SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
27 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Benefiċċji ta’ manteniment stabbiliti permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat terz – Kredituri ta’ manteniment residenti f’dan l-Istat terz, li jkollhom jew in-nazzjonalità tal-imsemmi Stat terz biss, jew din in-nazzjonalità u dik ta’ Stat Membru – Debitur ta’ manteniment, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, li jkollu r-residenza abitwali tiegħu fl-imsemmi Stat Membru – Talba għal modifika ta’ din id-deċiżjoni mressqa minn dan id-debitur ta’ manteniment quddiem il-qorti tal-istess Stat Membru – Determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni”
Fil-Kawża C‑67/24 [Amozov] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Jannar 2024, fil-proċedura
R. K.
vs
K. Ch.,
D. K.,
E. K.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, N. Piçarra u O. Spineanu‑Matei (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, J. Ramos, V. Sequeira u M. Vara, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Rousseva u W. Wils, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-premessa 15 kif ukoll tal-Artikoli 3 u 6 sa 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19, u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, R. K. U, min-naħa l-oħra, l-eks konjuġi tiegħu, K. Ch., u wliedu, D. K. u E. K., dwar il-modifika ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat terz li tistabbilixxi l-ammont ta’ benefiċċji ta’ manteniment. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 9 sa 11 u 15 sa 17 tar-Regolament Nru 4/2009 jipprovdu:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dan ir-Regolament għandu japplika għall-obbligi ta’ manteniment li ġejjin minn relazzjonijiet tal-familja, parentela, żwieġ jew affinità.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punt 1 tal-paragrafu 1 tiegħu: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
|
|
6 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi: “Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:
|
|
7 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Għażla tal-qorti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-partijiet jistgħu jaqblu li l-qorti jew il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni biex isolvu kwalunkwe tilwima fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligu ta’ manteniment li nqalgħu jew li jistgħu jinqalgħu bejniethom: […]” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni bbażata fuq il-preżenza tal-konvenut”: “Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandhiex tapplika jekk il-preżenza saret biex tkun ikkontestata l-ġurisdizzjoni.” |
|
9 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni sussidjarja”, jipprovdi: “Fejn l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 3, 4 u 5, u l-ebda qorti ta’ Stat li huwa parti għall-Konvenzjoni [dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007 (iktar’ il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Lugano’), li l-konklużjoni tagħha ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas‑27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147),] li mhijiex Stat Membru għandha ġurisdizzjoni skont dik il-Konvenzjoni, il-qrati tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-partijiet għandu jkollhom ġurisdizzjoni.” |
|
10 |
L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Forum necessitatis”, huwa fformolat kif ġej: “Jekk l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 3, 4, 5 u 6, il-qrati ta’ Stat Membru jistgħu, fuq bażi eċċezzjonali, jisimgħu l-każ jekk il-proċedimenti ma jkunux jistgħu jiġu introdotti jew jitwettqu raġonevolment, jew ikunu impossibbli fi Stat terz li t-tilwima tkun marbuta miegħu mill-qrib. It-tilwima jrid ikollha rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti invokata.” |
|
11 |
L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Limiti fuq il-proċedimenti”, jipprovdi: “1. Meta tingħata deċiżjoni fi Stat Membru jew fi Stat Kontraenti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 fejn il-kreditur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, il-proċedimenti għall-emenda tad-deċiżjoni jew biex tingħata deċiżjoni ġdida ma jistgħux jitressqu mid-debitur fi kwalunkwe Stat Membru ieħor dment li l-kreditur jibqa’ jkollu r-residenza abitwali tiegħu fl-Istat fejn tkun ingħatat id-deċiżjoni. 2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika:
|
Id-dritt Bulgaru
|
12 |
Il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 4(1) tal-Kodeks na mezhdunarodnoto chastno pravo (il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat) jipprovdi: “(1) Ikun hemm ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati u istanzi Bulgari oħra, meta:
