52014PC0046

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-30 ta' Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum /* COM/2014/046 final - 2014/0021 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.        L-iskop tal-proposta

Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-UE tapprova l-Konvenzjoni dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum 2005. Din il-Konvenzjoni ġiet iffirmata mill-Unjoni fl-1 ta' April 2009 abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/397/KE[1].

Il-Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma ħabbar l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tipproponi l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni fl-2012.

L-approvazzjoni tal-UE tal-Konvenzjoni għandha tnaqqas l-inċertezza legali għall-kumpaniji tal-UE b'kummerċ barra mill-UE billi tiżgura li l-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti inklużi fil-kuntratti jkunu rispettati u li s-sentenzi mogħtija mill-qrati nominati fi ftehimiet bħal dawn ikunu eliġibbli għar-rikonoxximent u l-infurzar fil-Partijiet Kontraenti l-oħra għall-Konvenzjoni.

B’mod ġenerali, l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni mill-UE tikkumplimenta r-realizzazzjoni tal-għanijiet sottostanti r-regoli tal-UE dwar il-proroga tal-ġurisdizzjoni, billi toħloq sett armonizzat ta’ regoli fl-UE fir-rigward ta’ stati terzi li se jsiru Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni.

1.2.        Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-30 ta’ Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum

Il-Konvenzjoni dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum ġiet konkluża fit-30 ta' Ġunju 2005 skont il-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. Il-Konvenzjoni hija mfassla biex toffri ċertezza u prevedibilità akbar għal partijiet involuti fi ftehimiet bejn negozji u tilwim internazzjonali billi twaqqaf alternattiva ta' mekkaniżmu ġudizzjarju biex jittratta l-ilmenti dinjin mhux obbligatorju għas-sistema ta' arbitraġġ eżistenti.

B'mod partikolari, l-għan tal-Konvenzjoni huwa li jippromwovi l-kummerċ u l-investiment internazzjonali permezz ta' kooperazzjoni ġudizzjarja msaħħa billi tintroduċi regoli uniformi dwar il-ġurisdizzjoni bbażati fuq ftehimiet esklussivi dwar l-għażla tal-qorti u fuq ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi mogħtija mill-qrati magħżula fil-Partijiet Kontraenti tagħha.

Il-Konvenzjoni tfittex li toħloq bilanċ bejn (i) il-ħtieġa li tiggarantixxi lill-partijiet li l-qrati li għażlu huma biss jisimgħu l-kawża u li s-sentenza mogħtija tiġi rikonoxxuta u infurzata barra mill-pajjiż, u (ii) il-ħtieġa li l-Istati jitħallew iwettqu ċerti aspetti tal-politika pubblika tagħhom, partikolarment dwar il-protezzjoni tal-partijiet l-aktar dgħajfa, il-protezzjoni kontra inġustizzja serja f'sitwazzjonijiet partikolari u l-garazija li jiġu rrispettati xi bażijiet ta' ġurisdizzjoni esklussiva tal-Istati.

1.3.        Kif il-Konvenzjoni tittratta r-Regolament Brussell I

Fil-livell tal-UE, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Unjoni bbażata fuq ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti hija rregolata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ir-Regolament Brussell I)[2] (jiġi sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (Riformulazzjoni)[3] sal-10 ta’ Jannar 2015). Madankollu, ir-Regolament Brussell I ma jirregolax l-eżekuzzjoni fl-Unjoni ta’ ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti favur il-qrati ta’ Stati terzi[4]. Dan jintlaħaq ladarba l-Konvenzjoni dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Qorti tiġi approvata mill-Unjoni.

L-emendi riċenti għar-Regolament Brussell I (ir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni)) saħħew l-awtonomija tal-partijiet billi jiżguraw li l-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti ma jistgħux jiġu evitati minn partijiet li jressqu kawżi quddiem qrati oħra bi ksur ta’ dawn il-ftehimiet. Fl-istess ħin, dawn l-emendi jiżguraw li l-istrateġija tal-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti għal sitwazzjonijiet fl-UE hija konsistenti ma’ dik li tkun tapplika għal relazzjonijiet barra l-UE skont il-Konvenzjoni, ladarba din tiġi approvata mill-Unjoni. Ir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) b’hekk iwitti t-triq għall-UE biex tissokta bl-appovazzjoni tal-Konvenzjoni.

Ir-relazzjoni bejn ir-regoli li jinsabu fil-Konvenzjoni u r-regoli eżistenti u futuri tal-UE hija stabbilita mill-Artikolu 26(6) tal-Konvenzjoni kif ġej:

‘Din il-Konvenzjoni ma tinċidix fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika li hija Parti minn din il-Konvenzjoni, kemm jekk adottata qabel jew wara din il-Konvenzjoni

(a) fejn l-ebda parti ma hija residenti fi Stat Kontraenti li mhux Stat Membru tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika;

(b) f’dak li jikkonċerna r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi bejn Stati Membri tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika.

Għaldaqstant il-Konvenzjoni tinċidi fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Brussell I jekk għallinqas wieħed mill-partijiet huwa residenti fi Stat Kontraenti tal-Konvenzjoni. Il-Konvenzjoni se tieħu preċedenza fuq ir-regoli tal-ġurisdizzjoni tar-Regolament minbarra jekk iż-żewġ partijiet ikunu residenti tal-UE jew ġejjin minn pajjiżi terzi, li mhumiex Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni. Fir-rigward tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi, jipprevali r-Regolament fejn il-qorti li tkun tat is-sentenza u l-qorti li fiha jitwettqu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni jinsabu t-tnejn li huma fl-Unjoni.

Għaldaqstant ladarba approvata mill-UE, il-Konvenzjoni se tnaqqas l-ambitu tal-applikazzjoni tar-Regolament Brussell I. Madankollu, dan it-tnaqqis tal-ambitu huwa aċċettabbli fid-dawl ta' aktar rispett għall-awtonomija tal-partijiet fil-livell internazzjonali, kif ukoll ċertezza legali akbar għall-kumpaniji tal-UE involuti fil-kummerċ ma’ partijiet ta' Pajjiżi terzi.

1.4.        Benefiċċji għan-negozju Ewropew

Ftehim dwar l-għażla tal-qorti huwa element sinifikanti fin-negozjati ta’ kuntratti internazzjonali, minħabba li jiżgura l-prevedibbiltà legali f’każ ta’ tilwim. Għaldaqstant dan huwa element importanti fil-valutazzjoni tar-riskju għall-kumpaniji meta jkunu involuti f'kummerċ internazzjonali. Iċ-ċifri li nġabru matul it-tħejjija tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni u r-Regolament Brussell I (riformulazzjoni)[5] juru l-importanza tal-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti għan-negozji tal-UE fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju tagħhom.

L-effettività tal-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti fl-UE hija żgurata permezz tar-Regolament Brussell I. L-awtonomija tal-partijiet teħtieġ li tiġi żgurata mhux biss fl-UE, iżda wkoll lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Il-Konvenzjoni se tagħti lin-negozji tal-UE ċ-ċertezza legali meħtieġa li l-ftehimiet tagħhom dwar l-għażla tal-qorti favur qorti barra mill-UE huma rrispettati fl-UE, u li l-ftehimiet ta’ qorti favur qorti fl-UE huma rrispettati f'Pajjiżi terzi. Dan se jiżgura wkoll li n-negozji tal-UE jistgħu jkunu kunfidenti li sentenza mogħtija mill-qorti magħżula fl-UE tkun eliġibbli għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni f'pajjiżi terzi, li huma l-Partijiet Kontraenti ta’ din il-Konvenzjoni, u viċe versa.

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni dwar il-konkluzjoni tal-Konvenzjoni mill-UE (SEG/2008/2389 finali) kkonkludiet li l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni tista' żżid il-propensità tan-negozju biex tinkludi ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti f’kuntratti internazzjonali, minħabba ċertezza legali akbar. B’mod ġenerali, dan jista’ jservi ta' stimolu għan-negozju internazzjonali

Il-benefiċċji għall-kummerċ tal-UE li jirriżultaw mill-approvazzjoni mill-UE tal-Konvenzjoni se jiżdiedu mal-għadd ta’ ratifiki tal-Konvenzjoni b’mod partikolari permezz tal-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-Unjoni.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Qabel ma pproponiet id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni, fl-2008 il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt dwar il-konkluzjoni tal-Konvenzjoni mill-UE[6]. Din turi li l-konklużjoni tal-Konvenzjoni tista' tkun ta' benefiċċju biex tippromwovi ċertezza u predivibilità legali għan-negozji Ewropej fir-rigward ta' Pajjiżi terzi.

Il-valutazzjoni tal-impatt issuġġeriet li l-UE, meta tkun qed tapprova l-Konvenzjoni, tista’ tikkunsidra jekk tagħmilx dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni u teskludi d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati (fejn il-validità ta’ dawn id-drittijiet tkun marbuta mal-Istati Membri) mill-ambitu tiegħu kif ukoll kuntratti tal-assigurazzjoni (meta d-detentur ta’ polza jkun domiċiljat fl-UE u r-riskju jew l-avveniment assigurat, oġġett jew proprjetà jkunu relatati esklussivament mal-UE). Minħabba l-impatt fuq iż-żewġ industriji u l-fatt li l-fehmiet tal-partijiet interessati fl-imgħoddi kienu maqsuma, il-Kummissjoni qieset ukoll il-ħtieġa li tagħmel dikjarazzjonijiet bħal dawn. B'mod notevoli, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproponi l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni permezz ta' dikjarazzjoni dwar l-ambitu tal-Konvenzjoni kienet preċeduta minn konsultazzjonijiet mal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar Materji ta’ Dritt Ċivili (Mistoqsijiet Ġenerali) fit-28 ta’ Mejju 2013 (għal aktar informazzjoni ara l-punt 3.2 hawn taħt).

