Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
15 ta’ Ottubru 2026 (*)
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Direttiva 2011/96/UE – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq dividendi ddistribwiti minn sussidjarja residenti lil kumpannija omm mhux residenti – Artikolu 1(2) u (3) – Dispożizzjoni kontra l-abbuż – Arranġament mhux ġenwin – Passi ta’ arranġament – Katina ta’ tranżazzjonijiet – Analiżi oġġettiva tal-fatti u taċ-ċirkostanzi kollha rilevanti – Benefiċjarju effettiv tad-dividendi – Vantaġġ fiskali Assenza ta’ rilevanza tal-Istat Membru jew tal-pass fejn jinkiseb dan il-vantaġġ – Element suġġettiv – Prova tal-eżistenza tiegħu fil-konfront ta’ wieħed mill-parteċipanti fil-katina ta’ tranżazzjonijiet ikkonċernata – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Ftehim bilaterali intiż sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja”
Fil-Kawża C‑203/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (il-Kummissjoni għat-Tilwim Fiskali fi ħdan il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura
“NEO GROUP” UAB
vs
Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, R. Frendo (Relatriċi), N. Jääskinen, M. Condinanzi u A. Kornezov, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Frar 2026,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal “NEO GROUP” UAB, minn P. Likša u A. Medelienė, advokatai, kif ukoll minn A. Venius, advokato padėjėjas,
– għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,
– għall-Gvern Spanjol, minn P. Pérez Zapico u A. Torró Molés, bħala aġenti,
– għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn P. P. Huurnink u J. Langer, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u W. Roels, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Mejju 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) u (3) kif ukoll tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat‑30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011, L 345 p. 8), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/121 tas‑27 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015, L 21, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji”), kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “NEO GROUP” UAB (iktar ’il quddiem “NEO”), kumpannija rregolata mid-dritt Litwan, u l-Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (l-Ispettorat tat-Taxxa Nazzjonali fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem l-“Ispettorat”) dwar it-tassazzjoni tad-dividendi ddistribwiti minn NEO lill-kumpannija omm tagħha Retal Industries limited (iktar ’il quddiem “Retal”), irreġistrata f’Ċipru.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessi 3 sa 6 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jipprovdu:
“(3) Il-għan tad-Direttiva 90/435/KEE huwa li jiġu eżentati d-dividendi u t-tqassim ta’ profitti oħra mħallsa mill-kumpanniji sussidjarji lill-kumpanniji prinċipali tagħhom mit-taxxi fuq l-interessi u sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja fuq dan id-dħul fil-livell tal-kumpannija prinċipali.
(4) Ir-raggruppament tal-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti jista’ jkun meħtieġ sabiex jinħolqu ġewwa l-Unjoni [Ewropea] kondizzjonijiet analogi għal dawk ta’ suq intern u sabiex b’hekk jiġi żgurat it-tħaddim effettiv ta’ suq intern ta’ dan it-tip. Dawn il-ħidmiet ma għandhomx jiġu mfixkla bir-restrizzjonijiiet, l-iżvantaġġi jew it-tagħwiġ li jinħolqu b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tat-taxxi tal-Istati Membri. Huwa għalhekk meħtieġ li, rigward dan ir-raggruppament ta’ kumpanniji fl-Istati Membri differenti, jiġu previsti regoli tat-taxxa li jkunu newtrali mill-lat tal-kompetizzjoni, sabiex l-intrapriżi jitħallew jaddattaw lilhom infushom għall-ħtiġiet tas-suq intern, sabiex iżidu l-produttività tagħhom u sabiex itejbu s-saħħa kompetittiva tagħhom fil-livell internazzjonali.
(5) Dan ir-raggruppament jista’ jirriżulta fil-formazzjoni ta’ gruppi ta’ kumpanniji prinċipali u ta’ sussidjarji.
(6) Qabel id-dħul fis-seħħ tad-[Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat‑23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147)], id-dispożizzjonijiet tat-taxxa li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji prinċipali u dawk sussidjarji fl-Istati Membri differenti kienu jvarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat Membru għall-ieħor u kienu ġeneralment inqas vantaġġużi minn dawk applikabbli għall-kumpanniji prinċipali u s-sussidjari fl-istess Stat Membru. Il-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti kienet b’hekk żvantaġġata meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji fl-istess Stat Membru. Kien meħtieġ li jiġi eliminat dak l-iżvantaġġ bid-dħul ta’ sistema komuni sabiex tiffaċilita r-raggruppament tal-kumpanniji fil-livell Komunitarju.”
4 Skont il-premessi 1, 2, u 4 sa 8 tad-Direttiva 2015/121:
“(1) Id-Direttiva [2011/96] teżenta dividendi u distribuzzjonijiet oħrajn ta’ profitti mħallsa minn kumpanniji sussidjarji lill-kumpanniji prinċipali tagħhom mit-taxxi minn ras il-għajn u telimina t-tassazzjoni doppja ta’ tali introjtu fil-livell tal-kumpannija prinċipali.
(2) Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li d-Direttiva [2011/96] ma tiġix abbużata minn dawk li jħallsu t-taxxi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
[...]
(4) [I]d-dispożizzjonijiet [nazzjonali jew konvenzjonali intiżi sabiex jiġġieldu, b’mod ġenerali jew speċifiku, l-evażjoni tat-taxxa jew il-prattiki abbużivi] jistgħu jkunu ta’ livelli differenti ta’ severità u, fi kwalunkwe każ, huma mfassla biex jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tas-sistema tat-taxxa ta’ kull Stat Membru. Barra minn hekk, xi Stati Membri ma għandhom ebda dispożizzjoni domestika jew imsejsa fuq ftehim għall-prevenzjoni tal-abbuż.
(5) [...] l-inklużjoni ta’ regola minima komuni kontra l-abbuż fid-Direttiva [2011/96] tkun ta’ għajnuna kbira biex jiġi evitat l-użu ħażin ta’ dik id-Direttiva u biex tiġi żgurata konsistenza akbar fl-applikazzjoni tagħha fi Stati Membri differenti.
(6) L-applikazzjoni ta’ regoli kontra l-abbuż għandha tkun proporzjonata u għandha taqdi l-iskop speċifiku li jiġi indirizzat arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti li ma jkunux ġenwini, jiġifieri li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika.
(7) Għal dak il-għan, meta jivvalutaw jekk arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti jkunux abbużivi, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri għandhom jagħmlu analiżi oġġettiva tal-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha rilevanti.
(8) Filwaqt li l-Istati Membri għandhom jużaw il-klawżola kontra l-abbuż biex jiġu indirizzati arranġamenti li ma jkunux, fit-totalità tagħhom, ġenwini, jista’ jkun hemm ukoll każijiet fejn xi passi jew partijiet uniċi ta’ arranġament, meħuda separatament, ma jkunux ġenwini. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw il-klawżola kontra l-abbuż biex jindirizzaw ukoll dawk il-partii jew partijiet speċifiċi, mingħajr preġudizzju għall-partii jew partijiet ġenwini li jifdal tal-arranġament. Dak iżid, kemm jista’ jkun, l-effettività tal-klawżola kontra l-abbuż filwaqt li jiggarantixxi l-proporzjonalità tagħha. [...]”
5 L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jipprovdi:
“1. Kull Stat Membru għandu japplika din id-Direttiva:
[...]
b) għat-tqassim tal-qligħ mill-kumpanniji ta’ dak l-Istat Membru lill-kumpanniji fi Stati Membri oħra li tagħhom huma sussidjarji;
[...]
