European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1286

1.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1286

tal-20 ta’ Ġunju 2025

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għal ftehim dwar skema ta’ esperjenzi għaż-żgħażagħ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(2), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) (1) ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021. Flimkien mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) (2), huwa l-pedament għar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-“Renju Unit”).

(2)

Filwaqt li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali li tappoġġa l-mobbiltà tal-persuni skont il-liġi domestika ta’ kwalunkwe Parti u fih regoli dwar id-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet ta’ negozju dak jindirizza każijiet ta’ soġġorn temporanju għal skop speċifiku, bħall-forniment ta’ servizzi, dan ma jindirizzax il-mobbiltà per se, jiġifieri l-possibbiltà li ċittadin ta’ Parti waħda jirrisjedi jew joqgħod fit-territorju tal-Parti l-oħra. Minflok, il-mobbiltà bejn l-Unjoni u r-Renju Unit issa hija rregolata mir-regoli domestiċi rispettivi tal-immigrazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u tar-Renju Unit. Dan irriżulta fi tnaqqis fl-għadd ta’ persuni li jeżerċitaw mobbiltà bejn l-Unjoni u r-Renju Unit. B’mod partikolari ġew affettwati l-opportunitajiet biex iż-żgħażagħ tal-Unjoni u tar-Renju Unit jiksbu esperjenza barra minn pajjiżhom fit-territorju ta’ xulxin u biex jibbenefikaw minn skambji taż-żgħażagħ, dawk kulturali u edukattivi u ta’ riċerka u taħriġ.

(3)

Matul l-2023, ir-Renju Unit avviċina diversi Stati Membri bl-intenzjoni li jiġu nnegozjati arranġamenti bilaterali dwar il-mobbiltà taż-żgħażagħ, li jimxu fuq il-mudell tal-iskema ta’ viża għall-mobbiltà taż-żgħażagħ tar-Renju Unit. Diversi arranġamenti fil-livell nazzjonali jirriżultaw fi trattament differenzjali taċ-ċittadini tal-Unjoni. Barra minn hekk, approċċ bħal dan ma jindirizzax l-ostakli ewlenin għall-mobbiltà esperjenzati miż-żgħażagħ.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim supplimentari, skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, mar-Renju Unit dwar skema ta’ esperjenzi għaż-żgħażagħ (il-“ftehim supplimentari”). Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinħatar bħala negozjatur tal-Unjoni.

(5)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit kumitat speċjalizzat biex jindirizza l-kwistjonijiet koperti mill-ftehim supplimentari.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Irlanda nnotifikat, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 2025, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(7)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(8)

Il-ftehim supplimentari previst ma jaffettwax id-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-volumi ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 79(5) TFUE. Il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 4(2) TUE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għal ftehim dwar skema ta’ esperjenzi għaż-żgħażagħ.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija b’dan maħtura bħala n-negozjatur tal-Unjoni.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitwettqu f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Renju Unit u f’konformità mad-direttivi li jinsabu fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni, soġġetti għal kwalunkwe direttiva li l-Kunsill jista’ joħroġ sussegwentement lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.

(2)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/withd_2020/sign.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1286/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)