|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2352 |
10.10.2024 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2352 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-11 ta’ April 2024
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali għas-sena finanzjarja 2022
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0121/2024), |
|
A. |
billi, skont ir-rapport tad-dħul u tal-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2022 kien jammonta għal EUR 70 032 491,77, li jirrappreżenta żieda ta’ 22,58 % meta mqabbel mal-2018; billi d-dħul reali tal-Aġenzija ammonta għal EUR 1,2 biljun, li hija d-differenza mill-baġit imsemmi hawn fuq, spjegata mill-attivitajiet operattivi li huma ffinanzjati permezz ta’ dħul assenjat li huwa inkluż fil-baġit approvat bħala pro memoria; |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2022 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li l-Qorti kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; billi l-Qorti tippreżenta paragrafu ta’ osservazzjonijiet fir-rigward tal-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fl-operazzjonijiet tal-Aġenzija; |
|
C. |
billi fir-rigward tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-Aġenzija, ma ġiet irrappurtata l-ebda kwistjoni li teħtieġ azzjonijiet korrettivi għall-2022, u lanqas ma hemm azzjonijiet korrettivi għaddejjin jew pendenti mill-awditi u l-valutazzjonijiet tas-snin preċedenti; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2022 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena attwali ta’ 100 %, li tirrappreżenta l-istess rata bħas-sentejn preċedenti; jesprimi dispjaċir madankollu li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 72,86 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 1,92 % meta mqabbla mal-2021; |
|
2. |
Jinnota li l-bord amministrattiv tal-Aġenzija approva tliet emendi baġitarji fl-2022, l-ewwel f’Jannar li żiedet l-approprjazzjonijiet globali b’EUR 1 687 363,77, bit-tieni emenda baġitarja li l-bord amministrattiv tal-Aġenzija approva r-riallokazzjoni tal-ammont globali ta’ EUR 2 659 300, l-aktar mill-baġit operattiv għal-linja tal-ipproċessar tad-data, u t-tielet emenda baġitarja naqqset l-approprjazzjonijiet ta’ pagament b’EUR 4 640 000, u b’hekk l-ammont globali tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kien ta’ EUR 65 392 491,77; |
|
3. |
Jinnota li minbarra l-baġit ewlieni tagħha, l-Aġenzija kompliet tiġġestixxi ammont kbir ta’ baġit delegat (approprjazzjonijiet assenjati), u total ta’ EUR 574,5 miljun ġew impenjati taħt baġit delegat fl-2022 u EUR 1,26 biljun f’pagamenti; |
Prestazzjoni
|
4. |
Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tevalwa l-eżiti relatati mal-objettivi tagħha, li jinkludu, fost l-oħrajn, l-operat ta’ amministrazzjoni effettiva tal-bord għall-akkreditazzjoni tas-sigurtà sabiex tappoġġja t-teħid f’waqtu ta’ deċiżjonijiet, l-analiżi ta’ theddid u riskju ta’ Galileo, il-ġestjoni u r-rappurtar dwar il-baġit tal-Aġenzija, it-trattament effiċjenti tal-arranġamenti legali kollha, l-iżgurar tal-kapaċità operattiva tal-bini tal-Aġenzija, u t-twettiq tal-obbligi statutorji ta’ awditjar u kontroll; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-objettivi ntlaħqu, madankollu jirrakkomanda li jiġu indirizzati l-KPIs li għadhom ma ntlaħqux jew li għalihom qed jitwettaq progress aktar bil-mod milli mistenni; jirrakkomanda li l-Aġenzija tirfina l-KPIs fuq bażi regolari sabiex tottimizza l-prestazzjoni tagħha; |
|
5. |