2. L-Istati Membri ma għandhomx jagħtu l-benefiċċji ta’ din id-Direttiva lil arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti li, peress li jkunu ġew attwati għall-iskop ewlieni jew għal wieħed mill-iskopijiet ewlenin li jinkiseb vantaġġ tat-taxxa li jmur kontra l-objettiv jew l-iskop ta’ din id-Direttiva, ma jkunux ġenwini fid-dawl tal-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha.
Arranġament jista’ jinkludi aktar minn pass wieħed jew parti waħda.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 2, arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti għandhom jitqiesu bħala mhux ġenwini sa fejn ma jsirux għal raġunijiet kummerċjali validi li jirriflettu r-realtà ekonomika.
4. Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet domestiċi jew ibbażati fuq ftehimiet li jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa jew l-abbuż.”
6 L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li:
“Għall-għanijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva:
a) l-istatus ta’ kumpannija prinċipali għandu jingħata:
i) għall-inqas lil kumpannija ta’ Stat Membru [...] li jkollha investiment minimu ta’ 10 % fil-kapital ta’ kumpannija ta’ Stat Membru [...];
[...]
b) ‘sussidjarja’ tfisser kumpannija li għandha kapital li jinkludi l-investiment imsemmi fil-punt (a).”
7 L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Il-qligħ li sussidjarja tqassam lill-kumpannija prinċipali tagħha għandhom ikunu eżentati mit-taxxa fuq l-interessi.”
Il-Ftehim LT‑CY
8 Il-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja u ta’ prevenzjoni tal-evażjoni fiskali konkluż bejn il-Gvern Litwan u l-Gvern Ċiprijott fl‑21 ta’ Ġunju 2013 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim LT‑CY”) jipprevedi, fl-Artikolu 10(1) u (2) tiegħu, it-tqassim tal-kompetenzi ta’ tassazzjoni tad-dividendi bejn iż-żewġ Stati kontraenti.
9 L-Artikolu 10(1) tal-imsemmi ftehim jipprovdi li d-dividendi ddistribwiti minn kumpannija residenti f’wieħed mill-Istati kontraenti lil resident tal-Istat kontraenti l-ieħor jistgħu jiġu ntaxxati f’dan l-Istat l-ieħor.
10 L-Artikolu 10(2) tal-imsemmi ftehim jipprovdi li dawn id-dividendi jistgħu jiġu ntaxxati wkoll fl-Istat kontraenti fejn il-kumpannija li tiddistribwixxi l-imsemmija dividendi hija residenti u skont il-liġijiet ta’ dan l-Istat. Madankollu, jekk il-benefiċjarju effettiv tal-istess dividendi huwa resident tal-Istat kontraenti l-ieħor, it-taxxa hekk miġbura ma tistax teċċedi 0 % tal-ammont gross ta’ tali dividendi, meta l-benefiċjarju effettiv huwa kumpannija li żżomm direttament mill-inqas 10 % tal-kapital tal-kumpannija li tiddistribwixxi dawn tal-aħħar, jew 5 % ta’ dan l-ammont, fil-każijiet l-oħra kollha.
Id-dritt Litwan
11 Il-Lietuvos Respublikos pelno mokesčio įstatymas no IX‑675 (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji Nru IX‑675), tal‑20 ta’ Diċembru 2001, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji”), tiddefinixxi, fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tagħha, l-“entità taxxabbli barranija” (iktar ’il quddiem l-“entità barranija”) bħala persuna ġuridika jew organizzazzjoni barranija li s-sede tagħha hija stabbilita fi Stat barrani u li hija kkostitwita jew organizzata b’mod ieħor skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat barrani, kif ukoll kull entità taxxabbli oħra kkostitwita, li għandha personalità ġuridika jew organizzata b’mod ieħor barra mill-pajjiż, inklużi l-impriżi ta’ investiment kollettiv.
12 L-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi jipprevedi li t-taxxa fuq il-kumpanniji hija dovuta mill-entitajiet Litwani u mill-entitajiet barranin.
13 Il-punt 2 tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmija liġi jipprovdi li l-bażi taxxabbli ta’ entità barranija hija kkostitwita minn dħul iġġenerat fil-Litwanja u rċevut minn din l-entità b’mod differenti milli permezz ta’ stabbilimenti permanenti fuq it-territorju Litwan.
14 Skont il-punt 2 tal-Artikolu 4(4) tal-istess liġi, id-dħul iġġenerat fil-Litwanja u rċevut minn entità barranija b’mod differenti milli permezz ta’ stabbilimenti permanenti fuq it-territorju ta’ dan l-Istat jinkludi d-dħul li joriġina minn profitti ddistribwiti.
15 L-Artikolu 34(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jipprevedi li d-dividendi rċevuti minn entitajiet barranin bħala azzjonijiet, ishma ta’ kapital jew drittijiet oħra miżmuma f’entità Litwana għandhom jiġu ntaxxati, permezz tat-taxxa fuq il-kumpanniji, bir-rata ta’ 15 %.
16 L-Artikolu 34(2) ta’ din il-liġi jipprovdi li d-dividendi ddistribwiti minn entità Litwana lil entità barranija li żżomm, għal perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas tnax-il xahar, inkluż fid-data tad-distribuzzjoni tad-dividendi, mill-inqas 10 % tal-azzjonijiet tal-entità Litwana, huma eżentati.
17 L-Artikolu 32(6) tal-imsemmija liġi (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kontra l-abbuż Litwana”) tipprevedi li d-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjoni tad-dividendi li jinsabu b’mod fl-Artikolu 34(2) tal-istess liġi ma japplikawx għal arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti li, peress li jkunu ġew stabbiliti biex jinkiseb, bħala għan prinċipali jew abbażi ta’ wieħed mill-għanijiet prinċipali, vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan jew l-iskop tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, ma humiex ġenwini fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li arranġament jista’ jinkludi diversi stadji jew partijiet u li arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti jitqiesu bħala mhux ġenwini sa fejn dan l-arranġament jew din is-sensiela ta’ arranġamenti ma jkunux stabbiliti għal raġunijiet kummerċjali validi li jirriflettu r-realtà ekonomika.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18 Il-kapital ta’ NEO huwa miżmum 100 %, mill‑10 ta’ Awwissu 2008 u sad-data tat-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, minn Retal.
19 Retal għandha wkoll 100 % tal-kapital ta’ kumpannija oħra Litwana, “Retal Lithuania” UAB (iktar ’il quddiem “Retal LT”).
20 Fl‑2016 u fl‑2017, Retal irċeviet dividendi mingħand NEO, fl-ammont ta’ EUR 15 000 000, u mingħand Retal LT, fl-ammont ta’ EUR 13 485 032, jiġifieri total ta’ EUR 28 485 032.
21 NEO qieset li d-dividendi li hija kienet iddistribwiet lil Retal ma kellhomx jiġu suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji prevista fl-Artikolu 34(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, peress li kienu eżentati mit-taxxa f’ras l-għajn abbażi tal-Artikolu 34(2) ta’ din il-liġi.
22 Wara kontroll fiskali li jirrigwarda s-snin 2016 u 2017, fit‑30 ta’ Ottubru 2024, l-Ispettorat adotta deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li tikkonstata, essenzjalment, l-eżistenza ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet li fi tmiemha PG, persuna fiżika residenti f’Ċipru, kienet il-“benefiċjarja finali” tad-dividendi li NEO u Retal LT kienu iddistribwew lil Retal, mingħajr ma applikaw it-taxxa f’ras l-għajn prevista fl-Artikolu 34(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji. Skont l-Ispettorat, din il-katina ta’ tranżazzjonijiet tikkostitwixxi arranġament magħmul sabiex jinkiseb il-vantaġġ fiskali li jikkonsisti fl-evażjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji tad-dividendi rċevuti minn Retal u għalhekk taqa’ taħt id-dispożizzjoni kontra l-abbuż Litwana.
