew restrizzjonijiet fuq l-użu tal-ikel u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali

Numru tal-EFSA Journal

Numru tal-entrata rilevanti fil-Lista Konsolidata ppreżentata lill-EFSA għall-valutazzjoni tagħha

“Soluzzjonijiet ta’ karboidrati

Is-soluzzjonijiet tal-karboidrati jgħinu biex itejbu l-kapaċità fiżika waqt l-eżerċizzju fiżiku ta’ intensità qawwija u fit-tul tal-adulti mħarrġa fl-eżerċizzju.

Din l-indikazzjoni tista’ tintuża biss għas-soluzzjonijiet ta’ karboidrati li, skont l-istruzzjonijiet għall-użu, jipprovdu bejn 30 g u 90 g ta’ karboidrati fis-siegħa, meta l-karboidrati involuti jkunu l-glukożju, is-sukrożju, il-fruttożju u/jew il-maltodestrini, fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

Il-fruttożju (mill-fruttożju u/jew mis-sukrożju) ma għandux jagħmel iżjed minn terz tat-total tal-karboidrati, u

b)

Il-glukożju (mill-glukożju, mis-sukrożju u/jew mill-maltodestrini) ma għadux jaqbeż is-60g/h.

Il-konsumaturi għandhom jingħataw l-informazzjoni li l-effett benefiċjali jinkiseb biss minn adulti mħarrġin li jwettqu eżerċizzju fiżiku ta’ intensità qawwija (mill-inqas 65% tal-VO2max) u fit-tul (mill-inqas 60 min.).

L-indikazzjoni tista’ tintuża biss għall-oġġetti tal-ikel maħsubin għall-adulti mħarrġin li jagħmlu l-eżerċizzju ta’ intensità qawwija u fit-tul.

2018;16(3):5191”