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.        Il-kompetenza tal-Unjoni fir-rigward tal-Konvenzjoni

Il-Konvenzjoni tagħmilha possibbli għal Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika, skont l-ambitu tal-kompetenzi fuq is-suġġett inkwistjoni tal-Konvenzjoni, biex tikkonkludi l-Konvenzjoni jew flimkien mal-Istati Membri tagħha jew inkella waħedha, bil-konsegwenza li torbot lill-Istati Membri tagħha (l-Artikolu 29 sa 30). Id-dikjarazzjoni rilevanti tista’ ssir mal-firma, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni jew l-adeżjoni magħha.

Meta l-UE ffirmat il-Konvenzjoni, hija ddikjarat skont l-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni, li għandha l-kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-Konvenzjoni u li l-Istati Membri tagħha mhumiex se jkunu Partijiet Kontraenti fil-Konvenzjoni, iżda jkunu marbutin magħha permezz tal-konkluzjoni tagħha mill-UE. Għaldaqstant, meta l-EU tapprova l-Konvenzjoni mhuwiex meħtieġ li tagħmel dikjarazzjoni ulterjuri skont l-Artikolu 30.

3.2.        Dikjarazzjonijiet skont il-Konvenzjoni li jaffettwaw l-ambitu sostantiv

Sabiex ikun hemm flessibbiltà u jinżamm l-appell wiesa’ potenzjali tagħha, il-Konvenzjoni tagħmilha possibbli għall-Partijiet Kontraenti li testendi jew tnaqqas l-ambitu sostantiv billi tagħmel id-dikjarazzjonijiet rilevanti (l-Artikolu 19 sa 22). Id-dikjarazzjonijiet jistgħu jsiru mal-firma jew l-approvazzjoni jew f'kull ħin wara, u jistgħu jiġu mmodifikati jew irtirati f'kull ħin. Mal-firma tal-Konvenzjoni, l-Unjoni ma għamlet l-ebda dikjarazzjoni skont dawn l-Artikoli. Kif imsemmi hawn fuq, minn Mejju sa Ġunju tal-2013, il-Kummissjoni wettqet aktar konsultazzjonijiet mal-Istati Membri marbutin mal-ħtieġa għal dikjarazzjonijiet bħal dawn. Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet qed jiġu ppreżentati hawn taħt.

3.2.1.     Dikjarazzjonijiet skont l-Artikoli 19, 20 u 22

L-Artikolu 19 jippermetti Stat li jagħmel dikjarazzjoni li twassal biex il-qrati tiegħu jkunu jistgħu jirrifjutaw li jiddeċiedu dwar tilwim li għalih japplika ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-qorti f’każijiet li ma juru l-ebda rabta oħra mal-Istat tagħhom ħlief għall-għażla tal-qorti. L-Artikolu 20 jippermetti li Stat ikun jista’ jiddikjara li l-qrati tiegħu jistgħu jirrifjutaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn qorti ta' Stat Kontraenti ieħor, jekk il-partijiet jkunu residenti fl-Istat rikjest u r-relazzjoni tal-partijiet u l-elementi l-oħra kollha rilevanti għat-tilwim, ħlief il-post tal-qorti magħżula, jkunu marbuta biss mal-Istat rikjest. L-Artikoli 19 u 20 b’hekk jippermettu li ċerti sitwazzjonijiet, li minbarra l-għażla tal-qorti, ma juru l-ebda element internazzjonali ieħor, jiġu esklużi mill-iskop tal-Konvenzjoni.

L-Artikolu 22 joffri l-possibbiltà għal Stat li jestendi l-ambitu tal-Konvenzjoni biex ikopri ftehimiet mhux esklussivi dwar l-għażla tal-qorti f'dak li jikkonċerna r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi. Minħabba l-prinċipju tar-reċiproċità, l-obbligu li s-sentenzi jiġu rikonoxxuti u infurzati abbażi tal-ftehimiet mhux esklussivi dwar l-għażla tal-qorti jgħodd biss għal sentenzi mogħtija minn qrati ta’ Partijiet Kontraenti oħra li huma stess ikunu stabbilixxew id-dikjarazzjonijiet tal-Artikolu 22.

Fir-rigward tal-Artikoli 19 u 20, ta’ min jinnota li l-liġi tal-Unjoni tirrikonoxxi ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti f’sitwazzjonijiet fejn l-għażla tal-qorti tkun l-unika rabta mal-Istat tal-qorti magħżula. Il-liġi tal-Unjoni ma teħtieġx rabta addizzjonali mal-Istat magħżul minbarra l-għażla tal-qorti. Għaldaqstant, jidher li ma hemm l-ebda raġuni biex sitwazzjonijiet bħal dawn jiġu esklużi mill-ambitu tal-Konvenzjoni. Dan ġie kkonfermat fil-konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fost l-Istati Membri rigward dikjarazzjonijiet possibbli skont l-Artikolu 19 sa 20. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tipproponix li tagħmel dikjarazzjonijiet skont dawn l-Artikoli.

Fir-rigward tal-Artikolu 22, jekk l-ambitu tal-Konvenzjoni jiġi estiż, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi mogħtija fuq il-bażi ta’ ftehimiet mhux esklussivi dwar l-għażla tal-qorti jwassal biex il-qrati tal-Istati Membri tal-UE b’mod ġenerali ma jkollhomx ġurisdizzjoni f’sitwazzjonijiet fejn ikunu diġà qed jisimgħu kawża mressqa minn waħda mill-partijiet wara li sentenza abbażi ta’ ftehim mhux esklussiv dwar l-għażla tal-qorti tkun diġà ngħatat mill-qorti ta’ Parti Kontraenti oħra li tkun għamlet dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 22. Il-Kummissjoni mhix qiegħda tipproponi li tagħmel id-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 22 meta l-Konvenzjoni tiġi approvata. Minħabba li l-Artikolu huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ reċiproċità, id-dikjarazzjoni potenzjali tista’ possibilment tiġi kkunsidrata fi stadju aktar tard, ladarba l-interessi tal-Partijiet Kontraenti l-oħra għall-Konvenzjoni, li jiġi estiż l-ambitu tagħha skont l-Artikolu 22 jkunu saru evidenti. Il-fehmiet tal-Istati Membri li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni jappoġġjaw fil-prinċipju l-proposta tal-Kummissjoni biex f'dan il-waqt tissokta mingħajr dikjarazzjoni.

3.2.2.     Dikjarazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 21

3.2.2.1.  Id-dikjarazzjonijiet b’mod ġenerali

L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni diġà jipprovdi għal għadd ta’ esklużjonijiet mill-ambitu tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21 jippermetti l-Parti Kontraenti li testendi l-lista ta’ kwistjonijiet esklużi billi tagħmel dikjarazzjoni li tispeċifika l-kwistjoni li beħsiebha teskludi. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, il-Konvenzjoni ma tapplikax fl-Istat li jagħmel id-dikjarazzjoni u, minħabba r-reċiproċità, Stati oħra ma jkunux jistgħu japplikaw il-Konvenzjoni għall-kwistjoni partikolari fejn il-qorti magħżula tkun fl-Istat li kien għamel id-dikjarazzjoni. Barra minn hekk, iridu jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin għad-dikjarazzjoni: jeħtieġ interess qawwi min-naħa tal-istat li qed jiddikjara li mhux qed japplika l-Konvenzjoni għal kwistjoni speċifika; id-dikjarazzjoni tista' ma tkunx aktar wiesgħa milli meħtieġ u l-kwistjoni speċifika eskluża trid tiġi definita b'mod ċar u preċiż[7].

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni tal-2008 indikat ukoll li għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-Unjoni li qed tagħmel dikjarazzjoni skont l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni u b'hekk teskludi mill-ambitu tal-Konvenzjoni kwistjonijiet ta' kuntratti ta' assigurazzjoni - fejn id-detentur tal-polza jkun residenti fl-UE u r-riskju jew l-avveniment, l-oġġett jew il-proprjetà assigurati jkunu relatati esklussivament mal-UE – u ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fejn il-validità ta' dawn id-drittijiet tkun marbuta ma' Stat Membru. L-għan ta’ dikjarazzjonijiet bħal dawn ikun li tiġi protetta l-aktar parti dgħajfa ta' kuntratt tal-assigurazzjoni (bħall-protezzjoni disponibbli skont ir-Regolament Brussell I) u għal kuntratt ta' dritt tal-awtur milli jkollha tressaq it-tilwim fil-qorti magħżula li seta' ġie impost fuqha minn ko-kuntrattur f’pożizzjoni aktar b’saħħitha u diskutibilment, biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ ċerti standards dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati stabbiliti skont il-liġi tal-UE.

Kif issemma qabel, il-Kummissjoni wettqet aktar konsultazzjonijiet mal-Istati Membri dwar il-ħtieġa għal kwalunkwe dikjarazzjoni skont l-Artikolu 21, filwaqt li kkunsidrat il-politika rigward ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti fil-liġi tal-Unjoni u żammet f'moħħha li minħabba l-prinċipju tar-reċiproċità, l-esklużjoni ta’ kwistjoni speċifika mill-ambitu ikun ifisser li klawsoli dwar l-għażla tal-qorti favur il-qrati tal-Unjoni li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għal partijiet fl-UE ma jkunux infurzati f'Partijiet Kontraenti ta' Pajjiżi terzi għall-Konvenzjoni. Filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi biex tillimita d-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 21 għal dawk il-kwistjonijiet fejn il-liġi tal-Unjoni tillimita l-awtonomija tal-partijiet b'mod ugwali. Dan huwa l-każ, dwar kwistjonijiet marbuta mal-ambitu tal-Konvenzjoni biss fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni konklużi għal skopijiet li jistgħu jitqiesu bħala li huma fis-settur tal-kummerċ jew il-professjoni li l-partijiet ikunu involuti fiha. Esklużjoni daqshekk limitata se tiżgura metodu koerenti dwar l-għażla ta’ qorti fl-Unjoni u lil hinn minnha.

