SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
8 ta’ Settembru 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttivi 77/187/KEE u 2001/23/KE – Trasferiment ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Artikolu 1(1) u Artikolu 3(1) – Obbligu li ssir talba għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE – Responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lill-istess Stat Membru – Ksur imputabbli lil qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern – Teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja eżistenti fid-data tal-għoti tad-deċiżjoni ta’ din il-qorti nazzjonali li allegatament ikkawżat tali danni”
Fil-Kawża C‑293/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ April 2024, fil-proċedura
João Filipe Ferreira da Silva e Brito et
vs
Estado português,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, F. Biltgen, K. Jürimäe, L. Arastey Sahún, J. Passer u F. Schalin, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, E. Regan, D. Gratsias, M. Gavalec (Relatur), Z. Csehi, S. Gervasoni, N. Fenger u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Ġunju 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal M. Ferreira da Silva e Brito et, minn J. L. da Cruz Vilaça, I. Domingues Alves, M. Martins Pereira u T. Santos Silva, advogados, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, J. Castello-Branco, C. Freire, S. Leite u A. Pimenta, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso, S. Delaude u P. Van Nuffel, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Ottubru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE tal‑14 ta’ Frar 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ negozji (ĠU 1977, L 61, p. 26), tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98), kif ukoll tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn João Filipe Ferreira da Silva e Brito u ex impjegati oħra tal-kumpannija tal-ajru Air Atlantis S. A. (Iktar ’il quddiem “AIA”) u l-Estado português (l-Istat Portugiż) sabiex jiksbu kumpens għad-dannu li allegatament ikkawżalhom il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall) fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
It-Trattat FUE
|
3 |
Skont l-Artikolu 267 TFUE: “Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar:
Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwarha. Meta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti jew dak it-tribunal, għandhom jirriferu l-kwistjoni lill-Qorti. [...] ” |
Id-Direttiva 77/187
|
4 |
Il-premessa 2 tad-Direttiva 77/187 kienet tipprovdi li “dispożizzjonijiet huma meħtieġa għall-protezzjoni tal-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu miżmuma”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
5 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva hija applikabbli għat-trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew parti minn negozji lil persuna li timpjega oħra bħala riżultat ta’ ċessjoni konvenzjonali jew inkorporazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu: “Id-drittijiet u l-obbliġi taċ-ċedent li jirriżultaw minn kuntratt ta’ impjieg jew minn relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment skont l-Artikolu 1(1) għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju.” |
|
7 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva: “It-trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn negozju ma jagħtix minnu nnifsu lok għal tkeċċija miċ-ċedent jew miċ-ċessjonarju. Din id-dispożizzjoni ma tipprekludix tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jimplikaw bidliet mill-perspettiva ta’ impjieg. ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-Direttiva 2001/23
|
8 |
Id-Direttiva 2001/23 wettqet, b’effett mill‑11 ta’ April 2001, il-kodifikazzjoni tad-Direttiva 77/187, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE tad‑29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU 1998, L 201, p. 88). |
|
9 |
Il-premessi 3 u 8 tad-Direttiva 2001/23 jipprovdu li:
[...]
|
|
10 |
L-Artikolu 1(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
|
|
11 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment. ” |
|
12 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprovdi: “It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu. ” |
Id-dritt Portugiż
|
13 |
L-Artikolu 23(3) tar-Regime jurídico da cessação do contrato individual de trabalho (is-Sistema Ġuridika tax-Xoljiment tal-Kuntratt Individwali ta’ Xogħol), approvata mid-Decreto-Lei n. 64-A/89 (id-Digriet-Liġi Nru 64-A/89), tas‑27 ta’ Frar 1989 (Diário da República, I Serje, Nru 48, 2o Suplemento, tas‑27 ta’ Frar 1989, iktar ’il quddiem il-“LCCT”), jipprevedi: “Ir-riċeviment mill-ħaddiem tal-kumpens imsemmi f’dan l-artikolu jikkostitwixxi aċċettazzjoni tat-tkeċċija. ” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
14 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma ex impjegati tal-kumpannija tal-ajru AIA. Huma kienu s-suġġett ta’ tkeċċija kollettiva, b’effett mit‑30 ta’ April 1993, minħabba x-xoljiment ta’ din il-kumpannija. |
|
15 |
Mill‑1 ta’ Mejju 1993, Transportes Aéreos Portugueses S. A. (iktar ’il quddiem “TAP”) operat parti mit-titjiriet charter li AIA, li tagħha hija kienet l-azzjonista prinċipali, kienet impenjat ruħha li twettaq għall-istaġun tas-sajf 1993 tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA), jiġifieri għall-perijodu mill‑1 ta’ Mejju sal‑31 ta’ Ottubru 1993. Sabiex twettaq dawn it-titjiriet, TAP, li, sa dak iż-żmien, ma kinitx attiva fis-suq tat-titjiriet charter, użat, essenzjalment, erbgħa mit-tmien ajruplani li kienet topera AIA, kif ukoll tagħmir tal-uffiċċju u parti mill-platti abbord din tal-aħħar. TAP irrikorriet ukoll, okkażjonalment, għall-ajruplani tagħha kif ukoll għall-ekwipaġġi tagħha stess. |
|
16 |
Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, id-deċiżjoni ta’ TAP li tiżgura dawn it-titjiriet kienet intiża, tal-inqas parzjalment, sabiex tevita l-ħlas tal-kumpens kbir previst fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi bejn AIA u l-operaturi ta’ vjaġġi. Bl-istess mod, sa fejn hija kellha tħallas ir-renta għall-erba’ ajruplani mikrija minn AIA, TAP ikkonkludiet ftehim mal-kumpaniji kkonċernati li jipprovdu l-kirjiet sabiex jużaw dawn l-ajruplani. |
|
17 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jallegaw li aċċettaw il-kumpens ta’ tkeċċija minħabba n-natura inevitabbli, fil-fehma tagħhom, tad-disoluzzjoni ta’ AIA, fid-dawl tal-liberalizzazzjoni tat-traffiku tal-ajru internazzjonali u tal-kriżi ġenerali kkawżata mill-ewwel gwerra tal-Golf. Fil-mument tat-tkeċċija tagħhom, huma madankollu ma kinux jafu li, wara x-xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, TAP kienet tirkupra parti mill-materjal ta’ AIA u kienet ser tkompli l-attività ta’ titjiriet charter tagħha. |
|
18 |
F’din il-perspettiva, wara x-xoljiment ta’ AIA, TAP reġgħet integrat fi ħdan id-dipartiment kummerċjali tagħha żewġ impjegati li hija kienet sa dak iż-żmien ikkollokat mad-dipartiment kummerċjali ta’ AIA u fdat lilhom funzjonijiet fil-qasam tat-titjiriet charter għall-istaġun tas-sajf 1993 tal-IATA. |
|
19 |
Barra minn hekk, matul l-istaġun tas-sajf 1994 tal-IATA, TAP kienet wettqet titjiriet charter li hija qatt ma kienet wettqet qabel u li kienu jikkorrispondu għat-toroq tradizzjonalment operati minn AIA. |
|
20 |
Matul is-snin 1993 u 1994, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lit-Tribunal do Trabalho de Lisboa (il-Qorti Industrijali ta’ Liżbona, il-Portugall) sabiex, b’mod partikolari, jikkontestaw it-tkeċċija kollettiva tagħhom u jitolbu l-integrazzjoni tagħhom fi ħdan TAP. Huma sostnew li l-intenzjoni reali ta’ din tal-aħħar kienet li tieħu f’idejha bi prezz iktar baxx l-attivitajiet ta’ AIA fis-suq tat-titjiriet charter, li kien jikkaratterizza trasferiment ta’ negozju. |
|
21 |
Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Frar 2007, din il-qorti kkundannat lil TAP sabiex tintegra mill-ġdid lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tħallashom danni. |
|
22 |
Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2008, it-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Liżbona, il-Portugall) irriformat din is-sentenza, billi qieset li x-xoljiment ta’ AIA kien jirriżulta b’mod partikolari mir-riżultati ħżiena tagħha u li l-proċedura ta’ stralċ kienet wasslet għad-dispersjoni tal-assi tal-impriża, b’tali mod li ma kienx għad hemm impriża li setgħet tiġi ttrasferita. |