Jieħu nota li l-Aġenzija żvelat impatti potenzjali mill-gwerra fl-Ukrajna, inkluża l-interruzzjoni fl-użu tal-lanċaturi Soyuz għas-satelliti Galileo minħabba l-irtirar unilaterali tat-tim tal-lanċjatur Russu Soyuz; jinnota li l-Aġenzija ma tipprevedi l-ebda impatt dirett u immedjat fuq il-prestazzjoni finanzjarja tagħha iżda jirrikonoxxi li hija meħtieġa ħidma intensiva biex jiġi minimizzat id-dewmien fl-illanċjar ta’ satelliti ġodda, li mbagħad jista’ jwassal għal dewmien fir-rikonoxximent tal-ispejjeż u l-ikklerjar ta’ assi riċevibbli mħallsa fil-forma ta’ prefinanzjament; jinnota bi tħassib li dan l-ammont ma jistax jiġi stmat b’mod affidabbli f’dan il-punt; |
|
6. |
Jinnota, barra minn hekk, li x-xogħol fuq l-istazzjonijiet fuq l-art ta’ Galileo u tas-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) fl-Ukrajna waqaf minħabba l-kunflitt, iżda dan ma għandu l-ebda impatt dirett fuq il-funzjonalità tas-sistema EGNOS; jenfasizza li l-Aġenzija ħadet il-passi kollha li setgħet tieħu biex tipproteġi t-tagħmir diġà installat kemm jista’ jkun, iżda l-kundizzjoni eżatta tiegħu bħalissa mhijiex magħrufa; jinnota li hemm force majeure mqajma mill-entità ospitanti u li, hekk kif titneħħa, il-kuntratt fis-seħħ huwa mistenni li jiġi attivat mill-ġdid; jitlob lill-Aġenzija tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-istat tat-tagħmir installat hekk kif tippermetti l-gwerra; |
|
7. |
Josserva li l-Aġenzija implimentat miżuri biex timmonitorja r-rabtiet mal-istituzzjonijiet Russi u Belarussi, u l-bidliet fil-kundizzjoni tas-suq mis-sanzjonijiet mhumiex mistennija li jaffettwaw materjalment l-operazzjonijiet tal-Aġenzija; |
|
8. |
Jinnota li fl-2022 inkiseb sett ta’ deċiżjonijiet importanti ta’ akkreditazzjoni għall-EGNOS u fir-rigward tal-punti ewlenin ta’ EGNOS jinkludu l-iffirmar tal-kuntratt ta’ forniment tas-servizz EGNOS li jmiss u kuntratt ġdid ta’ servizz ta’ tiftix u salvataġġ, il-kuntratt ta’ manutenzjoni għal EGNOS v2, u l-illanċjar tat-tagħbija utli EGNOS GEO4, b’mod partikolari, ġiet identifikata u solvuta ħsara tal-modalità komuni fl-EGNOS; jinnota b’apprezzament li l-impatt globali ta’ Galileo huwa enfasizzat b’aktar minn 3,5 biljun apparat imqabbad madwar id-dinja; josserva li daħlu fis-seħħ żewġ satelliti ġodda Galileo; jinnota b’apprezzament li s-Servizzi Galileo, inklużi l-monitoraġġ tas-sigurtà u s-servizz pubbliku regolat urew prestazzjonijiet eċċellenti minkejja l-isfidi tal-COVID-19; |
|
9. |
Jieħu nota li kisbiet oħra tal-Aġenzija fl-2022 jinkludu l-organizzazzjoni tal-Ġimgħa Spazjali tal-UE 2022 fi Praga, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u bl-appoġġ tal-Presidenza Ċeka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-ħolqien tan-network tal-Aġenzija ta’ 1 000 negozju ġdid u 28 investitur u l-ewwel jum ta’ intraprenditorija Spazjali CASSINI, id-dħul fis-servizz ta’ żewġ satelliti ġodda Galileo, u l-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport tas-suq li jkopri kemm l-Osservazzjoni tad-Dinja kif ukoll il-GNSS; |
|
10. |
Jisħaq li l-Aġenzija għandha ssir l-aġenzija ta’ implimentazzjoni ewlenija tal-komponenti kollha tal-programm spazjali tal-Unjoni, filwaqt li tiggarantixxi l-forniment ta’ servizzi siguri u l-akkreditazzjoni tal-komponenti kollha tal-programm spazjali Galileo, EGNOS, l-Osservazzjoni tad-Dinja, il-Ġestjoni tat-Traffiku fl-Ispazju u t-Telekomunikazzjoni u l-Konnettività governattivi, filwaqt li toffri servizzi robusti li jevolvu kontinwament f’konformità mal-ħtiġijiet tal-utenti attwali u futuri, anke lill-utenti governattivi bi ħtiġijiet ta’ reżiljenza, difiża u sigurtà; |
|
11. |
