SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
27 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Miżuri dwar id-dritt tas-suċċessjoni – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikolu 13 – Ġurisdizzjoni tal-qorti tar-residenza abitwali tal-eredi – Dikjarazzjoni tardiva tar-rinunzja tas-suċċessjoni ta’ deċedut, li kellu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru, minn eredi, li għandu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru ieħor”
Fil-Kawża C‑57/24 [Ławida] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Gliwicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Gliwice, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Jannar 2024, fil-proċedura mressqa minn
BA, irrappreżentata legalment minn BR
fil-preżenza ta’:
EQ irrappreżentata legalment minn XK,
CJ, irrappreżentata legalment minn XK,
LF,
AA, irrappreżentata legalment minn TB,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn N. Jääskinen (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn A. Pagáčová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u W. Wils, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn BA, minuri li għandha r-residenza abitwali tagħha fil-Polonja, irrappreżentata legalment minn BR, sabiex ma tkunx suġġetta għall-effetti legali tal-ommissjoni tagħha li tagħmel, fit-terminu previst, dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni ta’ ZJ, qarib mejjet, li kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-Ġermanja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 7 u 32 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprovdu:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni ġenerali”, jipprovdi: “Il-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha.” |
|
5 |
Il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni”, jinkludi l-Artikoli 4 sa 19 ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 13 tal-istess regolament, intitolat “Aċċettazzjoni jew rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat”, jipprevedi: “Minbarra l-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni skont dan ir-Regolament, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ kwalunkwe persuna li, taħt il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, tista’ tagħmel, quddiem qorti, dikjarazzjoni li tirrigwarda l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat, jew dikjarazzjoni mfassla biex tillimita r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-djun skont is-suċċessjoni, għandu jkollha [jkollhom] ġuriżdizzjoni biex tirċievi [jirċievu] dikjarazzjonijiet bħal dawn fejn, taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, dikjarazzjonijiet bħal dawn jistgħu jsiru quddiem qorti.” |
|
6 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Verifika tal-ġuriżdizzjoni”: “Fejn il-qorti ta’ Stat Membru tkun invokata dwar kwistjoni ta’ suċċessjoni li ma għandhiex ġuriżdizzjoni fuqha skont dan ir-Regolament, hija għandha tiddikjara, ex officio, li ma għandhiex ġuriżdizzjoni.” |
|
7 |
L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regola ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dment li ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-deċedut fl-intier tagħha għandha tkun il-liġi tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt.” |
|
8 |
L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2(e) tiegħu: “1. Il-liġi determinata skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 22 għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha. 2. Dik il-liġi tirregola, b’mod partikolari: […] (e) it-trasferiment lill-eredi u, skont il-każ, lil-legatarji tal-assi, id-drittijiet u l-obbligi li jagħmlu parti mill-patrimonju, inklużi l-kondizzjonijiet u l-effetti tal-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni jew tal-legat”. |
|
9 |
Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Il-Liġi Applikabbli”, jinkludi l-Artikoli 20 sa 38 tiegħu. L-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Validità rigward il-forma ta’ dikjarazzjoni dwar aċċettazzjoni jew rinunzja”, jipprovdi: “Dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat jew ta’ dikjarazzjoni mfassla biex tillimita r-responsabbiltà tal-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni għandha tkun valida rigward il-forma jekk tissodisfa r-rekwiżiti ta’:
|
Id‑dritt Pollakk
Il-Kodiċi Ċivili
|
10 |