23 Għalhekk, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-Ispettorat issuġġetta lil NEO għal aġġustament fiskali abbażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji fl-ammont ta’ EUR 2 250 000, flimkien mal-interessi moratorji, u imponielha penalità.
24 NEO kkontestat id-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Mokestinių ginčų komisija Lietuvos Respublikos Vyriausybės (il-Kummissjoni għat-Tilwim Fiskali fi ħdan il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja), li hija l-qorti tar-rinviju.
25 Dik il-qorti tqis li, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjoni kontra l-abbuż Litwana tapplikax għal sitwazzjoni bħal dik li hija adita biha, għandha tiġi interpretata d-dispożizzjoni kontra l-abbuż li tinsab fl-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji”).
26 L-imsemmija qorti tindika li l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135), diġà eżaminat sitwazzjonijiet marbuta ma’ arranġamenti mhux ġenwini li jużaw kumpanniji conduit li jittrasferixxu l-profitti li huma jirċievu lil kumpannija oħra tal-grupp, li hija benefiċjarju effettiv tagħhom. Madankollu, il-kawża li għandha quddiemha għandha karatteristiċi li jrendu neċessarji kjarifiki oħra dwar il-portata ta’ din id-dispożizzjoni minbarra dawk ipprovduti minn din is-sentenza.
27 F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza msemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li l-fatt li l-kumpannija li tirċievi dividendi ma teżerċitax attività ekonomika reali, iżda hija kumpannija conduit, li għandha bħala attività unika l-ġbir tagħhom u t-trasferiment tagħhom lill-benefiċjarju effettiv jew lil kumpanniji conduit oħra, huwa rilevanti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ abbuż.
28 Issa, f’dan il-każ, l-Ispettorat ma kkontestax l-eżerċizzju minn Retal ta’ attività ekonomika reali, iżda bbaża l-konstatazzjoni tiegħu ta’ abbuż fuq l-eżistenza ta’ arranġament mhux ġenwin li jirriżulta minn diversi elementi.
29 B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-Ispettorat qies li kienet tikkostitwixxi arranġament mhux ġenwin il-katina ta’ tranżazzjonijiet li fiha l-kumpannija Clendon Holdings Inc., irreġistrata fil-Belize, li kienet tikkontrolla 100 % tal-kapital ta’ Retal, biegħet l-azzjonijiet kollha ta’ din tal-aħħar lill-kumpannija Ċiprijotta PPH Polymer Products Holding Ltd (iktar ’il quddiem “PPH”), maħluqa inqas minn tliet xhur qabel, għas-somma ta’ EUR 310 400 000.
30 Din il-qorti tispjega li, skont l-Ispettorat, il-ħlas tal-prezz tal-akkwist tal-kapital ta’ Retal ġie pospost għas-sena 2027 u l-kreditu li kien jirriżulta minnu ġie ttrasferit minn Clendon Holdings lil PG, li diġà kien il-benefiċjarju effettiv kemm ta’ Clendon Holdings kif ukoll ta’ PPH. B’hekk, inħoloq dejn ta’ PPH fil-konfront ta’ PG. Fl-aħħar nett, PG rċieva, fi tmiem dawn it-tranżazzjonijiet kollha, somma ta’ flus sinjifikanti min-naħa ta’ PPH, fil-forma ta’ self u ta’ trasferiment ta’ drittijiet, li oriġinat mid-dividendi ddistribwiti mill-kumpanniji Litwani u li ntużat sabiex jiġi estint id-dejn ta’ PPH fil-konfront ta’ PG. F’dan il-kuntest, l-Ispettorat iqis li l-imsemmija tranżazzjonijiet jirriflettu l-eżistenza ta’ arranġament mhux ġenwin li għandu l-għan li jikseb il-vantaġġ fiskali li jikkonsisti fl-evażjoni tat-tassazzjoni ta’ dawn id-dividendi fil-Litwanja.
31 Il-qorti tar-rinviju żżid li, quddiemha, NEO ssostni b’mod partikolari li Retal, bħala impriża li teżerċita attività ekonomika reali, hija l-benefiċjarju effettiv, fis-sens b’mod partikolari tal-Ftehim LT‑CY, ibbażat fuq il-mudell ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-patrimonju, imfassal mill-Kumitat għall-Affarijiet Fiskali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) (iktar ’il quddiem il-“Mudell ta’ Ftehim OECD”).
32 Skont din il-qorti, għandu, f’dan il-kuntest, jiġi stabbilit jekk il-prattika nazzjonali li tikkonsisti fl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kontra l-abbuż Litwana għal dividendi li, filwaqt li ġew iddistribwiti lil kumpannija li teżerċita realment attività ekonomika, sussegwentement jintużaw sabiex jitwettqu tranżazzjonijiet mhux ġenwini, hijiex kompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.
33 Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti tirrileva li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, l-Ispettorat enfasizza li l-parti l-kbira tad-dividendi rċevuti minn Retal fl‑2016 u fl‑2017 kienu kkostitwiti minn dividendi ddistribwiti minn NEO u minn Retal LT. Barra minn hekk, l-Ispettorat ibbaża ruħu fuq ix-xebh bejn, minn naħa, l-ammonti tad-dividendi ddistribwiti minn NEO u Retal LT lil Retal u, min-naħa l-oħra, l-ammonti tad-dividendi ddistribwiti minn Retal lil PPH, kif ukoll fuq il-korrispondenza tal-ammont tal-bonds ta’ PPH lejn PG mal-ammont tal-bonds ta’ PPH lejn Clendon Holdings.
34 Għaldaqstant, l-istess qorti tistaqsi jekk il-korrispondenza bejn l-ammonti tad-dividendi ttrasferiti fi stadji differenti ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet tippermettix li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ “katina ta’ trasferiment ta’ dividendi”.
35 Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Ispettorat applika d-dispożizzjoni kontra l-abbuż Litwana għal NEO minħabba tranżazzjonijiet mhux ġenwini mwettqa barra mil-Litwanja bejn persuni fiżiċi u ġuridiċi li ma humiex residenti fil-Litwanja.
36 Din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk tali applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hijiex kompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
37 Fir-raba’ lok, l-imsemmija qorti tfakkar li waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni kemm tad-dispożizzjoni kontra l-abbuż Litwana kif ukoll tad-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji hija l-kisba ta’ vantaġġ fiskali. Għalhekk, hija tistaqsi jekk NEO tistax titqies li kisbet tali vantaġġ filwaqt li, fi tmiem il-katina ta’ tranżazzjonijiet li pparteċipat fiha NEO, huwa PG, jiġifieri persuna fiżika li ma hijiex residenti fil-Litwanja, li kiseb vantaġġ fiskali billi uża d-dividendi ddistribwiti minn NEO.
38 Fil-ħames lok, il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 101), jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ arranġament intiż li entità tibbenefika indebitament mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji l-fatt li dividendi jgħaddu, totalment jew kważi totalment u f’terminu qasir ħafna, mill-kumpannija li rċeviethom, lil entitajiet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
39 Għaldaqstant, din il-qorti tqis li għandu jiġi ddeterminat jekk, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ arranġament mhux ġenwin, huwiex rilevanti li d-dividendi ta’ Retal ma tħallsux f’daqqa, iżda b’mod kontinwu matul ċertu perijodu.
