IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2025
COM(2025) 773 final
2025/0407(COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li l-Awstrija tingħata s-setgħa li temenda l-ftehim bilaterali eżistenti tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera bil-għan li tawtorizza l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt l-għoti ta’ servizzi tat-trasport internazzjonali bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni ta’ mal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Dwar is-suġġett
Ir-reġjuni tal-fruntiera tal-Awstrija u l-Iżvizzera huma integrati mill-qrib. Ħafna Awstrijaċi jivvjaġġaw biex jaħdmu fl-Iżvizzera u viċi versa u fit-toroq hemm traffiku vibranti ta’ passiġġieri transfruntieri. Hemm offruti għadd ta’ servizzi ta’ xarabanks u kowċis, li jaqsmu l-fruntiera u b’hekk jgħaqqdu r-reġjuni ta’ mal-fruntiera taż-żewġ pajjiżi.
It-trasport bidirezzjonali ta’ passiġġieri u merkanzija bit-triq bejn l-Iżvizzera u l-UE huwa rregolat mill-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri permezz tal-linji tal-ferrovija u tat-triq (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art”).
Skont l-Artikolu 20(1) tal-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art, “[i]t-trasport bejn żewġ posizzjonijiet li jinsabu fit-territorju ta’ l-istess Parti Kontraenti bit-trasportaturi stabbiliti fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra mhux awtorizzat taħt dan il-Ftehim”. Dan ifisser li t-trasportaturi li joperaw is-servizzi tal-passiġġieri li jaqsmu l-fruntiera jistgħu jġorru biss passiġġieri jew bejn naħa u oħra tal-fruntiera inkella fi ħdan it-territorju tal-Parti Kontraenti li huma stabbiliti fih. L-operaturi tax-xarabanks u l-kowċis stabbiliti fl-Iżvizzera ma jistgħux iġorru passiġġieri bejn żewġ punti fuq in-naħa Awstrijaka tal-fruntiera u l-operaturi stabbiliti fl-UE ma jistgħux iġorru passiġġieri bejn żewġ punti fuq in-naħa Żvizzera tal-fruntiera.
L-Artikolu 20(2) tal-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art jippermetti li jkomplu jiġu eżerċitati drittijiet diġà eżistenti taħt ftehimiet bilaterali konklużi bejn Stati Membri individwali tal-UE u l-Iżvizzera li kienu fis-seħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art, sakemm ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn trasportaturi tal-UE u l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-kabotaġġ fit-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank huwa possibbli f’relazzjonijiet mal-Iżvizzera fil-każ li ftehim bejn Stat Membru u l-Iżvizzera li kien fis-seħħ fil-21 ta’ Ġunju 1999 ikun ippreveda dan. Fil-prattika, l-ebda wieħed mill-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Iżvizzera li kienu fis-seħħ f’dak iż-żmien ma ppreveda drittijiet tal-kabotaġġ għat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank.
Permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Marzu 2025, l-Awstrija informat lill-Kummissjoni li tkun tapprezza li kieku l-Unjoni tagħtiha s-setgħa skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE biex temenda l-ftehim bilaterali tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera tat-22 ta’ Ottubru 1958, bil-għan li tawtorizza operazzjonijiet ta’ kabotaġġ waqt l-għoti ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjun tal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi. Fil-laqgħa ta’ Ġunju 2025 tal-Kumitat tat-Trasport Intern bejn l-UE u l-Iżvizzera, stabbilit mill-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art, l-Iżvizzera informat lill-Kummissjoni li hija kienet interessata wkoll li temenda dan il-ftehim għal dak il-għan.
Il-kabotaġġ fit-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u x-xarabank jista’ jtejjeb l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tat-trasport billi jippermetti li jiżdied il-fattur tat-tagħbija tal-vettura. Għalhekk l-UE hija ġeneralment favorevoli għall-ftuħ tas-suq tal-kabotaġġ, kif għamlet ġewwa l-UE f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali għas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank (minn hawn ’il quddiem “Regolament (KE) Nru 1073/2009”). L-awtorizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fil-kuntest tal-għoti ta’ servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni ta’ mal-fruntiera bejn l-Awstrija u l-Iżvizzera tippermetti lit-trasportaturi involuti jsiru aktar kompetittivi u effiċjenti.
Ta’ min jinnota li fil-passat ingħataw awtorizzazzjonijiet simili lill-Ġermanja u lill-Italja.
Dwar il-kompetenza tal-UE
L-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi li “[l]-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom”.
Skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009, l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fl-Unjoni jistgħu jitwettqu, taħt ċerti kundizzjonijiet, esklussivament minn trasportaturi li għandhom liċenzja Komunitarja. Impenji internazzjonali li jippermettu lil trasportaturi oħrajn, b’mod partikolari trasportaturi minn pajjiżi terzi, li jwettqu tali operazzjonijiet jaffettwaw ir-Regolament imsemmi hawn fuq, fit-tifsira tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE.
Barra minn hekk, impenji internazzjonali bħal dawn jaffettwaw ukoll il-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art, b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu. Huma mhumiex awtorizzati mill-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, ħlief kif stabbilit fil-paragrafu 2 tiegħu.
