Brussell, 21.12.2021

COM(2021) 825 final

2021/0435(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1561 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lill-Ungerija biex ittaffi r-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

   

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew li huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ bis-saħħa ta’ SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala wieħed anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.

Fit-23 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lill-Ungerija bil-għan li tissupplimenta l-isforzi nazzjonali tagħha biex tittratta l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

Fl-1 ta’ Diċembru 2021, l-Ungerija talbet mill-ġdid assistenza finanzjarja mill-Unjoni bis-saħħa tar-Regolament SURE.

F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat mal-awtoritajiet Ungeriżi biex tivverifika ż-żieda f’daqqa u severa fin-nefqa reali u ppjanata direttament relatata mal-miżuri tas-suq tax-xogħol tal-Ungerija u kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dawn il-miżuri jappartjenu għal taħlita ta’ miżura ġdida u miżuri eżistenti msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1561:

(a)eżenzjoni eżistenti mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u mill-imposta tat-taħriġ tal-impjegaturi minn Marzu sa Diċembru 2020, kif ukoll tnaqqis fit-taxxa ta’ kontribuzzjoni ta’ riabilitazzjoni tal-impjegaturi għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020 għas-setturi l-aktar milquta mill-pandemija, ġew estiżi sa tmiem l-istat ta’ emerġenza, b’nefqa li tkopri l-perjodu minn Diċembru 2020 sa Ġunju 2021.

(b)esklużjoni eżistenti ta’ kostijiet tal-persunal mill-bażi għat-taxxa tat-taxxa tal-impriżi żgħar (“KIVA”), għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020 fis-setturi l-aktar milquta mill-pandemija, ġiet estiża sa tmiem l-istat ta’ emerġenza, b’nefqa li tkopri l-perjodu minn Diċembru 2020 sa Ġunju 2021. Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa totali relatata mal-kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol jew meta l-impjegati jkunu kontinwament fl-impjieg sad-data tal-eżitu disponibbli l-aħħar.

(c)eżenzjoni eżistenti mir-reġim tat-taxxa f’somma waħda f’daqqa (“KATA”), għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020 għal kontribwenti tat-taxxa żgħar f’ċertu setturi, ġiet estiża sa tmiem l-istat ta’ emerġenza, b’nefqa li tkopri Marzu u April 2021. Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed.

(d)skema ġdida ta’ appoġġ ta’ darba għall-introjtu għal dawk li jaħdmu għal rashom f’setturi affettwati mill-miżuri ta’ lockdown bil-kundizzjoni li jżommu l-attivitajiet tagħhom għal mill-inqas xahrejn wara t-tmiem prospettiv tal-istat ta’ emerġenza. Il-pagament ta’ darba jammonta għall-paga minima garantita ta’ kull xahar (HUF 219 000). Il-perjodu ta’ eliġibbiltà jintemm mat-tmiem tal-istat ta’ emerġenza. Il-grupp fil-mira tal-iskema huma intraprendituri uniċi li ma għandhomx impjegati, li mhumiex eliġibbli għal appoġġ taħt l-iskema tal-pagi settorjali.

L-Ungerija pprovdiet l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

Filwaqt li qieset l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni sabiex tingħata assistenza finanzjarja lill-Ungerija bis-saħħa tar-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672, li bis-saħħa tiegħu qed issir il-proposta.

Din il-proposta qed issir apparti strument ieħor tad-dritt tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi tas-saħħa pubblika maġġuri u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’rispons għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġjaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġja ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.

Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

•Proporzjonalità

Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

•Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta t-teħid ta’ self fis-swieq finanzjarji bil-għan li tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja bis-saħħa tal-istrument SURE.

Minbarra l-għoti tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;

·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti li jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll

·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

2021/0435 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1561 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lill-Ungerija biex ittaffi r-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Wara talba mill-Ungerija fis-6 ta’ Awwissu 2020, fit-23 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lill-Ungerija fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 504 330 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali tal-Ungerija biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

(2)Is-self kellu jintuża mill-Ungerija biex tiffinanzja miżuri simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri relatati mas-saħħa, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1561 2 .

