|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/87 |
12.1.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/87
tad-9 ta’ Jannar 2026
li jimplimenta r-Regolament (UE) 2024/287 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Gwatemala
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/287 tat-12 ta’ Jannar 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Gwatemala (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-12 ta’ Jannar 2024, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2024/287. |
|
(2) |
Abbażi ta’ rieżami tal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi stipulata fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/287, jenħtieġ li l-entrati għal ħames individwi jiġu aġġornati. |
|
(3) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/287 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/287 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Jannar 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
M. RAOUNA
(1) ĠU L, 2024/287, 15.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/287/oj.
ANNESS
Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/287, taħt l-intestatura “A. Persuni Fiżiċi”, l-entrati bin-numru 1, 2, 3, 7 u 8 huma sostitwiti bl-entrati korrispondenti li ġejjin:
|
|
Isem |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista |
Data tal-elenkar |
|
“1. |
María Consuelo PORRAS ARGUETA DE PORRES |
Pożizzjoni(jiet): Avukat Ġenerali tal-Gwatemala, Kap tal-Ministeru Pubbliku (Ministerio Público) tal-Gwatemala Data tat-twelid: 23.8.1953 Nazzjonalità: Gwatemaljana Numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 242159605 (passaport) Sess: mara |
Fil-pożizzjoni tagħha bħala Avukat Ġenerali tal-Gwatemala, l-ogħla impjegat taċ-ċivil fil-Ministeru Pubbliku (Ministerio Público) tal-Gwatemala (ekwivalenti għall-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew Kap Prosekutur), María Consuelo Porras Argueta De Porres (magħrufa wkoll bħala ‘Porras’) hija involuta fi sforzi biex jiġu annullati r-riżultati tal-ewwel u t-tieni ċiklu ta’ elezzjonijiet li saru f’Ġunju u f’Awwissu 2023, inkluż permezz ta’ investigazzjonijiet kriminali foloz immirati lejn it-Tribunal Elettorali Suprem, il-partit politiku Movimiento Semilla u l-President Arévalo. Barra minn hekk, taħt it-tmexxija tagħha l-Ministeru Pubbliku fetaħ proċedimenti arbitrarji kontra ġurnalisti indipendenti, prosekuturi, imħallfin, u attivisti tas-soċjetà ċivili inkluż mexxejja indiġeni u studenti. Għalhekk María Consuelo Porras Argueta De Porres hija responsabbli għal azzjonijiet li jdagħjfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u t-trasferiment paċifiku tal-poter fil-Gwatemala. |
2.2.2024 |
|
2. |
Ángel Arnoldo PINEDA ÁVILA |
Pożizzjoni(jiet): Segretarju Ġenerali tal-Ministeru Pubbliku (Ministerio Público) tal-Gwatemala Data tat-twelid: 10.5.1975 Nazzjonalità: Gwatemaljana Numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 238937186 (passaport) Sess: raġel |
Ángel Pineda Ávila huwa s-Segretarju Ġenerali tal-Ministeru Pubbliku (Ministerio Público) tal-Gwatemala, (ekwivalenti għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku). Huwa t-tieni fil-kmand fil-Ministeru Pubbliku wara l-Avukat Ġenerali, u l-Kap tas-Segretarjat Ġenerali ta’ dik l-istituzzjoni. F’dik il-pożizzjoni, Ángel Pineda Ávila huwa involut fi sforzi biex jiġu annullati r-riżultati tal-ewwel u t-tieni ċiklu ta’ elezzjonijiet li saru f’Ġunju u f’Awwissu 2023, inkluż permezz ta’ investigazzjonijiet kriminali foloz immirati lejn it-Tribunal Elettorali Suprem, il-partit politiku Movimiento Semilla u l-President Arévalo. F’Diċembru 2023, huwa pparteċipa f’konferenza stampa fejn il-Ministeru Pubbliku ppreżenta pretensjonijiet li l-eżitu tal-ewwel ċiklu ta’ elezzjonijiet f’Ġunju 2023 ma kienx validu. Fl-2025, Ángel Pineda Ávila kien involut fl-investigazzjoni falza ta’ mexxejja indiġeni li kienu akkużati b’terroriżmu għall-azzjonijiet tagħhom fid-difiża tar-riżultati elettorali tal-2023. Għalhekk Ángel Pineda Ávila qed jipparteċipa f’azzjonijiet li jdagħjfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u t-trasferiment paċifiku tal-poter fil-Gwatemala. |
2.2.2024 |
|
3. |
José Rafael CURRUCHICHE CUCUL |
Pożizzjoni(jiet): Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali Kontra l-Impunità, il-Ministeru Pubbliku (Ministerio Público) tal-Gwatemala Data tat-twelid: 28.7.1970 Nazzjonalità: Gwatemaljana Numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 229488307 (passaport) Sess: raġel |