40 Fis-sitt u l-aħħar lok, l-imsemmija qorti tirrileva li l-Ispettorat ma eżaminax jekk NEO, bħala sussidjarja li tappartjeni lil grupp ta’ kumpanniji u li tiddependi mid-deċiżjonijiet meħuda mill-azzjonist tagħha, kellhiex jew setgħetx tkun taf bl-eżistenza ta’ tranżazzjonijiet mhux ġenwini mwettqa fi ħdan dan il-grupp. Għaldaqstant, hija tistaqsi sa fejn tali għarfien għandu effett fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji għal tali sussidjarja.
41 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (il-Kummissjoni għat-Tilwim Fiskali fi ħdan il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prattika nazzjonali li teskludi, fl-Istat ta’ min iħallas id-dividendi, il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn tad-dividendi, meta d-dividendi jitħallsu lill-kumpannija omm ġenwina li topera realment fi Stat Membru differenti tal-Unjoni, li, bħala tali, hija entità ġenwina sa fejn teżerċita attivitajiet ta’ negozju, u d-dividendi jitħallsu lilha inkwantu l-benefiċjarju effettiv tad-dividendi, iżda li hija kklassifikata, mill-awtoritajiet tat-taxxa, bħala parteċipant fil-katina ta’ tranżazzjonijiet mhux ġenwini minħabba l-ħlas/trasferiment, imwettaq permezz tagħha, tad-dividendi lill-benefiċjarju effettiv tal-grupp kollu ta’ kumpanniji, hija kompatibbli mal-għanijiet tar-regola kontra l-abbuż stabbilita fid-[Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji]?
2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun waħda affermattiva, il-fatt li jkun hemm korrispondenza bejn l-ammonti tad-dividendi (simili jew identiċi) fi ħdan katina ta’ tranżazzjonijiet, jippermetti li jiġi konkluż li kien hemm trasferiment ta’ dividendi fl-imsemmija katina?
3) F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prattika nazzjonali fejn l-awtoritajiet tat-taxxa japplikaw ir-regola kontra l-abbuż fl-Istat fejn jitħallsu d-dividendi, għalkemm it-tranżazzjonijiet, li wasslu għal katina ta’ tranżazzjonijiet meqjusa bħala arranġament (li l-awtoritajiet tat-taxxa jikkunsidraw bħala mhux ġenwin), twettqu fi Stat Membru ieħor minn persuni taxxabbli residenti f’dan l-Istat Membru l-ieħor, hija kompatibbli mal-għanijiet tar-regola kontra l-abbuż tad-Direttiva [dwar kumpanniji omm u sussidjarji], inkluż il-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fil-premessi tad-[Direttiva 2015/121]?
4) Ir-regola kontra l-abbuż tippermetti li d-dividendi jiġu intaxxati f’ras il-għajn fl-Istat ta’ min iħallas id-dividendi irrispettivament mill-istadju tal-katina ta’ tranżazzjonijiet li fih jinkiseb il-benefiċċju tat-taxxa? Ir-rikorrenti tista’ titqies bħala li kisbet benefiċċju tat-taxxa li jmur kontra s-suġġett u l-għan tad-[Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji] jekk, fi tmiem din il-katina ta’ tranżazzjonijiet, il-benefiċjarju effettiv jikseb benefiċċju tat-taxxa billi juża, għal dan il-għan, id-dividendi mħallsa mir-rikorrenti?
5) F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [dwar kumpanniji omm u sussidjarji] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-applikazzjoni tar-regola tal-’eżenzjoni tal-parteċipazzjoni’, li timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/96 fid-dritt nazzjonali, tista’ tiġi eskluża abbażi ta’ abbuż ta’ dritt minħabba l-użu tad-dividendi rċevuti, fejn il-ġbir u l-użu tad-dividendi (id-distribuzzjoni sussegwenti tal-profitti) seħħew fuq perijodu kontinwu ta’ żmien?
6) F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prattika nazzjonali fejn l-awtorità tat-taxxa tapplika r-regola kontra l-abbuż fil-konfront ta’ min iħallas id-dividendi, mingħajr ma jiġi stabbilit li dan tal-aħħar kien konxju jew seta’ kien konxju mill-eżistenza ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet mhux ġenwini hija kompatibbli mal-għanijiet tar-regola kontra l-abbuż prevista fid-Direttiva [dwar kumpanniji omm u sussidjarji]?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
42 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi prassi nazzjonali fejn l-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru tapplika taxxa f’ras l-għajn għad-dividendi li sussidjarja residenti f’dan l-Istat Membru tiddistribwixxi lill-kumpannija omm tagħha residenti fi Stat Membru ieħor minħabba li din il-kumpannija omm tipparteċipa f’katina ta’ tranżazzjonijiet, li wħud minnhom jew kollha kemm huma ma humiex ġenwini, li fi tmiemha dawn id-dividendi huma ttrasferiti lill-persuna fiżika jew ġuridika li tikkontrolla, direttament jew indirettament, il-kumpanniji kollha involuti, minkejja li l-imsemmija kumpannija omm effettivament teżerċita attività ekonomika u għalhekk ma hijiex kumpannija conduit.
43 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement mal-premessi 3 sa 6 tagħha, id-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji għandha l-għan li teżenta mit-taxxa f’ras il-għajn id-dividendi u l-profitti l-oħra ddistribwiti minn sussidjarji lill-kumpannija omm tagħhom kif ukoll li telimina t-taxxa doppja fuq dan id-dħul fil-livell tal-kumpannija omm, sabiex jiġu ffaċilitati r-raggruppamenti ta’ kumpanniji fil-livell tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria, C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 59).
44 Din id-direttiva hija intiża għaldaqstant sabiex tiżgura n-newtralità, mill-aspett fiskali, tad-distribuzzjoni ta’ profitti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria, C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 60).
45 Għal dan il-għan, l-Artikolu 1(1)(b) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li din tapplika għad-distribuzzjoni ta’ profitt magħmul, f’relazzjoni transkonfinali, minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha, u l-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprevedi l-eżenzjoni ta’ dan il-profitt mit-taxxa f’ras il-għajn.
46 Madankollu, jeżisti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jgħid li l-individwi ma jistgħux jinvokaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt b’mod frawdolenti jew abbużiv. Abbażi ta’ dan il-prinċipju, Stat Membru għandu jirrifjuta li japplika dawn id-dispożizzjonijiet meta dawn jiġu invokati mhux sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-imsemmija dispożizzjonijiet, iżda bil-għan li jittieħed benefiċċju minn vantaġġ meta l-kundizzjonijiet previsti għal dan il-għan ikunu ssodisfatti biss b’mod formali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punti 70 sa 72).
47 Kif jirriżulta mill-premessi 1, 2 u 5 tad-Direttiva 2015/121, huwa sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-imsemmi prinċipju li l-leġiżlatur tal-Unjoni daħħal id-dispożizzjoni kontra l-abbuż fid-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.
48 Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu l-benefiċċji ta’ din l-aħħar direttiva lil arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti li, peress li jkunu ġew stabbiliti għall-iskop ewlieni jew għal wieħed mill-iskopijiet ewlenin li jinkiseb vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan jew l-iskop tal-imsemmija direttiva, ma jkunux ġenwini fid-dawl tal-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha rilevanti. L-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża li arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti għandhom jitqiesu bħala mhux ġenwini sa fejn dan l-arranġament jew din is-sensiela ta’ arranġamenti ma jiġux stabbiliti għal raġunijiet kummerċjali validi li jirriflettu r-realtà ekonomika.