(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 waqqfet parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fl-Ungerija. Dan wassal għal żieda f’daqqa u severa fin-nefqa pubblika fl-Ungerija fir-rigward ta’ miżura ġdida, jiġifieri skema ta’ appoġġ ta’ darba għall-introjtu għall-persuni li jaħdmu għal rashom f’setturi affettwati mill-miżuri ta’ protezzjoni u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(f), (g), (h), (i) u (j) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1561.

(4)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji li implimentat l-Ungerija fl-2020 u fl-2021 biex trażżan dik it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku kif ukoll dak relatat mas-saħħa tagħha kellhom u għad għandhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. L-Ungerija kellha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 8,0 % u 80,1 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont it-tbassir tal-ħarifa 2021 tal-Kummissjoni, id-defiċit u d-dejn tal-gvern estiż tal-Ungerija huma mbassra li jonqsu għal 7,5 % u 79,2 % tal-PDG rispettivament fl-2021 u l-PDG tal-Ungerija huwa proġettat li jiżdied b’7,4 % fl-2021.

(5)Fl-1 ta’ Diċembru 2021, l-Ungerija talbet assistenza finanzjarja ulterjuri mill-Unjoni ta’ EUR 147 140 000 bil-ħsieb li tkompli tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha li wettqet fl-2020 u l-2021 biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom. B’mod partikolari dan jikkonċerna l-miżuri stabbiliti fil-premessi 6 sa 8.

(6)Abbażi tad-“Digriet tal-Gvern Nru 485/2020 (XI. 10.)” 3 , l-awtoritajiet estendew sa tmiem l-istat ta’ emerġenza u emendaw għadd ta’ miżuri relatati mat-taxxa, kif imsemmi fl-Artikoli 3 (f), (g), (h) u (j) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1561. Is-self intalab biex ikopri n-nefqa għall-perjodu minn Diċembru 2020 sa Ġunju 2021 biss. Id-digriet fih kundizzjoni espliċita għall-benefiċjarji biex iżommu kuntratti ta’ impjieg li kienu fis-seħħ fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tad-digriet u biex ma jitterminawx dawn il-kuntratti b’avviż mill-impjegatur għat-tul tal-miżura. L-ambitu tas-setturi eliġibbli għall-appoġġ ġie modifikat meta mqabbel mat-tfassil inizjali tal-miżuri, kif emendat fid-Digrieti tal-Gvern 4 .

L-awtoritajiet introduċew eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u mill-imposta tat-taħriġ tal-impjegaturi, inizjalment għall-perjodu minn Marzu sa Diċembru 2020, kif ukoll tnaqqis fit-taxxa ta’ kontribuzzjoni ta’ riabilitazzjoni tal-impjegaturi, inizjalment għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020 għas-setturi l-aktar milquta mill-pandemija.

L-awtoritajiet introduċew ukoll eżenzjoni ta’ kostijiet tal-persunal mill-bażi għat-taxxa tat-taxxa tal-impriżi żgħar (“KIVA”), inizjalment għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020.

Għal dawn il-miżuri kollha, ġiet mitluba biss il-parti tan-nefqa totali (jew dħul mitluf) relatata mal-kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol jew meta l-impjegati jkunu kontinwament fl-impjieg sad-data tal-eżitu disponibbli l-aħħar. Minħabba li dawk il-miżuri jikkonsistu minn dħul mitluf għall-Gvern, dawn jistgħu jitqiesu li huma ekwivalenti għal nefqa pubblika.

(7)Ukoll fir-rigward tal-miżuri relatati mat-taxxa, abbażi tad-“Digriet tal-Gvern Nru 105/2021 (III. 3.)”, “Digriet tal-Gvern Nru 147/2021 (III. 27)” u “Digriet tal-Gvern Nru 204/2021 (IV. 29)” 5 ., l-awtoritajiet emendaw l-eżenzjoni mir-reġim tat-taxxa f’somma waħda f’daqqa għan-negozji żgħar (“KATA”), kif imsemmi fl-Artikolu 3(i) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1561, li inizjalment ġiet introdotta għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020 u estiża għall-perjodu minn Marzu sa April 2021. Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed. Il-miżura tista’ titqies bħala miżura simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu.