3.2.2.2.  Dikjarazzjoni proposta fuq kuntratti tal-assigurazzjoni

Ir-Regolament Brussell I (Taqsima 3) jipprovdi għal ġurisdizzjoni protettiva speċjali fi kwistjonijiet ta’ assigurazzjoni li għandha l-għan li tħares il-parti d-dgħajfa (id-detentur tal-polza, l-assigurat jew benefiċjarju) u l-interessi ekonomiċi tal-pubbliku ġenerali tal-post fejn tinsab l-aktar parti dgħajfa. Id-detentur tal-polza bħala rikorrent għaldaqstant għandu l-għażla li jħarrek lill-assiguratur f'postijiet differenti, inkluż il-post fejn id-detentur tal-polza huwa residenti, l-assiguratur bħala rikorrent jista' jħarrek lid-detentur tal-polza fil-prinċipju biss fejn tal-aħħar huwa residenti. Dawn ir-regoli protettivi ta’ ġurisdizzjoni huma bbażati fuq il-premessa li l-parti assigurata hija dejjem il-parti d-dgħajfa, anki jekk dan jaġixxi bħala operatur kummerċjali fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju. M’hemm l-ebda tibdil għal din il-preżunzjoni fir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni). Għal din ir-raġuni, il-possibbiltà tal-partijiet li jikkonkludu l-ftehim dwar l-għażla tal-qorti kien limitat (l-Artikolu 13 tar-Regolament). Ir-regoli ta' ġurisdizzjoni li jħarsu l-konsumatur fit-Taqsima 3, f’każijiet kontra l-assiguratur, japplikaw biss jekk dan tal-aħħar ikun residenti jew meqjus li jkun residenti (permezz ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment) fl-UE. M’hemm l-ebda tibdil għal din il-politika ta' protezzjoni fir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni).

Il-Konvenzjoni min-naħa tagħha tapplika għal kwistjonijiet ta’ assigurazzjoni mingħajr ma tillimita l-awtonomija tal-partijiet li jikkonkludu ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti. L-unika limitazzjoni sostantiva tirriżulta mill-Artikolu 2(1)(a) tal-Konvenzjoni li teskludi kuntratti tal-assigurazzjoni minn persuni privati bħala konsumaturi. Dan huwa parzjalment għall-kuntrarju tas-sistema stabbilita fir-Regolament Brussell I, sa fejn pereżempju il-Konvenzjoni tkun tapplika għal kuntratti tal-assigurazzjoni konklużi mill-SMEs. Ladarba l-Konvenzjoni tkun approvata mill-UE, ċerti kuntratti ta’ assigurazzjoni li issa jaqgħu taħt ir-Regolament Brussell I, eż. kuntratti bejn detentur ta’ polza tal-UE u fergħa ta’ assiguratur tal-UE bil-kwartieri ġenerali tagħhom ikunu barra mill-UE (l-Artikolu 9(2) tar-Regolament) jkunu jaqgħu taħt l-ambitu tal-Konvenzjoni (Artikolu 26(6), flimkien mal-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni). Għaldaqstant, jekk il-Konvenzjoni tiġi konkluża mingħajr ma teskludi kuntratti tal-assigurazzjoni, ikun hemm nuqqas ta’ parallelliżmu mal-politika ta’ protezzjoni stabbilita fir-Regolament Brussell I, li tippermetti l-parti assigurata tħarrek bil-qorti assiguratur tal-UE (jew fergħa tal-UE ta’ assiguratur ta' Pajjiż terz) fil-post tiegħu ta’ domiċilju irrispettivament minn kwalunkwe ġurisdizzjoni oħra disponibbli taħt ftehim dwar l-għażla tal-qorti. L-effett negattiv tal-esklużjoni sħiħa ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni, minn naħa tal-assiguraturi Ewropej, hija li l-għażla tal-klawżoli tal-qorti li jkunu nnegozjaw ma’ detenturi ta' poloz, li mhumiex Ewropej ma tkunx rikonoxxuta u infurzata f'Pajjiżi terzi, li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni. Fil-każ tad-detenturi tal-poloz Ewropej, dawn jitilfu l-vantaġġ li jkollhom id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-UE (magħżula mill-partijiet) rikonoxxuti u infurzati barra mill-Unjoni skont il-Konvenzjoni. Madankollu, il-vantaġġi li wieħed ikollu l-istess skema fuq livell estern, li tipproteġi l-interessi tal-partijiet l-aktar dgħajfa tal-UE, bħal fil-leġiżlazzjoni interna tal-UE, jissuperaw dawn l-iżvantaġġi.

Il-fehmiet tal-Istati Membri li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni kienu differenti bi kważi numru ugwali favur u kontra, bl-esklużjoni tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni mill-ambitu tal-Konvenzjoni. Għaldaqstant, wara valutazzjoni tal-impatt u sabiex tkun żgurata konsistenza mal-leġiżlazzjoni ta’ protezzjoni interna tal-UE, il-Kummissjoni tipproponi li teskludi ċertu tip ta’ kwistjonijiet ta’ assigurazzjoni mill-ambitu tal-Konvenzjoni mingħajr kundizzjonijiet ulterjuri. L-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni jirrikjedi li d-dikjarazzjonijiet jiġu fformulati biss skont is-suġġett inkwistjoni. Bħala riżultat ta' dan, kull dikjarazzjoni skont l-Artikolu 21 ma setgħetx tiġi fformulata b’tali mod li tkun tibbenefika unilateralment il-partijiet tal-UE.

L-Artikolu 13 u 14 tar-Regolament Brussell I ma jillimitawx l-awtonomija tal-partijiet f’kuntratti tal-assigurazzjoni fil-każijiet kollha. Hemm għadd ta’ eċċezzjonijiet li permezz tagħhom il-partijiet huma permessi li jinnominaw il-qorti kompetenti biex tisma’ t-tilwim tagħhom. Id-dikjarazzjoni proposta hija fformulata b’tali mod li tippermetti, kemm jista’ jkun, dawk il-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti li huma rikonoxxuti fil-liġi tal-Unjoni, li jkunu rikonoxxuti bl-istess mod fuq livell internazzjonali permezz tal-Konvenzjoni dwar l-Għażla tal-Qorti. Madankollu, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-eċċezzjonijiet skont il-liġi tal-Unjoni li jkunu mfassla biex jipproteġu lid-detenturi ta’ poloz tal-UE biss u r-rekwiżit tal-Konvenzjoni li d-dikjarazzjoni għandha tirreferi għas-suġġett inkwistjoni biss, ma jidhirx li huwa possibbli li tiġi żgurata koerenza sħiħa bejn il-Konvenzjoni fuq naħa u l-liġi tal-Unjoni fuq in-naħa l-oħra. B’mod partikolari, l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Brussell I jirrikonoxxi u jinforza ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti konklużi ma’ detenturi ta’ poloz residenti barra l-UE, sakemm l-assigurazzjoni ma tkunx obbligatorja jew relatata ma’ proprjetà immobbli fi Stat Membru. Minħabba li skont il-Konvenzjoni mhuwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn detenturi ta' poloz residenti ġewwa u barra l-Unjoni, il-Kummissjoni tipproponi li ma tirriflettix l-eċċezzjoni tal-Artikolu 13(4) fid-dikjarazzjoni. Dan ikollu l-effett li l-kuntratti tal-assigurazzjoni konklużi minn detenturi ta' poloz residenti barra l-Unjoni ma jkunux regolati mill-Konvenzjoni u jibqgħu regolati permezz tal-liġi interna tal-Unjoni. Għaldaqstant, kumpaniji Ewropej li jikkonkludu ftehimiet ma' detenturi ta' poloz li mhumiex Ewropej ikunu żgurati li jaraw il-ftehim tagħhom dwar l-għażla tal-qorti kkonfermat mill-qrati tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 13(4); detenturi ta' poloz Ewropej li jikkonkludu ftehimiet ma' assiguraturi li mhumiex Ewropej jibqa' jkollhom aċċess għal qrati tal-UE fuq il-bażi tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament ta' Brussell I.

B’mod ġenerali, id-dikjarazzjoni proposta għandha l-għan li tiżgura li:

· il-konċessjoni hija żgħira kemm ikun meħtieġa biex jinkiseb l-għan li jiġu protetti l-interessi tal-partijiet id-dgħajfa f’kuntratti tal-assigurazzjoni kif rifless fir-regoli ta' ġurisdizzjoni li jħarsu l-konsumaturi tar-Regolament Brussell I. Il-qrati tal-Istati Membri tal-UE se jiġu permessi (fuq il-bażi tal-liġi tal-UE jew dik nazzjonali, meta applikabbli) biex jisimgħu it-tilwim tal-assigurazzjoni minkejja l-ftehim dwar l-għażla tal-qorti favur il-qrati ta’ Pajjiż terz li huwa Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni;

· ikun konsistenti mal-Konvenzjoni. Id-dikjarazzjoni hija bbażata biss fuq is-suġġett inkwistjoni u hija newtrali;

· jeżisti parallelliżmu mar-Regolament Brussell I, li fl-Artikolu 13 u 14 tiegħu jiddeskrivi s-sitwazzjonijiet meta ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti jkunu permessi f’kuntratti tal-assigurazzjoni;

· kemm is-suġġett inkwistjoni eskluż – il-kuntratti tal-assigurazzjoni – u s-sitwazzjonijiet meta l-konċessjoni ma tapplikax huma definiti b’mod ċar u preċiż.