49 Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha tfittex li tilħaq (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tat‑30 ta’ April 2025, Generalstaatsanwaltschaft Frankfurt am Main (Esportazzjoni ta’ flus kontanti fir-Russja), C‑246/24, EU:C:2025:295, punt 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
50 Fir-rigward tat-termini tad-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, minn dan jirriżulta li għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet sabiex il-vantaġġi ta’ din id-direttiva jiġu rrifjutati. Minn naħa, l-arranġament inkwistjoni għandu jkun mhux ġenwin, fis-sens ippreċiżat f’dik id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-arranġament għandu jkun ġie stabbilit sabiex jinkiseb, bħala għan prinċipali jew abbażi ta’ wieħed mill-għanijiet prinċipali, vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan tal-imsemmija direttiva (sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group, C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 45).
51 Din it-tieni kundizzjoni ser tiġi eżaminata fil-kuntest tar-risposti mogħtija, minn naħa, għat-tielet u għar-raba’ domanda kif ukoll, min-naħa l-oħra, għas-sitt domanda.
52 Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni stabbilita fid-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, jiġifieri l-klassifikazzjoni ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet bħala “arranġament mhux ġenwin”, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tipprevedix li din tkun applikabbli biss għal sitwazzjonijiet jew għal tipi ta’ arranġamenti speċifiċi. Hija tadotta, għall-kuntrarju, perspettiva globali li tikkonsisti fl-identifikazzjoni tal-eventwali natura mhux ġenwina ta’ arranġament fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, peress li dan l-arranġament huwa kkaratterizzat mill-assenza ta’ raġunijiet kummerċjali validi li jirriflettu r-realtà ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group, C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 25).
53 Fir-rigward tal-kuntest li taqa’ fih id-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji kif ukoll tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, mill-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2015/121 jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni hija utli ħafna, b’mod partikolari fid-dawl tad-diversità tas-sistemi fiskali nazzjonali, sabiex jiġi evitat kull użu abbużiv tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji. Għandu jiġi kkunsidrat li, kemm fir-rigward tal-pożizzjonament tagħha, jiġifieri fi ħdan l-ewwel artikolu ta’ din l-aħħar direttiva, kif ukoll tal-għan hekk espress, l-istess dispożizzjoni għandha natura trażversali, li timmilita wkoll favur interpretazzjoni li tippermetti l-applikazzjoni tagħha mingħajr limitazzjoni għal ċerti ċirkustanzi speċifiċi. Interpretazzjoni iktar stretta ma hijiex koerenti mal-għan li jiġi evitat kwalunkwe użu abbużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group, C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 26).
54 Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 7 tad-Direttiva 2015/121, l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri għandhom jagħmlu analiżi oġġettiva tal-fatti u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, meta jevalwaw in-natura abbużiva jew le ta’ arranġament jew ta’ sensiela ta’ arranġamenti. Din il-formulazzjoni hija riprodotta essenzjalment fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, li jipprovdi li l-vantaġġi ta’ din id-direttiva ma għandhomx jingħataw lil arranġamenti li ma humiex ġenwini fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group, C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 39).
55 Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni fejn arranġament ikun ikkostitwit minn diversi passi, il-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit li hemm pass wieħed jew iktar li ma humiex ġenwini. Xejn fid-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji ma jissuġġerixxi li l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti li l-eżami tagħhom huwa neċessarju għal dan l-għan huma limitati għas-sitwazzjoni eżistenti fid-data tal-pass wieħed jew iktar tal-arranġament inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group, C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 41).
56 Għalhekk, mill-interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tad-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika b’mod trażversali għal kull tip ta’ arranġament mhux ġenwin, u mhux biss għal arranġamenti li għandhom konfigurazzjonijiet speċifiċi.
57 Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika fid-dawl tal-fatti kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk, f’dan il-każ, l-elementi li jikkostitwixxu prattika abbużiva humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group, C‑228/24, EU:C:2025:239, punti 30 u 40).
58 Għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa l-fatti fil-kawża prinċipali, hija tista’ madankollu, meta tkun qegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tipprovdi indizji lill-qorti nazzjonali sabiex tiggwidaha fl-evalwazzjoni tal-każ inkwistjoni li għandha tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 99).
59 F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ elementi li jikkostitwixxu prattika abbużiva jaqa’ fuq l-awtorità fiskali tal-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jirrifjuta l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji lil kumpannija li tkun iddistribwiet dividendi lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor. Madankollu, ma jistax jiġi mistenni li din l-awtorità tipprovdi provi li jkun impossibbli għaliha li tipprovdi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punti 117 u 118).
60 Għandu jitfakkar ukoll, fl-ewwel lok u bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn bħal dik prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, ċertament ikkunsidrat bħala arranġament artifiċjali grupp ta’ kumpanniji li ma huwiex stabbilit għal raġunijiet li jirriflettu r-realtà ekonomika, li għandu struttura purament formali u li l-għan prinċipali jew wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu huwa l-ksib ta’ vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan jew l-iskop tad-dritt fiskali applikabbli. Hija ppreċiżat li dan huwa l-każ b’mod partikolari meta, permezz ta’ entità conduit interposta fl-istruttura tal-grupp bejn il-kumpannija li tħallas id-dividendi u l-kumpannija tal-grupp li huwa l-benefiċjarju effettiv, jiġi evitat il-ħlas tat-taxxa fuq id-dividendi (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 100).
61 Madankollu, minn dawn il-motivi ma jistax jiġi dedott li d-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji tapplika biss għall-iskemi li jinkludu kumpanniji conduit u li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħtha, sa fejn din ma timplikax l-intervent ta’ kumpannija conduit fil-katina ta’ tranżazzjonijiet inkwistjoni. Għall-kuntrarju, minn dan l-istess punt tas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135), jirriżulta li l-ipoteżi ta’ kumpannija conduit hija biss eżempju wieħed fost oħrajn ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ abbuż, li huwa indikat bl-użu tal-kelma “b’mod partikolari” (sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group, C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 28).
62 Konsegwentement, il-fatt li, f’arranġament li jinvolvi diversi stadji, l-ewwel tranżazzjoni tikkonsisti fid-distribuzzjoni ta’ dividendi minn sussidjarja lil kumpannija omm li teżerċita attività ekonomika reali, ma jippermettix, waħdu, li jiġi konkluż li ma kienx hemm prattika abbużiva. Fil-fatt, l-analiżi tal-attività ekonomika ta’ din il-kumpannija omm biss, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti l-oħra, ma hijiex konformi man-neċessità li jsir eżami globali, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 52 sa 55 ta’ din is-sentenza.
63 Dawn l-elementi l-oħra li għandhom jiġu evalwati jinkludu dawk indikati mill-Ispettorat quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-bejgħ ta’ azzjonijiet ta’ kumpannija, l-għoti ta’ kuntratti ta’ self u t-trasferiment ta’ krediti, kif jirriżulta mill-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza.
64 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Ftehim LT‑CY, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, ċertament, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-eventwali ksur, minn Stat Membru, tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim konkluż ma’ Stat Membru wieħed jew iktar li jservu sabiex jeliminaw jew inaqqsu l-effetti negattivi li jirriżultaw mill-koeżistenza ta’ sistemi fiskali nazzjonali. Hija lanqas ma għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina r-relazzjoni bejn miżura nazzjonali u d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim dwar ħelsien mit-taxxa doppja, peress li din il-kwistjoni ma taqax taħt l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2026, Marhaux, C‑150/25, EU:C:2026:188, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
65 Madankollu, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u legali deskritta mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2026, Marhaux, C‑150/25, EU:C:2026:188, punt 23).