|
23 |
Dik il-qorti qieset ukoll li t-trażmissjoni lil TAP ta’ wħud mill-assi ta’ AIA ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala trasferiment ta’ parti min-negozju. Fil-fehma tagħha, TAP akkwistat biss elementi iżolati li jirriżultaw mill-iżmantellament ta’ AIA u nieqsa mill-organizzazzjoni proprja ta’ unità ekonomika li tista’ topera waħedha fis-suq. Barra minn hekk, ebda wieħed minn dawn l-elementi ma huwa determinanti jew essenzjali sabiex tiġi sostnuta l-attività ta’ titjiriet charter eżerċitata minn TAP. Ulterjorment, matul l-istaġun tas-sajf 1993 tal-IATA, TAP użat l-ajruplani tagħha stess sabiex topera ċerti titjiriet li AIA kienet impenjat ruħha li twettaq. L-ajruplani l-antiki ta’ AIA kienu wkoll użati sabiex iwettqu titjiriet regolari fis-servizz ta’ TAP sar-restituzzjoni tagħhom lill-kumpanija li tipprovdi l-kirja. |
|
24 |
Barra minn hekk, minkejja li, prima facie, TAP setgħet tidher li kompliet l-attività eżerċitata minn AIA, it-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Liżbona) ċaħdet din l-interpretazzjoni. L-ewwel nett, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi minn AIA espona lil TAP għal kumpens kbir. It-tieni nett, TAP kienet f’pożizzjoni li tiżgura, hija stess, l-osservanza tal-kuntratti konklużi minn AIA. It-tielet nett, peress li TAP użat l-impriża tagħha stess sabiex tintervjeni fis-suq tat-titjiriet charter, ma jistax jiġi stabbilit trasferiment ta’ negozju. Ir-raba’ nett, billi użat titjiriet charter matul is-sena 1994, TAP fittxet li tikseb sehem mis-suq meħlus tad-disoluzzjoni ta’ AIA, li ma jistax jikkaratterizza trasferiment ta’ klijentela minn AIA lejn TAP, iktar u iktar peress li tali klijentela hija volatili ħafna fis-suq tat-titjiriet charter. Il-ħames nett, l-impriża li AIA kellha kienet marbuta ma’ liċenzja ta’ operat ta’ titjiriet mhux trasferibbli, li rrendiet impossibbli t-trasferiment tal-impriża. |
|
25 |
Permezz tas-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) ċaħdet l-appell għal reviżjoni ppreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mis-sentenza tat-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Liżbona) tas‑16 ta’ Jannar 2008, billi qieset, minn naħa, li ma kien seħħ ebda trasferiment ta’ negozju, fis-sens tad-Direttiva 77/187, u, min-naħa l-oħra, li ma kienx neċessarju li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
26 |
Fl-ewwel lok, dik il-qorti qablet mar-raġunament tat-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Liżbona), ħlief f’dak li jirrigwarda l-importanza mogħtija lill-fatt li AIA kellha impriża marbut ma’ liċenzja mhux trasferibbli. Fil-fatt, sa fejn TAP kienet, hija stess, detentriċi ta’ liċenzja li tawtorizzaha topera titjiriet skedati u mhux skedati, il-fatt li l-liċenzja li kellha AIA sabiex topera titjiriet charter ma kinitx trasferibbli ma kienx jipprekludi lil TAP milli teżerċita din l-attività. |
|
27 |
Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, wara l-istralċ tal-assi ta’ AIA, ma kien għad hemm, fi ħdan TAP, “ebda entità ekonomika direttament iddedikata, b’mod awtonomu, għat-tkomplija tal-attività ta’ titjiriet charter preċedentement operati minn AIA”. |
|
28 |
Barra minn hekk, bħala l-kreditriċi prinċipali ta’ AIA, kien fl-interess ta’ TAP li teżegwixxi l-kuntratti konklużi minn AIA sabiex ma jkollhiex għalfejn tħallas il-kumpens kbir li kien previst fihom f’każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjiriet. Bl-istess mod, il-ftehim konkluż mal-kummissjoni ta’ stralċ ta’ AIA u ma’ sidien il-kera għat-trasferiment ta’ erba’ ajruplani mikrija minn din tal-aħħar kien intiż sabiex itaffi t-telf ikkawżat mix-xoljiment ta’ din tal-aħħar, peress li TAP kienet sid il-kera sekondarja ta’ wieħed minn dawn l-ajruplani u l-garanti tal-kirja għat-tlieta l-oħra. Barra minn hekk, l-imsemmija ajruplani ntużaw mingħajr distinzjoni għal titjiriet skedati u mhux skedati, qabel ma ġew irritornati lil sidien il-kirjiet fl-iskadenza tal-kuntratti, bejn is-snin 1998 u 2000. Għaldaqstant, dawn iċ-ċirkustanzi ma juru l-ebda intenzjoni li titkompla l-attività “charter” ta’ AIA u ma humiex biżżejjed sabiex jiġi affermat li din l-attività ġiet żviluppata b’mod awtonomu fi ħdan TAP. |
|
29 |
Il-qorti tar-rinviju kkonfermat, fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009, li, fir-rigward tat-titjiriet imwettqa matul is-sena 1994, TAP kienet sempliċement fittxet li tikseb sehem mis-suq imħolli liberu mill-istralċ ta’ AIA, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma kienx jippermetti li jiġi konkluż li kien hemm trasferiment ta’ entità ekonomika bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. |
|
30 |
Barra minn hekk, l-għoti lil TAP tal-platti abbord u tal-materjal tal-uffiċċju ta’ AIA ma huwiex rilevanti, mhux biss għaliex dan ittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-istralċ, iżda wkoll għaliex ma ntweriex li dawn il-platti u dan il-materjal ġew assenjati għall-attività “charter”. Għalhekk ma huwiex possibbli li jiġi affermat li dawn jifformaw parti minn grupp organizzat ta’ beni u ta’ persuni speċifikament iddedikati għall-attività ta’ titjiriet mhux skedati. |
|
31 |
Fl-aħħar nett, wara x-xoljiment ta’ AIA, TAP reġgħet integrat biss żewġ impjegati li hija kienet sa dak iż-żmien ikkollokat mad-dipartiment kummerċjali ta’ AIA u assenjathom funzjonijiet ekwivalenti fi ħdanha. |
|
32 |
Fit-tieni lok, fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) qieset li, fid-dawl tal-kontenut tad-Direttivi 77/187 u 2001/23, tal-interpretazzjoni tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja u tal-karatteristiċi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ma kienx neċessarju li din tal-aħħar tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari. Skont dik il-qorti, l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, ma huwiex “assolut” u ma jistax jiġi impost għas-sempliċi raġuni li l-partijiet fil-kawża prinċipali jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita, u fin-nuqqas ta’ dan il-proċedura għal deċiżjoni preliminari “tinbidel f’rimedju mqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom”. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, “hija stess, irrikonoxxiet espressament li ‘l-applikazzjoni tajba tad-dritt Komunitarju tista’ tkun tant ovvja li ma tqajjem ebda dubju raġonevoli dwar is-soluzzjoni li għandha tingħata għad-domanda mqajma’”. |
|
33 |
Il-qorti tar-rinviju żiedet li, f’dan il-każ, “fid-dawl tal-kontenut tar-regoli tad-Direttivi [77/187 u 2001/23], tal-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli mill-Qorti tal-Ġustizzja, u tal-karatteristiċi tal-kawża inkwistjoni eżaminati fil-kuntest ta’ din is-sentenza, l-eżerċizzju ta’ interpretazzjoni ma jqajjem ebda dubju rilevanti ta’ natura li jirrendi rinviju għal deċiżjoni preliminari neċessarju, peress li l-assenza ta’ identiċità stretta bejn id-domandi mqajma f’din il-proċedura u s-sitwazzjonijiet li ġew sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda effett”. Hija ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li “l-Qorti tal-Ġustizzja pproduċiet ġurisprudenza abbundanti u stabbilita sew dwar il-problema tal-interpretazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar it-“trasferiment ta’ negozju” u li “d-[Direttiva 2001/23] diġà tirrifletti l-konsolidazzjoni, skont din il-ġurisprudenza, tal-kunċetti esposti fiha u li issa jippreżentaw ruħhom b’ċarezza ta’ interpretazzjoni ġurisprudenzjali (Komunitarja u anki nazzjonali) b’tali mod li tippermetti, f’dan il-każ, li ma ssirx konsultazzjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja”. |
|
34 |
Peress li qiesu, essenzjalment, li s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009 kienet ibbażata fuq interpretazzjoni manifestament żbaljata tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tad-Direttiva 2001/23, u li l-qorti tar-rinviju kienet kisret l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-Varas Cíveis de Lisboa (l-Awli Ċivili ta’ Liżbona, il-Portugall) b’rikors intiż sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Portugiż sabiex jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati lilhom minn din is-sentenza. |
|
35 |
Dik il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
36 |