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
13 |
R. K., ta’ nazzjonalità Bulgara, kien miżżewweġ lil K. Ch., ta’ nazzjonalità Kanadiża. Huma kellhom żewġt itfal, D. K. u E. K., ċittadini Kanadiżi u Bulgari. |
|
14 |
Permezz ta’ sentenza mogħtija matul is-sena 2017, il-Cour supérieure de la province du Québec, division des affaires familiales, district de Terrebonne (il-Qorti Superjuri tal-Provinċja ta’ Québec, Sezzjoni tal-Affarijiet Familjali, Distrett ta’ Terrebone, il-Kanada), iddikjarat id-divorzju ta’ R K. u ta’ K. Ch. u ddeċidiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Permezz ta’ din is-sentenza, din il-qorti imponiet fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali l-obbligu li jħallas, lil kull wieħed minn dawn iż-żewġt itfal, benefiċċju ta’ manteniment ta’ 613.75 dollaru Kanadiż (CAD) (madwar EUR 407) u, lill-eks konjuġi tiegħu, benefiċċju ta’ manteniment ta’ CAD 2 727.50 (madwar EUR 1809). |
|
15 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali adixxa lis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba għal modifika tal-obbligi ta’ manteniment hekk stabbiliti, intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-manteniment mogħti favur wieħed mill-imsemmija ulied, li għadu minuri, kif ukoll għat-tneħħija tal-benefiċċji ta’ manteniment stabbiliti favur l-eks konjuġi tiegħu u favur il-wild l-ieħor, li sar maġġorenni. Fid-data tat-tressiq ta’ din it-talba, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien jirrisjedi fil-belt ta’ Sofija (il-Bulgarija) u l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu jirrisjedu fil-Kanada. |
|
16 |
Insostenn tal-imsemmija talba, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreċiża li huwa kien talab il-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment fil-Kanada, peress li l-falliment ġie ddikjarat fil‑21 ta’ Ġunju 2018 permezz ta’ ċertifikat ta’ eżenzjoni mill-obbligazzjonijiet, redatt minn stralċjarju awtorizzat, u li huwa kien telaq mill-Kanada matul is-sena 2019 sabiex jistabbilixxi ruħu f’Sofija. Huwa indika wkoll li kien f’pożizzjoni ta’ qgħad sa mill-aħħar tas-sena 2018 u li ma kellux proprjetajiet immobbli jew proprjetajiet mobbli. |
|
17 |
Is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) innotifikat l-atti ġudizzjarji kkonċernati lill-konvenuti fil-kawża prinċipali, fl-indirizz tagħhom fil-Kanada indikat fil-proċess, permezz ta’ ittra rogatorja. Peress li dawn tal-aħħar ma nstabux f’dan l-indirizz, huma ġew imħarrka permezz ta’ avviż fl-indirizz tagħhom irreġistrat fil-Bulgarija u ġie maħtur mandatarju speċjali għalihom. |
|
18 |
Fir-risposta ppreżentata minn dan il-mandatarju, dan allega li l-qrati Bulgari ma kellhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba għal modifika tal-obbligi ta’ manteniment inkwistjoni, peress li l-konvenuti fil-kawża prinċipali, kredituri ta’ manteniment, ma kellhomx ir-residenza abitwali tagħhom fil-Bulgarija. |
|
19 |
Permezz ta’ digriet tas‑6 ta’ Marzu 2023, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) għalqet il-proċedura minħabba l-assenza ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Bulgari. Din il-qorti kkonstatat, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-premessa 15 tar-Regolament Nru 4/2009, li dan ir-regolament għandu portata universali u li japplika għar-relazzjonijiet ma’ Stati terzi, bħall-Kanada. |
|
20 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella minn dan id-digriet quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija). Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Awwissu 2023, din il-qorti annullat l-imsemmi digriet tas-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) u bagħtet lura l-kawża quddiemha għall-iżvolġiment tal-proċedura. |
|
21 |
Sabiex timmotiva din id-deċiżjoni ta’ annullament, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet, l-ewwel nett, li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikoli 3 et seq tar-Regolament Nru 4/2009 ma japplikawx fir-relazzjonijiet ma’ Stati terzi. It-tieni nett, din il-qorti rrilevat li l-premessa 15 ta’ dan ir-regolament tirrigwarda t-talbiet imressqa mill-kredituri ta’ manteniment u mhux dawk ifformulati mid-debituri ta’ manteniment u li din il-premessa ma għandhiex tinqara flimkien mal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, li jipprevedi regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni, iżda mal-Artikolu 6 tal-istess regolament, li jirregola l-ġurisdizzjoni sussidjarja. It-tielet nett, l-imsemmija qorti kkonstatat li l-eks konjuġi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ċittadina Kanadiża, ma hijiex suġġetta għad-dritt tal-Unjoni. Ir-raba’ nett, l-istess qorti osservat li, fin-nuqqas ta’ trattat fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u l-Kanada, ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali ma humiex irregolati mid-dritt internazzjonali. Konsegwentement, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) stabbilixxiet il-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari abbażi tan-nazzjonalità Bulgara tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, konformement mar-regoli nazzjonali tad-dritt internazzjonali privat. |