66 Għalhekk, meta qorti tar-rinviju ssemmi l-eżistenza ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja bħala element tal-kuntest leġiżlattiv rilevanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni dan il-ftehim u l-interpretazzjoni tiegħu mill-qorti tar-rinviju, sabiex tipprovdi lil din tal-aħħar interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għaliha (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2026, Marhaux, C‑150/25, EU:C:2026:188, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
67 F’dan il-każ, mill-Artikolu 10(1) u (2) tal-Ftehim LT‑CY jirriżulta li, meta sussidjarja tħallas dividendi lill-kumpannija omm tagħha, l-awtorità tat-taxxa tal-Istat fejn tirrisjedi din is-sussidjarja ma tistax tintaxxa dawn id-dividendi, jekk din il-kumpannija omm tkun il-“benefiċjarju effettiv” tagħhom.
68 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali u l-Ftehim LT‑CY, tqis li din tal-aħħar għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kummentarji dwar il-Mudell ta’ ftehim OCDE. Issa, mill-punt 12.5 tal-kummentarji dwar l-Artikolu 10 tal-Mudell ta’ ftehim OECD jirriżulta li l-fatt li d-destinatarju tad-dividendi jkun il-“benefiċjarju effettiv” tagħhom ma jfissirx li t-tnaqqis fiskali previst fl-Artikolu 10(2) ta’ dan il-mudell huwa awtomatikament dovut. Fil-fatt, dan it-tnaqqis ma għandux jingħata fil-każijiet ta’ użu abbużiv tad-dispożizzjoni li tinsab f’dan il-paragrafu.
69 Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ftehimiet bejn Stati Membri, anke meta jkunu ġew konklużi abbażi tal-Mudell ta’ ftehim tal-OECD, ma jistgħux jiġu invokati sabiex jintlaħaq riżultat li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C‑170/05, EU:C:2006:783, punt 53, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2024, Keva et, C‑39/23, EU:C:2024:648, punt 48).
70 Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix, bħala prinċipju, prassi nazzjonali fejn l-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru tapplika taxxa f’ras l-għajn għad-dividendi li sussidjarja residenti f’dan l-Istat Membru tiddistribwixxi lill-kumpannija omm tagħha residenti fi Stat Membru ieħor minħabba li din il-kumpannija omm tipparteċipa f’katina ta’ tranżazzjonijiet, li wħud minnhom jew kollha kemm huma ma humiex ġenwini, li fit-tmiem tagħha dawn id-dividendi jiġu ttrasferiti lill-persuna fiżika jew ġuridika li tikkontrolla, direttament jew indirettament, il-kumpanniji kollha involuti, minkejja li l-imsemmija kumpannija omm effettivament teżerċita attività ekonomika u għalhekk ma hijiex kumpannija conduit.
Fuq it-tieni u l-ħames domanda
71 Permezz tat-tieni u tal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji għandhiex tiġi interpretata fis-sens li jikkostitwixxu indizji rilevanti għall-konstatazzjoni mill-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru ta’ arranġament mhux ġenwin il-fatti li, minn naħa, l-ammonti ttrasferiti f’katina ta’ tranżazzjonijiet, li wħud minnhom jew kollha kemm huma ma humiex ġenwini, huma simili, jew identiċi, għall-ammonti tad-dividendi ddistribwiti minn sussidjarja residenti f’dan l-Istat Membru lill-kumpannija omm tagħha residenti fi Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, il-fatti li tali trasferimenti ma seħħewx f’terminu qasir wara d-distribuzzjoni ta’ dawn id-dividendi, iżda b’mod kontinwu matul ċertu perijodu.
72 Preliminarjament, peress li NEO tikkontesta l-fatti kif ikkunsidrati mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija biss awtorizzata tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u legali kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-informazzjoni utli għas-soluzzjoni tal-kawża li tkun tressqet quddiemha. Konsegwentement, anki meta elementi fattwali li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju huma kkontestati minn parti fil-kawża prinċipali, huwa abbażi tal-elementi indikati mill-qorti tar-rinviju li hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2025, Elektrorazpredelitelni mrezhi Zapad, C‑310/24, EU:C:2025:406, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
73 Fid-dawl tal-elementi esposti f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ arranġament intiż li jibbenefika indebitament mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji l-fatt li d-dividendi li sussidjarja tkun iddistribwiet lill-kumpannija omm jitħallsu, kollha jew kważi kollha u f’terminu qasir ħafna wara li jkunu ġew irċevuti, mill-kumpannija li tkun irċeviethom lil entitajiet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punti 101 kif ukoll 103).
74 Konsegwentement, fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ abbuż, il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, bħala indizju ta’ din l-eżistenza, il-korrispondenza bejn l-ammonti tad-dividendi rċevuti mill-kumpannija omm u l-ammonti li minnhom, fi tmiem il-katina ta’ tranżazzjonijiet ikkonċernata, tibbenefika l-persuna fiżika jew ġuridika li tikkontrolla l-kumpanniji involuti f’tali katina.
75 Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat, bħalma għamlet il-Kummissjoni Ewropea, li tali elementi ma jistgħux jagħtu lok għal preżunzjoni ġenerali ta’ abbuż.
76 Fit-tieni lok, għalkemm il-fatt li l-kumpannija omm tgħaddi fi żmien qasir lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra d-dividendi li hija rċeviet mingħand is-sussidjarja tagħha jista’ wkoll jikkostitwixxi indizju rilevanti tal-eżistenza ta’ abbuż, minn dan ma jsegwix li tali terminu qasir huwa meħtieġ għall-finijiet ta’ tali dimostrazzjoni.
77 Fil-fatt, il-fatt li movimenti ta’ fondi fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, ikkontrollati direttament jew indirettament mill-istess persuna fiżika jew ġuridika, seħħew f’intervalli regolari u għal ċertu żmien ma jippermettix li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ arranġament mhux ġenwin stabbilit sabiex jippermetti lil din il-persuna tikseb vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan jew l-iskop tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li arranġament mhux ġenwin li l-effetti tiegħu huma ripetuti għal ċertu perijodu ma huwiex inqas kuntrarju għal dan l-għan jew għal dan l-iskop milli arranġament ta’ darba.
78 Għalhekk, sabiex twettaq analiżi oġġettiva tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, l-awtorità tat-taxxa tal-Istat Membru fejn tirrisjedi s-sussidjarja li tiddistribwixxi d-dividendi ma tistax tkun obbligata tillimita l-eżami tagħha għal perijodu qasir. Għall-kuntrarju, meta l-arranġament li jista’ jwassal għall-abbuż ta’ dritt mogħti mid-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jinkludi, bħal f’dan il-każ, il-bidla tal-istruttura tal-grupp li taqa’ taħtu din is-sussidjarja u t-twettiq ta’ diversi tranżazzjonijiet legali ta’ għoti ta’ self, din l-awtorità tat-taxxa għandha tinkludi fl-investigazzjoni tagħha l-elementi kollha li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ dan l-abbuż possibbli.
79 Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tieni u l-ħames domanda għandha tkun li d-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji għandha tiġi interpretata fis-sens li jikkostitwixxu indizji rilevanti għall-konstatazzjoni mill-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru ta’ arranġament mhux ġenwin il-fatti li, minn naħa, l-ammonti ttrasferiti f’katina ta’ tranżazzjonijiet, li wħud minnhom jew kollha kemm huma ma humiex ġenwini, huma simili, jew saħansitra identiċi, mal-ammonti tad-dividendi ddistribwiti minn sussidjarja residenti f’dan l-Istat Membru lill-kumpannija omm tagħha residenti fi Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, l-fatt li tali trasferimenti ma seħħewx f’terminu qasir wara d-distribuzzjoni ta’ dawn id-dividendi, iżda b’mod kontinwu matul ċertu perijodu, bla ħsara għall-ħtieġa, għall-awtorità tat-taxxa, li twettaq analiżi oġġettiva tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex tivverifika jekk l-elementi li jikkostitwixxu prattika abbużiva humiex issodisfatti.
