|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/876 |
8.5.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/876
tal-14 ta’ Marzu 2025
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2174 fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-eżistenza ta’ kundizzjonijiet tas-suq, fit-tifsira tal-Artikolu 35 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317, fir-rigward ta’ wħud mis-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminals tal-ajruporti ta’ Alicante u Ibiza
(notifikata bid-dokument C(2025) 1525)
(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/2803 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar l-Implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 11 u 58(3) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 35(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Għall-forniment ta’ servizzi tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru tal-ajrudrom fiż-żona tal-imposti fit-terminals tal-ajruporti ta’ Alicante u Ibiza, Spanja bħalissa tapplika l-kundizzjonijiet tas-suq. Fil-25 ta’ Ġunju 2024, l-awtoritajiet Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni li jestendu l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq għal dawn is-servizzi fiż-żewġ ajruporti għar-raba’ perjodu ta’ referenza u li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness X tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 għadhom qed jiġu ssodisfati. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 58, it-tielet paragrafu, tar-Regolament (UE) 2024/2803, id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni dwar l-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jibqgħu applikabbli għar-raba’ perjodu ta’ referenza skont it-tifsira tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, inkluż id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 35 ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminals skont il-kundizzjonijiet tas-suq. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2024/2803, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-operaturi tal-ajruporti, jew grupp ta’ operaturi tal-ajruporti, jakkwistaw servizzi tat-traffiku tal-ajru għall-kontroll tal-ajrudrom u/jew servizzi tat-traffiku tal-ajru għall-kontroll tal-avviċinament skont il-kundizzjonijiet tas-suq, li huwa l-każ għal Spanja fir-rigward ta’ wħud mis-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminals tal-ajruporti ta’ Alicante u Ibiza. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2174 (3) tirreferi għas-servizzi pprovduti matul it-tielet perjodu ta’ referenza. Madankollu, peress li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 ma jirrikjedix li jiġu ripetuti l-passi elenkati fl-Artikolu 35(3) tiegħu fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ referenza f’każ li jkomplu japplikaw il-kundizzjonijiet tas-suq, jenħtieġ li l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2174 tiġi estiża biex tkun tkopri wkoll ir-raba’ perjodu ta’ referenza skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2174 tiġi emendata kif xieraq, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2174 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 1
Il-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq għall-forniment ta’ servizzi tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru tal-ajrudrom fiż-żona Spanjola tal-imposti fit-terminals tal-ajruporti ta’ Alicante u Ibiza, matul it-tielet u r-raba’ perjodu ta’ referenza skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, innotifikata minn Spanja fid-29 ta’ Lulju 2019 u fil-25 ta’ Ġunju 2024, twettqet f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness X tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.
L-awtoritajiet Spanjoli jridu jaċċertaw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2024/2803 jkunu ssodisfati mid-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament u jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien żejjed.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2025.
Għall-Kummissjoni
Apostolos TZITZIKOSTAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L, 2024/2803, 11.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2803/oj.
(2) ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/317/oj.
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2174 tas-17 ta’ Diċembru 2019 dwar l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet tas-suq, fit-tifsira tal-Artikolu 35 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317, fir-rigward ta’ wħud mis-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminals tal-ajruporti ta’ Alicante u Ibiza (ĠU L 329, 19.12.2019, p. 95, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/2174/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/876/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)