Jistieden lill-Aġenzija tagħmel użu mill-valur miżjud tagħha għall-implimentazzjoni tal-Liġi Spazjali futura tal-Unjoni, bħala pedament biex jiġu żgurati s-sigurtà, is-sikurezza u s-sostenibbiltà tal-Unjoni fl-ispazju, filwaqt li tindirizza s-Sigurtà ekonomika tal-Unjoni fl-attivitajiet spazjali u l-aċċellerazzjoni tat-tkabbir tal-Ispazju Ġdid; |
Effiċjenza u titjib
|
12. |
Jinnota li l-Aġenzija ddedikat sforz sinifikanti biex tkompli tissimplifika u tawtomatizza l-proċessi ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani biex tikseb titjib fl-effiċjenza; josserva li f’dan il-kuntest, l-Aġenzija kompliet fuq il-varar ta’ diversi moduli ta’ Sysper (eż. TIM, FLEX, TELEWORK), u l-interkonnessjoni tagħhom mal-applikazzjonijiet ta’ appoġġ interni eżistenti (eż. għodda għar-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol ibbażata fuq l-Intranet); jinnota li d-dipartiment tar-riżorsi umani introduċa sistema ta’ ħruġ ta’ biljetti elettroniċi biex jissimplifika l-ipproċessar ta’ diversi talbiet mill-persunal tiegħu; jistieden lill-Aġenzija ssib aktar proċeduri interni li jistgħu jiġu ssimplifikati permezz ta’ għodod ġodda tal-IT; |
|
13. |
Jinnota li, skont il-Ftehim Qafas ta’ Sħubija Finanzjarja, l-Aġenzija hija obbligata tikkollabora mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) biex tiddefinixxi b’mod konġunt l-arranġamenti biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni Ewropea, u tikkoopera dwar attivitajiet li jikkontribwixxu għal dawn il-miri; jinnota wkoll li, skont l-Artikolu 30 tal-Ftehim Qafas ta’ Sħubija Finanzjarja, l-Aġenzija hija obbligata timplimenta l-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) sa tmiem l-2023; |
|
14. |
Jinnota li, fir-rigward tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE), fl-2022 sar xi progress fl-identifikazzjoni ta’ każijiet ta’ proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti b’aspetti “ekoloġiċi” u l-kunsiderazzjoni tal-applikazzjoni tal-kriterji ekoloġiċi; jinnota wkoll li fl-2023 l-Aġenzija gradwalment żviluppat approċċ aktar robust sabiex fil-fatt timplimenta l-APE fuq bażi permanenti, tħarreġ lill-persunal tagħha u gradwalment tintroduċi kriterji ekoloġiċi fl-akkwist pubbliku tagħha f’konformità mal-politika ambjentali tagħha u ċ-ċertifikazzjoni EMAS li għaddejja bħalissa; |
|
15. |
Ifaħħar lill-Aġenzija għall-impenn għall-proċess tat-tnaqqis tal-impatti ambjentali tagħha, l-ottimizzazzjoni tal-konsum tar-riżorsi u t-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju tagħha u għall-ewwel pass f’din id-direzzjoni, l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tal-politika ambjentali tagħha fis-16 ta’ Diċembru 2022; |
|
16. |
Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f’termini ta’ operazzjoni u ġestjoni interni iżda wkoll sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tkun proattiva f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata, u jinsisti fuq il-ħtieġa li tiżdied l-azzjoni kontra l-attakki ċibernetiċi jew it-tentattivi ta’ infiltrazzjoni li joriġinaw b’mod partikolari mir-Russja jew miċ-Ċina; |
|
17. |
Jistieden lill-Aġenzija tkompli tidentifika u tistimula l-użu sinerġetiku tal-komponenti tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u tal-IRIS2, fost l-oħrajn għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Spazjali tal-Unjoni għas-Sigurtà u d-Difiża sabiex jiġi żgurat li l-kompiti kollha jkunu jistgħu jingħaqdu fit-tul fi programm spazjali unifikat wieħed li jippermetti sinerġija aħjar bejn id-diversi komponenti; |
|
18. |
