|
17.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 453/38 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2248
tas-16 ta’ Diċembru 2021
li jispeċifika d-dettalji tal-interfaċċa elettronika bejn is-sistemi doganali nazzjonali u s-sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni għas-sorveljanza tas-suq, u d-data li għandha tiġi trażmessa permezz ta’ dik l-interfaċċa
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 34(8) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 34(7) tar-Regolament (UE) 2019/1020 jirrikjedi li l-Kummissjoni tiżviluppa interfaċċa elettronika (“l-interfaċċa”) biex tippermetti t-trażmissjoni tad-data bejn is-sistemi doganali nazzjonali u s-sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 34(1) ta’ dak ir-Regolament. Dik is-sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni hija magħrufa bħala s-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (“ICSMS”). L-interfaċċa hija maħsuba biex tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għall-kontroll tal-prodotti li jidħlu fl-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 25 sa 28 tar-Regolament (UE) 2019/1020. L-użu tagħha għandu jibqa’ volontarju skont l-Artikolu 26(4) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Sabiex tiġi ffaċilitata t-tħejjija tas-sistemi elettroniċi u l-iskambju konsistenti ta’ informazzjoni, jeħtieġ li jiġu stabbiliti s-settijiet tad-data standard li għandhom jiġu trażmessi, fil-forma preskritta u bil-mod preskritt, permezz tal-interfaċċa. Jenħtieġ li dawk is-settijiet tad-data jirriflettu r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1020 fir-rigward tal-kontrolli fuq il-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni. Madankollu, dawn jenħtieġ li jkunu flessibbli biżżejjed biex jippermettu lill-Istati Membri jittrattaw il-każijiet rilevanti kollha, bl-użu tad-data jew tal-kampijiet tad-data li huma xierqa għal kull każ. |
|
(3) |
Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet doganali, id-data trażmessa mis-sistemi doganali nazzjonali għall-ICSMS jenħtieġ li, kull meta jkun possibbli, tkun disponibbli faċilment minn dawn is-sistemi. Madankollu, il-verifika tal-konformità ta’ prodott mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tirrikjedi li fis-sistemi doganali nazzjonali jiddaħħlu elementi ta’ data addizzjonali. |
|
(4) |
Meta l-Istati Membri jużaw l-interfaċċa, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal rekwiżiti proċedurali speċifiċi sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-sistemi elettroniċi. |
|
(5) |
Meta l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jinvolvi l-ipproċessar tad-data personali, jenħtieġ li dan jitwettaq f’konformità mad-dritt tal-Unjoni rigward il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 (2) u r-Regolament (UE) 2018/1725 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi xi speċifikazzjonijiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali. Fil-futur, dawn l-ispeċifikazzjonijiet jenħtieġ li jkunu konsistenti ma’ dawk stabbiliti fl-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana, li għalihom il-Kummissjoni ppreżentat proposta fit-28 ta’ Ottubru 2020 (4). Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-protezzjoni tad-data personali jistgħu għalhekk jiġu rieżaminati fid-dawl tal-qafas leġiżlattiv futur li jirregola l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana. |
|
(6) |
Id-data trażmessa permezz tal-interfaċċa jenħtieġ li tkun kunfidenzjali u jenħtieġ li ma tibqax fl-interfaċċa għal iktar żmien milli jkun meħtieġ għat-trażmissjoni tagħha. |
|
(7) |
F’konformità mal-Artikolu 34(7) tar-Regolament (UE) 2019/1020, l-interfaċċa jenħtieġ li tkun fis-seħħ fi żmien erba’ snin mid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-istabbiliment ta’ sistemi elettroniċi huwa kompitu tekniku kumpless li jirrikjedi li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jinvestu kemm il-finanzi kif ukoll il-ħin. Il-proċess ta’ żvilupp tal-interfaċċa mistenni li jieħu erba’ snin. Għalhekk, jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun differita sa meta l-interfaċċa tkun disponibbli. |
|
(8) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fit-22 ta’ Ottubru 2021. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2019/1020, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq” jew “ICSMS” tfisser is-sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni għas-sorveljanza tas-suq prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2019/1020; |
|
(b) |
“interfaċċa” tfisser l-interfaċċa elettronika li għandha tiġi żviluppata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 34(7) tar-Regolament (UE) 2019/1020. |
Artikolu 2
Data li għandha tiġi trażmessa
1. Għall-finijiet ta’ notifika lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tas-sospensjoni tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera ta’ prodott skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2019/1020, id-data li għandha tiġi trażmessa għandha tinkludi:
|
(a) |
id-data rilevanti disponibbli mis-sistemi doganali nazzjonali, inkluż id-data mid-dikjarazzjoni doganali, kif elenkat fit-Taqsima 1 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
data addizzjonali li għandha tiddaħħal fis-sistemi doganali nazzjonali, kif elenkat fit-Taqsima 2 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament. |
2. Meta l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jitolbu lill-awtoritajiet doganali biex iżommu s-sospensjoni tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera tal-prodott, jinfurmaw lill-awtoritajiet doganali bl-approvazzjoni tagħhom għal tali rilaxx jew jirrikjedu li l-awtoritajiet doganali ma jirrilaxxawx il-prodott għal ċirkolazzjoni libera skont l-Artikoli 27 u 28 tar-Regolament (UE) 2019/1020, id-data li għandha tiġi trażmessa għandha tinkludi:
|
(a) |
id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fir-rigward l-approvazzjoni jew ir-rifjut tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera tal-prodott, jew it-talba tagħhom biex tinżamm is-sospensjoni, f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
segwitu għall-komunikazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, kemm mill-awtoritajiet doganali kif ukoll mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, f’konformità mal-Anness III ta’ dan ir-Regolament. |
3. Għall-finijiet ta’ talba mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jiġi sospiż ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera ta’ prodott skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) 2019/1020, u tat-tweġiba mill-awtoritajiet doganali, id-data speċifikata fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi trażmessa.