2014/0021 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-30 ta' Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(2), flimkien mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[8],

Billi:

(1)       L-Unjoni Ewropea qed taħdem għat-twaqqif ta’ żona ġudizzjarja komuni bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji.

(2)       Il-Konvenzjoni dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Qorti konkluża fit-30 ta’ Ġunju 2005 taħt il-patroċinju tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-Konvenzjoni) tagħmel kontribut siewi biex tipprowmovi l-awtonomija tal-partijiet fi tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali u biex tiżviluppa l-previdibilità ta’ soluzzjonijiet ġudizzjarji fi tranżazzjonijiet bħal dawn. B’mod partikolari, il-Konvenzjoni tiżgura ċ-ċertezza legali meħtieġa għall-partijiet li l-għażla tagħhom tal-qorti hija rispettata u li sentenza mogħtija mill-qorti magħżula hija eliġibbli għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni f’sitwazzjonijiet transfruntiera.

(3)       L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni jippermetti li l-Organizzazzjonijiet Ekonomiċi Reġjonali bħall-Unjoni Ewropea jiffirmaw, jaċċettaw jew japprovaw il-Konvenzjoni jew jaderixxu magħha. L-Unjoni ffirmat il-Konvenzjoni fl-1 ta’ April 2009, soġġetta għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni f’data aktar tard, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/397/KE[9].

(4)       Il-Konvenzjoni taffettwa l-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjoni bbażata fuq l-għażla mill-partijiet u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jirriżultaw, partikolarment ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali[10]. Mill-10 ta' Jannar 2015 ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 jiġi sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali[11].

(5)       Billi r-Regolament (KE) Nru 1215/2012 ħejja r-ratifika tal-Konvenzjoni billi żgura koerenza bejn ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għażla tal-qorti fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali u dawk tal-Konvenzjoni. Għalhekk ikun xieraq li l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fl-Unjoni fl-istess data proposta għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1215/2012.

(6)       Mal-iffirmar tal-Konvenzjoni, l-Unjoni ddikjarat skont l-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni, li għandha kompetenza fuq kull kwistjoni rregolata mill-Konvenzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom ikunu marbuta bil-Konvenzjoni b’riżultat tal-approvazzjoni tagħha mill-Unjoni.

(7)       Barra minn hekk, meta tkun qed tapprova l-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha tippermetti d-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 21, li b’mod ġenerali teskludi kuntratti tal-assigurazzjoni, li jkunu soġġetti għal eċċezzjonijiet definiti mill-ambitu tal-Konvenzjoni. L-iskop tad-dikjarazzjoni huwa li jinżammu r-regoli ta' ġurisdizzjoni li jħarsu l-konsumaturi disponibbli għad-detentur tal-polza, l-assigurat jew il-benefiċjarju f’kuntratti tal-assigurazzjoni skont it-Taqsima 3 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001. L-esklużjoni għandha tkun limitata għal dak kollu li jkun meħtieġ biex jitħarsu l-interessi tal-partijiet l-aktar dgħajfa f’kuntratti tal-assigurazzjoni.

(8)       Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 u għalhekk qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(9)       F'konformità mal-Artikolu 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-30 ta’ Ġunju 2005 dwar il-Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Qorti ('il-Konvenzjoni') hija b'dan approvata f’isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Konvenzjoni jinsab fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna awtorizzata biex tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, biex tiddepożita l-istrument msemmi fl-Artikolu 27(4) tal-Konvenzjoni, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim.

Artikolu 3

Meta tiddepożita l-istrument previst fl-Artikolu 27(4) tal-Konvenzjoni, l-Unjoni tagħmel id-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 21 li jikkonċerna kuntratti tal-assigurazzjoni.

It-test ta' din id-dikjarazzjoni jinsab mehmuż bħala l-Anness II.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 133, 29.5.2009, p. 1.

[2]               ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

[3]               ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.

[4]               L-eżekuzzjoni fl-Unjoni ta’ ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti favur il-qrati tal-Isvizzera, l-Islanda u n-Norveġja hija rregolata mill-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-2007 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

[5]               Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Qorti mill-Komunità Ewropea, SEC(2008) 2389 ta’ 5 9 2008 u l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni), SEC (2010) 1547 finali tal-14 12 2010.

[6]               Imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

[7]               Kif spjegat aktar fir-Rapport ta’ Spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni: ‘kien maħsub mis-Sessjoni Diplomatika li din id-dispożizzjoni għandha tapplika biss għal oqsma diskreti tal-liġi, bħal dawk esklużi bl-Artikolu 2(2). Id-dikjarazzjoni ma tistax tuża kwalunkwe kriterju ħlief is-suġġett inkwistjoni. Din tista', pereżempju, teskludi ‘kuntratti ta' assigurazzjoni marittima’, iżda mhux ‘kuntratti ta' assigurazzjoni marittima fejn il-qorti magħżula tinsab fi Stat ieħor’ (paragrafu 235). Għaldaqstant, l-uniku kriterju permess huwa dak tas-suġġett inkwistjoni.

[8]               OJ C , , p. .

[9]               ĠU L 133, 29.5.2009, p. 1.

[10]             ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

[11]             ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.

ANNESS 1

IL-KONVENZJONI DWAR FTEHIMIET DWAR L-GĦAŻLA TAL-FORUM

L-Istati li huma Partijiet f’din il-Konvenzjoni,

Billi jixtiequ jippromwovu l-kummerċ u l-investiment internazzjonali permezz ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja msaħħa,

Billi jemmnu li kooperazzjoni bħal din tista’ tissaħħaħ permezz ta' regoli uniformi dwar il-ġurisdizzjoni u dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali,

Billi jemmnu li kooperazzjoni msaħħa bħal din teħtieġ partikolarment sistema legali internazzjonali li tipprovdi ċertezza u tiżgura l-effettività ta’ ftehimiet esklussivi dwar l-għażla tal-qorti bejn il-partijiet fi tranżazzjoni kummerċjali u li tirregola r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jirriżultaw minn proċedimenti bbażati fuq tali ftehimiet.

Iddeċidew li jikkonkludu din il-Konvenzjoni u ftehmu dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

KAPITOLU I

KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1. Din il-Konvenzjoni tapplika f’każijiet internazzjonali għal ftehimiet esklussivi dwar l-għażla tal-qorti konklużi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

2. Għall-finijiet tal-Kapitolu II, każ huwa internazzjonali sakemm il-partijiet ma jkunux residenti fl-istess Stat Kontraenti u r-relazzjoni tal-partijiet u l-elementi l-oħra kollha rilevanti għat-tilwima, independentement mill-post tal-Qorti magħżula, huma marbuta ma’ dan l-Istat biss.

3. Għall-finijiet tal-Kapitolu III, każ huwa internazzjonali meta jiġu mfittxa r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija.

Artikolu 2

Esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni

1. Din il-Konvenzjoni ma tapplikax għal ftehimiet esklussivi dwar l-għażla tal-qorti:

(a) li jkunu parti fihom persuna fiżika li taġixxi primarjament għal raġunijiet personali, familjari jew domestiċi (konsumatur);

(b) relatati ma’ kuntratti ta’ impjieg, inkluż ftehim kollettiv.

2. Din il-Konvenzjoni ma għandhiex tapplika għall-kwistjonijiet li ġejjin:

(a) l-istatus jew il-kapaċità legali ta’ persuni fiżiċi;

(b) obbligi ta' manteniment;

(c) kwistjonijiet oħra tal-liġi tal-familja, inklużi skemi dwar il-pussess ta' proprjetà li tkun ġejja minn rabta fiż-żwieġ u drittijiet u obbligi li jirriżultaw miż-żwieġ jew minn relazzjonijiet simili;

(d) testmenti u suċċessjoni;

(e) insolvenza, akkordji u kwistjonijiet analogi;

(f) il-ġarr ta’ passiġġieri u merkanzija;

(g) tniġġiż tal-baħar, limitazzjoni tar-responsabbilità għal talbiet marittimi, medja ġenerali u irmunkar u salvataġġ ta’ emerġenza;

(h) kwistjonijiet ta’ antitrust (kompetizzjoni);

(i) responsabbiltà għal dannu nukleari;

(j) pretensjonijiet għal korriment personali miġjub minn jew għan-nom ta’ persuni fiżiċi;

(k) pretensjonijiet ta' delitt għal dannu fuq proprjetà tanġibbli li ma rriżultawx minn relazzjoni kuntrattwali;

(l) drittijiet in rem fi proprjetà immobbli u kiri ta’ proprjetà immobbli;

(m) il-validità, nullità, jew ix-xoljiment ta’ persuni legali, u l-validità tad-deċizjonijiet tal-organi taghħom;

(n) il-validità tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ħlief dawk tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati;

(o) ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ħlief id-drittjiet tal-awtur u drittijet relatati, minbarra fejn il-proċedimenti ta’ ksur isiru dwar ksur ta’ kuntratt bejn il-partijiet relatati ma’ tali drittjiet, jew setgħu jsiru għall-ksur ta’ dan il-kuntratt;

(p) il-validità ta’ reġistrazzjoni f’reġistri pubbliċi.

3. Minkejja l-paragrafu 2, il-proċedimenti mhumiex esklużi mill-ambitu ta’ din il-Konvenzjoni fejn kwistjoni eskluża skont dan il-paragrafu tinħoloq sempliċiment bħala mistoqsija preliminarja u mhux bħala suġġett tal-proċedimenti. B’mod partikolari, is-sempliċi fatt li kwistjoni eskluża skont il-paragrafu 2 tinħoloq mid-difiża ma jeskludix il-proċedimenti mill-Konvenzjoni, jekk din il-kwistjoni ma tkunx is-suġġett tal-proċedimenti.

