European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1947

24.9.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1947

tat-18 ta’ Settembru 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ deċiżjoni li temenda l-Protokoll 4 ta’ dak il-Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni 2000/204/KE, KEFA tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (2). Il-Protokoll 4 li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (il-“Protokoll 4”) huwa parti mill-Ftehim.

(2)

Skont l-Artikolu 39 tal-Protokoll 4, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bl-Artikolu 78 tal-Ftehim (il-“Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 4.

(3)

Fil-laqgħa li jmiss tiegħu jew permezz ta’ skambju ta’ ittri, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni li temenda l-Protokoll 4 tal-Ftehim.

(4)

Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ser ikollha effetti legali.

(5)

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (3) (il-“Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE (4) u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012. Ir-Renju tal-Marokk (il-“Marokk”) huwa ukoll Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni.

(6)

Il-Konvenzjoni tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni. Il-Konvezjoni tapplika mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-ftehimiet rilevanti.

(7)

Il-Konvenzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjonijiet Nru 1/2023 tas-7 ta’ Diċembru 2023 (5), Nru 1/2024 (6) u Nru 2/2024 (7) tat-12 ta’ Diċembru 2024 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli Preferenzjali tal-Oriġini pan-Ewro-Mediterranji.

(8)

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jadotta deċiżjoni li tintroduċi referenza dinamika għall-Konvenzjoni fil-Protokoll 4, sabiex jaċċerta li dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ.

(9)

Barra minn hekk, l-Unjoni u l-Marokk qablu li japplikaw sett ta’ regoli tal-oriġini tranżizzjonali li jirriflettu dawk tal-Konvenzjoni emendata, li jistgħu jintużaw b’mod bilaterali sal-31 ta’ Diċembru 2027 jew sakemm il-Konvenzjoni, kif emendata u ppubblikata l-aħħar f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tiġi ppubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Marokk, skont liema minn dawn jiġi l-ewwel.

(10)

Barra minn hekk, wara talba mill-Marokk dwar l-esportazzjonijiet mill-Unjoni lejn il-Marokk, xi kwantitajiet limitati ta’ ċerti żjut veġetali u prodotti tat-tabakk jistgħu jibbenefikaw minn trattament preferenzjali taħt kundizzjonijiet speċifiċi għal ħames snin mid-data tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li temenda l-Protokoll 4.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll 4 jiġi emendat biex jiġi inkluż sett alternattiv ta’ regoli tal-oriġini kif ukoll sistema ta’ kwoti għal ċerti żjut veġetali u prodotti tat-tabakk.

(12)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, dwar l-emendar tal-Protokoll 4 ta’ dak il-Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

L. AAGAARD


(1)   ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2.

(2)  Id-Deċiżjoni 2000/204/KE, KEFA, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2000 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU L 70, 18.3.2000, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2000/204/oj).

(3)   ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/94(1)/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 dwar l-emendar tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji [2024/390] (ĠU L, 2024/390, 19.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/390/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2024 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji tat-12 ta’ Diċembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-użu taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku fil-qafas ta’ dik il-Konvenzjoni applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2025 [2025/16] (ĠU L, 2025/16, 9.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/16/oj).

(7)  Id-Deċiżjoni Nru 2/2024 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji tat-12 ta’ Diċembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt sabiex jiġu inklużi dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-emendi tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2025 [2025/17] (ĠU L, 2025/17, 9.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/17/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1947/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)