|
22 |
Is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) tiddikjara li ma taqbilx mal-interpretazzjoni li waslet għaliha s-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) u li għandha dubji dwar jekk ikunx hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4/2009 fil-każ li l-kawża prinċipali tiġi deċiża konformement mal-istruzzjonijiet vinkolanti ta’ din l-aħħar qorti. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) ddeċidietx korrettament li l-premessa 15 tar-Regolament Nru 4/2009 teskludi mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ir-relazzjonijiet bejn il-persuni residenti fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini ta’ Stati terzi. |
|
24 |
Fit-tieni lok, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk talba għal modifika ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi l-ammont ta’ benefiċċji ta’ manteniment, intiża, parzjalment, sabiex jitnaqqas dan l-ammont u, parzjalment, sabiex jitneħħa dan il-manteniment, taqax taħt il-kunċett ta’ “talba għal manteniment”, kunċett essenzjali sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 4/2009. L-imsemmija qorti ssostni li jista’ jkun hemm lok għal dubji f’dan ir-rigward minħabba l-għan ta’ protezzjoni tal-kredituri ta’ manteniment fid-dawl tal-premessi 9 sa 11 ta’ dan ir-regolament. Hija tixtieq tkun taf ukoll jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-imsemmi regolament, bl-esklużjoni ta’ dik stabbilita fl-Artikolu 8 tiegħu, li hija tqis li ma humiex applikabbli peress li l-Kanada saret parti kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑2007 biss mill‑1 ta’ Frar 2024, japplikawx għal tali talbiet għal modifika. |
|
25 |
Fil-każ li jiġi deċiż li tali talbiet jaqgħu taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 4/2009, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fit-tielet lok, jekk il-ġurisdizzjoni sussidjarja prevista fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament tapplikax meta tnejn mill-konvenuti fil-kawża prinċipali jkollhom, minbarra n-nazzjonalità li huma għandhom komunament ma’ dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, in-nazzjonalità ta’ Stat terz. |
|
26 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, din il-qorti tistaqsi jekk hija tistax tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni skont il-“forum necessitatis”, konformement mal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
|
28 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li titressaq quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk ikun il-każ, għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Il-fatt li, formalment, qorti nazzjonali tkun ifformulat domanda preliminari billi tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li titressaq quddiemha, irrispettivament minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Herbaria Kräuterparadies,C‑240/23, EU:C:2024:852, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, minn naħa, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 4/2009 sa fejn, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk talba għal modifika ta’ deċiżjoni dwar obbligi ta’ manteniment, intiża, parzjalment, sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ benefiċċju ta’ manteniment u, parzjalment, sabiex jitneħħew l-obbligi kkonċernati, imressqa mid-debitur ta’ dawn l-obbligi kontra l-kredituri tagħhom li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat terz li ma huwiex Stat Parti fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑2007, taqax, bl-istess mod bħal talba intiża għall-kisba ta’ tali deċiżjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minnu. Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-imsemmi regolament ikun applikabbli f’dan il-każ, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ wħud minn dawn ir-regoli sabiex tiddetermina jekk għandhiex ġurisdizzjoni, skont l-istess regolament, għall-konjizzjoni ta’ talba bħal dik fil-kawża prinċipali. |