José Curruchiche Cucul huwa l-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali Kontra l-Impunità (FECI), li jopera taħt il-Ministeru Pubbliku (Ministerio Público) tal-Gwatemala (ekwivalenti għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku). Taħt it-tmexxija tiegħu, il-FECI mexxa l-investigazzjoni li għaddejja dwar il-ħolqien tal-partit politiku Movimiento Semilla tal-President Arévalo. Huwa pparteċipa personalment fir-raid mill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-bini tat-Tribunal Elettorali Suprem li kien jinvolvi l-ftuħ ta’ kaxxi tal-voti ssiġillati. Barra minn hekk, huwa kien involut fit-talba għas-sospensjoni tal-personalità ġuridika ta’ Movimiento Semilla f’Lulju 2023. Minbarra dan, f’Diċembru 2023, huwa pparteċipa f’konferenza stampa fejn il-Ministeru Pubbliku ppreżenta pretensjonijiet li l-eżitu tal-ewwel ċiklu ta’ elezzjonijiet f’Ġunju 2023 ma kienx validu. Huwa kien involut personalment fl-investigazzjoni falza u fil-prosekuzzjoni falza ta’ awtoritajiet eletti demokratikament, eks rappreżentanti tal-media (bħall-ġurnalist José Rubén Zamora), kif ukoll operaturi tal-ġustizzja, speċjalment l-investigazzjoni falza u l-prosekuzzjoni falza ta’ dawk li ġġieldu kontra l-korruzzjoni u l-impunità mal-Kummissjoni Internazzjonali Kontra l-Impunità fil-Gwatemala (CICIG). Permezz ta’ dawk l-azzjonijiet, José Curruchiche Cucul huwa involut fi sforzi biex jiġu annullati r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-2023 fil-Gwatemala. Għalhekk huwa responsabbli għal azzjonijiet li jdagħjfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u t-trasferiment paċifiku tal-poter fil-Gwatemala. |
2.2.2024 |
|
7. |
Ricardo Rafael MÉNDEZ-RUIZ VALDÉS |
Pożizzjoni(jiet): President, Foundation against Terrorism (Fundación contra el Terrorismo), FCT Data tat-twelid: 9.10.1959 Nazzjonalità: Gwatemaljana Numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 268287872 (passaport) Sess: raġel Individwi assoċjati: Raúl Amílcar Falla Ovalle Entitajiet assoċjati: President, Foundation against Terrorism (Fundación contra el Terrorismo), FCT Media soċjali: https://x.com/rmendezruiz |
Ricardo Méndez-Ruiz Valdés huwa l-President tal-Foundation Against Terrorism (Fundación contra el Terrorismo), FCT. L-FCT hija involuta f’kampanja ta’ prosekuzzjonijiet politikament motivati mmexxija mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tal-Gwatemala kontra ġurnalisti, mexxejja indiġeni, prosekuturi u mħallfin li kienu involuti fl-esponiment tal-korruzzjoni u l-impunità fil-Gwatemala kif ukoll kontra l-gvern elett demokratikament tal-Gwatemala, inkluż il-President Bernardo Arévalo. L-FCT bdiet għadd kbir ta’ investigazzjonijiet kriminali kontra operaturi tal-ġustizzja, ġurnalisti u rappreżentanti tal-gvern billi ressqet ilmenti kriminali u billi aġixxiet bħala rikorrent terz fi proċedimenti kriminali li ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali tal-konvenuti. Permezz ta’ dawk l-azzjonijiet, Ricardo Méndez-Ruiz Valdés ħa sehem f’azzjonijiet li jdgħajfu l-istat tad-dritt fil-Gwatemala, inkluż il-persekuzzjoni u l-intimidazzjoni tar-rappreżentanti tal-media, tas-soċjetà ċivili, u tal-avukati, l-imħallfin u l-prosekuturi. |
12.6.2025 |
|
8. |
Raúl FALLA OVALLE |
Pożizzjoni(jiet): Rappreżentant legali, Foundation against Terrorism (Fundación contra el Terrorismo), FCT Data tat-twelid: 9.11.1971 Nazzjonalità: Gwatemaljana Numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 179421166 (passaport) Sess: raġel Individwi assoċjati: Ricardo Méndez-Ruiz Valdés Entitajiet assoċjati: President, Foundation against Terrorism (Fundación contra el Terrorismo), FCT Media soċjali: https://x.com/RaulFalla31 |
Raúl Falla Ovalle huwa r-Rappreżentant legali tal-Foundation Against Terrorism (Fundación contra el Terrorismo), FCT. L-FCT hija involuta f’kampanja ta’ prosekuzzjonijiet politikament motivati mmexxija mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tal-Gwatemala kontra ġurnalisti, mexxejja indiġeni, prosekuturi u mħallfin li kienu involuti fl-esponiment tal-korruzzjoni u l-impunità fil-Gwatemala kif ukoll kontra l-gvern elett demokratikament tal-Gwatemala, inkluż il-President Bernardo Arévalo. L-FCT bdiet għadd kbir ta’ investigazzjonijiet kriminali kontra operaturi tal-ġustizzja, ġurnalisti u rappreżentanti tal-gvern billi ressqet ilmenti kriminali u billi aġixxiet bħala rikorrent terz fi proċedimenti kriminali li ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali tal-konvenuti. Permezz ta’ dawk l-azzjonijiet, Raúl Falla Ovalle jieħu sehem f’azzjonijiet li jdgħajfu l-istat tad-dritt fil-Gwatemala, inkluż il-persekuzzjoni u l-intimidazzjoni tar-rappreżentanti tal-media, tas-soċjetà ċivili, u tal-avukati, l-imħallfin u l-prosekuturi. |
12.6.2025” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/87/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)