8.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 121/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/570

tal-24 ta’ Ottubru 2019

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar kummerċ u kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħha fil-programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209 flimkien mal-Artikolu 218(5) u (7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Ġunju 2007 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Protokoll għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar kummerċ u kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħha fil-programmi tal-Unjoni (“il-Protokoll”).

(2)

In-negozjati ġew konklużi.

(3)

L-objettiv tal-Protokoll huwa li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u tekniċi li jippermettu lill-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża (‘l-Awtorità Palestinjana’) li tipparteċipa f’ċerti programmi tal-Unjoni. Il-qafas orizzontali stabbilit mill-Protokoll jistipula prinċipji għal miżuri ta’ kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika u jippermettu lill-Awtorità Palestinjana tirċievi għajnuna teknika, b’mod partikolari għajnuna finanzjarja, mill-Unjoni taħt dawk il-programmi. Il-qafas japplika biss għal dawk il-programmi tal-Unjoni li għalihom l-atti legali kostituttivi rilevanti jipprovdu għall-possibbiltà tal-parteċipazzjoni tal-Awtorità Palestinjana. L-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll għalhekk ma jinvolvux l-eżerċizzju ta’ setgħat, taħt id-diversi politiki settorjali segwiti mill-programmi, li huma eżerċitati meta jiġu stabbiliti l-programmi.

(4)

Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat u applikat fuq bażi provviżorja, sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar kummerċ u kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħha fil-programmi tal-Unjoni huwa b’hekk awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi.

It-test tal-Protokoll huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja, f’konformità mal-Artikolu 10 tal-Protokoll, mid-data tal-iffirmar tiegħu, sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu (1).

Artikolu 4

Il-Kummissjoni hija awtorizzata biex tistabbilixxi, f’isem l-Unjoni, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Awtorità Palestinjana fi kwalunkwe programm partikolari tal-Unjoni, inkluża l-kontribuzzjoni finanzjarja li jkollha titħallas. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill infurmat.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

A.-K. PEKONEN


(1)  Id-data tal-iffirmar tal-Protokoll se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.