Fis-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, iktar ’il quddiem is-sentenza Ferreira da Silva e Brito I, EU:C:2015:565), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’risposta għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, iddeċidiet b’mod partikolari, minn naħa, li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali kienu jippermettu li jiġi kkaratterizzat “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23. Min-naħa l-oħra, hija qieset li s-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) kienet obbligata, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju”, f’ċirkustanzi kkaratterizzati kemm minn deċiżjonijiet diverġenti ta’ istanzi ġudizzjarji inferjuri fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett kif ukoll minn diffikultajiet ta’ interpretazzjoni rikorrenti tiegħu fid-diversi Stati Membri, b’tali mod li numru kbir ta’ qrati nazzjonali kienu ġew obbligati jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
37 |
Fis-sentenza tagħhom mogħtija wara l-għoti tas-sentenza Ferreira da Silva e Brito I, il-Varas Cíveis de Lisboa (Awli Ċivili ta’ Liżbona) ċaħdu r-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba li dawn tal-aħħar ma kinux stabbilixxew l-eżistenza ta’ ksur manifest tad-dritt tal-Unjoni min-naħa tas-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema). Wara li ġew miċħuda wkoll mit-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Liżbona), permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, dawn ippreżentaw appell straordinarju għal reviżjoni quddiem is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
38 |
Peress li t-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Liżbona), fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Marzu 2023, ikkritikat is-sentenza Ferreira da Silva e Brito I għar-raġuni, b’mod partikolari, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja evalwat il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju” fid-dawl ta’ deċiżjonijiet sussegwenti għall‑25 ta’ Frar 2009, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk din l-evalwazzjoni setgħetx tkun ibbażata biss fuq il-ġurisprudenza preċedenti għall‑25 ta’ Frar 2009. Dik il-qorti titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa konkretament jekk, f’dan il-każ, l-għoti tas-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009 jistax jiġi kklassifikat bħala ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jikkostitwixxu “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tad-Direttivi 77/187 u 2001/23, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 23(3) tal-LCCT, li kien jipprevedi li r-riċezzjoni mill-ħaddiem tal-kumpens imsemmi f’dan l-artikolu kien jikkostitwixxi aċċettazzjoni tat-tkeċċija, kienx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ f’dak iż-żmien u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 77/187. |
|
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Suprema Portugiża ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
|
40 |
Fid-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi kemm għad-Direttiva 77/187, kif ukoll għad-Direttiva 2001/23, li kkodifikat id-Direttiva 77/187, kif emendata bid-Direttiva 98/50. Sa fejn it-tkeċċija kollettiva li għaliha kienu suġġetti r-rikorrenti fil-kawża prinċipali pproduċiet l-effetti tagħha fit‑30 ta’ April 1993, hija l-ewwel waħda minn dawn id-direttivi li għandha tiġi applikata. Madankollu, il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn id-direttivi hija simili ħafna, b’tali mod li r-risposti għal dawn id-domandi ma jistgħux ivarjaw skont jekk jikkonċernawx waħda jew l-oħra mill-imsemmija direttivi. |
Fuq l-ewwel u t-tielet domandi
|
41 |
Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru tistax tiġi stabbilita minħabba ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187 jew tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 imwettaq minn waħda mill-qrati tiegħu li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati, bħall-interpretazzjoni adottata mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009, minħabba l-għadd ta’ żbalji ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti u l-ksur, minn dik il-qorti, tal-obbligu tagħha ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. |
|
42 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu huwa inerenti għas-sistema tat-trattati li fuqhom din tal-aħħar hija bbażata (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 35). Dan il-prinċipju japplika għal kull każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, tkun xi tkun l-awtorità pubblika awtriċi ta’ dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punti 31 u 32, kif ukoll tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Ministre de la Transition écologique u Premier ministre (Responsabbiltà tal-Istat għat-Tniġġis tal-Arja), C‑61/21, EU:C:2022:1015, punt 43). |
|
43 |
Għaldaqstant, l-imsemmi prinċipju huwa applikabbli wkoll meta l-ksur inkwistjoni jirriżulta minn deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-ġudikatura għandha rwol essenzjali fil-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u li qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tikkostitwixxi, mid-definizzjoni tagħha stess, l-aħħar istanza li quddiemha dawn jistgħu jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom minn dawn ir-regoli. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-effettività sħiħa tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni tiġi kkontestata u l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet tiddgħajjef jekk jiġi eskluż li l-individwi jkunu jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiksbu kumpens għad-danni kkawżati lilhom minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 32 sa 36 u 59; tat‑13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo, C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 31, u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 20). |
|
44 |
Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li r-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura għandha l-għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola huwa suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu mġarrab minn dawn l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51; tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Ministre de la Transition écologique u Premier ministre (Responsabbiltà tal-Istat għat-Tniġġis tal-Arja), C‑61/21, EU:C:2022:1015, punt 44, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Hamoudi vs Frontex, C‑136/24 P, EU:C:2025:977, punt 68). |
|
45 |
Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma neċessarji u suffiċjenti sabiex Stat Membru jinżamm responsabbli għal ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 66, u tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 57). |
|
46 |
Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li d-dritt nazzjonali jimponi kundizzjonijiet addizzjonali jew iktar stretti minn dawk imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, dan bl-ebda mod ma jeskludi li l-Istat jista’ jinżamm responsabbli għal ksur ta’ dan id-dritt f’kundizzjonijiet inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 66; tat‑13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C‑524/04, EU:C:2007:161, punt 115, kif ukoll tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punti 65 u 66). |
|
47 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-danni kkawżati mid-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati u li tikser regola tad-dritt tal-Unjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din ir-responsabbiltà hija rregolata mit-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 52, u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 23). |
|
48 |
F’dan il-każ, l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni hija ssodisfatta, peress li huwa manifest li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-ħaddiema. |
|
49 |
Fil-fatt, dawn id-direttivi jsegwu għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema. Konformement mat-tieni premessa tad-Direttiva 77/187 u mal-premessa 3 tad-Direttiva 2001/23 u skont it-titolu stess ta’ dawn id-direttivi, l-għan tagħhom huwa li jipproteġu lill-ħaddiema fil-każ ta’ bidla fit-tmexxija tal-impriża, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata ż-żamma tad-drittijiet tagħhom, fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ripetutament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting, C‑29/91, EU:C:1992:220, punt 11; u tat‑12 ta’ Novembru 1992, Watson Rask u Christensen, C‑209/91, EU:C:1992:436, punt 26; u tal‑14 ta’ April 1994, Schmidt, C‑392/92, EU:C:1994:134, punt 15, kif ukoll tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Güney-Görres u Demir, C‑232/04 u C‑233/04, EU:C:2005:778, punt 40). |
