|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2704 |
16.10.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2704
tal-10 ta’ Ottubru 2024
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 85 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikoli 47(1) u 52(1) tar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jipprevedu li l-Eurojust tista’ tistabbilixxi u tibqa’ żżomm kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi abbażi ta’ strateġija ta’ kooperazzjoni. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 56(2)(c) tar-Regolament (UE) 2018/1727, l-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lil awtorità ta’ pajjiż terz dment li, fost l-oħrajn, ftehim internazzjonali ġie konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprovdi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi. |
|
(3) |
Fl-1 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Bożnija-Ħerzegovina għal ftehim dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. (“il-Ftehim”). |
|
(4) |
In-negozjati dwar il-Ftehim ġew iffinalizzati b’suċċess, fil-livell tat-timijiet tan-negozjati, f’Jannar 2024. Wara li l-Istati Membri approvaw it-test fil-livell tekniku fit-22 ta’ Marzu 2024, il-Bożnija-Ħerzegovina tat il-qbil finali tagħha fl-10 ta’ April 2024.. |
|
(5) |
Il-Ftehim jippermetti t-trasferiment ta’ data personali bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina, bil-għan li jiġu miġġielda r-reati serji u t-terroriżmu u tiġi protetta s-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha. |
|
(6) |
Il-Ftehim jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, rispettivament. B’mod partikolari, il-Ftehim jinkludi salvagwardji adegwati għall-protezzjoni tad-data personali trasferita mill-Eurojust skont il-Ftehim. |
|
(7) |
L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 2018/1727 u għalhekk qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(8) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(9) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-Opinjoni tiegħu 20/2024 fis-6 ta’ Settembru 2024. |
|
(10) |
Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat. |
|
(11) |
F’konformità mat-Trattati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (“il-Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi (2).
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
PINTÉR S.
(1) Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).
(2) It-test tal-Ftehim se jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2704/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)