|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1775 |
20.7.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1775
tal-10 ta’ Lulju 2026
li tawtorizza lill-Kroazja tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt tal-gass u l-petrol bla ċomb użati bħala karburant tal-karozzi, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fil-ġimgħat ta’ qabel l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, ġew osservati żidiet qawwijin u persistenti fil-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut tal-prodotti tal-enerġija fl-Unjoni, ikkawżati mill-iżviluppi ġeopolitiċi fil-Lvant Nofsani, li affetwaw il-ktajjen tal-provvista taż-żejt u tal-prodotti taż-żejt globalment. Dawk l-iżviluppi kellhom effetti negattivi sinifikanti fuq l-unitajiet domestiċi, b’mod partikolari l-konsumaturi vulnerabbli, u fuq l-impriżi, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u b’hekk ħolqu riskju serju għall-koeżjoni soċjali, l-istabbiltà ekonomika, u l-funzjonament xieraq tas-suq intern. |
|
(2) |
Fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Marzu 2026, il-Kunsill Ewropew irrikonoxxa n-natura straordinarja tas-sitwazzjoni fis-suq tal-enerġija u l-implikazzjonijiet makroekonomiċi tagħha. Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tfassal miżuri nazzjonali temporanji u mmirati biex ittaffi l-impatti sinifikanti tal-fjuwils u l-komponenti tal-kostijiet relatati fuq il-kostijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, u ssottolinja, b’mod partikolari, il-ħtieġa ta’ rispons koordinat, peress li l-kunflitt fil-Lvant Nofsani għandu impatt immedjat fuq il-prezzijiet tal-enerġija għal ċittadini u intrapriżi Ewropej. |
|
(3) |
Id-dazji tas-sisa kif stabbiliti bid-Direttiva 2003/96/KE jikkontribwixxu għall-kost finali tal-prodotti tal-enerġija fornuti fl-Unjoni. Tnaqqis fid-dazji tas-sisa li jkun taħt il-livelli minimi ta’ tassazzjoni stabbiliti f’dik id-Direttiva jista’ jtaffi xi wħud miż-żidiet fil-kostijiet tal-enerġija li bħalissa qed jiffaċċjaw l-Istati Membri. |
|
(4) |
Il-flessibbiltajiet ipprovduti mid-Direttiva 2003/96/KE jippermettu lill-Istati Membri, f’limiti definiti, inaqqsu l-piż tat-taxxa fuq prodotti speċifiċi tal-enerġija b’mod immirat u temporanju. Fid-dawl tan-natura eċċezzjonali u urġenti tas-sitwazzjoni attwali, huwa meħtieġ li jiġu previsti flessibbiltajiet speċifiċi u limitati fiż-żmien immirati b’mod espliċitu biex itaffu l-impatt tax-xokk fil-prezzijiet tal-enerġija. |
|
(5) |
Tnaqqis temporanju fit-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija mmirati jista’ jagħti għajnuna rapida lill-unitajiet domestiċi u lill-impriżi billi jnaqqas direttament il-prezzijiet tal-utent finali. Fis-sitwazzjoni attwali, tali tnaqqis straordinarju jista’ jikkostitwixxi strument xieraq u meħtieġ biex jiġi indirizzat it-tfixkil ekonomiku serju li jirriżulta mix-xokk fil-prezzijiet tal-enerġija. |
|
(6) |
Permezz ta’ ittra datata t-2 ta’ April 2026, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, l-awtoritajiet Kroati talbu awtorizzazzjoni, biex japplikaw rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt tal-gass u l-petrol bla ċomb użati bħala fjuwils tal-magni. Dawk ir-rati mnaqqsa jaqgħu taħt il-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għall-fjuwil tal-magni msemmija fl-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva b’EUR 0,2195 għal kull litru għall-petrol bla ċomb u EUR 0,225 għal kull litru għaż-żejt tal-gass. L-awtorizzazzjoni ntalbet għal perjodu ta’ sitt xhur. |
|
(7) |
Skont l-awtoritajiet Kroati, l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa għandha l-għan li tnaqqas l-impatti soċjali u ekonomiċi tal-prezzijiet bl-imnut għoljin tal-petrol u taż-żejt tal-gass li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ġeopolitika u li taffettwa direttament kemm lill-unitajiet domestiċi kif ukoll lill-kumpaniji. |
|
(8) |
L-awtorizzazzjoni mitluba ġiet eżaminata mill-Kummissjoni u titqies li x’aktarx ma tfixkilx il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Permezz tad-durata qasira tagħha u ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mas-sitwazzjoni ġeopolitika flimkien ma’ prezz tas-suq taż-żejt eċċezzjonalment għoli, id-deroga mitluba hija kkunsidrata adegwata u proporzjonata meta titqies il-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn l-objettivi ta’ politika speċifiċi elenkati fl-Artikolu 19(1), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2003/96/KE, u b’mod partikolari l-politika ambjentali tal-Unjoni u l-imperattiv ta’ emerġenza biex tiġi żgurata l-affordabbiltà tal-enerġija għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi. |
|
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Kroazja tiġi awtorizzata tapplika b’mod temporanju rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa taħt il-livelli minimi tal-Unjoni għaż-żejt tal-gass u għall-petrol bla ċomb użati bħala fjuwils tal-magni. |
|
(10) |
F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, jeħtieġ li kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu jkollha żmien strettament limitat. Madankollu, sabiex ma jiġux imminati żviluppi futuri fil-qafas legali eżistenti, jixraq li jiġi previst li, fil-każ li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-TFUE, jintroduċi livelli minimi ġodda ta’ tassazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96/KE għaż-żejt tal-gass u l-petrol bla ċomb użati bħala fjuwils tal-magni li dik l-awtorizzazzjoni ma tkunx adatta għalihom, jenħtieġ li dik l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika fid-data li fiha dawk il-livelli minimi ġodda ta’ tassazzjoni jsiru applikabbli. |
|
(11) |
Fl-istess ħin, tnaqqis mhux immirat fit-taxxa jimplika kostijiet fiskali sinifikanti u għandu t-tendenza li jżid id-domanda għall-fjuwils fossili, u b’hekk jaggrava l-iżbilanċ tal-provvista u d-domanda. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżura tapplika għal żmien strettament limitat. |
|
(12) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kroazja hija awtorizzata tapplika tnaqqis tar-rati sa EUR 0,225 għal kull litru taħt il-livelli minimi tat-tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96/KE għaż-żejt tal-gass użat bħala fjuwils tal-magni u EUR 0,2195 għal kull litru taħt dawk il-livelli għall-petrol bla ċomb użat bħala fjuwils tal-magni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Awwissu 2026 sal-31 ta’ Jannar 2027.
Madankollu, f’każ li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 TFUE jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-TFUE, jintroduċi livelli minimi ġodda ta’ tassazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96/KE għaż-żejt tal-gass u għall-petrol bla ċomb użati bħala fjuwils tal-magni li l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni ma tkunx adatta għalihom, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fid-data li fih isiru applikabbli dawk il-livelli minimi ta’ tassazzjoni ġodda.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/96/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1775/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)