Fuq it-tielet u r-raba’ domanda
80 Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi prassi nazzjonali li tipprovdi li l-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru tapplika taxxa f’ras l-għajn fuq id-dividendi li sussidjarja residenti f’dan l-Istat Membru tiddistribwixxi lill-kumpannija omm tagħha residenti fi Stat Membru ieħor, meta t-tranżazzjonijiet ikkunsidrati bħala mhux ġenwini ma jkunux seħħew fl-ewwel Stat Membru, iżda jkunu twettqu minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jirrisjedux fih, inkluża l-persuna li tibbenefika minn vantaġġ fiskali permezz tal-eżenzjoni ta’ dawn id-dividendi wara t-tranżazzjonijiet kollha kkonċernati, u indipendentement mill-istadju tal-katina ta’ tranżazzjonijiet li jinkiseb fih il-vantaġġ fiskali.
81 F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji tikkonċerna sitwazzjonijiet transkonfinali, li dejjem jinvolvu kumpanniji residenti fi Stati Membri differenti. Għalhekk, is-sitwazzjonijiet li jistgħu jaqgħu taħt id-dispożizzjoni kontra l-abbuż ta’ din id-direttiva għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami globali li jinkludi tranżazzjonijiet li jseħħu barra mill-Istat Membru li fih l-awtorità tat-taxxa għandha l-intenzjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt fid-dawl tal-imsemmija direttiva u li tirreaġixxi għalih.
82 Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza, fid-dawl b’mod partikolari tal-premessa 8 tad-Direttiva 2015/121, li minnha jirriżulta li huma biss ċerti passi jew partijiet ta’ arranġament li jistgħu ma jkunux ġenwini u, għaldaqstant, jaqgħu taħt id-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, ma jistax jiġi eskluż li arranġament, stabbilit oriġinarjament għal raġunijiet kummerċjali validi li jirriflettu r-realtà ekonomika, għandu jitqies li ma huwiex ġenwin mill-mument li fih jinżamm minkejja bidla fiċ-ċirkustanzi li sussegwentement għaliha jidher li din l-istruttura ma għadx għadha ġġustifikata minn tali raġunijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group, C‑228/24, EU:C:2025:239, punti 34 sa 36).
83 Għaldaqstant, il-possibbiltà li d-dispożizzjoni kontra l-abbuż tiġi applikata għal passi mhux ġenwini ta’ arranġament għandha tinftiehem fis-sens li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-ħolqien tal-arranġament sabiex tiġi evalwata n-natura ġenwina jew le tal-pass tal-arranġament inkwistjoni (sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group, C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 37).
84 Konsegwentement, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, fid-dawl ukoll tal-fatt li, kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ abbuż għandha tiġi stabbilita permezz ta’ analiżi oġġettiva tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, l-awtorità tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ residenza tas-sussidjarja għandha twettaq eżami globali li jinkludi t-tranżazzjonijiet imwettqa barra minn dan l-Istat Membru, qabel jew wara d-distribuzzjoni tad-dividendi mis-sussidjarja lill-kumpannija omm.
85 Fil-fatt, id-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji ma teżiġix li l-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan jew l-iskop ta’ din id-direttiva għandha tintwera fir-rigward tas-sussidjarja li inizjalment iddistribwiet id-dividendi u li fittxet li tibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras l-għajn. Tali vantaġġ jista’ jinkiseb mill-persuna fiżika li tikkontrolla l-grupp ta’ kumpanniji li fil-kuntest tiegħu titwettaq il-katina ta’ tranżazzjonijiet intiża sabiex jinkiseb dan il-vantaġġ u li tirrisjedi fi Stat Membru differenti minn dak tas-sussidjarja li inizjalment iddistribwiet dawn id-dividendi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali vantaġġi indebiti ma jistgħux jitneħħew jekk l-Istat Membru li jkun ta lil sussidjarja residenti l-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa f’ras l-għajn tal-imsemmija dividendi ma jkunx jista’ jieħu inkunsiderazzjoni wkoll it-tranżazzjonijiet imwettqa, barra minn dan l-Istat Membru, bl-għajnuna tal-ammonti rċevuti għall-istess dividendi.
86 Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li dan, minn naħa, jissemma fil-premessa 6 tad-Direttiva 2015/121 u, min-naħa l-oħra, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE. Sabiex jiġi osservat dan il-prinċipju, il-miżuri previsti mill-Istati Membri għandhom ikunu xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tagħhom u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Deister Holding u Juhler Holding, C‑504/16 u C‑613/16, EU:C:2017:1009, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-miżuri li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu sabiex jevitaw il-frodi u l-abbuż tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji għandhom ikunu konformi ma’ dawn il-kundizzjonijiet.
87 Issa, interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kontra l-abbuż ta’ din id-direttiva li tipprovdi li l-eżistenza ta’ abbuż tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ analiżi li tinkludi t-tranżazzjonijiet imwettqa barra mill-Istat Membru ta’ residenza tas-sussidjarja, minn naħa, hija, evidentement, xierqa sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan. Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni hija indispensabbli għall-ġlieda kontra l-arranġamenti li n-natura abbużiva tagħhom tista’ tiġi stabbilita biss wara tali analiżi.
88 Barra minn hekk, sa fejn NEO ssostni li l-imsemmija interpretazzjoni tagħti lok għal restrizzjoni mhux iġġustifikata tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ liġi mfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, kumpannija residenti fi Stat Membru ma tistax tinvoka l-benefiċċju tal-libertajiet stabbiliti mit-Trattat FUE sabiex tikkontesta l-leġiżlazzjoni li tirregola t-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor, meta jiġi stabbilit li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni tippermetti li jiġi evitat tali abbuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 122).
89 Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li d-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix prassi nazzjonali li tipprovdi li l-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru tapplika taxxa f’ras l-għajn fuq id-dividendi li sussidjarja residenti f’dan l-Istat Membru tiddistribwixxi lill-kumpannija omm tagħha residenti fi Stat Membru ieħor, meta t-tranżazzjonijiet ikkunsidrati bħala mhux ġenwini ma jkunux seħħew fl-ewwel Stat Membru, iżda jkunu twettqu minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jirrisjedux fih, inkluż il-persuna li tibbenefika minn vantaġġ fiskali permezz tal-eżenzjoni ta’ dawn id-dividendi fi tmiem it-tranżazzjonijiet kollha kkonċernati, u indipendentement mill-pass tal-katina ta’ tranżazzjonijiet li jinkiseb fih il-vantaġġ fiskali.
Fuq is-sitt domanda
90 Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi prassi nazzjonali li skontha l-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru tapplika taxxa f’ras l-għajn għad-dividendi li sussidjarja residenti f’dan l-Istat Membru tiddistribwixxi lill-kumpannija omm tagħha residenti fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma tistabbilixxi li din is-sussidjarja kellha jew seta’ kellha għarfien tal-fatt li din id-distribuzzjoni kienet tagħmel parti minn katina ta’ tranżazzjonijiet, li wħud minnhom jew kollha kemm huma ma kinux ġenwini.
91 Kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punt 50 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-kwalifika ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet ta’ “arranġament mhux ġenwin” tkun biżżejjed sabiex tiġi rrifjutata l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpaniji għad-dividendi rċevuti, abbażi tad-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group, C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 49). L-arranġament għandu jkun ġie stabbilit sabiex jinkiseb, bħala għan prinċipali jew abbażi ta’ wieħed mill-għanijiet prinċipali, vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan ta’ din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group, C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 46).