L-Artikolu 1012 tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili), tat-23 ta’ April 1964 (Dz. U. tal-1964, Nru 16, intestatura 93), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprovdi li l-eredi jista’ jew jaċċetta s-suċċessjoni mingħajr limitazzjoni ta’ responsabbiltà fir-rigward tad-djun tad-deċedut (aċċettazzjoni pura u sempliċi), jew jaċċetta s-suċċessjoni b’limitazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà (aċċettazzjoni tas-suċċessjoni taħt il-benefiċċju tal-inventarju), jew jirrinunzja għas-suċċessjoni. |
|
11 |
Skont l-Artikolu 1015 ta’ dan il-kodiċi, dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni tista’ ssir f’terminu ta’ sitt xhur mid-data li fiha l-eredi sar konxju mit-titolu li permezz tiegħu huwa ġie identifikat bħala tali. L-assenza ta’ dikjarazzjoni tal-eredi f’dan it-terminu tgħodd bħala aċċettazzjoni tas-suċċessjoni taħt il-benefiċċju tal-inventarju. |
|
12 |
L-Artikolu 1018 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni magħmula taħt kundizzjoni jew suġġetta għal terminu hija nulla. Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu jipprevedu, rispettivament, li tali dikjarazzjoni ma tistax tiġi rrevokata u li din issir quddiem qorti jew quddiem nutar. |
|
13 |
L-Artikolu 1019(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi: “Jekk id-dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni ssir bi żball jew wara theddida, għandhom japplikaw għaliha d-dispożizzjonijiet dwar il-vizzji li jaffettwaw kull dikjarazzjoni ta’ rieda bil-modifiki li ġejjin:
|
|
14 |
Skont l-Artikolu 1019(2) tal-Kodiċi Ċivili, l-eredi li ma jkunx għamel dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni fit-terminu mogħti minħabba żball jew theddida li taffettwa din id-dikjarazzjoni jista’ jevita l-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jkunu ssodisfatti. |
|
15 |
Konformement mal-Artikolu 1019(3) tal-Kodiċi Ċivili, ir-rifjut li persuna tiġi suġġetta għall-effetti legali ta’ dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni għandu jiġi approvat minn qorti. |
Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili
|
16 |
L-Artikolu 628 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), tas-17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. Nru 43, intestatura 296), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tas-suċċessjoni hija l-qorti ta’ fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu u, jekk ir-residenza abitwali tiegħu fil-Polonja ma tistax tiġi stabbilita, il-qorti tal-post fejn tinstab is-suċċessjoni inkwistjoni jew parti minnha. Fin-nuqqas ta’ tali bażijiet, il-qorti tas-suċċessjoni hija s-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja). |
|
17 |
L-Artikolu 640 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni pura u sempliċi jew sal-ammont tal-attiv nett tas-suċċessjoni jew ir-rinunzja għalih tista’ ssir quddiem nutar jew quddiem is-Sąd Rejonowy (il-Qorti Distrettwali, il-Polonja) li għandha l-ġurisdizzjoni fil-post tad-domiċilju jew tar-residenza tad-dikjarant. Dan in-nutar jew din il-qorti għandha tibgħat mingħajr dewmien din id-dikjarazzjoni, inklużi l-annessi tagħha, lill-qorti li għandha tiġi adita bil-proċedura ta’ suċċessjoni, fil-każ fejn il-qrati Pollakki jkollhom ġurisdizzjoni. Tali dikjarazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll quddiem dik il-qorti matul il-proċedura intiża sabiex jiġu kkonstatati d-drittijiet ta’ suċċessjoni. |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
18 |
BA, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija minuri li tirrisjedi fil-Polonja. BA hija qariba tad-deċedut ZJ li miet fil-Ġermanja, il-pajjiż tar-residenza abitwali tiegħu. |
|
19 |
Minħabba l-ommissjoni tar-rappreżentant legali tagħha, BR, li jwettaq id-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni ta’ ZJ, minħabba żball fil-kalkolu tat-terminu previst sabiex issir din id-dikjarazzjoni, BA talbet, permezz ta’ BR, lis-Sąd Rejonowy w Gliwicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Gliwice, il-Polonja) tapprova r-rifjut tagħha li tkun suġġetta għall-effetti legali ta’ tali ommissjoni. |
|
20 |
Wara li dik il-qorti ċaħdet din it-talba għal approvazzjoni, BA appellat minn din iċ-ċaħda quddiem is-Sąd Okręgowy w Gliwicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Gliwice), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
21 |