|
50 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ dawn id-direttivi għandhom, għalhekk, bħala għan, fl-interess tal-ħaddiema, li jiżguraw iż-żamma tad-drittijiet ta’ dawn tal-aħħar fil-każ ta’ bidla tal-persuna li timpjega billi jippermettulhom jibqgħu fis-servizz taċ-ċessjonarju taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma maċ-ċedent. Dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jiżguraw, sa fejn huwa possibbli, il-kontinwazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol maċ-ċessjonarju, mingħajr tibdil, b’mod partikolari billi jobbligawh iżomm il-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma minn ftehim kollettiv u billi jipproteġi lill-ħaddiema kontra tkeċċijiet immotivati mis-sempliċi fatt tat-trasferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1985, Wendelboe et, 19/83, EU:C:1985:54, punt 15; tal‑11 ta’ Lulju 1985, Foreningen af Arbejdsledere i Danmark, 105/84, EU:C:1985:331, punt 15; tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et, C‑362/89, EU:C:1991:326, punt 9, kif ukoll tas‑27 ta’ Novembru 2008, Juuri, C‑396/07, EU:C:2008:656, punt 28). |
|
51 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tal-funzjoni ġudizzjarja kif ukoll ir-rekwiżiti leġittimi ta’ ċertezza legali. Għalhekk, ir-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni minn deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati tista’ tiġi stabbilita biss fil-każ eċċezzjonali fejn il-qorti tkun kisret b’mod manifest id-dritt applikabbli (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 53). |
|
52 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, il-qorti nazzjonali adita b’talba għal kumpens għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni mressqa quddiemha, b’mod partikolari, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura, il-portata tal-marġni ta’ evalwazzjoni li r-regola miksura tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali jew tal-Unjoni, in-natura intenzjonali jew involontarja tan-nuqqas imwettaq jew tad-dannu kkawżat, in-natura skużabbli jew mhux skużabbli ta’ eventwali żball ta’ liġi, il-fatt li l-attitudnijiet meħuda minn istituzzjoni tal-Unjoni setgħu jikkontribwixxu għall-ommissjoni, għall-adozzjoni jew għaż-żamma ta’ miżuri jew ta’ prattiki nazzjonali kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, mill-qorti inkwistjoni, tal-obbligu tagħha ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 54 u 55, kif ukoll tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C‑168/15, EU:C:2016:602, punti 25 u 26). |
|
53 |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-kriterji kollha msemmija fil-punt preċedenti ma għandhomx neċessarjament jiġu ssodisfatti sabiex Stat Membru jkun jista’ jinżamm responsabbli. |
|
54 |
Barra minn hekk, peress li, fil-kuntest tal-kontenzjuż tar-responsabbiltà tal-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-“ksur suffiċjentement serju” ta’ dan id-dritt għandu jiġi evalwat fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni illegali kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punti 39 u 55), il-ġurisprudenza rilevanti għal dan l-għan hija dik li teżisti fil-mument li fih il-qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati tkun adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
55 |
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, minn qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati, tal-obbligu tagħha ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, dan jikkostitwixxi element li l-importanza tiegħu tvarja skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ. |
|
56 |
Fil-fatt, minkejja li l-ksur ta’ dan l-obbligu jista’ jkun ta’ natura li jikkontribwixxi għall-konstatazzjoni li ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn tali qorti huwa ta’ natura manifesta, dan ma jistax, waħdu, ikun biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi u, għaldaqstant, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ Stat Membru. |
|
57 |
L-imsemmi obbligu jaqa’ fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, permezz ta’ djalogu bejn qorti u oħra, sabiex jiġu ggarantiti, minn naħa, il-koerenza, l-effett sħiħ u n-natura proprja tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-awtonomija tas-sistema ġuridika tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħha u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tajba u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Din il-kooperazzjoni tippermetti, b’mod partikolari, li jiġi evitat li tiġi stabbilita, fi Stat Membru, ġurisprudenza nazzjonali li ma taqbilx mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 1965, Schwarze, 16/65, EU:C:1965:117, p. 1094 ; tal‑24 ta’ Mejju 1977, Hoffmann-La Roche, 107/76, EU:C:1977:89, punt 5 ; tal‑15 ta’ Ottubru 2024, KUBERA, C‑144/23, EU:C:2024:881, punti 33 u 35, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2026, Remling, C‑767/23, EU:C:2026:243, punti 19 u 21, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dan jimplika għalhekk responsabbiltà komuni tal-qrati nazzjonali, b’mod partikolari dawk li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu kkontestati, u tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi u koerenti tad-dritt tal-Unjoni. |
|
58 |
Għandu jitfakkar ukoll li s-sistema ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, ma tikkostitwixxix rimedju ġudizzjarju miftuħ għall-partijiet f’kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali. Għalhekk, ma huwiex biżżejjed li parti ssostni li t-tilwima tqajjem domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex il-qorti kkonċernata tkun marbuta li tqis li tali domanda tqajmet fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punti 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Minn dan isegwi li, sabiex jiġi kkonstatat ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni li jagħti lok għar-responsabbiltà ta’ Stat Membru, il-ksur tal-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandu jkun akkumpanjat mill-ksur ta’ regola oħra tad-dritt tal-Unjoni li tagħti drittijiet lill-individwi. |
|
60 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza Ferreira da Silva e Brito I, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009 kisret kemm l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 kif ukoll l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottata mill-qorti tar-rinviju f’din l-aħħar sentenza tistax tiġi kklassifikata bħala ksur suffiċjentement serju ta’ dan id-dritt. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, ksur tad-dritt tal-Unjoni jkun suffiċjentement serju meta d-deċiżjoni kkonċernata tkun ittieħdet bi ksur manifest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam (sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 56, kif ukoll tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 26). |
|
62 |
Madankollu, l-implimentazzjoni tal-kriterji li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istati Membri għal danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju, titwettaq mill-qrati nazzjonali, konformement mal-linji gwida pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq din l-implimentazzjoni (sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Konle, C‑302/97, EU:C:1999:271, punt 59; tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 100; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 21, u tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Euromin Holdings (Cyprus), C‑735/19, EU:C:2020:1014, punt 70). |
|
63 |
Sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li hija tqis neċessarji (ara is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 1985, Celestri & C., 172/84, EU:C:1985:137, punt 12; tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 30, u tad‑19 ta’ Marzu 2026, Oblastní nemocnice Kolín, C‑513/24, EU:C:2026:214, punt 26). |
|
64 |
F’dan ir-rigward, tliet elementi li kkaratterizzaw l-adozzjoni mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) tas-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009 huma determinanti sabiex jiġi kkonstatat jekk din is-sentenza tikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. |
