SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)

2 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(ċ) – Provvisti ta’ servizzi bi ħlas – Artikolu 24(1) – Provvista ta’ servizzi – Artikolu 26(1)(b) – Provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas li tista’ tiġi assimilata ma’ provvista ta’ servizzi bi ħlas – Irkupru ta’ dejn – Irkupru ta’ dejn favur ħaddieħor”

Fil-Kawża C‑535/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Lulju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Awwissu 2024, fil-proċedura

“Svilosa” AD

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Veliko Tarnovo,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),

komposta minn M. Gavalec, President tal-Awla, Z. Csehi u F. Schalin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal “Svilosa” AD, minn S. I. Ilieva u T. D. Tabakov, advokati,

–

għad-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Veliko Tarnovo, minn B. M. Nikolov,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland u D. Drambozova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Svilosa” AD u d-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Veliko Tarnovo (id-Direttur tad-Direttorat “Appelli u Prattika fil-Qasam tat-Tassazzjoni u tas-Sigurtà Soċjali” ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija, iktar’ il quddiem id-“Direktor”) dwar avviż ta’ aġġustament fiskali relatat mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Bis-saħħa tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-provvisti ta’ servizzi, imwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali għandhom ikunu suġġetti għall-VAT.

4

Skont l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva:

“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.”

5

L-Artikolu 26(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Kull waħda minn dawn it-transazzjonijiet li ġejjin għandha titqies bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas:

[…]

(b)

il-provvista ta’ servizzi magħmula mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli għall-użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha, jew b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha.”

Id-dritt Bulgaru

Iż-ZDDS

6

L-Artikolu 8 taż-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) (DV Nru 97, tal‑5 ta’ Diċembru 2017) (iktar ’il quddiem iż-“ZDDS”) jipprevedi li “servizz”, fis-sens ta’ din il-liġi, huwa dak kollu li għandu valur, iżda la huwa merkanzija, la flus fiċ-ċirkulazzjoni, u lanqas munita barranija, użati bħala mezz ta’ ħlas.

7

Skont l-Artikolu 9(1) taż-ZDDS, kull għoti ta’ servizz għandu jitqies bħala “provvista ta’ servizz”.

8

Il-punt 2 tal-Artikolu 9(3) taż-ZDDS jipprovdi li l-provvista, mingħajr korrispettiv, ta’ servizz għall-użu privat tal-persuna fiżika taxxabbli, tal-proprjetarju, tal-ħaddiema impjegati u tal-aġenti jew għal finijiet oħra minbarra l-attività ekonomika indipendenti tal-persuna taxxabbli, hija ekwivalenti għal provvista ta’ servizz bi ħlas.

Iż-ZZD

9

L-Artikolu 60(1) taż-Zakon za zadalzheniata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti) (DV Nru 275, tat‑22 ta’ Novembru 1950) (iktar ’il quddiem iż-“ZZD”) jipprovdi li kull persuna li twettaq att bl-għarfien li l-att huwa ta’ terz mingħajr ma hija tkun ġiet awtorizzata tagħmel dan hija obbligata tieħu ħsieb dan l-att sakemm it-terz ikkonċernat ikun jista’ jieħu ħsiebu huwa stess.

10

L-Artikolu 61(1) taż-ZZD jipprevedi li, jekk l-att ikun twettaq b’mod tajjeb u fl-interess tat-terz, it-terz ikkonċernat huwa obbligat jissodisfa l-obbligi konklużi f’isimu, jikkumpensa lil dik il-persuna għall-obbligi li hija tkun ikkuntrattat f’isimu u jirrimborsaha għall-ispejjeż utli jew neċessarji sostnuti minn din tal-aħħar, kif ukoll jirrimborsaha l-interessi li jkunu tnisslu mill-jum tal-ħlas tagħhom.

11

Skont l-Artikolu 61(2) taż-ZZD, jekk l-att ikun twettaq minn dik il-persuna fl-interess tagħha stess, it-terz ikkonċernat għandu jkun responsabbli biss għall-ammont tal-arrikkiment tiegħu.