4. Din il-Konvenzjoni ma tapplikax għall-arbitraġġ u proċedimenti relatati.

5. Mhumiex esklużi proċedimenti mill-ambitu ta’ din il-Konvenzjoni minħabba s-sempliċi fatt li Stat, inkluż gvern, aġenzija governattiva jew persuna li qed taġixxi għal Stat, jkunu parti minnha.

6. Ma hemm xejn f’din il-Konvenzjoni li jaffettwa l-privileġġi u l-immunitajiet ta’ Stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali, fir-rigward tagħhom stess jew tal-proprjetà tagħhom.

Artikolu 3

Ftehimiet esklussivi dwar l-għażla tal-qorti

Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

(a) ‘ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-qorti’ jfisser ftehim konkluż bejn żewġ partijiet jew aktar li jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu (c) u jinnomina, għall-iskop li jiġi deċiż it-tilwim li jkun inħoloq jew jista' jinħoloq marbut ma’ relazzjoni legali partikolari, il-qrati ta’ wieħed mill-Istati Kontraenti jew qorti speċifika waħda jew aktar ta’ Stat Kontraenti wieħed bl-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ qrati oħra;

(b) ftehim dwar l-għażla tal-qorti li jinnomina l-qrati ta’ wieħed mill-Istati Kontraenti jew qorti speċifika waħda jew aktar ta’ Stat Kontraenti wieħed jitqies bħala esklussiv sakemm il-partijiet ma jkunux espressament ipprovdew mod ieħor;

(c) ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-qorti jrid ikun konkluż jew dokumentat:

(i) bil-miktub; jew

(ii) permezz ta' mod ieħor ta’ komunikazzjoni li tagħmel l-informazzjoni aċċessibbli biex tkun tista’ tintuża għal referenza suċċessiva;

(d) ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-qorti li jifforma parti minn kuntratt jiġi trattat bħala ftehim indipendentament mit-termini l-oħra tal-kuntratt. Il-validità tal-ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-qorti ma tistax tiġi kkontestata biss fuq il-bażi li l-kuntratt mhux validu.

Artikolu 4

Definizzjonijiet oħra

1. F’din il-Konvenzjoni, ‘sentenza’ tfisser deċiżjoni dwar il-merti mogħtija minn qorti, irrispettivament minn kif tissejjaħ, inkluż digriet jew ordni, u determinazzjoni tal-ispejjeż mill-qorti (inkluż l-uffiċjal tal-qorti), sakemm id-determinazzjoni tkun relatata ma’ deċiżjoni dwar il-merti li jistgħu jiġu rikonoxxuti jew infurzati skont din il-Konvenzjoni. Miżura provviżorja ta’ protezzjoni mhijiex sentenza.

2. Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni, entità jew persuna li mhijiex persuna fiżika tkun ikkunsidrata bħala residenti fl-Istat:

(a) fejn għandha s-sede statutorja;

(b) li taħt il-liġi tiegħu ġiet inkorporata jew iffurmata;

(c) fejn għandha l-amministrazzjoni ċentrali; jew

(d) fejn għandha l-post prinċipali tan-negozju.

KAPITOLU II

ĠURIŻDIZZJONI

Artikolu 5

Il-ġurisdizzjoni tal-qorti magħżula

1. Il-qorti jew qrati ta' Stat Kontraenti nnominat fi ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-qorti għandu jkollhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar tilwima li għaliha japplika l-ftehim, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett skont il-liġi ta’ dan l-Istat.

2. Qorti li għandha ġurisdizzjoni skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tastjeni milli teżerċita l-ġurisdizzjoni fuq il-bażi li t-tilwima għandha tiġi deċiża f’qorti ta’ Stat ieħor.

3. Il-paragrafi preċedenti ma jaffettwawx ir-regoli:

(a) dwar il-ġurisdizzjoni relatata mas-suġġett inkwistjoni jew mal-valur tal-pretensjoni;

(b) dwar l-allokazzjoni interna tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati ta' Stat Kontraenti. Madankollu, fejn il-qorti magħżula jkollha d-diskrezzjoni dwar jekk il-kawża għandhiex tiġi trasferita, l-għażla tal-partijiet għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa.

Artikolu 6

L-obbligi ta’ qorti li mhijiex magħżula

Qorti ta’ Stat Kontraenti li mhijiex magħżula tissospendi jew twaqqa’ l-proċedimenti li għalihom japplika ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-qorti sakemm:

(a) il-ftehim ma jkunx null u bla effett skont il-liġi tal-Istat tal-qorti magħżula;

(b) parti minnhom ma setgħetx tikkonkludi ftehim skont il-liġi tal-Istat tal-qorti li kienet qed tisma' l-kawża;

(c) l-attwazzjoni tal-ftehim twassal għal inġustizzja jew tkun kontra l-ordni pubbliku tal-Istat tal-qorti li tkun qed tisma' l-kawża b'mod ċar;

(d) għal ragunijiet eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-partijiet, il-ftehim ma jkunx jista’ jitwettaq b’mod raġonevoli; jew

(e) il-qorti magħżula ma tiddeċidix li ma tismax il-kawża.

Artikolu 7

Miżuri provviżorji ta' protezzjoni

Il-miżuri provviżorji ta’ protezzjoni mhumiex regolati minn din il-Konvenzjoni. Din il-Konvenzjoni la teħtieġ u lanqas tipprekludi l-għotja, ir-rifjut jew it-terminazzjoni ta’ miżuri provviżorji ta’ protezzjoni minn qorti ta’ Stat Kontraenti u ma taffettwax jekk parti tista' jew ma tistax titlob tali miżuri jew jekk qorti għandhiex tagħti, tirrifjuta jew ittemm l-istess miżuri.

KAPITOLU III

RIKONOXXIMENT U EŻEKUZZJONI

Artikolu 8

Rikonoxximent u eżekuzzjoni

1. Skont dan il-Kapitolu sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Kontraenti innominata fi ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-qorti tiġi rikonoxxuta u infurzata fi Stati Kontraenti oħra. Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jistgħu biss jiġu rrifjutati għal raġunijiet speċifikati f’din il-Konvenzjoni.

2. Mingħajr preġudizzju għal rieżami bħal dan kif meħtieġ għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, ma għandu jkun hemm l-ebda rieżami tal-merti tas-sentenza mogħtija mill-qorti tal-oriġini. Il-qorti indirizzata tkun marbuta mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom il-qorti tal-oriġini bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha, sakemm is-sentenza ma tkunx ingħatat f’kontumaċja.

3. Sentenza tkun rikonoxxuta biss jekk għandha effett fl-Istat ta’ oriġini u tkun infurzata biss jekk tista’ tiġi infurzata fl-Istat ta’ oriġini.

4. Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jistgħu jiġu posposti jew irrifjutati jekk is-sentenza hija soġġetta għal rieżami fl-Istat ta’ oriġini jew jekk it-terminu preskrittiv biex jintalab rieżami ordinarju ma jkunx skada. Rifjut ma jipprevenix applikazzjoni għal rikonoxximent jew infurzar sussegwenti tas-sentenza.

5. Dan l-Artikolu japplika għal sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Kontraenti skont trasferiment tal-kawża mill-qorti magħżula f’dan l-Istat Kontraenti kif permess mill-Artikolu 5(3). Madanakollu, fejn il-qorti magħżula jkollha d-diskrezzjoni dwar jekk tittrasferix il-kawża għal qorti oħra, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza jistgħu jiġu rrifjutati kontra parti li tkun oġġezzjonat b'mod f'waqtu għat-trasferiment fl-Istat ta’ oriġini.

Artikolu 9

Rifjut tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni

Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jistgħu jiġu rrifjutati jekk:

(a) il-ftehim kien null u bla effett skont il-liġi tal-Istat tal-qorti magħżula, sakemm il-qorti magħżula ma tkunx iddeterminat li l-ftehim huwa validu;

(b) parti minnhom ma setgħetx tikkonkludi il-ftehim skont il-liġi tal-Istat rikjest;

(c) id-dokument li beda l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti, li jinkludi l-elementi essenzjali tal-pretensjoni:

(i) il-konvenut ma ġiex notifikat f’ħin suffiċjenti b’tali mod li jagħtih il-possibilità li jħejji għad-difiża tiegħu, sakemm il-konvenut ma jkunx deher jew ippreżenta l-każ tiegħu mingħajr ma kkontesta n-notifika fil-qorti tal-oriġini, sakemm il-liġi tal-Istat ta’ oriġini tippermetti li n-notifika tiġi kkontestata; jew

(ii) il-konvenut kien notifikat fl-Istat rikjest b’mod li huwa inkompatibbli mal-prinċipji fundamentali tal-Istat rikjest fir-rigward tan-notifika tad-dokumenti;

(d) is-sentenza tkun ittieħdet bi frodi f’konnessjoni ma’ kwistjoni ta’ proċedura;

(e) ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jkunu inkompatibbli biċ-ċar mal-ordni pubbliku tal-Istat rikjest, inklużi sitwazzjonijiet fejn il-proċedimenti speċifiċi li jwasslu għas-sentenza kienu inkompatibbli mal-prinċipji fundamentali ta’ ġustizzja proċedurali ta’ dan l-Istat;

(f) is-sentenza hija inkonsistenti ma’ sentenza mogħtija mill-Istat rikjest f’tilwima bejn l-istess partijiet; jew

(g) is-sentenza hija inkonsistenti ma’ sentenza preċedenti mogħtija minn Stat ieħor bejn l-istess partijiet dwar l-istess kawża ta' azzjoni, sakemm din is-sentenza preċedenti tissodisfa l-kundizzjonijet meħtieġa għar-rikonoxximent fl-Istat rikjest.

Artikolu 10

Domandi preliminarji

1. Fil-każ li kwistjoni eskluża skont l-Artikolu 2(2), jew skont l-Artikolu 21 tkun inħolqot bħala domanda preliminari, id-deċiżjoni dwar din il-kwistjoni ma tiġix rikonoxxuta jew infurzata skont din il-Konvenzjoni.

2. Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jistgħu jiġu rrifjutati jekk u safejn is-sentenza kienet ibbażata fuq deċiżjoni dwar kwistjoni eskluża skont l-Artikolu 2(2).

3. Madanakollu, fil-każ ta’ deċiżjoni dwar il-validità ta’ dritt ta’ propjetà intellettwali ħlief id-dritt tal-awtur jew dritt relatat, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jistgħu jiġu rrifjutati jew posposti skont il-paragrafu preċedenti biss fejn:

(a) din id-deċiżjoni ma tkunx konsistenti ma’ sentenza jew deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fuq din il-kwistjoni mogħtija mill-Istat, li d-dritt ta’ propjetà intellettwali nħoloq taħt il-liġi tiegħu; jew

(b) il-proċedimenti dwar il-validità tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali huma pendenti f’dan l-Istat.

4. Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jistgħu jiġu rrifjutati jekk u safejn is-sentenza kienet ibbażata fuq deċiżjoni dwar kwistjoni eskluża skont dikjarazzjoni magħmula mill-Istat rikjest skont l-Artikolu 21.

Artikolu 11

Kumpens

1. Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jistgħu jiġu rrifjutati jekk u safejn is-sentenza tagħti kumpens għal danni, inklużi danni eżemplari jew punittivi, li ma jikkumpensawx lil parti għal telf jew danni attwalment imġarrba.

2. Il-qorti indirizzata tikkunsidra jekk u safejn il-kumpens mogħti mill-qorti tal-oriġini jservi biex ikopri l-ispejjeż relatati mal-proċedimenti.

Artikolu 12

Riżolviment ġudizzjarju (transactions judiciaires)

Riżolviment ġudizzjarju (transactions judiciaires) li jkun ġie approvat minn qorti ta’ Stat Kontraenti innominat fi ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-qorti, jew li ġie konkluż quddiem din il-qorti matul il-proċedimenti, u li huwa infurzat bl-istess mod bħal sentenza fl-Istat ta’ oriġini, jiġi infurzat skont din il-Konvenzjoni bl-istess mod bħal sentenza.

Artikolu 13

Dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati

1. Il-parti li tkun qed titlob rikonoxximent jew li tkun qed tapplika għall-eżekuzzjoni għandha tippreżenta:

(a) kopja sħiħa u ċċertifikata tas-sentenza;

(b) il-ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-qorti, kopja ċċertifikata tiegħu jew evidenza oħra tal-eżistenza tiegħu;

(c) jekk is-sentenza ġiet mogħtija f’każ ta’ kontumaċja, l-oriġinal jew kopja ċċertifikata ta’ dokument li juru li d-dokument, li permezz tiegħu bdew il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti ġie nnotifikat lill-kontumaċi;

(d) kull dokument meħtieġ biex jiġi stabbilit li s-sentenza għandha effett jew, fejn applikabbli, tista' tiġi infurzata fl-Istat ta’ oriġini;

(e) fil-kawża msemmija fl-Artikolu 12, ċertifikat ta’ qorti tal-Istat ta’ oriġini li juri li r-risolviment ġudizzjarju jew parti minnu jista’ jiġi infurzat bl-istess mod bħal sentenza fl-Istat ta’ oriġini.

2. Jekk it-termini tas-sentenza ma jippermettux lill-qorti indirizzata li tivverifika jekk il-kundizzjonijet ta’ dan il-Kapitolu ġewx issodisfati, din il-qorti tista’ teħtieġ kull dokument ieħor li jkun meħtieġ.

3. Talba għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tista’ tkun akkumpanjata minn dokument, maħruġ minn qorti (inkluż uffiċjal tal-qorti) tal-Istat ta' oriġini, fil-forma rakkomandata u pubblikat mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

4. Jekk id-dokumenti li għalihom saret referenza f’dan l-Artikolu mhumiex fil-lingwa uffiċjali tal-Istat rikjest, dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni ċċertifikata f’lingwa uffiċjali, sakemm il-liġi tal-Istat rikjest ma tipprovdix mod ieħor.

Artikolu 14

Proċedura

Il-proċedura għar-rikonoxximent, id-dikjarazzjoni ta' eżekuzzjoni jew ir-reġistrazzjoni għall-eżekuzzjoni, u l-eżekuzzjoni tas-sentenza, huma regolati mil-liġi tal-Istat rikjest sakemm din il-Konvenzjoni ma tipprovdix mod ieħor. Il-qorti indirizzata taġixxi mill-aktar fis.

Artikolu 15

Separabbiltà

Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ parti separabbli ta’ sentenza jingħataw meta jiġi mitlub ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ din il-parti, jew meta parti mis-sentenza biss tista’ tkun rikonoxxuta jew infurzata skont din il-Konvenzjoni.

KAPITOLU IV

KLAWŻOLI ĠENERALI

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1. Din il-Konvenzjoni tapplika għall-ftehimiet esklussivi dwar l-għażla tal-qorti konklużi wara d-dħul fis-seħħ fl-Istat tal-qorti magħżula.

2. Din il-Konvenzjoni ma tapplikax għall-proċedimenti li bdew qabel id-dħul fis-seħħ fl-Istat tal-qorti li qed tisma’ s-sentenza.

Artikolu 17

Kuntratti ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni

1. Il-proċedimenti skont kuntratt tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni mhumiex esklużi mill-ambitu ta’ din il-Konvenzjoni fuq il-bażi li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni jikkonċerna kwistjoni li għaliha ma tapplikax din il-Konvenzjoni.

2. Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza fir-rigward ta’ responsabbilità skont it-termini ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni ma jistgħux jiġu limitati jew irrifjutati fuq il-bażi li r-responsabbilità skont dan il-kuntratt tinkludi responsabbilità li skontha l-persuna assigurata jew assigurata mill-ġdid tiġi kkumpensata fir-rigward ta’:

(a) kwistjoni li għaliha ma tapplikax din il-Konvenzjoni; jew

(b) għotja ta’ kumpens għal danni li għalihom jista’ japplika l-Artikolu 11.

Artikolu 18

L-ebda leġiżlazzjoni

Id-dokumenti kollha mibgħuta jew konsenjati skont din il-Konvenzjoni jkunu eżenti mill-leġiżlazzjoni jew formalitajiet simili, inkluża Apostille.

Artikolu 19

Dikjarazzjonijiet li jillimitaw il-ġurisdizzjoni

Stat jista’ jiddikjara li l-qrati tiegħu jistgħu jirrifjutaw li jiddeċiedu dwar tilwim li għalihom japplika ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-qorti, jekk ħlief għall-post tal-qorti magħżula ma jkun hemm l-ebda rabta bejn dan l-Istat u l-partijiet jew it-tilwima.

Artikolu 20

Dikjarazzjonijiet li jillimitaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni

Stat jista’ jiddikjara li l-qrati tiegħu jistgħu jirrifjutaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn qorti ta' Stat Kontraenti ieħor, jekk il-partijiet jkunu residenti fl-Istat rikjest u r-relazzjoni tal-partijiet u l-elementi l-oħra kollha rilevanti għat-tilwima, ħlief il-post tal-qorti magħżula jkunu marbuta biss mal-Istat rikjest.

Artikolu 21

Dikjarazzjonijiet rigward kwistjonijiet speċifiċi

1. Fil-każ li Stat għandu interess qawwi li ma japplikax din il-Konvenzjoni għal kwistjoni speċifika, dan l-Istat jista’ jiddikjara li mhux se japplika l-Konvenzjoni għal din il-kwistjoni. L-Istat li jagħmel dikjarazzjoni bħal din għandu jiżgura li d-dikjarazzjoni ma tkunx aktar wiesgħa milli meħtieġ u li l-kwistjoni speċifika eskluża tkun definita b’mod ċar u preċiż.

2. Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, il-Konvenzjoni ma tapplikax:

(a) fl-Istat Kontraenti li għamel id-dikjarazzjoni;

(b) fi Stati Kontraenti oħra, fejn ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-qorti jinnomina l-qrati, jew qorti speċifika waħda jew aktar tal-Istat li għamel id-dikjarazzjoni.

Artikolu 22

Dikjarazzjonijiet reċiproċi dwar ftehimiet mhux esklussivi dwar l-għażla tal-qorti

1. Stat Kontraenti jista’ jiddikjara li l-qrati tiegħu jirrikonoxxu u jinfurzaw sentenzi mogħtija minn qrati ta’ Stati Kontraenti oħra indikati fi ftehim dwar l-għażla tal-qorti konkluż minn żewġ partijiet jew aktar li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3(c), u għall-iskop li jiġi deċiż tilwim li nħoloq jew li jista' jinħoloq marbut ma’ relazzjoni legali partikolari, jinnomina qorti jew qrati ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Kontraenti (ftehim mhux esklussiv dwar l-għażla tal-qorti).

2. Fejn ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn Stat Kontraenti li għamel tali dikjarazzjoni jiġi mitlub fi Stat Kontraenti ieħor li għamel tali dikjarazzjoni, is-sentenza tiġi rikonoxxuta u infurzata skont din il-Konvenzjoni, jekk:

(a) il-qorti tal-oriġini ġiet innominata minn ftehim mhux esklussiv dwar l-għażla tal-qorti;

(b) ma teżisti l-ebda sentenza mogħtija minn qrati oħrajn li quddiemhom setgħu jitressqu l-proċedimenti skont il-ftehim mhux esklussiv dwar l-għażla tal-qorti u lanqas ma jeżisti proċediment pendenti bejn l-istess partijiet fi qrati oħrajn bħal dawn dwar l-istess kawża ta' azzjoni; 

(c) il-qorti tal-oriġini kienet l-ewwel qorti li semgħet il-kawża.