Il-Qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ kwalunkwe persuna, sabiex jirċievu dikjarazzjoni ta’ din il-persuna dwar l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat jew dwar ir-rinunzja għalihom, jew dikjarazzjoni intiża sabiex tillimita r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-djun tas-suċċessjoni, kif prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, tkoprix ukoll is-sitwazzjonijiet fejn qorti nazzjonali tintalab tapprova r-rifjut li persuna tiġi suġġetta għall-konsegwenzi legali tal-ommissjoni li tali dikjarazzjoni ssir fit-terminu previst. |
|
22 |
Hija tqis li interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “riċezzjoni” tad-dikjarazzjoni, li jinsab fl-imsemmi artikolu, twassal sabiex jitqies li l-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-persuna li għamlet id-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni għandhom ġurisdizzjoni biss sabiex jirċievu tali dikjarazzjonijiet. Konsegwentement, l-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament ma jikkonċernax is-sitwazzjonijiet fejn eredi jitlob lil tali qorti tapprova r-rifjut ta’ dan l-eredi li jkun suġġett għall-effetti legali tal-ommissjoni li jiddikjara, fit-terminu previst, ir-rinunzja għas-suċċessjoni. Il-qorti tar-rinviju tindika li minn din l-interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta li, f’dan il-każ, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tapprova r-rifjut ta’ BA li tiġi suġġetta għall-konsegwenzi legali tal-ommissjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li huma biss il-qrati msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri, f’dan il-każ, il-qrati Ġermaniżi, li għandhom ġurisdizzjoni sabiex japprovaw tali rifjut. |
|
23 |
Skont il-qorti tar-rinviju, din il-pożizzjoni ġiet allegatament difiża mill-Avukat Ġenerali Szpunar, li, fil-konklużjonijiet tiegħu mogħtija fl-20 ta’ Jannar 2022 fil-Kawża C‑617/20, qies li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax meta, sabiex id-dikjarazzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu jipproduċu ċerti effetti legali previsti mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, huwa neċessarju li l-qorti tieħu miżuri li jmorru lil hinn mis-sempliċi riċezzjoni ta’ tali dikjarazzjonijiet, bħall-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew il-ftuħ ta’ proċedura differenti mill-proċedura ta’ suċċessjoni (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-Kawża T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni), C‑617/20,EU:C:2022:49, punti 38 u 39). |
|
24 |
Madankollu, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 42), il-qorti tar-rinviju tindika li l-għan ta’ dan l-Artikolu 13, moqri fid-dawl tal-premessa 32 tar-Regolament Nru 650/2012, huwa dak li jissimplifika l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-eredi u mill-legatarji, billi jidderoga mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikoli 4 sa 11 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, sabiex suċċessjoni b’effetti transkonfinali fi ħdan l-Unjoni Ewropea tiġi eżegwita b’mod rapidu, mingħajr xkiel u effettiv, l-eredi għandhom ikunu f’pożizzjoni li jipprovaw faċilment l-istatus tagħhom u/jew id-drittijiet u s-setgħat tagħhom. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-isfera ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 tistax tkopri mhux biss il-miżuri marbuta mar-riċezzjoni tad-dikjarazzjoni msemmija f’dan l-artikolu, iżda wkoll atti oħra ta’ dik il-qorti adottati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ suċċessjoni, inkluża l-approvazzjoni minnha tar-rifjut, mill-eredi, li jkun suġġett għall-effetti legali tal-ommissjoni li jiddikjara, fit-terminu previst, ir-rinunzja għas-suċċessjoni. |
|
25 |
Tali interpretazzjoni hija wkoll konformi mill-għan tar-Regolament Nru 650/2012 li, skont il-premessa 7 tiegħu, huwa dak li jiffaċilita t-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni li jridu jinvokaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw minn suċċessjoni transkonfinali. |
|
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Gliwicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Gliwice) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 13 tar-Regolament [Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat [fis-sens] li ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha, sabiex dikjarazzjoni ta’ rinunzja tas-suċċessjoni tipproduċi effetti, ikun neċessarju, li minbarra li sempliċiment tiġi riċevuta – konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tad-dikjarant – din id-dikjarazzjoni għandha tiġi approvata minn qorti, pereżempju meta tali dikjarazzjoni tkun saret wara l-iskadenza tat-terminu previst għal dan il-għan?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