Fuq l-iżbalji ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li s-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) kellha tieħu inkunsiderazzjoni meta adottat is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009
|
65 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Ferreira da Silva e Brito I, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘trasferiment ta’ negozju’ jkopri sitwazzjoni li fiha impriża attiva fis-suq tat-titjiriet ċarter tiġi stralċata mill-azzjonist maġġoritarju tagħha, li huwa, huwa nnifsu, impriża tat-trasport bl-ajru, u li fiha, sussegwentement, din tal-aħħar tieħu post l-impriża stralċata billi tassumi l-kuntratti tal-kiri ta’ ajruplani u l-kuntratti tat-titjiriet ċarter li għad iridu jsiru, teżerċita attivitajiet li qabel kienu eżerċitati mill-impriża stralċata, tintegra mill-ġdid ċerti ħaddiema li sa dak iż-żmien kienu impjegati ma’ din l-impriża billi tagħtihom funzjonijiet identiċi għal dawk eżerċitati qabel, u tieħu tagħmir żgħir tal-imsemmija impriża”. |
|
66 |
Huwa minnu li, sabiex tasal għal din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet, fil-punti 24, 25 u 27 tas-sentenza Ferreira da Silva e Brito, għal żewġ sentenzi sussegwenti għas-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009, jiġifieri għas-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2010, UGT-FSP (C‑151/09, EU:C:2010:452), u tas‑6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124). Bl-istess mod, fil-punti 33 u 34 tas-sentenza Ferreira da Silva e Brito I, hija semmiet is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85). Issa, fid-dawl tal-konkomitanza tagħha mas-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009, ma huwiex ċert li s-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) setgħet tieħu konjizzjoni tagħha qabel ma tagħti din l-aħħar sentenza. |
|
67 |
Jeħtieġ ukoll li tiġi esposta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja preċedenti għas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85), sabiex jiġi ddeterminat jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 adottata fis-sentenza Ferreira da Silva e Brito I setgħetx diġà tiġi faċilment dedotta minnha. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, jidher li, fil-mument meta ngħatat is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà, fil-ġurisprudenza tagħha, żviluppat metodoloġija ta’ evalwazzjoni komuni għall-ipoteżijiet differenti ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju. Fil-fatt, sa mis-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1986, Spijkers (24/85, EU:C:1986:127), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat iċ-ċirkustanzi fattwali li għandhom jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni sabiex tkun tista’ tiġi aċċettata l-klassifikazzjoni bħala “trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju”, li, sussegwentement, kienu s-suġġett ta’ sistematizzazzjoni, b’mod partikolari, fis-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting (C‑29/91, EU:C:1992:220), u tal‑11 ta’ Marzu 1997, Süzen (C‑13/95, EU:C:1997:141). |
|
69 |
Għalhekk, mill-ġurisprudenza diġà jirriżulta li, minn naħa, sabiex tiġi kkonstatata ż-żamma tal-identità tal-entità ekonomika kkonċernata wara l-bidla tal-persuna responsabbli għall-operat tal-impriża jew tal-istabbiliment, din l-entità għandha tiġi organizzata b’mod stabbli, peress li l-attività tagħha ma tistax tillimita ruħha għall-eżekuzzjoni ta’ xogħol partikolari. Il-kunċett ta’ entità jirreferi għalhekk għal grupp organizzat ta’ persuni u ta’ elementi li jippermettu l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li ssegwi għan proprju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 1995, Rygaard, C‑48/94, EU:C:1995:290, punt 20, u tal‑11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 13). |
|
70 |
Min-naħa l-oħra, il-kriterju deċiżiv sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 77/187 kif ukoll tad-Direttiva 2001/23 huwa jekk l-entità inkwistjoni żżommx l-identità tagħha, li jirriżulta b’mod partikolari mit-tkomplija effettiva tal-operat jew mit-teħid lura tiegħu (sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, punt 11; tad‑19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting, C‑29/91, EU:C:1992:220, punt 23, u tal‑11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 10). |
|
71 |
Min-naħa l-oħra, peress li mill-kliem stess tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/187 u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/23 jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi jkopri l-każijiet kollha ta’ bdil, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operat tal-impriża jew tan-negozju li, minħabba f’hekk, tassumi l-obbligi tal-persuna li timpjega fil-konfront tal-impjegati tal-impriża, ma huwiex rilevanti jekk il-proprjetà tal-assi korporali hijiex ittrasferita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1987, Ny Mølle Kro, 287/86, EU:C:1987:573, punt 12; tat‑12 ta’ Novembru 1992, Watson Rask u Christensen, C‑209/91, EU:C:1992:436, punt 15; tal‑20 ta’ Novembru 2003, Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 41, kif ukoll tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Güney-Görres u Demir, C‑232/04 u C‑233/04, EU:C:2005:778, punt 37). |
|
72 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi kkonstatata ż-żamma tal-identità tal-entità kkonċernata humiex issodisfatti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, li fosthom hemm b’mod partikolari t-tip ta’ impriża jew ta’ negozju inkwistjoni, it-trasferiment jew le ta’ assi tanġibbli, bħall-bini u l-beni mobbli, il-valur tal-elementi intanġibbli fil-mument tat-trasferiment, it-teħid jew le tal-parti l-kbira tal-persunal mill-kap il-ġdid tal-impriża, it-trasferiment jew le tal-klijentela kif ukoll il-livell ta’ xebh tal-attivitajiet eżerċitati qabel u wara t-trasferiment u t-tul ta’ eventwali sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Madankollu, dawn l-elementi jikkostitwixxu biss aspetti parzjali tal-evalwazzjoni globali li għandha ssir u ma jistgħux, minħabba f’hekk, jiġu evalwati b’mod iżolat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, punt 13; tad‑19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting, C‑29/91, EU:C:1992:220, punt 24, kif ukoll tal‑11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 14). |
|
73 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza li l-għarfien tagħha mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) seta’ raġonevolment ikun mistenni fil-mument meta din il-qorti adottat is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009 jirriżulta li din l-evalwazzjoni għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni t-tip ta’ impriża jew ta’ stabbiliment inkwistjoni. Fil-fatt, l-importanza rispettiva li għandha tingħata lill-kriterji differenti ta’ identifikazzjoni ta’ “trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju”, fis-sens tad-Direttivi 77/187 u 2001/23, tvarja neċessarjament skont l-attività eżerċitata, jew il-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operat użati fl-impriża, fin-negozju jew fil-parti tan-negozju inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 18; tal‑10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo et, C‑173/96 u C‑247/96, EU:C:1998:595, punt 31; tat‑2 ta’ Diċembru 1999, Allen et, C‑234/98, EU:C:1999:594, punt 28, kif ukoll tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Güney-Görres u Demir, C‑232/04 u C‑233/04, EU:C:2005:778, punt 35). |
|
74 |
B’hekk, fis-setturi fejn l-attività hija essenzjalment ibbażata fuq il-ħaddiema u fejn kollettività ta’ ħaddiema li tiġbor fit-tul attività komuni tista’ tikkorrispondi għal entità ekonomika, l-enfasi għandha tkun fuq it-teħid tal-persunal. Fil-fatt, tali entità tista’ żżomm l-identità tagħha lil hinn mit-trasferiment tagħha meta l-kap il-ġdid tal-impriża ma jillimitax ruħu li jkompli l-attività inkwistjoni, iżda jieħu wkoll parti essenzjali, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenzi, mill-persunal li l-predeċessur tiegħu kien jassenja speċifikament għal dan il-kompitu. F’dan il-każ, il-kap il-ġdid tal-impriża jikseb il-grupp organizzat ta’ elementi li jippermettulu jkompli l-attivitajiet jew ċerti attivitajiet tal-impriża ċedenti b’mod stabbli (sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 21; tal‑10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo et, C‑173/96 u C‑247/96, EU:C:1998:595, punt 32, kif ukoll tat‑2 ta’ Diċembru 1999, Allen et, C‑234/98, EU:C:1999:594, punt 29). |