12

L-Artikolu 134(1) taż-ZZD jipprevedi li l-kreditur jista’ jeżerċita d-drittijiet patrimonjali tad-debitur, meta n-nuqqas ta’ azzjoni ta’ dan tal-aħħar ikun jikkomprometti l-issodisfar tat-talba tal-kreditur, ħlief fil-każ ta’ drittijiet li l-eżerċizzju tagħhom ikun jiddependi mill-evalwazzjoni purament personali tad-debitur.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Svilosa hija kumpannija kummerċjali stabbilita fil-Bulgarija li teżerċita prinċipalment attività ta’ holding. Fil‑15 ta’ Diċembru 2022, din il-kumpannija kienet is-suġġett ta’ kontroll fiskali li kien jirrigwarda, b’mod partikolari, is-snin ta’ impożizzjoni fir-rigward tal-VAT ta’ bejn l‑1 ta’ Diċembru 2016 u l‑31 ta’ Diċembru 2020. Matul dan il-kontroll, ġie kkonstatat li Svilosa kienet naqqset il-VAT tal-input relatata ma’ provvisti ta’ servizzi legali pprovduti minn uffiċċji tal-avukati stabbiliti fl-Istati Uniti tal-Amerika.

14

Dawn is-servizzi legali kienu intiżi li jirkupraw is-somom imħallsa fil-kuntest ta’ self mogħti minn Svilosa lill-fondazzjoni “Mir za TEB, mir za men” (iktar ’il quddiem il-“Fondazzjoni”) għall-finijiet tal-organizzazzjoni ta’ kunċert intiż li jiġbor fondi sabiex jiġu sostnuti t-tfal milquta mill-gwerra. L-ammont tas-self ma kienx tħallas fil-kont tal-Fondazzjoni, iżda kien tqiegħed direttament għad-dispożizzjoni ta’ persuni u ta’ kumpanniji li kellhom jieħdu ħsieb l-organizzazzjoni ta’ dan il-kunċert. Dan tal-aħħar finalment ma seħħx, għal raġunijiet mhux imputabbli lill-Fondazzjoni, u Svilosa, għalhekk, irrikorriet għas-servizzi ta’ uffiċji tal-avukati sabiex jitressqu proċeduri legali kontra dawn id-diversi persuni li ma kinux osservaw l-impenji tagħhom.

15

Fi tmiem il-kontroll fiskali, it-Teritorialna direktsia na Natsionalnata agentsia za prihodite – Veliko Tarnovo (id-Direttorat Territorjali tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija) adotta, fid‑9 ta’ Novembru 2023, avviż ta’ aġġustament fiskali. Dan l-avviż ġie kkonfermat mid-Direktor, li ddeċieda li Svilosa kellha tħallas, bħala VAT, ammont ta’ 517976,16 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 260000), flimkien mal-interessi. F’dan ir-rigward, id-Direktor qies li l-Fondazzjoni kienet awtorizzat rappreżentant legali ta’ Svilosa sabiex jirrappreżentaha quddiem l-uffiċċji tal-avukati inkwistjoni u li Svilosa kienet iffinanzjat is-servizzi ta’ dawn tal-aħħar, mingħajr madankollu ma kienet ġiet irremunerata mill-Fondazzjoni. Għalhekk, Svilosa kienet ipprovdiet servizzi mingħajr ħlas lill-Fondazzjoni.

16

Svilosa ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju. Dik il-qorti hija tal-fehma li l-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ rappreżentanza ma għandux jitqies bħala provvista ta’ servizzi. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, il-Fondazzjoni appuntat, mhux lil Svilosa, iżda lil persuna fiżika sabiex tirrappreżentaha. Hija tinnota wkoll li l-fatturi tas-servizzi mwettqa mill-uffiċċji tal-avukati ġew indirizzati lil Svilosa u li din tal-aħħar ħallset ukoll l-ispejjeż ta’ dawn is-servizzi. Barra minn hekk, hija tosserva li l-finanzjament u l-għażla ta’ dawn l-uffiċċji, li jirrappreżentaw lill-Fondazzjoni quddiem il-qrati Amerikani, twettqu fl-interess dirett ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll fl-interess indirett ta’ Svilosa bħala kreditriċi tal-Fondazzjoni. Hija tikkonstata wkoll li parti mill-ammont dovut mill-Fondazzjoni, li setgħet tiġi rkuprata wara l-miżuri meħuda mill-uffiċċji tal-avukati, tħallset direttament fil-kont ta’ Svilosa. Dan ir-rimbors ġie ttrattat bħala amortizzazzjoni mill-partijiet fil-kuntratt tas-self.

