12.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 1/2018

tad-9 ta’ Frar 2018

li temenda r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE [2019/2037]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-“Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 92(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fiż-Żona Ekonomika Ewropea (1), iffirmat fil-25 ta’ Lulju 2007, emenda l-Artikolu 129(1) tal-Ftehim ŻEE sabiex mal-lista tal-lingwi tal-Ftehim ŻEE jiżdiedu l-Bulgaru u r-Rumen.

(2)

Il-Ftehim dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fiż-Żona Ekonomika Ewropea daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Novembru 2011.

(3)

Fir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, li ġew adottati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 1/94 tat-8 ta’ Frar 1994 (2) u emendati bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 24/2005 tat-8 ta’ Frar 2005 (3), jenħtieġ li l-Bulgaru u r-Rumen jiżdiedu mal-lista tal-lingwi. Konsegwentement, jenħtieġ li l-lista tal-lingwi tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għaldaqstant tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 1/94 hija emendata kif ġej:

1.

It-test tal-Artikolu 6(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“It-testi tal-atti tal-KE li se jkunu integrati fl-Annessi tal-Ftehim skont l-Artikolu 102(1) huma ugwalment awtentiċi bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan, u l-Ungeriż kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jitfasslu bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża u għandhom jiġu awtentikati mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE flimkien mad-deċiżjonijiet rilevanti msemmija fil-paragrafu 1.”

2.

It-test tal-Artikolu 11(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li jemendaw l-Annessi jew il-Protokolli tal-Ftehim għandhom jiġu ppubblikati bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan, u l-Ungeriż fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2018.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Claude MAERTEN


(1)   ĠU L 221, 25.8.2007, p. 15.

(2)   ĠU L 85, 30.3.1994, p. 60.

(3)   ĠU L 161, 23.6.2005, p. 54.