(8)Bid-“Digriet tal-Gvern Nru 310/2021. (VI. 7.), dwar l-appoġġ f’kumpens għal dawk li jaħdmu għal rashom, l-Ungerija introduċiet ukoll skema ġdida ta’ appoġġ ta’ darba għall-introjtu għal dawk li jaħdmu għal rashom f’setturi affettwati mill-miżuri ta’ lockdown bil-kundizzjoni li jżommu l-attivitajiet tagħhom għal mill-inqas xahrejn wara t-tmiem prospettiv tal-istat ta’ emerġenza 6 . Il-pagament ta’ darba jammonta għall-paga minima garantita ta’ kull xahar (HUF 219 000). Il-perjodu ta’ eliġibbiltà jintemm mat-tmiem tal-istat ta’ emerġenza. Il-grupp fil-mira tal-iskema huma intraprendituri uniċi li ma għandhomx impjegati, li mhumiex eliġibbli għal appoġġ taħt skema tal-pagi settorjali. Il-miżura tista’ titqies bħala miżura simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu.

(9)L-Ungerija tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. L-Ungerija pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika reali u ppjanata żdiedet bi EUR 897 720 542 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkostitwixxi żieda f’daqqa u severa minħabba li hija relatata kemm ma’ miżura ġdida kif ukoll ma’ estensjoni tal-miżuri eżistenti direttament relatati ma’ miżuri simili bħall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar li jkopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fl-Ungerija. L-Ungerija ffinanzjat EUR 113 740 000 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni. L-Ungerija ffinanzjat EUR 132 510 542 tal-ammont miżjud tan-nefqa pubblika permezz tal-fondi tagħha stess.

(10)Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Ungerija u vverifikat iż-żieda f’daqqa u severa fin-nefqa pubblika reali u ppjanata direttament relatata ma’ miżuri simili għall-skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fit-talba tal-1 ta’ Diċembru 2021, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(11)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li tgħin lill-Ungerija tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(12)Jenħtieġ li l-Ungerija u l-Kummissjoni jqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

(13)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(14)Jenħtieġ li l-Ungerija tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn l-Ungerija implimentat dik in-nefqa.

(15)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u mistennija tal-Ungerija, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1561 hija emendata kif ġej:

(1)    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ungerija self li jammonta għal massimu ta’ EUR 651 470 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.’;

(b)    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672. Kwalunkwe ħlas parzjali sussegwenti għandu jiġi rilaxxat f’konformità mat-termini ta’ dak il-ftehim ta’ self jew, fejn rilevanti, ikun soġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ addendum għal dan, jew ta’ ftehim ta’ self emendat.”;

(2)    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

L-Ungerija tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)    appoġġ temporanju biex tittejjeb l-akkomodazzjoni fid-destinazzjonijiet turistiċi biex tinżamm il-forza tax-xogħol eżistenti, kif previst bir-Riżoluzzjoni tal-Gvern 2080/2020 dwar l-iżvilupp nazzjonali ta’ akkomodazzjoni, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;

(b)    appoġġ temporanju għal kumpaniji tal-ipproċessar tal-ikel, kif previst mid-Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru 25/2020, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;

(c)    appoġġ temporanju għal kumpaniji ortikulturali fis-setturi tat-tkabbir ta’ għelejjel mhux perenni u ta’ propagazzjoni tal-pjanti kif previst mid-Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru 26/2020, għall-parti ta’ nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;

(d)    appoġġ temporanju għal kumpaniji ta’ trobbija tal-ħut, kif previst mid-Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru 30/2020, għall-parti ta’ nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;

(e)    l-estensjoni, sat-30 ta’ Ġunju 2020, ta’ dawk il-benefiċċji għat-tħaris tat-tfal li skadew matul il-perijodu tal-istat ta’ periklu, kif previst mid-Digriet tal-Gvern Nru 59/2020. (III. 23.) u l-Artikolu 71 tal-Att LVIII 2020;

(f)    is-sospensjoni tat-taxxa tal-kontribuzzjoni soċjali tal-impjegaturi f’ċerti setturi, kif previst mill-punt (a) tal-Artikolu 4 tad-“Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)” (kif emendat), għal parti min-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol, jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg, kif estiża u emendata;