Konsegwentement, impenji bħal dawk maħsuba mill-Awstrija jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE, l-Unjoni tista’ tagħti s-setgħa lill-Istati Membri biex jaġixxu f’oqsma fejn għandha kompetenza esklużiva.
L-għan ta’ din il-proposta huwa li l-Awstrija tingħata s-setgħa li temenda l-ftehim bilaterali eżistenti tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera bil-għan li tawtorizza l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ waqt is-servizzi internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera rispettivi taż-żewġ pajjiżi.
Dwar il-proċedura
Operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fl-Unjoni minn trasportaturi minn pajjiżi terzi, li ma għandhomx liċenzja Komunitarja skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009, jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi bil-kowċis u x-xarabanks, kif stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009. Għalhekk huwa neċessarju li kwalunkwe setgħa skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE tingħata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 91 tat-TFUE.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Bħalissa, il-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art ma jawtorizza l-ebda operazzjoni ta’ kabotaġġ fit-trasport tal-passiġġieri bit-triq bil-kowċ u x-xarabank. Madankollu, l-Artikolu 20(2) tal-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art jippermetti speċifikament l-eżerċizzju kontinwu tad-drittijiet ta’ kabotaġġ eżistenti sakemm ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi tal-UE u ma jkun hemm l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni. Ftehim bejn l-Awstrija u l-Iżvizzera li jawtorizza l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ waqt l-għoti ta’ servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank ma jbiddilx id-drittijiet tal-Iżvizzera skont il-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art. Barra minn hekk, emenda tal-ftehim bilaterali diġà eżistenti limitat għall-kabotaġġ fir-reġjuni tal-fruntiera rispettivi u, fir-rigward ta’ nondiskriminazzjoni u kompetizzjoni mhux imxekkla, soġġetta għal kundizzjonijiet identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 20(2) tal-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art, hija konformi mal-politika sottostanti għall-eċċezzjoni stabbilita f’dik id-dispożizzjoni.
Fl-UE, il-kabotaġġ fit-trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u x-xarabank huwa permess skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009. L-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament jawtorizza l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fi ħdan l-UE fil-każ ta’: (1) servizzi okkażjonali; (2) servizzi regolari speċjali dment li dawn ikunu koperti minn kuntratt konkluż bejn l-organizzatur u t-trasportatur; u (3) servizzi regolari waqt servizz internazzjonali regolari ħlief għas-servizzi tat-trasport li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ ċentru urban jew il-ħtiġijiet ta’ konurbazzjoni jew tat-trasport bejnu u bejn iż-żoni tal-madwar. L-operazzjoni ta’ dak ir-Regolament se tkun affettwata mill-emenda tal-ftehim bilaterali dwar it-trasport bit-triq kif mitlub mill-Awstrija, iżda fil-każ li l-awtorizzazzjoni tingħata taħt il-kundizzjonijiet deskritti hawn fuq, l-effett ikun biżżejjed limitat.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Emenda tal-ftehim bilaterali eżistenti dwar it-trasport bit-triq bejn l-Awstrija u l-Iżvizzera bil-għan li jiġu awtorizzati l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ waqt l-għoti ta’ servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera rispettivi taż-żewġ pajjiżi ma tkunx inkonsistenti ma’ kwalunkwe politika oħra tal-Unjoni.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali għal din il-proposta hija l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 91 tat-TFUE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.
•Proporzjonalità
L-uniku objettiv ta’ din il-proposta huwa li l-Awstrija tingħata s-setgħa, skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE, li temenda l-ftehim bilaterali eżistenti tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera bil-għan li tawtorizza l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt l-għoti ta' servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi. Konsegwentement, id-Deċiżjoni proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dan l-għan.
•Għażla tal-istrument
Operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fl-Unjoni minn trasportaturi minn pajjiżi terzi, li ma għandhomx liċenzja Komunitarja skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009, jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi bil-kowċis u x-xarabanks, kif stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009. Għalhekk huwa neċessarju li kwalunkwe setgħa skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE tingħata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 91 tat-TFUE. L-att propost, fin-natura tiegħu ta’ setgħa individwali, għandu jiġi adottat, bħala tweġiba għal talba korrispondenti mill-Awstrija. Għalhekk, għandu jieħu l-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lill-Awstrija. Konsegwentement, id-Deċiżjoni proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tirrappreżenta strument adegwat biex l-Awstrija, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-TFUE, tingħata s-setgħa biex taġixxi f’din il-kwistjoni.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba mill-Awstrija u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.
2025/0407 (COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li l-Awstrija tingħata s-setgħa li temenda l-ftehim bilaterali eżistenti tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera bil-għan li tawtorizza l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt l-għoti ta’ servizzi tat-trasport internazzjonali bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni ta’ mal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) u 91 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 20(1) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport ta’ Oġġetti u Passiġġieri bil-Ferrovija u bit-Triq (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art”), it-trasport ta’ passiġġieri bil-kowċ u x-xarabank bejn żewġ punti li jinsabu fit-territorju tal-istess Parti Kontraenti minn trasportaturi stabbiliti fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, magħruf bħala l-kabotaġġ, mhuwiex awtorizzat.
