|
8.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 214/36 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati”
COM(2013) 857 final
2014/C 214/07
Relatur: is-Sinjura Indrė VAREIKYTĖ
Nhar l-4 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati
COM(2013) 857 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Frar 2014.
Matul l-496 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Frar 2014 (seduta tas-26 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'196 vot favur, 7 voti kontra u 6 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, l-apprendistati saru bieb importanti li minnu ż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol. Madankollu, minkejja li l-apprendistati saru standard fis-swieq tax-xogħol Ewropej u ħafna kumpaniji bdew jikkontribwixxu b'mod attiv f'dan il-proċess, it-tixrid tagħhom ġab miegħu tħassib dejjem jikber dwar il-kontenut tat-tagħlim u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjiegi, l-apprendistati għandhom joffru kontenut tat-tagħlim ta' kwalità tajba u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, u m'għandhomx jintużaw minflok l-impjiegi regolari jew jintalbu bħala kundizzjoni għal kollokament f'impjieg. |
|
1.2 |
L-apprendistati huma mezz importanti biex jiġu indirizzati l-qgħad u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet (skills mismatch) u biex issir it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol, iżda m'għandhomx jitqiesu bħala l-uniku mezz biex isir dan. Sabiex jiġu solvuti dawn il-problemi, jinħtieġu politiki kumplessi u interrelatati sew fil-livell Ewropew u sew f'dak nazzjonali. Miżuri adegwati, b'mod partikolari fil-livell nazzjonali, jistgħu jżdidu l-opportunitajiet ta' apprendistat għaż-żgħażagħ. |
|
1.3 |
Flimkien mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi li jsiru fit-test, il-kundizzjonijiet ewlenin biex l-iskemi tal-apprendistati jkunu aħjar u aktar aċċessibbli huma: |
|
1.3.1 |
Ir-Rakkomandazzjoni għandha tinkludi apprendistati marbutin mal-programmi edukattivi u apprendistati marbutin mal-politiki attivi fis-suq tax-xogħol (maħsuba għaż-żgħażagħ qiegħda li normalment ma jkollhomx ħiliet jew ikollhom livell baxx ta' ħiliet), peress li dawn huma l-aktar forom effettivi ta' apprendistati fl-UE. |
|
1.3.2 |
Għandu jkun hemm aktar appoġġ biex l-apprendistati jiġu inklużi fil-kurrikuli tal-istudju u, meta jkun possibbli, l-apprendistati għandhom isiru waqt il-kors mhux wara l-gradwazzjoni. |
|
1.3.3 |
Fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali għandu jsir sforz koordinat sabiex tiżdied id-disponibbiltà tal-apprendistati, speċjalment fl-SMEs. |
|
1.3.4 |
Fil-każ tal-apprendistati “għas-suq miftuħ”, għandu jiġi pprovdut pakkett bażiku tas-sigurtà soċjali (assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti u, f'każ ta' apprendistati mħallsa, leave għal raġunijiet ta' mard). |
|
1.3.5 |
L-apprendisti għandhom jingħataw l-appoġġ finanzjarju meħtieġ. |
|
1.3.6 |
Hemm bżonn ukoll ta' linji gwida li lill-Istati Membri u lin-negozji/organizzazzjonijiet ospitanti jgħinuhom jifhmu kif jistgħu jappoġġjaw l-iskemi tal-apprendistati permezz tas-sorsi ta' finanzjament diġà disponibbli fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali u jistabbilixxu sistemi tal-apprendistati flessibbli b'responsabbiltà finanzjarja kondiviża. |