(g)    eżenzjonijiet mill-imposta tat-taħriġ tal-impjegaturi f’ċerti setturi, kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 4 tad-“Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)” (kif emendat), għal parti min-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol, jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg, kif estiżi u emendati;

(h)    it-tnaqqis tat-taxxa ta’ kontribuzzjoni ta’ riabilitazzjoni tal-impjegaturi f’ċerti setturi kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 4 tad-“Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)” (kif emendat), għal parti min-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol, jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg, kif estiż u emendat;

(i)    eżenzjoni mit-taxxa għall-kontribwenti tat-taxxa żgħar mir-reġim tat-taxxa f’somma waħda f’daqqa (“KATA”) f’ċerti setturi, kif previst fl-Artikolu 5 tad-“Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)” (kif emendat), għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed, kif estiża u emendata;

(j)    l-esklużjoni tal-kostijiet tal-persunal mill-bażi għat-taxxa tat-taxxa tal-intrapriżi ż-żgħar (“KIVA”) f’ċerti setturi, kif previst mid-Digriet tal-Gvern Nru 47/2020. (III. 18.)” (kif emendat), għal parti min-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol, jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg, kif estiża u emendata;

(k)    benefiċċju mogħti bħala somma waħda f’daqqa bħala rikonoxximent tax-xogħol żejjed tagħhom matul il-pandemija, kif previst mid-“Digriet tal-Gvern Nru 275/2020. (VI. 12.)”;

(l)    kostijiet relatati mal-miżuri speċjali biex tiġi kkontrollata l-pandemija introdotti f’kumpaniji sjieda tal-istat;

(m)    kostijiet relatati ma’ miżuri speċjali biex tiġi kkontrollata l-pandemija u biex tipproteġi s-saħħa personali tal-uffiċjali pubbliċi kif previst mid-“Digriet tal-Gvern Nru 250/2014. (X. 2.) dwar id-Direttorat Ġenerali għall-Akkwist Pubbliku u l-Forniment (KEF)”;

(n)    kostijiet relatati mal-infrastruttura u l-investiment fi sptarijiet għal protezzjoni ta’ livell għoli tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u tal-pazjenti, kif previst mir-“Riżoluzzjoni tal-Gvern 1012/2020. (I. 31.) dwar it-Twaqqif tal-Persunal Operattiv”;

(o)    kostijiet diretti ta’ għodod u tagħmir għall-protezzjoni personali fi sptarijiet u f’istituzzjonijiet oħra għall-kura tas-saħħa għal protezzjoni ta’ livell għoli tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, kif previst mir-“Riżoluzzjoni tal-Gvern 1012/2020. (I. 31) dwar it-Twaqqif tal-Persunal Operattiv”.

(p)    skema ta’ appoġġ ta’ darba għall-introjtu għal dawk li jaħdmu għal rashom f’setturi affettwati mill-miżuri ta’ protezzjoni bil-kundizzjoni li jżommu l-attivitajiet tagħhom għal mill-inqas xahrejn wara t-tmiem prospettiv tal-istat ta’ emerġenza, kif previst mid-Digriet tal-Gvern Nru 310/2021;

 

(3)L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

1.L-Ungerija għandha tinforma lill-Kummissjoni sat-28 ta’ April 2021, u kull sitt xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

2.Jekk il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 ikunu bbażati fuq nefqa pubblika ppjanata u jkunu ġew soġġetti għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1561, l-Ungerija għandha tinforma lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, u kull sitt xhur minn hemm ’il quddiem dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata bis-sħiħ.” .

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.
(2)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1561 tat-23 ta’ Ottubru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lill-Ungerija biex ittaffi r-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 357, 27.10.2020, p. 24).
(3)    Ippromulgat fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża (XI. 10).
(4)    Ara l-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 571/2020 (XII. 9.), l-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 638/2020 (XII. 22.), l-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 105/2021 (III. 3.), l-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 147/2021 (III. 27.) u l-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 204/2021 (IV. 29.).
(5)    L-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 147/2021 (III. 27), l-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 204/2021 (IV. 29).
(6)    Id-“Digriet tal-Gvern Nru 310/2021. (VI. 7.)” dwar l-appoġġ f’kumpens għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif imsemmi fit-talba tal-Ungerija tal-1 ta’ Diċembru 2021.