17

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tidentifika żewġ possibbiltajiet sabiex tittratta legalment il-kawża li hija adita biha mill-perspettiva tad-dritt Bulgaru. L-ewwel nett, tista’ tkun kwistjoni ta’ azzjoni indiretta li tippermetti lill-kreditur jieħu azzjoni għall-irkupru ta’ djun dovuti lid-debitur tiegħu fil-każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tiegħu. It-tieni nett, huwa possibbli li jitqies li Svilosa wettqet att għan-nom ta’ ħaddieħor mingħajr ma ġiet awtorizzata tagħmel dan kif ukoll fl-interess tagħha stess bħala kreditriċi tal-Fondazzjoni.

18

Skont il-qorti tar-rinviju, sabiex tkun teżisti, provvista ta’ servizzi teżiġi żewġ dikjarazzjonijiet ta’ rieda reċiproka bejn il-partijiet u konkordanti fir-rigward tal-effetti legali mfittxija. Fil-każ ineżami, din il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta. Madankollu, hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti rilevanti tad-Direttiva dwar il-VAT.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ ‘provvista ta’ servizzi’ fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-[Direttiva dwar il-VAT] u, rispettivament, il-kunċett ta’ ‘provvista ta’ servizzi magħmula mingħajr ħlas’, fis-sens tal-Artikolu 2(6)(1)(b) ta’ din id-direttiva, jinkludu atti legali u/jew fattwali mwettqa mingħajr awtorizzazzjoni jew mandat minn persuna rreġistrata għall-finijiet tas-sistema komuni tal-VAT li l-għan dirett tagħhom ikun l-irkupru ta’ kreditu f’isem terza persuna u li l-għan indirett tagħhom ikun li tiġi ssodisfatta l-pretensjoni li din il-persuna rreġistrata li twettaq l-atti jkollha fil-konfront tal-persuna li fl-interess dirett tagħha jkunu twettqu l-imsemmija atti?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li tressqet quddiemha. F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew magħmula lilha. Hemm lok, f’dan ir-rigward, li mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali jinstiltu l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021 A (Qsim ta’ fruntieri permezz ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni), C‑35/20, EU:C:2021:813, punt 46l u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

F’dan il-każ, fir-rigward tat-talba għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi”, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, kull operazzjoni li ma tikkostitwixxix provvista ta’ oġġetti għandha titqies li hija provvista ta’ servizzi. Madankollu, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eżistenza ta’ rekwiżit ta’ dikjarazzjonijiet ta’ rieda reċiproċi tal-partijiet sabiex operazzjoni tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “provvista ta’ servizzi”, għandu jinftiehem li, permezz tad-domanda tagħha, hija tfittex, fir-realtà, li tikseb interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi bi ħlas”, li jinsab fl-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, skont din l-aħħar dispożizzjoni, huma biss is-servizzi pprovduti bi ħlas” fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, li huma suġġetti għall-VAT. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika dwar it-tifsira tal-kunċett ta’ provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas li jista’ jiġi assimilat ma’ provvista ta’ servizzi bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT.

22

Għalhekk, ma għandhiex tingħata interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi”, li jinsab fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, iżda għandha tingħata interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi bi ħlas”, li jinsab fl-Artikolu 2(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva u fl-Artikolu 26(1)(b) ta’ din l-istess direttiva.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li atti mwettqa minn kreditur intiżi għall-irkupru tad-dejn dovut lilu f’sitwazzjoni fejn dawn l-atti twettqu mingħajr awtorità jew mandat min-naħa tad-debitur jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni ta’ “provvista ta’ servizzi bi ħlas” jew jistgħu jiġu assimilati ma’ dan il-kunċett fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

24

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi bi ħlas”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li provvista ta’ servizzi titwettaq “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, u għalhekk hija taxxabbli biss jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju teżisti relazzjoni ġuridika li matulha jiġu skambjati provvisti reċiproċi. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-kunċett ta’ “provvisti ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv irċevut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, GIS,C‑249/22, EU:C:2023:813, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ finanzjament tranżitorju li jorbothom, Svilosa tat self lill-Fondazzjoni. Għall-kuntrarju, l-atti mwettqa minn Svilosa bil-għan li jiġu rkuprati l-ammonti mħallsa minnha lil terzi fil-kuntest tal-imsemmi self ma kienu s-suġġett ta’ ebda ftehim jew relazzjoni ġuridika oħra mal-Fondazzjoni li matulha ġew skambjati provvisti reċiproċi li jirrigwardaw speċifikament dawn l-atti. Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx li Svilosa rċeviet remunerazzjoni mingħand il-Fondazzjoni fir-rigward ta’ dawn l-atti.