|
1.3.7 |
Jeħtieġ li jiġu offruti aktar opportunitajiet ta' apprendistati transkonfinali sabiex tiżdied il-mobbiltà taż-żgħażagħ ġewwa l-UE. Filwaqt li l-estensjoni tas-servizzi tal-EURES għall-apprendistati hi pass pożittiv, għandhom jiġu ppjanati passi oħra li jinkoraġġixxu proċessi ta' offerti miftuħa u trasparenti ta' reklutaġġ għall-apprendisti. |
|
1.3.8 |
Hemm bżonn ta' data aktar b'saħħitha u ta' evalwazzjoni dwar kull tip ta' apprendistat sew fil-livell nazzjonali u sew f'dak Ewropew. Dan ifisser kemm data kwantitattiva kif ukoll data kwalitattiva li tkun tista' tintuża sabiex jiġu evalwati l-kwantità, il-kwalità, l-impatt u l-effikaċja tal-apprendistati. |
|
1.3.9 |
Huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-persuni b'diżabbiltà jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-apprendistati billi jittieħdu miżuri adegwati li jżidu l-għarfien u l-aċċessibbiltà tagħhom. |
|
1.3.10 |
Huwa importanti li l-atturi rilevanti kollha (l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u, b'mod partikolari, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ) jiġu involuti fit-tfassil tal-linji gwida u fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1 |
F'Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ bi tliet proposti ewlenin: il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati u l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, u l-estensjoni tal-EURES. Il-KESE qed isegwi b'mod attiv il-proċess ta' implimentazzjoni ta' kull wieħed minn dawn l-istrumenti. |
|
2.2 |
Il-Kumitat jilqa' r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati kemm bħala miżura li tiżgura l-kwalità tal-kontenut tat-tagħlim u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, kif ukoll bħala għodda biex tevita li l-apprendistati jintużaw minflok ix-xogħol regolari jew jintalbu bħala kundizzjoni biex jingħata impjieg. |
|
2.3 |
Il-KESE jagħraf li l-apprendistati ta' kwalità tajba huma essenzjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (1) (li l-għan tagħha hu li tiżgura “li ż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta' 25 sena jirċievu offerta ta' xogħol ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali”) u sabiex tinkiseb il-mira ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020 li 75 % tan-nies bejn l-20 u l-64 sena jkollhom impjieg. Ta' min jinnota li l-użu tajjeb tal-iskemi tal-apprendistati jista' jgħin biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet, filwaqt li dawn l-iskemi jservu bħala pont fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol. |
|
2.4 |
Minkejja l-progress li sar f'bosta Stati Membri, il-Kumitat jaqbel mal-konklużjoni li bħalissa l-ostakli prinċipali li jaffettwaw l-apprendistati fl-UE huma l-insuffiċjenza tal-kontenut tat-tagħlim u l-inadegwatezza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan joħroġ fid-dieher ukoll f'sondaġġ reċenti tal-Ewrobarometru (2), li juri li aktar minn 28 % tal-apprendisti jaħsbu li l-esperjenza tagħhom ma kinitx jew mhix utli biex tgħinhom isibu impjieg regolari. |
|
2.5 |
Il-KESE jemmen li l-apprendistati huma biss waħda mill-għodod li jistgħu jintużaw biex jiġi indirizzat il-qgħad u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet. Sabiex jissolvew dawn il-problemi, għandhom jiġu implimentati politiki kumplessi u interrelatati sew fil-livell Ewropew u sew fil-livell nazzjonali. |