Jistieden lill-Aġenzija tkompli l-ħidma tagħha fi sħubija mal-Kummissjoni għaċ-Ċentri ta’ GOVSATCOM u jistenna bil-ħerqa s-sinerġiji li se jitwettqu mas-sistema IRIS2; jenfasizza r-rwol tal-EUSPA fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-operazzjonijiet tal-IRIS2 li jiżguraw l-aċċess għal servizzi ta’ konnettività siguri ħafna, sovrani u globali bbażati fuq teknoloġiji ta’ kriptaġġ avvanzati; |
|
19. |
Jenfasizza r-rwol tal-Aġenzija fl-evoluzzjoni ta’ Copernicus b’mod partikolari fir-rigward tal-użu governattiv tal-Osservazzjoni tad-Dinja minħabba s-sitwazzjoni ġeopolitika u jfakkar fil-ħtieġa li jsir użu mill-għarfien espert tal-Aġenzija fl-akkreditazzjoni, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-kuntratti tas-sigurtà f’dan ir-rigward sabiex tissaħħaħ il-kapaċità operattiva tal-Unjoni li taġixxi fil-fażijiet kollha tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, kemm fid-diżastri naturali kif ukoll f’dawk ikkawżati mill-bniedem; |
Politika dwar il-persunal
|
20. |
Ifaħħar lill-Aġenzija għall-fatt li, fil-31 ta’ Diċembru 2022, it-tabella tal-persunal ġiet implimentata b’rata ta’ 100 %, u kienu nħatru 231 membru tal-persunal temporanju minn total ta’ 231 membru tal-persunal temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 191 pożizzjoni awtorizzata fl-2021); jinnota li, barra minn hekk, fl-2022 46 membru tal-persunal bil-kuntratt u 9 esperti nazzjonali sekondati ħadmu għall-Aġenzija, biex b’hekk l-għadd totali tal-persunal kien ta’ 286; |
|
21. |
Jinnota n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment superjuri u intermedju tal-Aġenzija, fejn 3 minn 3 huma rġiel; jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-membri tal-bord amministrattiv tal-Aġenzija, fejn 22 minn 28 huma rġiel; jinnota wkoll il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal ġenerali tal-Aġenzija, fejn 153 minn 232 huma rġiel; jinnota mir-rapport tal-Aġenzija fir-rigward tal-miżuri ta’ segwitu meħuda fid-dawl tal-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport ta’ segwitu tal-Aġenzija”) li l-Aġenzija adottat Strateġija għad-Diversità u l-Inklużjoni fl-2023, akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni li jinkludi miżuri konkreti dwar kif jikkontribwixxu għad-diversità u l-inklużjoni, inkluża l-perspettiva tal-ġeneru; jinnota li l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment superjuri u intermedju u fil-bord amministrattiv tal-Aġenzija jeħtieġ li jitjieb; ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri u jistieden lill-Aġenzija tqis dan l-aspett fir-rigward ta’ reklutaġġi ta’ persunal u ħatriet futuri fi ħdan il-maniġment superjuri u intermedju tagħha; jinsisti li l-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-bord amministrattiv tal-Aġenzija; |
|
22. |
Jinnota li l-Aġenzija għandha politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali, u li l-Aġenzija hija parti minn task force interaġenzjali ta’ konsulenti kunfidenzjali; jistenna bil-ħerqa li jirċievi r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom; jinnota li ma kien hemm l-ebda każ irrappurtat ta’ fastidju fl-2022 u jħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli u tiżviluppa l-ħidma biex tipprevjeni każijiet fil-futur ukoll; |
|
23. |
Ifakkar fl-osservazzjoni tal-Qorti mill-2021 dwar in-nuqqasijiet proċedurali f’żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ awditjati, li l-Aġenzija implimentat bidliet ulterjuri fil-proċessi tal-għażla tagħha, u l-mudelli u l-istruzzjonijiet ipprovduti lill-membri tal-bord tal-għażla ġew modifikati, u qed tiġi pprovduta aktar gwida lill-membri tal-bord tal-għażla meta jiġu stabbiliti l-kriterji għal avviż ta’ pożizzjoni vakanti; jinnota wkoll li l-Qorti sabet dan it-titjib sodisfaċenti, għalhekk l-osservazzjoni hija magħluqa; |