|
75 |
Min-naħa l-oħra, f’settur fejn l-elementi tanġibbli jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-eżerċizzju tal-attività, bħat-trasport pubbliku regolari bix-xarabank, l-assenza ta’ trasferiment għal livell sinjifikattiv tad-detentur preċedenti tal-kuntratt ta’ tali elementi, li huma indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tal-entità, għandha twassal sabiex jiġi kkunsidrat li din tal-aħħar ma żżommx l-identità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001, Liikenne, C‑172/99, EU:C:2001:59, punt 42). |
|
76 |
Diversi snin qabel l-għoti tas-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’dan is-sens li, meta l-attività ma tkunx ibbażata essenzjalment fuq il-ħaddiema sa fejn din teżiġi tagħmir importanti, it-teħid tal-assi tanġibbli indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività jista’ jirriżulta deċiżiv sabiex jiġi kkaratterizzat it-trasferiment ta’ entità ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2003, Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 36), u dan anki jekk dan it-teħid lura ma jkunx akkumpanjat mit-trasferiment tal-proprjetà ta’ dawn l-assi korporali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1999, Allen et, C‑234/98, EU:C:1999:594, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
77 |
A contrario, f’tali settur ta’ attività, l-assenza ta’ teħid, mill-imprenditur il-ġdid, ta’ parti essenzjali, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenzi, tal-persunal li l-predeċessur tiegħu kien jassenja għall-eżekuzzjoni tal-istess attività, ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ entità li żżomm l-identità tagħha, fis-sens tad-Direttivi 77/187 u 2001/23. Raġunament kuntrarju jmur kontra l-għan prinċipali ta’ dawn id-direttivi, li huwa li jinżammu, anki kontra r-rieda taċ-ċessjonarju, il-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati taċ-ċedent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2003, Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 37). |
|
78 |
Għalhekk, mill-punti 68 sa 77 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, ferm qabel l-għoti tas-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet żviluppat metodoloġija ta’ evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju” li kienet timplika li ssir distinzjoni skont jekk, fis-settur ikkonċernat, l-attività kinitx essenzjalment ibbażata fuq il-ħaddiema jew, għall-kuntrarju, fuq tagħmir importanti. |
|
79 |
Issa, din is-sentenza ma tinkludix riferiment espliċitu għal din il-metodoloġija, u lanqas elementi li jippermettu li jitqies li s-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) implementatha impliċitament fl-imsemmija sentenza. Peress li s-settur tat-trasport bl-ajru ċivili, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ manifestament taħt is-setturi li ma humiex ibbażati prinċipalment fuq il-ħaddiema sa fejn dawn jeżiġu tagħmir importanti, dan jikkostitwixxi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra b’mod partikolari fil-punti 75 sa 77 ta’ din is-sentenza. |
|
80 |
Barra minn hekk, l-imsemmija metodoloġija ma ġietx emendata mis-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2009, Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85), tad‑29 ta’ Lulju 2010, UGT-FSP (C‑151/09, EU:C:2010:452), u tas‑6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124), li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet fis-sentenza Ferreira da Silva e Brito I. |
|
81 |
L-ewwel nett, fil-punt 24 tas-sentenza Ferreira da Silva e Brito I, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li hija kienet diġà “qieset li d-Direttiva 77/187, ikkodifikata bid-Direttiva 2001/23, kienet applikabbli fl-ipoteżijiet kollha ta’ bdil, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operazzjoni tal-impriża, li tikkuntratta l-obbligi ta’ persuna li timpjega vis-à-vis l-impjegati tal-impriża (ara s-sentenzi [tas‑7 ta’ Marzu 1996,] Merckx u Neuhuys, C‑171/94 u C‑172/94, EU:C:1996:87, punt 28; [tal‑10 ta’ Diċembru 1998,] Hernández Vidal et, C‑127/96, C‑229/96 u C‑74/97, EU:C:1998:594, punt 23, kif ukoll [tas‑6 ta’ Marzu 2014,] Amatori et, C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata)”. Issa, il-punt 29 tas-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124), jirriproduċi, ittra b’ittra, il-punt 28 tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 1996, Merckx u Neuhuys (C‑171/94 u C‑172/94, EU:C:1996:87). |
|
82 |
B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha, fil-punt 24 tas-sentenza Ferreira da Silva e Brito I, li tikkonferma formulazzjoni pjuttost antika, li toriġina mis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1987, Ny Mølle Kro (287/86, EU:C:1987:573, punt 12), u li hija, diversi drabi, tenniet sussegwentement, b’mod partikolari fis-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1988, Bork International et (101/87, EU:C:1988:308, punt 13), u tad‑19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting (C‑29/91, EU:C:1992:220, punt 11). |
|
83 |
Barra minn hekk, il-punt 25 tas-sentenza Ferreira da Silva e Brito I jirreferi, b’mod partikolari, għall-punt 30 tas-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124), sabiex jindika li l-kriterju deċiżiv sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23 jikkonsisti fiċ-ċirkustanza li l-entità inkwistjoni żżomm l-identità tagħha, li jirriżulta b’mod partikolari mit-tkomplija effettiva tal-operat jew mit-teħid lura tiegħu. Issa, dan il-punt 30 huwa ispirat, fil-parti l-kbira tiegħu, mill-punti 11 u 12 tas-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1986, Spijkers (24/85, EU:C:1986:127), li huma ċċitati wkoll f’dan il-punt 25 tas-sentenza Ferreira da Silva e Brito I. |
|
84 |
Fl-aħħar nett, il-punt 28 tas-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2010, UGT-FSP (C‑151/09, EU:C:2010:452), li għalih jirreferi l-punt 27 tas-sentenza Ferreira da Silva e Brito I, itenni, min-naħa tiegħu, ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, kif ġie enfasizzat fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, l-importanza rispettiva li għandha tingħata lid-diversi kriterji tal-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttivi 77/187 u 2001/23 tvarja neċessarjament skont l-attività eżerċitata. |
|
85 |
It-tieni nett, fil-punti 33 u 34 tas-sentenza Ferreira da Silva e Brito I, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament indikat li mill-punti 46 sa 48 tas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85), mogħtija ftit jiem biss qabel is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009, jirriżulta li “ż-żamma mhux tal-organizzazzjoni speċifika imposta mill-imprenditur għad-diversi fatturi ta’ produzzjoni ttrasferiti, iżda tar-rabta funzjonali ta’ interdipendenza u ta’ komplimentarjetà bejn dawn il-fatturi li tikkostitwixxi l-element rilevanti sabiex jiġi konkluż li tkun inżammet l-identità tal-entità ttrasferita” u li, konsegwentement, “iż-żamma ta’ tali rabta funzjonali bejn id-diversi fatturi ttrasferiti tippermetti liċ-ċessjonarju juża lil dawn tal-aħħar, anki jekk dawn huma integrati, wara t-trasferiment, fi struttura organizzattiva ġdida differenti, sabiex ikompli attività ekonomika identika jew analoga”. |
|
86 |
Madankollu, fil-punt 44 tas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rreferiet għal sentenzi iktar antiki, indikat li, għalkemm hija kienet preċedentement iddeċidiet li l-fattur relatat mal-organizzazzjoni tax-xogħol jikkontribwixxi sabiex tiġi ddefinita l-identità ta’ entità ekonomika, hija kienet iddeċidiet ukoll li bidla fl-istruttura organizzattiva tal-entità ttrasferita ma hijiex ta’ natura li tostakola l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23. |
|
87 |
Issa, huwa bi ksur tal-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju”, kif kienet tirriżulta minn din il-ġurisprudenza preċedenti għas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85), li l-qorti tar-rinviju qieset, fis-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009, li kien neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-attività “charter” ta’ AIA kinitx ġiet żviluppata b’mod awtonomu fi ħdan TAP sabiex jiġi evalwat jekk it-trasferiment tal-entità ttrasferita lil din l-aħħar kumpannija tal-ajru kellux jiġi analizzat bħala li huwa “trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju” fis-sens tad-Direttiva 77/187. |