Artikolu 3
Proċedura
1. Meta Stat Membru juża l-interfaċċa, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkonnettjaw is-sistemi doganali nazzjonali ma’ dik l-interfaċċa, jittestjaw il-konnessjoni u jiżguraw li dawn is-sistemi jibqgħu interoperabbli ma’ dik l-interfaċċa.
2. Meta n-notifiki u t-talbiet imsemmija fl-Artikolu 26(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2019/1020 isiru permezz tal-ICSMS u tal-interfaċċa skont l-Artikolu 26(4) ta’ dak ir-Regolament, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-awtoritajiet doganali għandhom idaħħlu fis-sistemi doganali nazzjonali tagħhom id-data li għandha tiġi trażmessa, meta tali data ma tkunx diġà preżenti, u għandhom jawtorizzaw it-trażmissjoni ta’ din id-data permezz tal-interfaċċa lill-ICSMS; |
|
(b) |
l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom idaħħlu fl-ICSMS id-data li għandha tiġi trażmessa u għandhom jawtorizzaw it-trażmissjoni ta’ din id-data permezz tal-interfaċċa lis-sistemi doganali nazzjonali tal-awtoritajiet doganali rilevanti; |
|
(c) |
ladarba t-trażmissjoni tad-data msemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu tkun ġiet awtorizzata, l-interfaċċa għandha tittrażmetti din id-data lis-sistema l-oħra; |
|
(d) |
it-trażmissjonijiet tad-data sussegwenti kollha relatati man-notifiki u mat-talbiet għandhom isiru permezz tal-interfaċċa. |
3. Meta l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ma jirrispondux għan-notifika fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2019/1020, l-ICSMS għandha tittrażmetti messaġġ awtomatiku lis-sistemi doganali nazzjonali, permezz tal-interfaċċa, li jindika li l-prodott jista’ jiġi rilaxxat għal ċirkolazzjoni libera meta jkunu ġew issodisfati r-rekwiżiti u l-formalitajiet l-oħra kollha relatati ma’ tali rilaxx.
Artikolu 4
Ipproċessar tad- data personali
1. L-ipproċessar tad-data personali jista’ jsir fl-interfaċċa għall-finijiet li ġejjin biss:
|
(a) |
l-iffaċilitar tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-sistemi doganali nazzjonali u l-ICSMS għall-kontroll ta’ prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 25 sa 28 tar-Regolament (UE) 2019/1020; |
|
(b) |
it-twettiq tat-trasformazzjoni tad-data, meta jkun meħtieġ, biex jiġi żgurat l-allinjament tat-terminoloġija doganali u mhux doganali u b’hekk jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-punt (a). |
2. L-interfaċċa tista’ tipproċessa data personali biss għall-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li ġejjin:
|
(a) |
il-persuni fiżiċi li l-informazzjoni personali tagħhom tinsab fid-dikjarazzjoni doganali; |
|
(b) |
il-persuni fiżiċi li l-informazzjoni personali tagħhom tinsab fid-dokumenti ta’ sostenn, jew fi kwalunkwe evidenza dokumentarja addizzjonali oħra meħtieġa għall-verifika tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-prodotti soġġetti għad-dikjarazzjoni doganali; |
|
(c) |
il-persunal awtorizzat tal-awtoritajiet doganali u tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jew kwalunkwe awtorità rilevanti oħra jew korp awtorizzat ieħor li l-informazzjoni personali tagħha/tiegħu tkun tinsab fi kwalunkwe dokument imsemmi fil-punti (a) u (b); |
|
(d) |
il-persunal tal-Kummissjoni u fornituri terzi li jaġixxu f’isem il-Kummissjoni li jwettqu operazzjonijiet u attivitajiet ta’ manutenzjoni relatati mal-interfaċċa. |
3. L-interfaċċa tista’ tipproċessa biss il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:
|
(a) |
l-isem u l-informazzjoni ta’ kuntatt (inkluż l-indirizz, il-kodiċi tal-pajjiż, l-email, it-telefown) jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2; |
|
(b) |
l-isem, l-informazzjoni ta’ kuntatt (inkluż l-indirizz, il-kodiċi tal-pajjiż, l-email, it-telefown) u l-firma tal-persunal awtorizzat imsemmi fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 2. |
4. It-trasformazzjoni tad-data personali msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandha titwettaq bl-użu tal-infrastruttura tat-teknoloġija tal-informazzjoni li tinsab fl-Unjoni.