|
30 |
Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni domanda li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 għandhom jiġu eżaminati flimkien u, sussegwentement, għandhom jiġu analizzati suċċessivament it-tielet u r-raba’ domanda li jirrigwardaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-regolament. |
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
|
31 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4/2009, moqri fid-dawl tal-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li talba għal modifika ta’ deċiżjoni dwar obbligi ta’ manteniment mogħtija minn qorti ta’ Stat terz li ma huwiex Stat Parti fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑2007, intiża, parzjalment, sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ manteniment u, parzjalment, sabiex jitneħħew l-obbligi kkonċernati, imressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru mid-debitur ta’ dawn l-obbligi, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru u li jkollu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, kontra l-kredituri tal-imsemmija obbligi li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat terz, fejn wieħed minnhom biss ikun ċittadin tal-imsemmi Stat terz u l-oħrajn ċittadini tiegħu kif ukoll tal-istess Stat Membru, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. |
|
32 |
Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4/2009, dan japplika għall-“obbligi ta’ manteniment” li jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ familja, ta’ parentela, ta’ żwieġ jew ta’ affinità. |
|
33 |
Skont il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, “[i]l-fatt li konvenut ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Terz m’għandux jibqa’ fattur għall-esklużjoni ta’ l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetenza”. |
|
34 |
Għalhekk, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4/2009, moqri fid-dawl tal-premessa 15 tiegħu, jirriżulta li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament għandhom għan universali sa fejn dawn jistgħu jwasslu sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat terz u li l-imsemmi regolament japplika għall-“obbligi ta’ manteniment”, mingħajr ebda distinzjoni bejn, minn naħa, it-talbiet għall-għoti ta’ manteniment u dawk intiżi sabiex tinkiseb żieda tal-ammont tal-benefiċċji ta’ manteniment, imressqa minn kredituri ta’ manteniment, u, min-naħa l-oħra, it-talbiet għal modifika tal-obbligi ta’ manteniment intiżi sabiex jitnaqqsu tali ammonti jew sabiex jitneħħew dawn l-obbligi, imressqa mid-debituri tal-imsemmija obbligi. |
|
35 |
Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-iskema tar-Regolament Nru 4/2009. |
|
36 |
Fil-fatt, dan jipprevedi, fil-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Ġurisdizzjoni”, ir-regoli kollha applikabbli sabiex tiġi identifikata l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, filwaqt li l-premessa 15 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li ma għandux jiġi previst iktar kwalunkwe riferiment għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tad-dritt nazzjonali, peress li r-regoli li jirriżultaw mill-imsemmi regolament għandhom jitqiesu li huma eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, R (Ġurisdizzjoni responsabbli u obbligu ta’ manteniment), C‑468/18, EU:C:2019:666, punt 42). |
|
37 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-punt dwar jekk talba għal modifika ta’ deċiżjoni dwar obbligi ta’ manteniment mogħtija minn qorti ta’ Stat terz li ma huwiex Stat Parti fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑2007, imressqa mid-debitur tal-obbligu kkonċernat, taqax, bl-istess mod bħal talba għall-għoti ta’ manteniment, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 u, konsegwentement, taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 7 tiegħu, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, kif tiddikjara l-premessa 11 ta’ dan ir-regolament, il-kunċett ta’ “obbligu ta’ manteniment” jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. |
|
38 |
Fit-tieni lok, ir-Regolament Nru 4/2009 juża sistematikament l-espressjoni “obbligi ta’ manteniment”. Għalhekk, bħala eżempju, il-punt 1 tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “deċiżjoni” bħala deċiżjoni fil-qasam tal-“obbligi ta’ manteniment”, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ġenerali previsti fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament huma intiżi li jiddeterminaw il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fil-qasam tal-“obbligi ta’ manteniment” u, skont l-Artikolu 4 tal-istess regolament, il-partijiet jistgħu jirrikorru għall-għażla tal-qorti sabiex isolvu tilwim fil-qasam tal-“obbligi ta’ manteniment”. |