27 |
Permezz tal-unika domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fih għandha r-residenza abitwali tagħha persuna li tirrifjuta li tiġi suġġetta għall-konsegwenzi legali tal-ommissjoni li tiddikjara, fit-terminu previst, ir-rinunzja għal suċċessjoni għandhomx ġurisdizzjoni sabiex japprovaw tali rifjut. |
|
28 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll minn dawk tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li, għad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha ma tkun tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tad-dispożizzjoni iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni), C‑617/20,EU:C:2022:426, punt 35). |
|
29 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kliem tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, dan l-artikolu jipprevedi li minbarra l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni skont dan ir-regolament, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ kwalunkwe persuna li, taħt il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, tista’ tagħmel, quddiem qorti, dikjarazzjoni li tirrigwarda l-aċċettazzjoni ta’ jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat, jew dikjarazzjoni mfassla biex tillimita r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-djun tas-suċċessjoni, għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jirċievu dawn id-dikjarazzjonijiet, meta, taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, dawn jistgħu jsiru quddiem qorti. |
|
30 |
L-imsemmi Artikolu 13 jipprevedi għalhekk forum alternattiv ta’ ġurisdizzjoni li huwa intiż li jippermetti li l-eredi li ma għandhomx ir-residenza abitwali tagħhom fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni, konformement mar-regoli ġenerali tal-Artikoli 4 sa 11 tar-Regolament Nru 650/2012, jagħmlu d-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni jew dwar ir-rinunzja għaliha quddiem qorti tal-Istat Membru li fih għandhom ir-residenza abitwali tagħhom (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni), C‑617/20,EU:C:2022:426, punt 37). |
|
31 |
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta wkoll li l-qrati tal-Istat Membru li fih l-eredi għandu r-residenza abitwali tiegħu għandhom ġurisdizzjoni biss li “jirċievu” dawn id-dikjarazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Oberle,C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 41). |
|
32 |
Għalhekk, dan l-Artikolu 13 ma jirrigwardax il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati sabiex japprovaw ir-rifjut tal-eredi li jiġi suġġett għall-konsegwenzi legali tal-ommissjoni li jiddikjara, fit-terminu previst, ir-rinunzja għas-suċċessjoni. |
|
33 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntest li minnu jifforma parti l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, għandu jitfakkar li dan l-artikolu jagħmel parti mill-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li jirregola l-elementi kollha ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tas-suċċessjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni), C‑617/20,EU:C:2022:426, punt 36). |
|
34 |
Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni li tirriżulta minn dan l-Artikolu 13, kif ġie indikat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, hija kkompletata minn regola ta’ kunflitt tal-liġijiet prevista fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 650/2012, li jifforma parti mill-Kapitolu III tiegħu, dwar il-liġi applikabbli, u li jirregola speċifikament il-validità f’dak li jirrigwarda l-forma, b’mod partikolari, tad-dikjarazzjonijiet dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li dawn id-dikjarazzjonijiet huma validi f’dak li jirrigwarda l-forma meta josservaw, skont il-punt (a) ta’ dan l-artikolu, ir-rekwiżiti tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni (lex successionis), jew, skont il-punt (b) tiegħu, dawk tal-liġi tal-Istat li fih il-persuna li tagħmel l-imsemmija dikjarazzjoni għandha r-residenza abitwali tagħha (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni), C‑617/20,EU:C:2022:426, punt 38). |
|
35 |
Minn qari flimkien tal-Artikoli 13 u 28 tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta li teżisti korrelazzjoni stretta bejn dawn iż-żewġ artikoli, b’tali mod li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-eredi sabiex jirċievu d-dikjarazzjonijiet dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-liġi tas-suċċessjoni fis-seħħ f’dan l-Istat tipprevedi l-possibbiltà li ssir tali dikjarazzjoni quddiem qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni), C‑617/20,EU:C:2022:426, punt 40). |