|
2.6 |
Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota li r-Rakkomandazzjoni tkopri biss l-apprendistati transnazzjonali u “għas-suq miftuħ” u ma tagħtix attenzjoni partikolari għal forom aktar komuni u effettivi ta' apprendistati fl-Unjoni Ewropea (3) – bħall-apprendistati marbutin mal-programmi edukattivi u l-apprendistati marbutin mal-politiki attivi fis-suq tax-xogħol maħsuba għaż-żgħażagħ qiegħda li normalment ma jkollhomx ħiliet jew ikollhom livell baxx ta' ħiliet. |
|
2.7 |
Il-qafas għandu jkun flessibbli biżżejjed biex jirrifletti l-punti tat-tluq differenti fl-Istati Membri u l-leġislazzjoni u l-prattiki nazzjonali tagħhom, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà. |
|
2.8 |
Jekk fil-Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati jiġu inklużi aktar apprendistati marbutin mal-programmi edukattivi, dan jagħmilha possibbli li jiġi adottat approċċ aktar sistematiku fir-rigward tal-apprendistati “għas-suq miftuħ”, speċjalment fid-dawl tal-metodi tal-garanzija tal-kwalità li jeżistu diġà fis-settur tal-edukazzjoni u li jistgħu jipprovdu l-mudell li fuqu jinbena mekkaniżmu effettiv għall-kontroll tal-kwalità tal-iskemi tal-apprendistati kollha. Il-ħolqien ta' strument wieħed għall-garanzija tal-kwalità f'kull tip ta' apprendistat jgħin biex il-prerekwiżiti tal-kwalità jiġu mifhuma aħjar u jsiru aktar trasparenti filwaqt li l-apprendistati jkunu aktar iffokati fuq it-tagħlim. Madankollu, huwa importanti li jiġi żgurat li dan l-istrument ma jkunx inkompatibbli mal-leġislazzjoni relatata fl-Istati Membri. |
|
2.9 |
Madankollu, il-KESE jisħaq li l-adozzjoni ta' qafas leġislattiv u regolatorju ma tiggarantixxix b'mod awtomatiku li l-apprendistati jkunu ta' kwalità. Huma l-implimentazzjoni tar-regolamenti u l-monitoraġġ bir-reqqa tal-proċess sħiħ li ser jaqdu rwol ewlieni biex l-apprendistati jkunu ta' kwalità tajba. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu kif l-aħjar jindirizzaw l-apprendistati bil-għan li jiżguraw il-kwalità u jevitaw l-abbuż. |
|
2.10 |
Jeħtieġ li jiġu offruti aktar opportunitajiet ta' apprendistati transkonfinali sabiex tiżdied il-mobbiltà taż-żgħażagħ ġewwa l-UE. L-estensjoni tas-servizzi tal-EURES għall-apprendistati hi pass pożittiv ħafna, speċjalment fid-dawl tal-benefiċċji addizzjonali marbutin mal-promozzjoni tal-apprendistati transnazzjonali (bħalissa 9 % biss tal-apprendistati jsiru barra mill-pajjiż2). Madankollu, għandhom jittieħdu passi oħra li jinkoraġġixxu l-proċessi miftuħa u trasparenti għar-reklutaġġ tal-apprendisti bis-saħħa tal-informazzjoni u ta' mezzi istituzzjonali. Linji gwida għall-organizzazzjonijiet ospitanti possibbli jistgħu jiddefinixxu l-prinċipji ta' proċessi miftuħa u trasparenti għar-reklutaġġ u l-kriterji ta' kwalità għall-apprendistati. Barra minn hekk, l-udenzja mmirata għandha tkun infurmata aħjar dwar programmi u opportunitajiet eżistenti relatati mal-apprendistati, speċjalment permezz tal-midja soċjali u l-internet. |
3. Ir-rwol tal-investiment fit-taħriġ
|
3.1 |
Il-KESE huwa fiduċjuż li fuq il-post tax-xogħol l-apprendisti jistgħu jagħtu kontribut għan-negozji u l-ekonomija b'mod ġenerali, filwaqt li jiksbu l-esperjenza li għandhom bżonn jekk l-ambjent ta' tagħlim fuq il-post tax-xogħol ikun strutturat b'mod tajjeb biżżejjed li jippermetti dan. |