|
39 |
Fit-tielet lok, għalkemm ir-Regolament Nru 4/2009 jiddistingwi bejn il-kredituri u d-debituri ta’ manteniment, xorta jibqa’ l-fatt li huwa juża wkoll il-kunċett ta’ “konvenut” mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont jekk dan il-konvenut ikunx kreditur jew debitur ta’ manteniment. Għalhekk, il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament tirreferi għar-residenza abitwali tal-“konvenut” fi Stat terz u l-Artikolu 3(a) tal-imsemmi regolament jipprevedi r-regola ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post fejn il-“konvenut” ikollu r-residenza abitwali tiegħu. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-Artikolu 3 tal-istess regolament joffri lill-kreditur ta’ manteniment, “meta jaġixxi bħala applikant”, il-possibbiltà li jippreżenta t-talba tiegħu billi jagħżel bażijiet ta’ ġurisdizzjoni oħra meta mqabbla ma’ dik prevista fl-imsemmi Artikolu 3(a) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, R (Ġurisdizzjoni responsabbli u obbligu ta’ manteniment), C‑468/18, EU:C:2019:666, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Konsegwentement, azzjoni li għandha bħala suġġett talba għal modifika ta’ deċiżjoni dwar obbligi ta’ manteniment, imressqa mid-debitur, li fil-kuntest tagħha l-kreditur ta’ manteniment jaġixxi bħala konvenut, tikkostitwixxi azzjoni “f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment” u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 bl-istess mod bħal azzjoni li jkollha bħala suġġett talba għall-għoti ta’ manteniment, imressqa mill-kreditur ta’ manteniment. |
|
42 |
Il-fatt li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 4/2009 jirrigwarda s-sitwazzjoni partikolari ta’ talba għal modifika ta’ deċiżjoni dwar obbligi ta’ manteniment mogħtija fi Stat Membru jew fi Stat Parti fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑2007 fejn il-kreditur ikollu r-residenza abitwali tiegħu ma jippermettix li jiġi konkluż li talba għal modifika ta’ deċiżjoni dwar obbligi ta’ manteniment mogħtija minn qorti ta’ Stat terz li ma jkunx parti f’din il-konvenzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
|
43 |
Għaldaqstant, f’sitwazzjonijiet għajr dik prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 4/2009, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali talba għandha tiġi ddeterminata konformement mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ dan ir-regolament. |
|
44 |
Tali interpretazzjoni tissodisfa l-għan ta’ protezzjoni tal-kreditur ta’ manteniment, persegwit mir-Regolament Nru 4/2009. Fil-fatt, skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għal modifika ta’ deċiżjoni li tikkonċerna obbligu ta’ manteniment li ma huwiex anċillari għal azzjoni dwar l-istatus ta’ persuna jew ir-responsabbiltà tal-ġenituri, tiġi stabbilita skont il-kriterju tar-residenza abitwali tal-kreditur, jew skont l-Artikolu 3(a) tal-imsemmi regolament, meta l-kreditur jaġixxi fil-kwalità ta’ konvenut, jew skont l-Artikolu 3(b) tal-istess regolament, meta jaġixxi fil-kwalità ta’ rikorrent. |
|
45 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat preliminarjament li, fid-data li fiha ngħatat is-sentenza msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, il-Kanada ma kinitx parti fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑2007. Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, anki jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 4/2009 ma humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali, it-talba għal modifika tal-obbligi ta’ manteniment stabbiliti minn din is-sentenza taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Il-qorti tar-rinviju għandha, għaldaqstant, tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali talba billi teżamina suċċessivament jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, u, jekk ikun il-każ, dawk tal-Artikoli 6 u 7 tal-istess regolament humiex issodisfatti. |
|
46 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, għandu jiġi osservat li dan l-Artikolu 3(ċ) u (d) ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, peress li din it-talba għal modifika la hija anċillari għal azzjoni dwar l-istatus ta’ persuna u lanqas għal azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Il-qorti tar-rinviju lanqas ma tidher li tista’ tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq l-imsemmi Artikolu 3(a) u (b). Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi għall-qorti tal-post fejn il-konvenut ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jew għal dik tal-post fejn il-kreditur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jiġifieri, fil-każ ineżami, fiż-żewġ każijiet, il-Kanada. |
