Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis‑16 ta’ April 2026 (1)

Kawżi magħquda C‑27/25 u C‑356/25

SU u Wild Ireland Defence CLG

vs

An Coimisiún Pleanála, li qabel kienet An Bord Pleanála, et,

fil-preżenza ta’:

Knocknamona Windfarm Limited

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda))

u


 

Paddy Massey

vs

An Coimisiún Pleanála, li qabel kienet An Bord Pleanála, et

fil-preżenza ta’:

Curns Energy Limited

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi – Żoni ta’ protezzjoni speċjali – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjanijiet jew proġetti, li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv żona ta’ konservazzjoni, fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona – Eżami preliminari tan-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti – Assenza ta’ stabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona”






I.      Introduzzjoni

1.        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat (2) teżiġi li l-Istati Membri jevalwaw ex ante jekk pjanijiet jew proġetti jaffettwawx b’mod sinjifikattiv iż-żoni Natura 2000. Is-suġġett tal-evalwazzjoni huwa l-effetti ta’ dawn il-pjanijiet jew ta’ dawn il-proġetti fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn iż-żoni. Madankollu, tali evalwazzjoni hija possibbli jekk l-Istati Membri ma jkunux stabbilixxew għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona kkonċernata? U tali għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona jikkostitwixxu wkoll prerekwiżit għall-eżami preliminari, l-iscreening, jiġifieri jekk ikunx neċessarju li ssir evalwazzjoni sħiħa tal-effetti? Dawn id-domandi huma s-suġġett ta’ dawn iż-żewġ kawżi.

2.        Għal dan l-eżami u għal din l-evalwazzjoni, l-għanijiet ta’ konservazzjoni jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jiġu stabbiliti wkoll b’mod differenti mill-istabbiliment ta’ għanijiet speċifiċi għal żona. Dan ma jwassalx neċessarjament għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni anzi, għall-kuntrarju, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni jista’ jiġi estiż qabel l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi, li jimplika bbilanċjar bejn għanijiet differenti u interessi oħra. Id-Direttiva dwar il-habitat tipprevedi wkoll evalwazzjonijiet tal-effetti bbażati fuq dan l-approċċ, minn tal-inqas b’mod tranżitorju.

3.        Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona huwiex prerekwiżit għall-evalwazzjoni tal-effetti u għall-iscreening ma hijiex sempliċi kwistjoni proċedurali. Fil-fatt, huwa dubjuż jekk l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħux jawtorizzaw pjan jew proġett meta ma jkunux jistgħu jwettqu l-iscreening jew, jekk ikun meħtieġ, l-evalwazzjoni fl-assenza ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni. Fil-fatt, il-kunsens ta’ dawn l-awtoritajiet jippreżupponi tali evalwazzjoni skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat. Din il-problema tista’ taffettwa numru kbir ħafna ta’ pjanijiet jew proġetti fl-Unjoni Ewropea, peress li huwa dubjuż sa liema punt u, jekk ikun il-każ, meta, l-Istati Membri jkunu stabbilixxew għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi

4.        Id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi (3) fis-seħħ bħalissa hija verżjoni kkodifikata ta’ direttiva preċedenti tal‑1979 (4), li permezz tagħha l-Komunità Ekonomika Ewropea ta’ dak iż-żmien adottat għall-ewwel darba regoli dwar il-protezzjoni tan-natura. Madankollu, sa fejn jidher, iż-żewġ verżjonijiet huma identiċi għall-finijiet ta’ din il-proċedura.

5.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi jipprevedi d-delimitazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-għasafar (iktar ’il quddiem iż-“ŻPS”):

“1.      L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont tal-:

(a)      ispeċi fil-perikolu tal-estinzjoni;

(b)      ispeċi vulnerabbli għal ċertu tibdil fl-ambjent naturali tagħhom;

(c)      ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

(d)      ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-ambjent naturali tagħhom.

Id-drawwiet u l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.

3.      […]

4.      Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.”

B.      Id-Direttiva dwar il-habitat

6.        Id-Direttiva dwar il-habitat tal‑1992 testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tan-natura prevista mid-dritt tal-Unjoni għal speċi oħra ta’ annimali u ta’ pjanti kif ukoll għal ċerti tipi ta’ habitats u tintegra parzjalment id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi preċedenti.

7.        L-għanijiet ta’ konservazzjoni jissemmew fit-tmien u fl-għaxar premessa tad-Direttiva dwar il-habitat:

“Billi jixraq li, f’kull żona nominata, jiġu mħaddma l-miżuri meħtieġa bbażati fuq l-għanjiet ta’ konservazzjoni segwiti;

[…]

Billi jrid jiġi evalwat b’mod xieraq kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni;”

8.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jiddeskrivi n-network taż-żoni ta’ protezzjoni Ewropej:

“Għandu jiġi stabbilit n etwork ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-[ŻPS] klassifikati mill-Istati Membri skond id-[Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi].”

9.        Id-delimitazzjoni ta’ żoni ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva dwar il-habitat tippreżupponi li l-Istati Membri l-ewwel jidentifikaw żoni xierqa fuq il-bażi ta’ kriterji xjentifiċi u jipproponuhom lill-Kummissjoni (Artikolu 4(1)). Sussegwentement, il-Kummissjoni jeħtieġ li tiddikjarahom bħala żoni ta’ importanza Komunitarja (Artikolu 4(2)).

