6.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/964

tas-26 ta’ Ġunju 2020

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fir-rigward tal-istandards kummerċjali li japplikaw għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 il-“Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 (1) fit-18 ta’ Novembru 2016 fis-sede tan-Nazzjonijiet Uniti f’New York, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod provviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu.

(2)

Il-Ftehim ġie konkluż fis-17 ta’ Mejju 2019 f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 (2).

(3)

Skont l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (il-“Kunsill tal-Membri”) irid jadotta deċiżjonijiet li jemendaw l-istandards kummerċjali li japplikaw għaż-żjut taż-żebbuġa u ż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ.

(4)

Matul il-111-il sessjoni mid-29 ta’ Ġunju sat-3 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill tal-Membrigħandu jadotta deċiżjonijiet li jemendaw l-istandards kummerċjali li japplikaw għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ (id-“deċiżjonijiet emendatorji”).

(5)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri, peress li d-deċiżjonijiet emendatorji ser ikollhom effetti legali fuq l-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali mal-membri l-oħra tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) u ser ikunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni li jikkonċernaw iż-żejt taż-żebbuġa adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(6)

Id-deċiżjonijiet emendatorji li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill tal-Membri jikkonċernaw l-introduzzjoni tas-siġra tad-deċiżjonijiet għaż-żjut taż-żebbuġa raffinati u għaż-żjut taż-żebbuġa komposti minn żjut taż-żebbuġa raffinati u żjut verġni taż-żebbuġa, ta’ delta-7-stigmastenol, u r-reviżjoni tat-titolu, il-marġini ta’ preċiżjoni u ċ-ċifri u kromatogrammi. Id-deċiżjonijiet emendatorji ġew diskussi b’mod estensiv bejn l-esperti xjentifiċi u tekniċi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri dwar iż-żejt taż-żebbuġa. Id-deċiżjonijiet emendatorji ser jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards taż-żejt taż-żebbuġa u ser jistabbilixxu qafas li ser jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ ta’ prodotti tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Għalhekk jenħtieġ li d-deċiżjonijiet emendatorji jiġu appoġġati. Konsegwentement ser jeħtieġ li jsiru emendi għar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 (4).

(7)

Jekk l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet emendatorji matul il-111-il sessjoni tal-Kunsill tal-Membri tiġi posposta minħabba li ċerti Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, jenħtieġ li l-pożizzjoni li tiġi appoġġata l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet emendatorji tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-qafas ta’ proċedura possibbli għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, skont l-Artikolu 10(6) tal-Ftehim. Il-proċedura għall-adozzjoni permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza jenħtieġ li tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tal-Kunsill tal-Membri f’Novembru 2020.

(8)

Sabiex jitħarsu l-interessi tal-Unjoni, jekk il -pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni possibbilment tiġi afettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tiġi ppreżentata qabel jew matul il-111-il sessjoni tal-Kunsill tal-Membri, jenħtieġ li r-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri je jitħallew jitolbu l-posponiment tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet emendatorji għal sessjoni aktar ’il quddiem,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri matul il-111-il sessjoni tiegħu mid-29 ta’ Ġunju sat-3 ta’ Lulju 2020, jew fi ħdan il-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza li għandha tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tiegħu f’Novembru tal-2020, fir-rigward tal-istandards kummerċjali li japplikaw għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ, għandha tkun li tiġi appoġġata l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri tad-deċiżjonijiet li jemendaw l-istandards kummerċjali li japplikaw għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ (5).

Artikolu 2

Jekk il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 x’aktarx tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew matul il-111-il sessjoni tal-Kunsill tal-Membri, l-Unjoni għandha titlob li l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri tad-deċiżjonijiet li jemendaw l-istandards kummerċjali li japplikaw għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita abbażi ta’ dik l-informazzjoni l-ġdida.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1).

(3)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(4)  Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal-11 ta’ Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti (ĠU L 248, 5.9.1991, p. 1).

(5)  Ara d-dokument 8457/20 fuq http://register.consilium.europa.eu.