32004D0112



Official Journal L 032 , 05/02/2004 P. 0022 - 0022


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

tat-22 ta' Diċembru 2003

dwar l-iffirmar f'isem il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika tal-Ftehim fuq il-Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, min-naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera min-naħa l-oħra

(2004/112/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 170, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem il-Komunitajiet, Ftehim fuq il-Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika mal-Konfederazzjoni Żvizzera.

(2) Dan il-Ftehim ġie ffirmat mir-rappreżentanti tal-Partijiet nhar il-5 ta' Settembru 2003.

(3) Soġġett għall-konklużjoni f'data aktar tard, il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem il-Komunitajiet.

(4) Soġġett għar-reċiproċità, dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-1 ta' Jannar 2004 sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu, kif hemm provdut għalih bl-Artikolu 14(2) tiegħu,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Soġġett għall-konklużjoni f'data aktar tard, il-President tal-Kunsill huwa, b'dan, awtorizzat illi jaħtar persuna li għandha s-setgħa li tiffirma, f'isem il-Komunità Ewropea, il-Ftehim dwar il-Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, min-naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra.

2. Soġġett għall-konklużjoni f'data aktar tard, il-President tal-Kummissjoni huwa, b'dan, awtorizzat illi jaħtar persuna li għandha s-setgħa li tiffirma, f'isem il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, il-Ftehim dwar il-Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, min-naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra.

Artikolu 2

Soġġett għar-reċiproċità, il-Ftehim dwar il-Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Komunità għall-Enerġija Atomika min-naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera min-naħa l-oħra, għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-1 ta' Jannar 2004 sakemm jintemmu l-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussell, nhar it-22 ta' Diċembru 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Matteoli

Għall-Kummissjoni

Il-President

R. Prodi

--------------------------------------------------