|
3.2 |
Minkejja li l-apprendistat hu opportunità ta' tagħlim, hu importanti li jiġu rikonoxxuti l-benefiċċji għall-partijiet ikkonċernati kollha – l-apprendist, min iħaddmu, l-ekonomija b'mod ġenerali u b'hekk is-soċjetà. Għaldaqstant, ir-responsabbiltà li jiġu żgurati sistemi tal-apprendistati aċċessibbli u ta' kwalità tajba għandha tkun waħda kondiviża. |
|
3.3 |
Il-Kumitat jemmen li r-Rakkomandazzjoni għandha tippromovi b'mod aktar attiv l-investiment fl-apprendistati. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-SMEs, peress li dawn sikwit ma jkollhomx il-kapital disponibbli biex jinvestu fl-apprendistati sakemm ma jingħatawx appoġġ speċifiku. |
|
3.4 |
Ir-raġunijiet għaliex il-kumpaniji ż-żgħar jistgħu ma jinvestux biżżejjed fl-apprendistati huma marbutin mal-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs: perjodi qosra ta' żmien, l-inabbiltà li jakkumulaw il-benefiċċji mill-apprendistati f'qasir żmien, u d-differenzi fl-ispejjeż u l-benefiċċji tat-taħriġ. Apprendistat huwa investiment li r-ritorn tiegħu ma jakkumulax minnufih għan-negozju. Problema oħra għall-kumpaniji ż-żgħar li jikkunsidraw il-possibbiltà li joffru l-apprendistati hi li l-apprendist jista' ma jibqax jaħdem mal-kumpanija biżżejjed żmien biex jiġu rkuprati l-ispejjeż minfuqa fuq it-taħriġ tiegħu. |
|
3.5 |
Il-KESE jemmen li l-preżenza ta' ħaddiema kkwalifikati u mħarrġin tajjeb tipprovdi wkoll benefiċċji kompetittivi, minbarra dawk li jakkumulaw il-ħaddiema individwali u l-intrapriża. Huwa għalhekk ġustifikat li l-Istat jintervjeni fis-suq billi jappoġġja lis-settur privat fir-rigward tal-apprendistati. Peress li l-SMEs joħolqu ammont nett kbir ta' impjiegi u jixprunaw it-tkabbir ekonomiku, l-investiment fl-apprendistati fil-kumpaniji ż-żgħar jista' jiġi ġġustifikat għaliex ikun qed jikkoreġi nuqqas tas-suq li jirriżulta minn fatturi esterni u beni pubbliċi (bħan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet mill-edukazzjoni): b'dan il-mod il-kumpaniji iż-żgħar ikunu jistgħu jikkontribwixxu aktar għat-tkabbir ekonomiku globali u l-benesseri tas-soċjetà b'mod ġenerali (4). |
|
3.6 |
Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li jitfasslu linji gwida ta' akkumpanjament dwar kif l-Istati Membri u l-intrapriżi/organizzazzjonijiet ospitanti jistgħu jappoġġjaw l-iskemi tal-apprendistati permezz tas-sorsi ta' finanzjament diġà disponibbli fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali. Dawn il-linji gwida għandhom jinkludu wkoll eżempji ta' prattiki tajbin dwar kif is-sistemi ta' taħriġ jistgħu jiġu implimentati fil-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet. |
|
3.7 |
Il-KESE jemmen li hu importanti li jiġi żgurat li min iħaddem ikun jaf x'benefiċċji netti jista' jistenna li jikseb meta jipprovdi postijiet ta' taħriġ. L-istudji fuq l-ispettru kollu tal-ispejjeż u l-benefiċċji, meta juru r-ritorn ekonomiku reali, jistgħu jinkoraġġixxu lil min iħaddem biex jirrekluta l-apprendisti. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-fatt li l-kumpaniji għandhom bżonn joffru apprendistati ta' kwalità. |
4. Kumpens u sigurtà soċjali
|
4.1 |