|
24. |
Ifakkar li l-Aġenzija qed tkompli timplimenta t-tnaqqis gradwali u progressiv fl-għadd totali ta’ pożizzjonijiet ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt biex tkun konformi mar-riżorsi ġenerali pprovduti lill-Aġenzija; jinnota li fl-istess ħin, l-Aġenzija qed tkompli tiffoka aktar il-pożizzjonijiet ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt tagħha li fadal fuq il-funzjonijiet operattivi tas-sigurtà u taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo (GSMC); jenfasizza li, f’dan ir-rigward, l-Aġenzija tkompli tinnota li hemm riskji assoċjati mat-tnaqqis tal-pożizzjonijiet ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt u li dan tabilħaqq jirrikjedi esternalizzazzjoni addizzjonali li twassal għal żieda fl-ispejjeż finanzjarji u tirriżulta fl-iżvilupp ta’ kompetenza u għarfien espert barra mis-settur pubbliku; |
|
25. |
Ifakkar mir-rapport tal-Qorti fl-osservazzjoni tal-2021 rigward ir-restrizzjonijiet imposti mill-Aġenzija fuq membru anzjan tal-persunal li ħa impjieg ġdid f’post ieħor, iżda mingħajr ma pprovdiet ġustifikazzjoni għal dawn ir-restrizzjonijiet; jinnota wkoll li din l-osservazzjoni hija magħluqa, l-Aġenzija rrevediet il-proċeduri tagħha biex tindirizza n-nuqqas identifikat u fl-2022 ma ġie osservat l-ebda każ simili; |
|
26. |
Jilqa’ l-fatt li, fl-2022, l-Aġenzija implimentat bis-sħiħ il-modulu ta’ ġestjoni tal-ħin inkluż it-teleworking u l-flexitime u ffirmat ftehim addizzjonali dwar il-livell ta’ servizz għall-modulu ta’ rappurtar u analitika tar-riżorsi umani, li għandu jiġi varat fl-2023; jinnota li l-Aġenzija adottat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħin tax-xogħol u x-xogħol ibridu C(2022)1778 u qed timmonitorja mill-qrib ir-riżultati ta’ din id-deċiżjoni, li mistennija ttejjeb il-benesseri tal-persunal fuq il-post tax-xogħol u tiffaċilita l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; |
Akkwist
|
27. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li f’Settembru 2021, l-Aġenzija nediet proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt ma’ entità pubblika nazzjonali għall-forniment ta’ diversi servizzi fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ. jenfasizza li l-offerent kien diġà ilu jipprovdi servizzi simili lill-Aġenzija mill-2016 u l-Aġenzija kellha l-ħsieb li tikkonkludi kuntratt qafas ġdid b’data ta’ skadenza stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2032 u baġit massimu ta’ EUR 120 miljun; jinnota li l-kuntratt qafas finali ġie ffirmat fl-1 ta’ Diċembru 2022, u jinkludi l-involviment ta’ diversi sottokuntratturi; josserva li l-Qorti nnotat li kien hemm xi diskrepanzi bejn ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti u l-valutazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni; jinnota li, pereżempju, ir-rekwiżit li jiġi ddikjarat in-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess għall-kuntratturi fil-fażi ta’ evalwazzjoni ġie rrinunzjat jew ma ġiex analizzat kif xieraq, eżempju ieħor huwa li l-offerta riċevuta, minflok ma użat l-2021 bħala s-sena ta’ referenza għall-iffissar tal-prezzijiet, skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, użat l-2022 bħala s-sena ta’ referenza; jieħu nota tal-kunsiderazzjonijiet tal-Aġenzija li d-diskrepanzi kienu ġġustifikati mill-istatus tal-kuntrattur ewlieni li huwa entità pubblika nazzjonali u mill-kontrolli mwettqa minn din l-entità u li, fir-rigward tas-sena ta’ referenza użata għall-iffissar tal-prezz fl-offerta, l-Aġenzija aċċettat id-devjazzjoni minħabba t-tul tal-proċedura li wasslet għall-konklużjoni tal-kuntratt fi tmiem l-2022; |