Artikolu 23

Interpretazzjoni uniformi

Fl-interpretazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni jitqies il-karattru internazzjonali tagħha u l-ħtieġa li tiġi promossa uniformità fl-applikazzjoni tagħha.

Artikolu 24

Rieżami tat-tħaddim tal-Konvenzjoni

Is-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jagħmel arranġamenti f’intervalli regolari biex:

(a) jiġi eżaminat mill-ġdid it-tħaddim ta’ din il-Konvenzjoni, inklużi d-dikjarazzjonijiet; u

(b) jiġi kkunsidrat jekk huwiex meħtieġ li jsiru emendi għal din il-Konvenzjoni.

Artikolu 25

Sistemi legali mhux unifikati

1. Fir-rigward ta’ Stat Kontraenti fejn żewġ sistemi legali jew aktar japplikaw f’unitajiet territorjali differenti, f’dak li jikkonċerna kwistjonijiet trattati minn din il-Konvenzjoni:

(a) kull referenza għal-liġi jew proċedura ta’ Stat tinftiehem bħala li tirreferi, fejn ikun xieraq, għal-liġi jew proċedura fis-seħħ fl-unità territorjali rilevanti;

(b) kull referenza għal residenza fi Stat tinftiehem bħala li tirreferi, fejn ikun xieraq, għal residenza fl-unità territorjali rilevanti;

(c) kull referenza għall-qorti jew qrati ta’ Stat tinftiehem bħala li tirreferi, fejn ikun xieraq, għall-qorti jew qrati fl-unità territorjali rilevanti;

(d) kull referenza marbuta ma’ Stat tinftiehem bħala li tirreferi, fejn ikun xieraq, għal rabta mal-unità territorjali rilevanti.

2. Minkejja l-paragrafu preċedenti, Stat Kontraenti b’żewġ unitajiet territorjali jew aktar li fihom japplikaw sistemi legali differenti ma jkunx marbut li japplika din il-Konvenzjoni għal sitwazzjonijiet li jinvolvu biss tali unitajiet territorjali differenti.

3. Qorti f’unità territorjali ta’ Stat Kontraenti b’żewġ unitajiet territorjali jew aktar li fihom japplikaw sistemi legali differenti ma tkunx marbuta li tirrikonoxxi jew tinforza sentenza minn Stat Kontraenti ieħor abbażi tal-fatt uniku li s-sentenza kienet rikonoxxuta jew infurzata f’unità territorjali oħra tal-Istess Stat Kontraenti skont din il-Konvenzjoni.

4. Dan l-Artikolu ma japplikax għal Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika.

Artikolu 26

Relazzjoni ma’ strumenti internazzjonali oħra

1. Safejn hu possibbli, din il-Konvenzjoni tiġi interpretata li tkun kompattibbli ma’ trattati oħra fis-seħħ għal Stati Kontraenti, kemm jekk konklużi qabel kif ukoll wara din il-Konvenzjoni.

2. Din il-Konvenzjoni ma taffettwax l-applikazzjoni minn Stat Kontraenti ta’ trattat, kemm jekk konkluża qabel kif ukoll wara din il-Konvenzjoni, f’kawżi fejn l-ebda waħda mill-partijiet ma hija residenti fi Stat Kontraenti li mhux Parti fit-trattat.

3. Din il-Konvenzjoni ma taffettwax l-applikazzjoni minn Stat Kontraenti ta’ trattat li ġie konkluż qabel din il-Konvezjoni daħlet fis-seħħ għal dan l-Istat Kontraenti, jekk l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni ma tkunx konsistenti mal-obbligi ta’ dan l-Istat Kontraenti fil-konfront ta’ Stati mhux Kontraenti. Dan il-paragrafu japplika wkoll għal trattati li jirrevedu jew jissostitwixxu trattat konkluż qabel ma din il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ għal dan l-Istat Kontraenti, bl-eċċezzjoni ta’ meta r-reviżjoni jew is-sostituzzjoni joħolqu inkonsistenzi ġodda ma’ din il-Konvenzjoni.

4. Din il-Konvenzjoni ma taffettwax l-applikazzjoni minn Stat Kontraenti ta’ trattat, kemm jekk konkluż qabel kif ukoll wara din il-Konvenzjoni, għall-iskop li jinkiseb rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Kontraenti li huwa wkoll Parti f’dan it-trattat. Madanakollu, is-sentenza ma tistax tkun rikonoxxuta jew infurzata b'mod anqas minn dak previst f’din il-Konvenzjoni.

5. Din il-Konvenzjoni ma taffettwax l-applikazzjoni minn Stat Kontraenti ta’ trattat, li fir-rigward ta’ kwistjoni speċifika jirregola l-ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, anki jekk konklużi wara din il-Konvenzjoni u anki jekk l-Istati kollha konċernati huma Partijiet f’din il-Konvenzjoni.

Dan il-paragrafu għandu japplika biss jekk l-Istat Kontraenti għamel dikjarazzjoni fir-rigward tat-trattat skont dan il-paragrafu. F’każ ta’ tali dikjarazzjoni, Stati Kontraenti oħra mhumiex obbligati japplikaw din il-Konvenzjoni għal din il-kwistjoni speċifika safejn ikun hemm xi inkonsistenza, fejn ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-qorti jinnomina l-qrati jew qorti waħda jew aktar qrati speċifiċi, tal-Istati Kontraenti li għamlu d-dikjarazzjoni.

6. Din il-Konvenzjoni ma taffettwax l-applikazzjoni tar-regoli ta’ Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika, li hija Parti minn din il-Konvenzjoni, kemm jekk adottati qabel kif ukoll wara din il-Konvenzjoni:

(a) fejn ħadd mill-partijiet ma huwa residenti fi Stat Kontraenti li mhuwiex Stat Membru tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika;

(b) f’dak li jikkonċerna r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi bejn Stati Membri tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika.

KAPITOLU V

KLAWŻOLI FINALI

Artikolu 27

L-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni

1. Din il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-iffirmar mill-Istati kollha.

2. Din il-Konvenzjoni hija soġġetta għar-ratifika, għall-aċċettazzjoni jew għall-approvazzjoni mill-Istati firmatarji.

3. Din il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-adeżjoni mal-Istati kollha.

4. L-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni jkunu depożitati lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, depożitarju tal-Konvenzjoni.

Artikolu 28

Dikjarazzjonijiet rigward sistemi legali mhux unifikati

1. Jekk Stat ikollużewġ unitajiet territorjali jew aktar li fihom japplikaw sistemi legali differenti rigward kwistjonijiet trattati f’din il-Konvenzjoni, dan jista’mal-iffirmar, kif ukoll ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, jiddikjara li l-Konvenzjoni għandha testendi għall-unitajiet territorjali kollha tiegħu jew għal unità waħda biss jew aktar minnhom, u jista’ jimmodifika din id-dikjarazzjoni billi jissottometti dikjarazzjoni oħra f'kull ħin.

2. Id-dikjarazzjoni tiġi nnotifikata lid-depożitarju u tiddikjara espressament l-unitajiet territorjali li għalihom tapplika l-Konvenzjoni.

3. Jekk Stat ma jagħmel l-ebda dikjarazzjoni skont dan l-Artikolu, il-Konvenzjoni testendi għall-unitajiet territorjali kollha ta’ dan l-Istat.

4. Dan l-Artikolu ma japplikax għal Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika.

Artikolu 29

Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika

1. Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika li hija magħmula minn Stati sovrani biss u li għandha l-kompetenza fuq ċerti kwistjonijiet jew kollha kemm huma rregolati minn din il-Konvenzjoni tista’ bl-istess mod tiffirma, taċċetta, tapprova l-Konvenzjoni jew taderixxi magħha. F’dan il-każ, l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika jkollha d-drittijiet u l-obbligi ta’ Stat Kontraenti, safejn l-Organizzazzjoni għandha l-kompetenza fuq kwistjonijiet regolati minn din il-Konvenzjoni.

2. L-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika mal-iffirmar, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, tinnotifika d-depożitarju bil-miktub dwar kwistjonijiet regolati minn din il-Konvenzjoni li l-kompetenza tagħhom ġiet trasferita għal din l-Organizzazzjoni mill-Istati Membri tagħha. L-Organizzazzjoni tinnotifka minnufih lid-depożitarju bil-miktub dwar kull bidla fil-kompetenzi tagħha, kif speċifikat fl-aktar avviz riċenti skont dan il-paragrafu.

3. Għall-iskopijiet tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, kull strument iddepożitat minn Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika ma jgħoddx sakemm l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika Reġjonali ma tkunx iddikjarat, skont l-Artikolu 30, li l-Istati Membri tagħha mhux se jkunu Partijiet f'din il-Konvenzjoni.

4. Kull referenza għal ‘Stat Kontraenti’ jew ‘Stat’ f’din il-Konvenzjoni tapplika bl-istess mod, fejn ikun xieraq, għal Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika li hi Parti minnha.

Artikolu 30

Adeżjoni minn Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika mingħajr l-Istati Membri tagħha

1. Mal-iffirmar, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika tista’ tiddikjara li teżerċita kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha regolati minn din il-Konvenzjoni u li l-Istati Membri tagħha mhux se jkunu Partijiet f’din il-Konvenzjoni iżda se jkunu marbuta permezz tal-iffirmar, l-aċettazzjoni, l-approvazzjoni tal-Organizzazzjoni jew l-adeżjoni magħha.

2. Fil-każ li tkun magħmula dikjarazzjoni minn Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika skont il-paragrafu 1, kull referenza għal ‘Stat Kontraenti’ jew ‘Stat’ f’din il-Konvenzjoni għandha tapplika bl-istess mod, fejn ikun xieraq, għall-Istati Membri tal-Organizzazzjoni.

Artikolu 31

Dħul fis-seħħ

1. Din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-depożitu tat-tieni strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 27.