Billi 62 % (5) biss taż-żgħażagħ b'esperjenza ta' apprendistat kellhom kuntratt jew ftehim bil-miktub mal-organizzazzjoni jew il-kumpanija ospitanti għall-apprendistat tagħhom, il-Kumitat jappoġġja l-appell li l-ftehim bil-miktub għall-apprendistati jkun obbligatorju. Għandhom jiġu definiti standards legali komuni għall-ftehimiet għall-apprendistati. Ta' min jinnota li l-ftehimiet jew kuntratti legali bil-miktub joffru benefiċċji sew għal min jipprovdi l-apprendistat u sew għall-apprendist, peress li jżidu r-responsabbiltajiet u d-drittijiet taż-żewġ partijiet. |
|
4.2 |
Il-Kumitat jirrakkomanda, madankollu, li fil-każ tal-apprendistati “għas-suq miftuħ”, il-pakkett bażiku tas-sigurtà soċjali (assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti u, f'każ ta' apprendistati mħallsa, leave għal raġunijiet ta' mard) jiġi pprovdut minn min joffri l-apprendistat u jiġi inkluż b'mod awtomatiku fil-ftehim għall-apprendistat. Jekk l-apprendistat jitqies bħala relazzjoni ta' impjieg, b'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, il-liġi tax-xogħol, il-liġi soċjali u d-dispożizzjonijiet dwar il-ftehimiet kollettivi (fosthom ir-rekwiżiti relatati mas-salarju) tal-Istati Membri japplikaw. Fil-każ ta' tilwima, il-Kumitat jirrakkomanda li l-apprendisti jitqiesu bħala l-parti l-iktar dgħajfa u jipprovdihom bl-appoġġ li jeħtieġu. |
|
4.3 |
Fl-Istati Membri, l-aktar metodi komuni ta' finanzjament għad-diversi tipi ta' apprendistati jinkludu l-fondi Ewropej u nazzjonali/reġjonali, l-assistenza istituzzjonali (eż. għotjiet finanzjarji universitarji), l-awtofinanzjament u r-riżorsi tal-kumpanija. Meta jkun hemm finanzjament pubbliku, dan sikwit jinvolvi appoġġ konsiderevoli mill-fondi Ewropej, l-aktar il-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Fl-apprendistati għas-suq miftuħ, però, l-awtofinanzjament huwa partikolarment komuni peress li f'ħafna każijiet l-apprendisti ma jirċevux kumpens jew jekk jirċievu dan ma jkunx biżżejjed. Il-fatt hu li 59 %5 tal-apprendisti kollha ma jirċevux kumpens finanzjarju u jiddependu minn sorsi oħra ta' finanzjament, bħat-tfaddil tagħhom stess u l-appoġġ mill-familja. |
|
4.4 |
Il-Kumitat jenfasizza li, filwaqt li jkunu qed jippreparaw il-karrieri futuri tagħhom billi jżidu l-possibbiltà tagħhom li jiġu impjegati, l-apprendisti m'għandhomx ikunu fir-riskju li jiftaqru. L-apprendistati għandhom ikunu aċċessibbli b'mod ugwali għal kulħadd, u għalhekk il-fatt li ma jingħatax kumpens finanzjarju jillimita l-aċċessibbiltà tal-iskema tal-apprendistati (fl-UE, 46 % biss ta' dawk li wieġbu kienu wettqu apprendistat5). Dan jirrappreżenta diskriminazzjoni kontra ċerti kategoriji ta' żgħażagħ abbażi tal-isfond finanzjarju tagħhom. |
|
4.5 |
Fir-rigward tal-approċċ tar-responsabbiltà kondiviża, il-Kumitat jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ifittxu soluzzjoni flessibbli għall-kwistjoni tal-kumpens għall-apprendisti. Dan l-approċċ għandu jiżgura li l-apprendistati jkunu ta' kwalità tajba u joffru kundizzjonijiet deċenti, iżda mingħajr ma jiskoraġġixxi lill-kumpaniji milli jipprovduhom. Il-kumpens għall-apprendistati m'għandux jitqies biss bħala qligħ, iżda wkoll bħala miżura li tiżgura opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ kollha biex jieħdu sehem fl-iskemi tal-apprendistati. |
|