|
47 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4/2009, moqri fid-dawl tal-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li talba għal modifika ta’ deċiżjoni dwar obbligi ta’ manteniment mogħtija minn qorti ta’ Stat terz li ma jkunx Stat Parti fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑2007, intiża, parzjalment, sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ manteniment u, parzjalment, sabiex jitneħħew l-obbligi kkonċernati, imressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru mid-debitur ta’ dawn l-obbligi, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru u li jkollu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, kontra l-kredituri tal-imsemmija obbligi li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat terz, fejn wieħed minnhom biss ikun ċittadin tal-imsemmi Stat terz u l-oħrajn ikunu ċittadini tiegħu kif ukoll tal-istess Stat Membru, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. |
Fuq it-tielet domanda
|
48 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 4/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ ġurisdizzjoni sussidjarja tal-qrati tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-partijiet tapplikax meta, minbarra n-nazzjonalità tal-Istat Membru tal-qorti adita, il-konvenuti jkollhom in-nazzjonalità ta’ Stat terz. |
|
49 |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 4/2009 jistabbilixxi ġurisdizzjoni sussidjarja favur il-qrati tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-partijiet, meta ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 3 sa 5 ta’ dan ir-regolament u meta ebda qorti ta’ Stat Parti fil-Konvenzjoni ta’ Lugano li ma jkunx Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li dan l-Artikolu 6 ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiġi ddefinita l-portata eżatta tal-kunċett ta’ “nazzjonalità komuni” u ma jistabbilixxi ebda distinzjoni skont jekk persuna għandhiex nazzjonalità waħda jew iktar, peress li l-unika kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-kap ta’ ġurisdizzjoni previst fl-imsemmi Artikolu 6 hija li l-partijiet ikollhom nazzjonalità komuni. |
|
51 |
F’dan il-każ, sa fejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u wliedu għandhom nazzjonalità komuni, jiġifieri n-nazzjonalità Bulgara, din ir-rabta tista’ tkun il-bażi tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju adita bit-talbiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward ta’ dawn l-ulied, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 4/2009. B’kuntrast, din il-qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba li tikkonċerna l-eks konjuġi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, peress li din tal-aħħar għandha biss in-nazzjonalità Kanadiża. |
|
52 |
Fid-dawl ta’ dawn il-motivi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 4/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ ġurisdizzjoni sussidjarja tal-qrati tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-partijiet tapplika meta, minbarra n-nazzjonalità tal-Istat Membru tal-qorti adita, il-konvenuti jkollhom in-nazzjonalità ta’ Stat terz. |
Fuq ir-raba’ domanda
|
53 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, sa fejn mir-risposta mogħtija għat-tielet domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tista’ tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-ulied tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fuq l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 4/2009, l-unika talba li għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament hija dik intiża għat-tneħħija tal-manteniment stabbilit favur l-eks konjuġi ta’ dan ir-rikorrent. |
|
54 |
Konsegwentement, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “każijiet eċċezzjonali”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, li jkun jippermetti lill-qorti ta’ Stat Membru tieħu konjizzjoni ta’ tilwima skont ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tal-forum necessitatis prevista fl-imsemmi artikolu, is-sitwazzjoni li fiha talba għal modifika ta’ deċiżjoni dwar obbligi ta’ manteniment mogħtija minn qorti ta’ Stat terz għajr Stat Parti fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑2007, intiża li tneħħi l-obbligi kkonċernati, titressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru mid-debitur ta’ dawn l-obbligi, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru u li jkollu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tiegħu, kontra l-kreditur tal-imsemmija obbligi, ċittadin ta’ dan l-Istat terz u li jkollu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ dan tal-aħħar. |