Artikolu 5
Kontroll konġunt tal-interfaċċa
1. Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-interfaċċa, il-Kummissjoni għandha tkun kontrollur konġunt fis-sens tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, u l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom ikunu kontrolluri konġunti fis-sens tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.
2. Il-Kummissjoni għandha tidħol f’arranġament ta’ kontroll konġunt mal-kontrolluri konġunti l-oħra, biex tistabbilixxi r-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti u tikkonforma mal-obbligi skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.
3. Il-kontrolluri konġunti għandhom jiżguraw li:
|
(a) |
jaħdmu flimkien biex jipproċessaw it-talbiet magħmula mis-suġġett tad-data fil-ħin; |
|
(b) |
jassistu lil xulxin fi kwistjonijiet li jinvolvu l-identifikazzjoni u t-trattament ta’ kwalunkwe ksur ta’ data relatat mal-ipproċessar konġunt; |
|
(c) |
jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti meħtieġa biex jinfurmaw lis-suġġetti tad-data skont it-Taqsima 2 tar-Regolament (UE) 2016/679 u t-Taqsima 2 tar-Regolament (UE) 2018/1725; |
|
(d) |
jiżguraw u jipproteġu s-sigurtà, l-integrità, id-disponibbiltà u l-kunfidenzjalità tad-data personali pproċessata b’mod konġunt skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1725. |
Artikolu 6
Kunfidenzjalità tad- data
Id-data trażmessa permezz tal-interfaċċa skont dan ir-Regolament ma għandhiex tibqa’ fl-interfaċċa għal iktar żmien milli jkun meħtieġ għat-trażmissjoni tagħha u għandha tinżamm kunfidenzjali mill-Kummissjoni matul it-trażmissjoni. Din id-data għandha tintuża biss għall-fini tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1020.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mis-16 ta’ Diċembru 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE ( ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(4) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabilixxi l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013, COM/2020/673 final.
ANNESS I
Data msemmija fl-Artikolu 2(1)
Id-data msemmija fl-Artikolu 2(1) għandha tinkludi l-gruppi u l-elementi stabbiliti fit-Taqsimiet 1 u 2.
1. Data minn sistemi doganali nazzjonali, inkluż data mid-dikjarazzjoni doganali meta din tkun disponibbli
Informazzjoni dwar l-oġġetti
|
(a) |
Il-kodiċi ta’ klassifikazzjoni doganali, inkluż il-kodiċi tas-subintestatura tas-Sistema Armonizzata, il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1), u l-kodiċi TARIC; |
|
(b) |
Deskrizzjoni tal-oġġetti; |
|
(c) |
Massa tal-oġġetti; |
|
(d) |
Kwantità tal-oġġetti; |
|
(e) |
Dokumenti ta’ sostenn rilevanti. |
Informazzjoni dwar l-operaturi ekonomiċi
|
(f) |
Esportatur; |
|
(g) |
Bejjiegħ; |
|
(h) |
Importatur; |
|
(i) |
Xerrej; |
|
(j) |
Dikjarant. |
Oriġini u destinazzjoni tal-oġġetti
|
(k) |
Pajjiż tad-destinazzjoni; |
|
(l) |
Pajjiż tal-oriġini; |
|
(m) |
Pajjiż tad-dispaċċ; |
|
(n) |
Pajjiż tal-esportatur; |
|
(o) |
Modalità tat-trasport fil-fruntiera. |
Informazzjoni amministrattiva
|
(p) |
Numru ta’ referenza ewlieni tad-dikjarazzjoni doganali; |
|
(q) |
Numru tal-oġġett individwali; |
|
(r) |
Data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni; |
|
(s) |
Indikazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet li jkun fihom sett tad-data mnaqqas; |
|
(t) |
Uffiċċju doganali responsabbli, inkluż l-uffiċċju doganali tal-preżentazzjoni u l-uffiċċju doganali tas-sorveljanza meta jkun rilevanti. |
|
(u) |
Data tal-proċess doganali. |
Meta l-elementi tad-data elenkati f’din it-Taqsima jikkonsistu minn kodiċijiet numeriċi jew alfanumeriċi li jintużaw komunement mill-awtoritajiet doganali, l-interfaċċa għandha tiġi stabbilita b’tali mod li tkun tista’ tikseb mis-sistemi doganali u tittrażmetti lill-ICSMS l-informazzjoni testwali rilevanti miġbura minn dawk il-kodiċijiet.