|
88 |
Fil-fatt, billi ssuġġettat l-konstatazzjoni ta’ tali trasferiment għall-kundizzjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kienet ikkonstatat fil-ġurisprudenza tagħha, li l-entità ttrasferita żżomm l-awtonomija organizzattiva tagħha fi ħdan l-entità li tassorbi, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) stabbilixxiet rekwiżit li ma huwiex ibbażat fuq dawn id-direttivi u li jitbiegħed mill-metodoloġija adottata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata magħhom u li seta’ raġonevolment jiġi mistenni li l-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni meta adottat is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009. |
|
89 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju kkunsidrat, fis-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009, li “[l]-aġir ta’ TAP [kien] ekonomikament koerenti”, sa fejn kien jikkonsisti f’“li jiġi propost ix-xoljiment [ta’] AIA minħabba li l-operat ekonomiku tagħha ma kienx vijabbli u, fil-kuntest tal-istralċ, [li] [jerġgħu] jiġu mibdija titjiriet li AIA kienet preċedentement intrabtet li [twettaq] sabiex tevita kumpens kbir”. |
|
90 |
Billi pproċediet b’dan il-mod sabiex tiġġustifika l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju”, il-qorti tar-rinviju adottat approċċ suġġettiv ta’ tali tranżazzjoni billi poġġietha sistematikament fil-kuntest tal-istralċ ta’ AIA u tal-għan ta’ TAP li tnaqqas it-telf ikkawżat minn dan l-istralċ. Issa, jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha seta’ raġonevolment ikun mistenni mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) meta adottat is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009, li dan il-kunċett huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi. Kif ġie enfasizzat fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, il-kriterju deċiżiv sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn negozju, fis-sens tad-Direttivi 77/187 u 2001/23, huwa jekk l-entità inkwistjoni żżommx l-identità tagħha, li jirriżulta b’mod partikolari mit-tkomplija effettiva tal-operat jew mit-teħid lura tagħha. |
|
91 |
Minn dan isegwi li l-qorti tar-rinviju kellha tinjora kemm il-kuntest tal-istralċ ta’ AIA kif ukoll l-għan ta’ TAP li tnaqqas it-telf ikkawżat minn dan l-istralċ u tieħu inkunsiderazzjoni d-diversi indizji oġġettivi li kienu juru t-tkomplija effettiva minn TAP tal-attività ta’ titjiriet charter li sa dak iż-żmien kienet eżerċitata minn AIA. F’dan ir-rigward, l-iktar indizju importanti huwa l-operat minn TAP, għal perijodu mhux negliġibbli, peress li huwa mifrux mis-sena 1993 mar-restituzzjoni tagħhom mal-iskadenza tal-kuntratti ta’ kiri bejn is-snin 1998 u 2000, ta’ erbgħa mit-tmien ajruplani li AIA kienet tikri. |
|
92 |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza li s-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) kellha tieħu inkunsiderazzjoni, l-għadd ta’ żbalji ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija wettqet fis-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009, kif identifikati fil-punti 79, 87, 88 u 90 ta’ din is-sentenza, tidher li tivvizzja din is-sentenza bi ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. |
Dwar il-ksur mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) tal-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE
|
93 |
Fit-tieni lok, jikkostitwixxi wkoll indizju f’dan is-sens il-ksur mill-qorti tar-rinviju tal-obbligu tagħha ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, bi ksur tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza Ferreira da Silva e Brito I, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) kisret dan l-obbligu fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009. |
|
94 |
Fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009, il-qorti tar-rinviju spjegat, kif ġie rrilevat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li ma kienx hemm lok, għaliha, li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari. Hija qieset f’dan ir-rigward li, “fid-dawl tal-kontenut tar-regoli tad-Direttivi [77/187 u 2001/23], tal-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli mill-Qorti tal-Ġustizzja, u tal-karatteristiċi [tal-kawża prinċipali] [...], l-eżerċizzju ta’ interpretazzjoni ma jqajjem ebda dubju rilevanti ta’ natura li jirrendi rinviju għal deċiżjoni preliminari neċessarju, peress li l-assenza ta’ identiċità stretta bejn id-domandi mqajma f’din il-proċedura u s-sitwazzjonijiet li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda effett”. Hija żiedet li “l-Qorti tal-Ġustizzja pproduċiet ġurisprudenza abbundanti u stabbilita sew dwar il-problema tal-interpretazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar it-‘trasferiment ta’ negozju’ [u li, b]arra minn hekk, id-[Direttiva 2001/23] diġà tirrifletti l-konsolidazzjoni, skont din il-ġurisprudenza, tal-kunċetti li huma esposti fiha u li issa jippreżentaw ruħhom b’ċarezza ta’ interpretazzjoni ġurisprudenzjali (Komunitarja u anki nazzjonali) b’tali mod li tippermetti, f’dan il-każ, li ma ssirx konsultazzjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja”. |
|
95 |
Billi tirreferi, l-ewwel nett, għall-interpretazzjoni tad-Direttivi 77/187 u 2001/23 mill-Qorti tal-Ġustizzja, sussegwentement, għall-fatt li “n-nuqqas ta’ identiċità stretta bejn il-kwistjonijiet imqajma f’din il-proċedura u s-sitwazzjonijiet li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandu ebda effett” u, fl-aħħar nett, għall-produzzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ “ġurisprudenza abbundanti u stabbilita sew fuq il-problema tal-interpretazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar it-‘trasferiment ta’ negozju’”, il-qorti tar-rinviju evidentement ikkunsidrat li, f’dan il-każ, hija kienet meħlusa mill-obbligu tagħha ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, minħabba li r-risposta għad-domanda mqajma kienet tirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, anki fin-nuqqas ta’ identiċità stretta tad-domandi inkwistjoni. |
|
96 |
Madankollu, fejn ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju fid-dritt intern kontra d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, din tal-aħħar għandha l-obbligu, bħala prinċipju, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità ta’ att ta’ dritt sekondarju titqajjem quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit, 283/81, EU:C:1982:335, punt 11; tal‑4 ta’ Novembru 1997, Parfums Christian Dior, C‑337/95, EU:C:1997:517, punt 26; tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 25, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2026, Remling, C‑767/23, EU:C:2026:243, punt 20). |
|
97 |
Konsegwentement, tali qorti nazzjonali tista’ tiġi meħlusa minn dan l-obbligu biss jekk tkun tinsab f’waħda mit-tliet sitwazzjonijiet previsti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit (283/81, EU:C:1982:335, punt 21), fi kliem ieħor, jekk il-kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni li titqajjem quddiemha ma tkunx rilevanti, jekk id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni tkun diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew jekk l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkun tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli. |
|
98 |
Kif tfakkar fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, il-qrati nazzjonali, a fortiori dawk li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu kkontestati, u l-Qorti tal-Ġustizzja huma msejħa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, li timplika responsabbiltà komuni, u b’osservanza tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, sabiex jikkontribwixxu direttament u reċiprokament għat-tfassil ta’ deċiżjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha. |
|
99 |
Issa, din ir-responsabbiltà, flimkien mal-obbligu ta’ prinċipju, għall-qrati li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu kkontestati, li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, timplika li, meta hija tqis li r-risposta għad-domanda tad-dritt tal-Unjoni mqajma quddiemha tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali qorti nazzjonali għandha biss marġni ta’ evalwazzjoni mnaqqas li huwa limitat għall-alternattiva li tikkonsisti jew li ssegwi l-interpretazzjoni mogħtija preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja jew li tadixxi lil din tal-aħħar b’talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex titlob preċiżazzjonijiet addizzjonali jew tissuġġerixxi bidla fil-ġurisprudenza. |