2. Minn hemm ‘il quddiem din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ:

(a) għal kull Stat jew Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika li sussegwentement jirratifikaw, jaċċettaw, japprovaw din il-Konvenzjoni jew jaderixxu magħha, fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-depożitu tal-istrument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni tagħha jew adeżjoni;

(b) għal unità territorjali li għaliha ġiet estiża din il-Konvenzjoni skont l-Artikolu 28(1), fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara l-iskadenza ta’ tliet xhur minn notifika tad-dikjarazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu.

Artikolu 32

Dikjarazzjonijiet

1. Id-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 19, 20, 21, 22 u 26 jistgħu jsiru mal-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni jew f'kull ħin aktar tard u jistgħu jiġu mmodifikati jew irtirati f'kull ħin.

2. Id-dikjarazzjonijiet, il-modifikazzjonijiet jew l-irtirar għandhom jiġu nnotifikati lid-depożitarju.

3. Dikjarazzjoni magħmula mal-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni jkollha effett fl-istess ħin mad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni għall-Istat konċernat.

4. Dikjarazzjoni magħmula aktar tard u kull modifika jew irtirar ta’ dikjarazzjoni jkollhom effett fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-data li fiha d-depożitarju jirċievi n-notifika.

5. Dikjarazzjoni skont l-Artikolu 19, 20 21, u 26 ma tapplikax għal ftehimiet esklussivi dwar l-għażla tal-qorti konklużi qabel din tidħol fis-seħħ.

Artikolu 33

Denunzja

1. Din il-Konvenzjoni tista’ tiġi denunzjata b’notifika bil-miktub lid-depożitarju. Id-denunzja tista’ tkun limitata għal ċerti unitajiet territorjali ta’ sistema legali mhux unifikata li għaliha tapplika din il-Konvenzjoni.

2. Id-denunzja tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta’ 12-il xahar mid-data li fiha d-depożitarju jirċievi n-notifika. Fil-każ li fin-notifika jkun speċifikat żmien itwal biex id-denunzja tidħol fis-seħħ, din tidħol fis-seħħ wara l-iskadenza ta’ tali perjodu itwal mid-data li fiha d-depożitarju jkun irċieva n-notifika.

Artikolu 34

Notifiki mid-depożitarju

Id-depożitarju jinnotifika lill-Membri tal-Konferenza tal-Aja dwar il-Liġi Internazzjonali Privata u Stati u Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika oħrajn li ffirmaw, irratifikaw, aċċettaw, approvaw l-Artikolu 27, 29 u 30 jew aderixxu magħhom b’dan li ġej:

(a) il-firem, ir-ratifiki, l-aċċettazzjonijiet, l-approvazzjonijiet u l-adeżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27, 29 u 30;

(b) id-data li fiha l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ, skont l-Artikolu 31;

(c) in-notifiki, id-dikjarazzjonijiet, il-modifikazzjonijiet u l-irtirar tad-dikjarazzjonijet imsemmija fl-Artikolu 19, 20, 21, 22, 26, 28, 29 u 30;

(d) id-denunzji msemmija fl-Artikolu 33.

B’xiehda ta’ dan, is-sottoskritti, debitament awtorizzati, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

Magħmul fl-Aja, fit-30 ta’ Ġunju 2005, bil-lingwa Ingliża u dik Franċiża, b’kull wieħed miż-żewġ testi huma ugwalment awtentiċi, f’kopja unika li tiġi depożitata fl-arkivji tal-Gvern tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u li tagħha se tintbagħat kopja ċċertifikata, permezz ta' mezzi diplomatiċi, lil kull Stat Membru tal-Konferenza tal-Aja dwar il-Liġi Internazzjonali Privata fid-data tal-Għoxrin Sessjoni tagħha u lil kull Stat li pparteċipa f’din is-Sessjoni.

ANNESS II

Dikjarazzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Qorti

1. L-Unjoni Ewropea hawnhekk qed tiddikjara skont l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni, li ħlief kif stipulat hawn taħt, mhux se japplika l-Konvenzjoni fejn jidħlu kuntratti tal-assigurazzjoni.

2. Din id-dikjarazzjoni ma tapplikax meta:

(a) il-partijiet ikunu daħlu fil-ftehim dwar l-għażla tal-qorti wara li tkun inħolqot it-tilwima, jew

(b) mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1, paragrafu 2 tal-Konvenzjoni, il-ftehim dwar l-għażla tal-qorti jkun konkluż bejn id-detentur tal-polza u l-assiguratur, li t-tnejn li huma fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ikunu domiċiljati jew ikollhom residenza abitwali fl-istess Stat u li jkollu l-effett li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ta' dak l-Istat anki jekk l-avveniment dannuż ikollu jseħħ barra mill-pajjiż, sakemm ftehim bħal dan ma jmurx kontra l-liġi ta' dak l-Istat, jew

(c) il-ftehim dwar l-għażla tal-qorti jkun relatat ma’ kuntratt tal-assigurazzjoni sakemm ikun ikopri wieħed jew aktar mir-riskji mniżżla fl-Artikolu 3.

3. Riskji kbar imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 jinkludu t-trasport (inġenji tal-ajru, opri tal-baħar, ferroviji u merkanzija fi tranżitu), kreditu u garanziji, kif ukoll riskji oħrajn fejn id-detentur ta’ polza iwettaq negozju ta’ ċertu daqs, kif stipulat fil-paragrafu 4.

4. Dawn li ġejjin huma r-riskji msemmija fil-paragrafu 3:

(2) kull telf jew dannu għal:

(a) opri tal-baħar, installazzjonijiet ‘il barra mix-xatt jew fuq il-baħar, jew inġenji tal-ajru, li joriġinaw minn riskji relatati mal-użu tagħhom għal skopijiet kummerċjali;

(b) merkanzija fi tranżitu, ħlief bagalji ta' passiġġieri, fejn it-tranżitu jikkonsisti fi jew jinkludi trasport minn tali opri tal-baħar jew inġenji tal-ajru;

(3) kull responsabbilità, apparti minn dik ta’ dannu fuq il-passiġġieri jew telf jew ħsara tal-bagalji tagħhom:

(a) li tirriżulta mill-użu jew mill-operat ta' opri tal-baħar, ta' installazzjonijiet jew ta' inġenji tal-ajru kif imsemmija fil-punt 1(a) safejn, fir-rigward ta' dawn ta' l-aħħar, il-liġi tal-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni, li fih dawn l-inġenji tal-ajru jkunu reġistrati, ma tipprojbixxix ftehimiet dwar ġurisdizzjoni fir-rigward tal-assigurazzjoni ta' tali riskji;

(b) għal telf jew dannu kkawżat lill-merkanzija fi tranżitu kif deskritt fil-punt 1(b);

(4) kull telf finanzjarju marbut mal-użu jew l-operat ta’ opri tal-baħar, installazzjonijiet jew inġenji tal-ajru msemmija fil-punt 1(a), b’mod partikolari t-telf ta’ merkanzija jew ta’ kiri b’charter;

(5) kull riskju jew interess marbut ma’ wħud minn dawk imsemmija fil-punt 1 sa 3;

(6) independentament mill-punt 1 sa 4, ir-riskji kbar kollha li ġejjin:

(a) dannu jew telf ta’ materjal ferrovjarju fuq ir-roti;

(b) dannu jew telf ta' inġenji tal-ajru;

(c) dannu jew telf ta’ bastimenti tax-xmajjar u tal-kanali, bastimenti tal-lagi, bastimenti tal-baħar;

(d) dannu lil jew telf ta' merkanzija fi tranżitu jew bagalji, irrispettivament mill-forma tat-trasport;

(e) responsabbiltà kkawżata mill-użu ta’ inġenji tal-ajru (inkluża r-responsabbiltà tat-trasportatur);

(f) responsabbiltà kkawżata mill-użu ta’ opri tal-baħar, bastimenti jew dgħajjes fuq il-baħar, il-lagi, ix-xmajjar jew il-kanali (inkluża r-responsabbiltà tat-trasportatur);

(g) kull riskju ta' kreditu jew garanzija meta d-detentur tal-polza jkun impjegat professjonalment f’attività industrijali jew kummerċjali jew f’waħda mill-professjonijiet liberali u r-riskju relatat għal din l-attività;

(h) fil-każ ta’ detentur ta’ polza li jwettaq negozju ta’ ċertu daqs:

· kull telf jew dannu lil vetturi tal-art (inklużi vetturi bil-mutur);

· kull telf jew ħsara lill-proprjetà minħabba nar, splużjoni, forzi naturali (inkluż tempesti), enerġija nukleari, kollass tal-art, silġ, ġlata jew serq;

· kull responsabbiltà kkawżata mill-użu ta’ vetturi bil-mutur li joperaw fuq l-art (inkluża ir-responsabbiltà tat-trasportatur);

· kull telf finanzjarju mixxellanju li jirriżulta minn riskji tal-impjieg, insuffiċjenza tad-dħul (ġenerali), temp ħażin, telf ta’ benefiċċji, spejjeż ġenerali kontinwi, spejjeż tan-negozju mhux previsti, telf tal-valur tas-suq, telf ta’ kera jew dħul, telf ta' negozju indirett ieħor, telf finanzjarju mhux ta' negozju ieħor jew forom oħra ta’ telf finanzjarju.

5. Għall-għanijiet tal-punt 5(h), id-detentur tal-polza li jwettaq negozju ta’ ċertu daqs ifisser id-detentur tal-polza li jaqbeż il-limiti ta’ millanqas tnejn minn dawn il-kriterji li ġejjin:

· total tal-karta bilanċjali ta’ EUR 6,2 miljun;

· fatturat nett ta’ EUR 12,8 miljun;

· numru medju ta’ 250 impjegat matul is-sena finanzjarja.