4.6 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-possibbiltajiet kollha jiġu analizzati u diskussi mal-imsieħba soċjali: skemi ta' ħelsien mit-taxxa għall-intrapriżi ospitanti, l-użu tal-fondi Ewropej u nazzjonali, l-iskontijiet għall-pakketti tas-sigurtà soċjali, eċċ., bil-għan li l-piż tal-kumpens ma jitpoġġiex biss fuq il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet ospitanti. |
|
4.7 |
Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea biex tniedi mill-aktar fis possibbli linji gwida tal-aħjar prattiki għall-Istati Membri u l-kumpaniji. |
|
4.8 |
Il-prattiki tajba għall-apprendistati, stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni dwar il-Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati, għandhom japplikaw mhux biss għall-apprendistati fis-“suq miftuħ” iżda wkoll għall-apprendistati fis-settur pubbliku u l-istituzzjonijiet tal-UE. |
5. Aspetti oħra
|
5.1 |
Il-KESE japprova r-rakkomandazzjoni li l-apprendistati jdumu massimu ta' sitt xhur u li jkun hemm restrizzjoni fuq ir-repetizzjoni tal-apprendistati sabiex jiġi żgurat li l-apprendisti ma jeħdux post l-impjegati u li l-apprendistati ma jintużawx ħażin minflok l-impjiegi permanenti. Madankollu, jista' jkun adegwat li l-apprendistati transkonfinali jkunu itwal minn dawk li jsiru fil-pajjiż ta' oriġni tal-apprendist. |
|
5.2 |
Il-KESE jemmen li hu kruċjali li jiġi żgurat li l-persuni b'diżabbiltà jkunu jistgħu japparteċipaw fl-iskemi tal-apprendistati bl-istess kundizzjonijiet, u jirrakkomanda li jittieħdu miżuri adegwati li jżidu l-għarfien u l-aċċessibbiltà tagħhom. |
|
5.3 |
Il-KESE jitlob lill-imsieħba soċjali biex ikomplu jaħdmu fuq ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksubin bis-saħħa tal-apprendistati u b'modi oħra (pereżempju, permezz tal-volontarjat). F'dan il-kuntest, iż-Żona Ewropea tal-Ħiliet u l-Kwalifiki, li ġiet diskussa dan l-aħħar, tista' iżżid it-trasparenza. |
|
5.4 |
Il-Kumitat jinkoraġġixxi li jkun hemm ċertifikati tal-apprendistati, iżda jirrakkomanda li jiġi żgurat li dawn iċ-ċertifikati jkollhom standard komuni; u jipproponi li jiġu kkunsidrati l-possibbiltajiet li dawn ikunu marbutin mal-Youth Pass u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki bil-għan li jiġu rikonoxxuti b'mod wiesa' u jkunu ta' benefiċċju għaż-żgħażagħ u min iħaddimhom fil-futur. |
|
5.5 |
Il-Kumitat jappella li d-djalogu sew fil-livell tal-UE u sew f'dak nazzjonali għandu jiġi appoġġjat permezz tal-involviment tal-atturi rilevanti kollha (l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u, b'mod partikolari, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ) fit-tfassil tal-linji gwida u fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas. |
Brussell, 27 ta' Frar 2014
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-Twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.
(2) The experience of traineeships in the EU, Eurobarometer, 2013 (L-esperjenza tal-apprendistati fl-UE, Ewrobarometru, 2013).
(3) Study on a comprehensive overview on traineeship arrangements in Member States, European Union, 2012 (Studju dwar ħarsa ġenerali komprensiva tal-arranġamenti tal-apprendistati fl-Istati Membri tal-UE, Unjoni Ewropea, 2012).
(4) Management Training in SMEs, OECD, 2002 (It-taħriġ maniġerjali fl-SMEs, OECD, 2002).
(5) The experience of traineeships in the EU, Eurobarometer, 2013 (L-esperjenza tal-apprendistati fl-UE, Ewrobarometru, 2013).