26

F’dan il-kuntest, għandu jingħad ukoll li huwa irrilevanti l-fatt li Svilosa setgħet, wara proċeduri mmexxija fl-Istati Uniti tal-Amerika, tirkupra parti mid-dejn dovut lilha mill-Fondazzjoni. Fil-fatt, il-ħlas tal-ammonti hekk irkuprati ma jidhirx li twettaq bħala korrispettiv, min-naħa tal-Fondazzjoni, tal-atti ta’ rkupru mwettqa minn Svilosa. Għaldaqstant, dawn l-atti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas.

27

Fl-aħħar nett, il-fatt li l-interpretazzjoni tad-dritt ċivili nazzjonali tista’ twassal għal konklużjoni differenti ma huwiex determinanti. L-ewwel nett għandu jitfakkar li d-Direttiva dwar il-VAT tistabbilixxi sistema komuni tal-VAT ibbażata, b’mod partikolari, fuq definizzjoni uniformi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Newey,C‑653/11, EU:C:2013:409, punt 39). Għaldaqstant hemm lok li jiġu applikati l-kunċetti tad-dritt tal-Unjoni indipendentement mill-fatt li relazzjonijiet mhux kuntrattwali jew relazzjonijiet ġuridiċi oħra tad-dritt ċivili nazzjonali jistgħu jinħolqu bejn kreditur u d-debitur tiegħu f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

28

Għalhekk, atti ta’ rkupru mwettqa minn kreditur kontra terz mingħajr awtorità jew mandat min-naħa tad-debitur ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “provvisti ta’ servizzi bi ħlas” favur lil dan id-debitur, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT.

29

Fit-tieni lok, mill-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li l-provvista ta’ servizzi mwettqa mingħajr ħlas mill-persuna taxxabbli għall-użu privat tagħha jew għal dak tal-persunal tagħha jew, b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha, hija assimilata ma’ provvista ta’ servizzi bi ħlas. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuna taxxabbli li tipprovdi servizzi għall-użu privat tagħha jew għal dak tal-persunal tagħha u l-konsumatur finali li jikseb servizz tal-istess tip (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, GE Aircraft Engine Services,C‑607/20, EU:C:2022:884, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-atti ta’ Svilosa twettqu bil-għan tal-irkupru tad-dejn dovut lilha mill-Fondazzjoni. Issa, atti mwettqa għall-użu u fl-interess ta’ impriża ma jistgħux jitqiesu li twettqu għal skopijiet barra dawk ta’ din l-impriża. Għandu jiġi rrilevat li l-vantaġġ li l-Fondazzjoni setgħet kisbet mill-atti ta’ rkupru mwettqa minn Svilosa, li jikkonsistu fl-amortizzazzjoni ta’ parti mis-self, jikkostitwixxi biss konsegwenza indiretta tal-atti ta’ rkupru inkwistjoni.

31

Fid-dawl tal-elementi preċedenti u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT ma jidhrux li huma ssodisfatti f’dan il-każ.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li atti mwettqa minn kreditur intiżi għall-irkupru tad-dejn dovut lilu f’sitwazzjoni fejn dawn l-atti twettqu mingħajr awtorità jew mandat min-naħa tad-debitur ma jaqgħux taħt il-klassifikazzjoni ta’ “provvista ta’ servizzi bi ħlas” jew ma jistgħux jiġu assimilati ma’ dan il-kunċett fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li atti mwettqa minn kreditur intiżi għall-irkupru tad-dejn dovut lilu f’sitwazzjoni fejn dawn l-atti twettqu mingħajr awtorità jew mandat min-naħa tad-debitur ma jaqgħux taħt il-klassifikazzjoni ta’ “provvista ta’ servizzi bi ħlas” jew ma jistgħux jiġu assimilati ma’ dan il-kunċett fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.