|
55 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009, meta ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 3 sa 6 ta’ dan ir-regolament, il-qrati ta’ Stat Membru jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jieħdu konjizzjoni tat-tilwima jekk proċedura ma tkunx tista’ titressaq jew tiżvolġi, jew tkun impossibbli fi Stat terz li t-tilwima jkollha rabta stretta miegħu. Skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 7, it-tilwima għandu jkollha rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti adita. |
|
56 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009 għalhekk jistabbilixxi erba’ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex qorti ta’ Stat Membru, adita b’talba fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, tkun tista’ eċċezzjonalment tikkonstata l-ġurisdizzjoni tagħha skont il-forum necessitatis. L-ewwel nett, din il-qorti għandha tikkonstata li ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 3 sa 6 tar-Regolament Nru 4/2009. It-tieni nett, it-tilwima quddiemha għandu jkollha rabta stretta ma’ Stat terz. It-tielet nett, il-proċedura inkwistjoni ma tistax raġonevolment titressaq jew tiżvolġi jew tkun impossibli f’dan l-Istat terz. Fl-aħħar, ir-raba’ nett, it-tilwima jrid ikollha rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti adita (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, MPA (Residenza abitwali – Stat terz), C‑501/20, EU:C:2022:619, punt 99). |
|
57 |
Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet kollha jiġu ssodisfatti sabiex, skont il-każ, hija tkun tista’ tinvoka r-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009, għandhom isiru l-preċiżazzjonijiet li ġejjin fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet u fid-dawl tal-elementi pprovduti minn din il-qorti. |
|
58 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li ma huwiex biżżejjed li l-qorti adita tikkonstata li ma hemmx ġurisdizzjoni tagħha stess skont l-Artikoli 3 sa 6 tar-Regolament Nru 4/2009, iżda għandha wkoll tiżgura li ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont dawn l-artikoli (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, MPA (Residenza abitwali – Stat terz), C‑501/20, EU:C:2022:619, punt 101). |
|
59 |
F’dan il-każ, fir-rigward tat-talba għat-tneħħija tal-manteniment stabbilita favur l-eks konjuġi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, din il-kundizzjoni tidher issodisfatta, peress li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(a) u (b) ta’ dan ir-regolament twassal għall-konstatazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Kanadiżi, filwaqt li dan l-Artikolu 3(ċ) u (d) kif ukoll l-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmi regolament ma jidhrux li huma applikabbli fil-kawża prinċipali. Bl-istess mod, sa fejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-eks konjuġi tiegħu ma għandhomx nazzjonalità komuni, l-Artikolu 6 tal-istess regolament lanqas ma huwa applikabbli. |
|
60 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li t-tilwima li tkun adita biha l-qorti għandu jkollha rabta mill-qrib ma’ Stat terz, din il-kundizzjoni tidher li hija ssodisfatta wkoll fil-kawża prinċipali, peress li l-eks konjuġi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, kreditur ta’ manteniment bis-saħħa tad-deċiżjoni li ntalbet l-modifika tagħha, għandha r-residenza abitwali tagħha fil-Kanada u hija ta’ nazzjonalità Kanadiża. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ngħatat minn qorti ta’ dan l-Istat terz. |
|
61 |
Fit-tielet lok, sabiex il-qorti ta’ Stat Membru adita tkun tista’, eċċezzjonalment, teżerċita l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009, huwa neċessarju wkoll li l-proċedura inkwistjoni ma tkunx tista’ raġonevolment titressaq jew tiżvolġi jew tkun impossibbli quddiem il-qrati tal-Istat terz ikkonċernat (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, MPA (Residenza abitwali – Stat terz), C‑501/20, EU:C:2022:619, punt 106). |
|
62 |