|
100 |
Fil-fatt, mingħajr ma tiġi kkontestata kemm in-natura obbligatorja li għandhom is-sentenzi preliminari fir-rigward tal-qrati nazzjonali fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma jirrigwardaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Frar 1977, Benedetti, 52/76, EU:C:1977:16, punt 26; tal‑11 ta’ Ġunju 1987, X, 14/86, EU:C:1987:275, punt 12, kif ukoll tat‑22 Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 74) li l-loġika ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja inerenti għall-proċedura għal deċiżjoni preliminari, qorti nazzjonali ma tistax, mingħajr ma tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, titbiegħed fuq inizjattiva tagħha stess minn interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat preċedentement minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-kawża pendenti quddiem din il-qorti nazzjonali. |
|
101 |
F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) interpretat il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju” billi tbiegħdet mill-metodoloġija adottata fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, id-deċiżjoni meħuda unilateralment minn din il-qorti nazzjonali għandha għalhekk effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. |
Fuq in-natura skużabbli jew mhux skużabbli tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema)
|
102 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 55 tas-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513), li n-natura skużabbli jew mhux skużabbli ta’ eventwali żball ta’ liġi tagħmel parti mill-elementi rilevanti li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni mressqa quddiem il-qorti nazzjonali adita b’talba għal kumpens, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. |
|
103 |
F’dan il-każ, kif ġie enfasizzat fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009 kienet ibbażata fuq il-premessa li l-konstatazzjoni ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju fis-sens tad-Direttivi 77/187 u 2001/23 hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-entità ttrasferita żżomm l-awtonomija organizzattiva tagħha fi ħdan l-entità li assorbiet. |
|
104 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li s-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) ma setgħetx tinjora, f’dak iż-żmien, li l-konformità ta’ tali premessa mal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju” fis-sens ta’ dawn id-direttivi kienet preċiżament is-suġġett ta’ proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li fiha l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2008:614) kienu ġew ippreżentati fis‑6 ta’ Novembru 2008. |
|
105 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta s-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem qorti nazzjonali tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari konkomitanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istess aspetti ta’ dan id-dritt, mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha, sabiex tevita li tadotta deċiżjoni li tmur, jekk ikun il-każ, kontra dik tal-Qorti tal-Ġustizzja, tieħu l-passi neċessarji li jiżguraw li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sentenza mogħtija f’din il-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li fiha l-konklużjonijiet ta’ Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja kienu disponibbli diversi xhur qabel l-għoti ta’ din is-sentenza. |
|
106 |
Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, iċ-ċirkustanzi esposti fil-punt 104 ta’ din is-sentenza kellhom javżaw lis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) fir-rigward tar-riskju li l-premessa mfakkra fil-punt 103 ta’ din is-sentenza tiġi, essenzjalment, miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huma għalhekk ta’ natura li jnaqqsu l-probabbiltà li l-interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni mwettqa minn din il-qorti fl-imsemmija sentenza tista’ titqies bħala skużabbli. |
Konklużjoni dwar l-ewwel tliet domandi
|
107 |
Huwa billi tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 65 sa 106 ta’ din is-sentenza li l-qorti tar-rinviju għandha tikkonstata, abbażi ta’ analiżi tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni mressqa quddiemha, fis-sens tal-punti 54 u 55 tas-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513), jekk, fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) kisritx id-dritt tal-Unjoni b’mod suffiċjentement serju. |
|
108 |
Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li ser ikollha tivverifika jekk, kif jidher li jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, teżistix rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187 u d-danni kollha jew parti minnhom subiti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, wara l-proċedura ta’ tkeċċija kollettiva li kienu suġġetti għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 59, u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev, C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 116). |
|
109 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel sat-tielet domanda li jikkontribwixxu sabiex jiġi stabbilit li s-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema), fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Frar 2009, kisret b’mod suffiċjentement serju l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187, l-ewwel nett, il-fatt li dik is-sentenza hija vvizzjata minn għadd ta’ żbalji ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, evalwati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha minn dik il-qorti seta’ raġonevolment ikun mistenni minnha meta adottat dik is-sentenza, it-tieni nett, il-fatt li dik is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2009 ingħatat bi ksur tal-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li kellha l-istess qorti skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, u, t-tielet nett, il-fatt li s-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) ma setgħetx tinjora li l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-approċċ metodoloġiku adottat fl-imsemmija sentenza kienet speċifikament l-għan ta’ talba għal deċiżjoni preliminari pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
Fuq ir-raba’ domanda
|
110 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187 u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-ġbir minn ħaddiem tal-kumpens legali dovut wara tkeċċija kollettiva huwa ekwivalenti għal aċċettazzjoni minnu tat-tkeċċija tiegħu, b’tali mod li jitlef il-possibbiltà li jikkontesta din it-tkeċċija u li jitlob iż-żamma tad-drittijiet tiegħu skont dawn id-direttivi. |
|
111 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-protezzjoni li d-Direttivi 77/187 u 2001/23 huma intiżi li jiżguraw lill-ħaddiema kkonċernati minn trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju hija ta’ ordni pubbliku u, għaldaqstant, ma taqax għad-dispożizzjoni tal-partijiet fil-kuntratt ta’ xogħol. Ir-regoli ta’ dawn id-direttivi, b’mod partikolari dawk dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra t-tkeċċija minħabba t-trasferiment, għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala imperattivi fis-sens li ma huwiex permess li ssir deroga minnhom f’sens sfavorevoli għall-ħaddiema. Minn dan isegwi li l-ħaddiema kkonċernati ma għandhomx il-possibbiltà li jirrinunzjaw għad-drittijiet mogħtija lilhom mill-imsemmija direttivi u li tnaqqis ta’ dawn id-drittijiet ma huwiex ammess, anki bil-kunsens tagħhom (sentenza tal‑10 ta’ Frar 1988, Foreningen af Arbejdsledere i Danmark, 324/86, EU:C:1988:72, punti 14 u 15). |
|
112 |
Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187 u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-ġbir minn ħaddiem tal-kumpens legali dovut wara tkeċċija kollettiva huwa ekwivalenti għal aċċettazzjoni minn dan tal-aħħar tat-tkeċċija tiegħu, b’tali mod li jitlef il-possibbiltà li jikkontesta din it-tkeċċija u li jitlob iż-żamma tad-drittijiet tiegħu taħt dawn id-direttivi. |
Fuq l-ispejjeż
|
113 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.