|
28. |
Jenfasizza li l-objettiv tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku huwa li jippermettu lill-entitajiet tal-akkwist jiksbu l-oġġetti u s-servizzi li jeħtieġu bl-aħjar prezz, filwaqt li jiżguraw kompetizzjoni ġusta bejn l-offerenti u konformità mal-prinċipji tat-trasparenza, tal-proporzjonalità, tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni. jistieden lill-Awtorità tkompli ttejjeb il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tagħha, filwaqt li tiżgura konformità sħiħa mar-regoli applikabbli, sabiex tiżgura li jiksbu l-aħjar valur possibbli għall-flus; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza
|
29. |
Jinnota li l-Aġenzija wettqet valutazzjoni wiesgħa tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tagħha kontra l-frodi fl-2020 u, konsegwentement, fl-2022, l-Aġenzija ħarġet l-istrateġija kontra l-frodi l-ġdida tagħha, li ġiet adottata mill-bord amministrattiv tal-Aġenzija; josserva li l-Aġenzija issa qed tibda timplimentaha b’miżuri kbar u wesgħin li jaffettwaw b’mod partikolari l-persunal tagħha; jinnota b’sodisfazzjon li d-dikjarazzjonijiet ta’ interess u s-CVs tal-membri tal-bord amministrattiv u tal-maniġment superjuri huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; |
|
30. |
Jinnota li l-Aġenzija kellha każ wieħed ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta matul l-2022 li kkawża diversi investigazzjonijiet, li wħud minnhom għadhom għaddejjin fl-2023; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi f’dak ir-rigward; jinnota mir-rapport ta’ segwitu tal-Aġenzija tal-2021 li, fir-rigward tal-każ ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta mill-2021, l-Aġenzija kkooperat kif meħtieġ mal-OLAF billi pprovdiet l-informazzjoni kollha disponibbli kif meħtieġ; jinnota li fl-2022 ma ġie rrappurtat, investigat jew konkluż l-ebda każ ta’ kunflitt ta’ interess; |
|
31. |
Jieħu nota tal-fatt li jinżamm reġistru intern għal-laqgħat tal-maniġment superjuri mal-industrija iżda dan mhuwiex ippubblikat fuq is-sit web tal-Aġenzija; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u jistieden lill-Aġenzija tippubblikah mingħajr dewmien; |
|
32. |
Jinsisti fuq il-ħtieġa li titkompla l-ħidma fuq it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitti ta’ interess, il-lobbjar illegali u r-revolving doors; |
|
33. |
Ifakkar ukoll fl-importanza li l-Aġenzija tiżviluppa viżibbiltà akbar fil-media, l-Internet u l-media soċjali sabiex tagħmel xogħolha magħruf maċ-ċittadini; |
Kummenti oħra
|
34. |
Ifaħħar lill-Aġenzija talli kompliet tkun attiva fuq l-akbar pjattaformi tal-media soċjali, talli fetħet kontijiet fil-kanali tal-media soċjali tal-Unjoni Mastodon u Peertube li huma konxji mill-privatezza, talli ppubblikat 107 stejjer tal-aħbarijiet fuq is-sit web tagħha u 13-il stqarrija għall-istampa (il-maġġoranza fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE), bl-għan li tilħaq l-Istati Membri kollha; jinnota wkoll li l-Aġenzija organizzat avvenimenti bħall-Ġimgħa Spazjali tal-UE (bi 3 000 viżitatur fuq il-post/online), l-EUSPA Open Days, il-CASSINI Hackathons, sessjonijiet ta’ informazzjoni ta’ Orizzont Ewropa, u bosta webinars dwar opportunitajiet ta’ akkwist pubbliku; |
|
35. |
Jirreferi, rigward kummenti oħra ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ April 2024 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 453, 29.11.2022, p. 56.
(2) Testi adottati, P9_TA(2024)0280.
ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2352/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)