F’dan ir-rigward, għalkemm il-premessa 16 ta’ dan ir-regolament issemmi l-gwerra ċivili bħala eżempju li fih il-proċedura fl-Istat terz inkwistjoni tkun impossibbli, u b’hekk tintwera n-natura eċċezzjonali tal-każijiet li fihom il-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-forum necessitatis tista’ tiġi eżerċitata, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi regolament ma jipprovdix indikazzjonijiet dwar iċ-ċirkustanzi li fihom il-qorti ta’ Stat Membru adita tista’ tikkonstata li l-proċedura fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment ma tistax raġonevolment titressaq jew tiżvolġi quddiem il-qrati tal-Istat terz ikkonċernat. Madankollu, minn din l-istess premessa 16 jirriżulta li huwa “[s]abiex ikun hemm rimedju, partikolarment għal sitwazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ ġustizzja” li l-forum necessitatis ġie stabbilit sabiex jippermetti, f’każijiet eċċezzjonali, lill-qorti ta’ Stat Membru adita b’kawża li jkollha rabta mill-qrib ma’ Stat terz “meta ma jistax ikun raġonevolment mistenni li l-konvenut jintroduċi jew iwettaq proċedimenti” f’dan l-Istat terz (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, MPA (Residenza abitwali – Stat terz), C‑501/20, EU:C:2022:619, punt 107). |
|
63 |
Għalhekk, minn naħa, li, sabiex, jekk ikun il-każ, tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009, il-qorti ta’ Stat Membru adita ma tistax teżiġi mingħand ir-rikorrent li japplika għall-manteniment li huwa juri li jkun ressaq mingħajr suċċess, jew ipprova jressaq, il-proċedura inkwistjoni quddiem il-qrati tal-Istat terz ikkonċernat. Għalhekk huwa biżżejjed li l-qorti ta’ Stat Membru adita, fid-dawl tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi tal-każ, tkun f’pożizzjoni li tiżgura li l-ostakoli fl-Istat terz ikkonċernat ikunu tali li jkun irraġonevoli li jiġi impost fuq ir-rikorrent li huwa jinvoka pretensjoni ta’ manteniment quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat terz (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, MPA (Residenza abitwali – Stat terz), C‑501/20, EU:C:2022:619, punt 108). |
|
64 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn, kif tindika l-premessa 16 tar-Regolament Nru 4/2009, l-għan tal-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-forum necessitatis huwa li jiġu rrimedjati “b’mod partikolari” sitwazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ ġustizzja, huwa, bħala prinċipju, iġġustifikat li l-qorti ta’ Stat Membru adita tkun tista’ tinvokah, f’każijiet eċċezzjonali u bla ħsara għal analiżi ddettaljata tal-kundizzjonijiet proċedurali tal-Istat terz ikkonċernat, meta l-aċċess għall-ġustizzja f’dan l-Istat terz ikun, fid-dritt jew fil-fatt, ostakolat, b’mod partikolari bl-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet proċedurali li jkunu diskriminatorji jew kuntrarji għall-garanziji fundamentali ta’ proċess ġust (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, MPA (Residenza abitwali – Stat terz), C‑501/20, EU:C:2022:619, punt 110). |
|
65 |
F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda evalwazzjoni dwar l-eventwali impossibbiltà tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jressaq proċeduri fil-Kanada. Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, għandu jiġi osservat li, bħall-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, mill-elementi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li tali impossibbiltà tista’ tiġi invokata fir-rigward tal-Kanada. |
|
66 |
Fir-raba’ u fl-aħħar lok, huwa neċessarju li t-tilwima inkwistjoni jkollha “rabta suffiċjenti” mal-Istat Membru tal-qorti adita, peress li tali rabta tista’ tkun ikkostitwita, kif jirriżulta mill-premessa 16 tar-Regolament Nru 4/2009, min-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, MPA (Residenza abitwali – Stat terz), C‑501/20, EU:C:2022:619, punt 111). Dan jidher li huwa l-każ hawnhekk, peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Bulgaru. |
|
67 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “każijiet eċċezzjonali”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, li jkun jippermetti lill-qorti ta’ Stat Membru tieħu konjizzjoni ta’ tilwima skont ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tal-forum necessitatis prevista fl-imsemmi artikolu, is-sitwazzjoni li fiha talba għal modifika ta’ deċiżjoni dwar obbligi ta’ manteniment mogħtija minn qorti ta’ Stat terz għajr Stat Parti fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑2007, intiża li tneħħi l-obbligi kkonċernati, titressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru mid-debitur ta’ dawn l-obbligi, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru u li jkollu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tiegħu, kontra l-kreditur tal-imsemmija obbligi, ċittadin ta’ dan l-Istat terz u li jkollu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ dan tal-aħħar, bil-kundizzjoni li tali talba ma tkunx tista’ raġonevolment titressaq jew tiżvolġi jew tkun impossibbli quddiem il-qrati tal-Istat terz ikkonċernat. |
Fuq l-ispejjeż
|
68 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.