|
36 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, bħal dik mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li tapprova r-rifjut, mill-eredi, li jiġi suġġett għall-konsegwenzi legali tal-ommissjoni tiegħu li jagħmel, fit-terminu previst, id-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni, kif tipprevedi l-liġi tas-suċċessjoni fis-seħħ fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ dan l-eredi, għandu jiġi osservat li, minn naħa, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 650/2012 huwa kkonċepit b’mod li jirrikonoxxi l-validità tad-dikjarazzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu, b’mod partikolari, meta l-kundizzjonijiet previsti mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni, meta din tkun applikabbli, jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni), C‑617/20,EU:C:2022:426, punt 39). Min-naħa l-oħra, tali deċiżjoni ġudizzjarja ta’ approvazzjoni manifestament ma tikkostitwixxix att ta’ riċezzjoni ta’ dikjarazzjoni msemmi fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. |
|
37 |
Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 650/2012. Fil-fatt, skont il-premessa 7 tiegħu, dan ir-regolament huwa intiż sabiex jiffaċilita t-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni li jridu jinvokaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha effetti transkonfinali. Din il-premessa tistipula, b’mod partikolari, li, fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, id-drittijiet tal-eredi u tal-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu ggarantiti b’mod effettiv (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni), C‑617/20,EU:C:2022:426, punt 42). |
|
38 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, moqri fid-dawl tal-premessa 32 tiegħu, li tgħid li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li titħaffef il-ħajja tal-eredi u tal-legatarji li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru apparti minn dak li fih is-suċċessjoni qed tiġi jew ser tiġi eżegwita, huwa intiż li jissimplifika l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-eredi u mil-legatarji, billi jidderoga mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikoli 4 sa 11 ta’ dan ir-regolament (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni), C‑617/20,EU:C:2022:426, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Kif imsemmi fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, sabiex jintlaħaq dan l-għan, fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda ġurisdizzjoni, addizzjonali għal dik prevista fl-imsemmija Artikoli 4 sa 11, favur il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ persuna li, b’mod partikolari, tiddikjara li qiegħdha tirrinunzja għas-suċċessjoni sabiex tirċievi tali dikjarazzjoni. |
|
40 |
Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-portata tal-ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 hija waħda limitata u li b’konsegwenza ta’ dan ma tistax tkopri s-sitwazzjoni fejn, sabiex id-dikjarazzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu jipproduċu ċerti effetti legali previsti mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, ikun neċessarju li l-qorti tieħu miżuri li jmorru lil hinn mis-sempliċi riċezzjoni ta’ dikjarazzjoni, bħall-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew il-ftuħ ta’ proċedura differenti mill-proċedura ta’ suċċessjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni), C‑617/20,EU:C:2022:426, punt 44). |
|
41 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fih għandha r-residenza abitwali tagħha persuna li tirrifjuta li tiġi suġġetta għall-konsegwenzi legali tal-ommissjoni li tiddikjara, fit-terminu previst, ir-rinunzja għal suċċessjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex japprovaw tali rifjut. |
Fuq l-ispejjeż
|
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
il-qrati tal-Istat Membru li fih għandha r-residenza abitwali tagħha persuna li tirrifjuta li tiġi suġġetta għall-konsegwenzi legali tal-ommissjoni li tiddikjara, fit-terminu previst, ir-rinunzja għal suċċessjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex japprovaw tali rifjut. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.