(2)Skont l-Artikolu 20(2) tal-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art, id-drittijiet ta’ kabotaġġ eżistenti skont il-ftehimiet bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri u l-Iżvizzera li kienu fis-seħħ meta ġie konkluż il-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art, jiġifieri fil-21 ta’ Ġunju 1999, jistgħu jibqgħu jiġu eżerċitati dment li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi stabbiliti fl-Unjoni u l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-ftehim bilaterali dwar it-trasport bit-triq bejn l-Awstrija u l-Iżvizzera tat-22 ta’ Ottubru 1958 ma jawtorizzax l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ waqt l-għoti ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn iż-żewġ pajjiżi. Għalhekk, id-dritt li jitwettqu tali operazzjonijiet mhuwiex fost id-drittijiet koperti mill-Artikolu 20(2) tal-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art.
(3)Impenji internazzjonali li jippermettu lit-trasportaturi stabbiliti fl-Iżvizzera jwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fi ħdan l-Unjoni jistgħu jaffettwaw l-Artikolu 20 tal-Ftehim dwar it-Trasport fuq l-Art, sal-punt li din id-dispożizzjoni ma tawtorizzax tali operazzjonijiet.
(4)Barra minn hekk, skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fl-Unjoni jistgħu jitwettqu, taħt ċerti kundizzjonijiet, esklużivament minn trasportaturi li għandhom liċenzja Komunitarja. Impenji internazzjonali li jippermettu lit-trasportaturi minn pajjiżi terzi, li ma jkollhomx tali liċenzja, li jwettqu operazzjonijiet ta’ dak it-tip jistgħu jaffettwaw dak ir-Regolament.
(5)Konsegwentement, tali impenji jaqgħu taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw jew jidħlu f’impenji bħal dawn biss jekk ikollhom is-setgħa li jagħmlu hekk mill-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-TFUE.
(6)L-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ li jitwettqu fi ħdan l-Unjoni minn trasportaturi minn pajjiżi terzi li ma jkollhomx liċenzja Komunitarja f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi bil-kowċ u x-xarabank, kif stabbilit minn dak ir-Regolament. Għalhekk huwa neċessarju li kwalunkwe setgħa skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE tingħata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 91 tat-TFUE.
(7)Permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Marzu 2025, l-Awstrija talbet li l-Unjoni tagħtiha s-setgħa li temenda l-ftehim tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera bil-għan li tawtorizza l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ waqt is-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera rispettivi taż-żewġ pajjiżi.
(8)L-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ jippermettu li jiżdied il-fattur tat-tagħbija tal-vetturi, u min-naħa tiegħu dan iżid l-effiċjenza ekonomika tas-servizzi. Għalhekk huwa xieraq li jiġu awtorizzati tali operazzjonijiet waqt l-għoti ta’ servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera rispettivi tal-Iżvizzera u tal-Awstrija. Dan jista’ jsaħħaħ aktar l-integrazzjoni mill-qrib ta’ dawn ir-reġjuni tal-fruntiera.
(9)Sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ ikkonċernati ma jbiddlux eċċessivament il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi bil-kowċ u x-xarabank, kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1073/2009, l-awtorizzazzjoni tagħhom jenħtieġ li tkun bil-kundizzjoni li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn trasportaturi stabbiliti fl-Unjoni u l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni.
(10)Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ ikunu awtorizzati biss fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Awstrija waqt l-għoti ta’ servizzi tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn l-Awstrija u l-Iżvizzera. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li r-reġjuni tal-fruntiera tal-Awstrija jiġu definiti fit-tifsira ta’ din id-Deċiżjoni b’mod li jitqies kif xieraq il-funzjonament tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009, filwaqt li jippermetti li tiżdied l-effiċjenza tal-operazzjonijiet ikkonċernati,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Awstrija b’dan tingħata s-setgħa li temenda l-ftehim bilaterali eżistenti tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera tat-22 ta’ Ottubru 1958 bil-ħsieb li tawtorizza operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fir-reġjuni ta’ mal-fruntiera rispettivi tal-Awstrija u tal-Iżvizzera waqt l-għoti ta’ servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn iż-żewġ pajjiżi, dment li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi stabbiliti fl-Unjoni u l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni.
Id-distretti amministrattivi ta’ Bludenz, Bregenz, Dornbirnu u Feldkirch fir-reġjun ta’ Vorarlberg u d-distrett ta’ Landeck fir-reġjun ta’ Tyrol għandhom jitqiesu li huma reġjuni ta’ mal-fruntiera tal-Awstrija skont it-tifsira tal-ewwel paragrafu.
Artikolu 2
L-Awstrija għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-emenda tal-ftehim bilaterali tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera tat-22 ta’ Ottubru 1958 skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni u tinnotifika lill-Kummissjoni dwar it-test tal-ftehim emendat. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew b’dan.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President