2. Data addizzjonali li għandha tiddaħħal fis-sistemi doganali nazzjonali
|
(a) |
Raġunijiet għas-sospensjoni, f’konformità mal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2019/1020 (obbligatorja fil-każijiet kollha); |
|
(b) |
Informazzjoni dwar il-prodott, pereżempju l-isem, l-isem kummerċjali jew it-trademark irreġistrata, il-mudell, in-numru EAN, in-numru tas-serje (meta jkun disponibbli); |
|
(c) |
Att(i) legali tal-Unjoni relatat(i) man-nuqqas ta’ konformità preżunt (obbligatorja fil-każijiet kollha); |
|
(d) |
Il-kategorija ewlenija tal-prodotti kkonċernati, skont il-punt (c) (viii) tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1121 (2) (obbligatorja fil-każijiet kollha); |
|
(e) |
L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2019/1020 li tikkonċerna l-operatur ekonomiku (obbligatorja jekk ir-rekwiżit ikun applikabbli u jekk id-data tkun disponibbli); |
|
(f) |
Stampi tal-prodott u, meta jkun rilevanti, l-imballaġġ tiegħu, pereżempju li juru l-informazzjoni dwar il-prodott, l-immarkar tal-konformità, it-tikkettar jew elementi suspettużi (meta jkunu disponibbli); |
|
(g) |
Dokumenti rilevanti oħra, pereżempju fatturi, dikjarazzjoni tal-konformità, rapporti tat-testijiet (meta jkunu disponibbli); |
|
(h) |
L-awtorità jew l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li għandhom jiġu nnotifikati, magħżula mil-lista tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iddeżinjati mill-Istati Membri u mdaħħla fl-ICSMS f’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2019/1020 (obbligatorja fil-każijiet kollha). |
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1)
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1121 tat-8 ta’ Lulju 2021 li jispeċifika d-dettalji tad-data statistika li għandha tiġi sottomessa mill-Istati Membri fir-rigward tal-kontrolli tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni fir-rigward tas-sikurezza u l-konformità tal-prodotti (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 37).
ANNESS II
Data msemmija fl-Artikolu 2(2)(a)
Id-data msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
indikazzjoni dwar jekk l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq:
|
|
(b) |
informazzjoni amministrattiva, inkluż in-numru ta’ referenza ewlieni tad-dikjarazzjoni doganali, in-numru tal-oġġett individwali, in-numru tar-reġistrazzjoni tal-ICSMS u d-dettalji ta’ kuntatt funzjonali tal-awtorità tas-sorveljanza tas-suq responsabbli. |
ANNESS III
Data msemmija fl-Artikolu 2(2)(b)
Id-data msemmija fl-Artikolu 2(2)(b) għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
meta s-sospensjoni tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera nżammet sabiex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jwettqu azzjonijiet speċifiċi:
|
|
(b) |
meta tkun inżammet is-sospensjoni tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera sabiex l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ikunu jistgħu jwettqu azzjonijiet speċifiċi:
|
|
(c) |
meta l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq kienu jeħtieġu li l-awtoritajiet doganali ma jirrilaxxawx il-prodott għal ċirkolazzjoni libera:
|
ANNESS IV
Data msemmija fl-Artikolu 2(3)
Id-data msemmija fl-Artikolu 2(3) għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
talbiet mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jissospendu r-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera ta’ prodott, filwaqt li jispeċifikaw l-awtorità rilevanti, in-numru ta’ referenza ewlieni tad-dikjarazzjoni doganali, id-deskrizzjoni tal-prodott u r-raġunijiet għat-talba; |
|
(b) |
tweġibiet mill-awtoritajiet doganali, li jispeċifikaw l-awtorità rilevanti, u jekk il-prodott ġiex identifikat u jekk ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera tiegħu ġiex sospiż. |