92 Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prova ta’ prassi abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb (sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Nordcurrent group, C‑228/24, EU:C:2025:239, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
93 Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji teħtieġ li tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar il-preżenza ta’ tali element suġġettiv.
94 Sabiex jiġi ddeterminat il-mod li bih din il-kundizzjoni għandha tiġi evalwata, għandu jiġi rrilevat li kull distribuzzjoni ta’ dividendi msemmija minn din id-direttiva hija tranżazzjoni li huma involuti fiha tal-inqas żewġ kumpanniji.
95 B’mod partikolari, fid-dawl tad-definizzjonijiet ta’ “kumpannija omm” u ta’ “kumpannija sussidjarja” li jinsabu fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li tal-ewwel għandha sehem ta’ mill-inqas 10 % fil-kapital tat-tieni, huwa possibbli li distribuzzjoni tad-dividendi tirriżulta minn deċiżjoni tal-kumpannija omm.
96 Barra minn hekk, tali deċiżjoni tista’ tagħmel parti minn sensiela ta’ deċiżjonijiet meħuda fi ħdan il-grupp li taqa’ taħtu s-sussidjarja li twettaq l-imsemmija distribuzzjoni u l-kumpannija omm tagħha.
97 Issa, kieku l-kundizzjoni dwar il-preżenza tal-element suġġettiv imsemmi fil-punt 92 ta’ din is-sentenza kellha tiġi evalwata biss fil-livell ta’ din is-sussidjarja, billi jiġi vverifikat jekk din kinitx taf jew setgħetx tkun taf bil-fatt li l-istess distribuzzjoni kienet tagħmel parti minn katina ta’ tranżazzjonijiet, li wħud minnhom jew kollha kemm huma ma humiex ġenwini, stabbilita sabiex tikseb, bħala għan prinċipali jew abbażi ta’ wieħed mill-għanijiet prinċipali, vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan jew l-iskop tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, l-effett utli tad-dispożizzjoni kontra l-abbuż ta’ din id-direttiva kif ukoll l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li jirrifletti l-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt imfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, jiġu ppreġudikati.
98 Konsegwentement, huwa biżżejjed li l-eżistenza tal-element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu tintwera tal-inqas fir-rigward ta’ waħda mill-kumpanniji tal-grupp parteċipanti f’din il-katina ta’ tranżazzjonijiet jew tal-persuna fiżika li, fi tmiem l-imsemmija katina ta’ tranżazzjonijiet, tibbenefika minn dan il-vantaġġ, mingħajr ma jkun meħtieġ li din is-sussidjarja tkun hija stess taf b’din ir-rieda.
99 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li d-dispożizzjoni kontra l-abbuż tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix prattika nazzjonali li tipprovdi li l-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru tapplika taxxa f’ras l-għajn fuq id-dividendi li sussidjarja residenti f’dan l-Istat Membru tiddistribwixxi lill-kumpannija omm tagħha residenti fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma tistabbilixxi li din is-sussidjarja kienet taf jew setgħet kienet taf bil-fatt li din id-distribuzzjoni kienet tagħmel parti minn katina ta’ tranżazzjonijiet, li wħud minnhom jew kollha kemm huma ma humiex ġenwini, stabbiliti sabiex jinkiseb, bħala għan prinċipali jew abbażi ta’ wieħed mill-għanijiet prinċipali, vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan jew l-iskop ta’ din id-direttiva, sakemm jintwera li mill-inqas waħda mill-kumpanniji tal-grupp parteċipanti f’din il-katina ta’ tranżazzjonijiet jew il-persuna fiżika li, fi tmiem tal-imsemmija katina ta’ tranżazzjonijiet, tibbenefika minn dan il-vantaġġ, kienet taf jew setgħet kienet taf bl-eżistenza tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
100 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat‑30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/121 tas‑27 ta’ Jannar 2015,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix, bħala prinċipju, prassi nazzjonali fejn l-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru tapplika taxxa f’ras l-għajn għad-dividendi li sussidjarja residenti f’dan l-Istat Membru tiddistribwixxi lill-kumpannija omm tagħha residenti fi Stat Membru ieħor minħabba li din il-kumpannija omm tipparteċipa f’katina ta’ tranżazzjonijiet, li wħud minnhom jew kollha kemm huma ma humiex ġenwini, li fit-tmiem tagħha dawn id-dividendi jiġu ttrasferiti lill-persuna fiżika jew ġuridika li tikkontrolla, direttament jew indirettament, il-kumpanniji kollha involuti, minkejja li l-imsemmija kumpannija omm effettivament teżerċita attività ekonomika u għalhekk ma hijiex kumpannija conduit.
2) L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE, kif emendata bid-Direttiva 2015/121,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jikkostitwixxu indizji rilevanti għall-konstatazzjoni mill-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru ta’ arranġament mhux ġenwin il-fatti li, minn naħa, l-ammonti ttrasferiti f’katina ta’ tranżazzjonijiet, li wħud minnhom jew kollha kemm huma ma humiex ġenwini, huma simili, jew saħansitra identiċi, mal-ammonti tad-dividendi ddistribwiti minn sussidjarja residenti f’dan l-Istat Membru lill-kumpannija omm tagħha residenti fi Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, l-fatt li tali trasferimenti ma seħħewx f’terminu qasir wara d-distribuzzjoni ta’ dawn id-dividendi, iżda b’mod kontinwu matul ċertu perijodu, bla ħsara għall-ħtieġa, għall-awtorità tat-taxxa, li twettaq analiżi oġġettiva tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex tivverifika jekk l-elementi li jikkostitwixxu prattika abbużiva humiex issodisfatti.
3) L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 2011/96, kif emendata bid-Direttiva 2015/121, moqri fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix prassi nazzjonali li tipprovdi li l-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru tapplika taxxa f’ras l-għajn fuq id-dividendi li sussidjarja residenti f’dan l-Istat Membru tiddistribwixxi lill-kumpannija omm tagħha residenti fi Stat Membru ieħor, meta t-tranżazzjonijiet ikkunsidrati bħala mhux ġenwini ma jkunux seħħew fl-ewwel Stat Membru, iżda jkunu twettqu minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jirrisjedux fih, inkluż il-persuna li tibbenefika minn vantaġġ fiskali permezz tal-eżenzjoni ta’ dawn id-dividendi fi tmiem it-tranżazzjonijiet kollha kkonċernati, u indipendentement mill-pass tal-katina ta’ tranżazzjonijiet li jinkiseb fih il-vantaġġ fiskali.
4) L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE, kif emendata bid-Direttiva 2015/121,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma tipprekludix prattika nazzjonali li tipprovdi li l-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru tapplika taxxa f’ras l-għajn fuq id-dividendi li sussidjarja residenti f’dan l-Istat Membru tiddistribwixxi lill-kumpannija omm tagħha residenti fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma tistabbilixxi li din is-sussidjarja kienet taf jew setgħet kienet taf bil-fatt li din id-distribuzzjoni kienet tagħmel parti minn katina ta’ tranżazzjonijiet, li wħud minnhom jew kollha kemm huma ma humiex ġenwini, stabbiliti sabiex jinkiseb, bħala għan prinċipali jew abbażi ta’ wieħed mill-għanijiet prinċipali, vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan jew l-iskop tad-Direttiva 2011/96, sakemm jintwera li mill-inqas waħda mill-kumpanniji tal-grupp parteċipanti f’din il-katina ta’ tranżazzjonijiet jew il-persuna fiżika li, fi tmiem tal-imsemmija katina ta’ tranżazzjonijiet, tibbenefika minn dan il-vantaġġ, kienet taf jew setgħet kienet taf bl-eżistenza tiegħu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.