10.      L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitat jirregola d-delimitazzjoni taż-żoni ta’ importanza Komunitarja bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni:

“Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.”

11.      Madankollu, skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva dwar il-habitat, ċerti regoli ta’ protezzjoni japplikaw għaż-żoni ta’ importanza Komunitarja:

“Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-[tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2)], dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

12.      Id-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ dawn iż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitat:

“1.      Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. [...]”

13.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-habitat jissostitwixxi dispożizzjoni ta’ protezzjoni tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi b’ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-habitat:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-[Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi] dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi] jew meqjusa [bħala ŻPS] bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-[Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi dwar iż-ŻPS], meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Il-kawża Knocknamona

14.      Fit‑28 ta’ Settembru 2022, An Coimisiún Pleanála (li qabel kienet An Board Pleanála, l-awtorità superjuri tal-ippjanar, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ippjanar”) ħarġet permess għall-bini lil Knocknamona Windfarm Limited (iktar ’il quddiem “Knocknamona”) għal modifiki lil park eoliku awtorizzat preċedentement fil-Kontea ta’ Waterford fl-Irlanda. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-Awtorità tal-Ippjanar awtorizzat il-bini ta’ turbini eoliċi ogħla, b’għoli totali sa massimu ta’ 155 m, kif ukoll ta’ arblu meteoroloġiku ogħla (99 m).

15.      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għall-permess għall-bini, l-Awtorità tal-Ippjanar wettqet evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett ta’ kostruzzjoni fuq ħames żoni ta’ protezzjoni identifikati skont id-Direttiva dwar il-habitat u d-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, fosthom iż-ŻPS ta’ Blackwater Callows, li tinsab f’Cork u f’Waterford. Din iż-ŻPS, protetta skont id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, tinsab, jekk jitqies l-eqreb punt, 13-il km mis-sit tal-park eoliku u 13.5 km mill-eqreb turbina eolika. Ma huwiex ikkontestat li, fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, ma kinux jeżistu għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-ŻPS ta’ Blackwater Callows.

16.      Sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità tal-Ippjanar ibbażat ruħha fuq ir-rapport tal-ispettur tagħha. Skont dan ir-rapport, l-għanijiet ta’ konservazzjoni għaż-ŻPS ta’ Blackwater Callows jikkostitwixxu “dokument ġenerali dwar l-għanijiet ta’ konservazzjoni”. L-elementi ta’ interess taż-żona, jiġifieri l-ispeċi u l-habitats li minħabba fihom iż-żona hija protetta, huma ċ-ċinju (Cygnus cygnus), is-silfjun Ewropew (Mareca penelope jew Anas penelope), is-sarsella (Anas crecca), il-girwiel prim (Limosa limosa), kif ukoll ċerti habitats umdi u l-għasafar tal-ilma li jużawhom.

17.      L-ispettur tal-Awtorità tal-Ippjanar wasal għall-konklużjoni li, fir-rigward ta’ dawn l-elementi ta’ interess (bl-eċċezzjoni taċ-ċinju), setgħet tiġi eskluża kull ħsara liż-żona bħala tali peress li l-habitats fiż-żoni tal-park eoliku ma kinux adattati għal dawn l-ispeċi kollha. Fir-rigward taċ-ċinju, l-ispettur wasal għall-konklużjoni li l-istudji rilevanti ma indikawx il-preżenza tiegħu fiż-żoni tal-park eoliku jew fil-viċinanza tagħhom. Għalhekk, huwa kkonkluda li ż-żieda mitluba fl-għoli u fid-dijametru tal-pali tat-turbini ma taffettwax iż-ŻPS bħala tali fir-rigward ta’ dawn l-ispeċi. Din il-konstatazzjoni fattwali ma hija kkontestata minn ebda waħda mill-partijiet. L-Awtorità tal-Ippjanar għalhekk iddeċidiet li l-proġett ta’ kostruzzjoni ma kienx se jaffettwa ż-ŻPS ta’ Blackwater Callows bħala tali.

18.      SU u Wild Ireland Defence ippreżentaw rikors ġudizzjarju għal stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni, li fil-kuntest tiegħu sostnew, b’mod partikolari, li, fin-nuqqas ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni għaż-ŻPS ta’ Blackwater Callows, l-Awtorità tal-Ippjanar ma kellhiex is-setgħa twettaq evalwazzjoni tal-effetti fir-rigward tal-proġett ta’ kostruzzjoni.

19.      Il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) iddeċidiet li, f’ċerti każijiet, anzi fil-maġġoranza tal-każijiet, għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu meħtieġa sabiex titwettaq evalwazzjoni valida tal-effetti. Madankollu, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ preżenti, kien possibbli li titwettaq evalwazzjoni valida tal-effetti anki fl-assenza ta’ tali għanijiet. Dan għaliex l-evidenza xjentifika wriet li, indipendentement mill-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni, l-element ta’ interess, f’dan il-każ il-preżenza taċ-ċinju, fi kwalunkwe każ ma kienx se jiġi affettwat mill-proġett ta’ kostruzzjoni. L-Awtorità tal-Ippjanar waslet għall-konklużjoni, b’livell adegwat ta’ ċertezza xjentifika, li l-proġett “ma jaffettwax iż-żona bħala tali”, peress li l-effetti kkonċernati barra mis-sit tal-proġett kienu jeħtieġu preżenza fiżika taċ-ċinju fis-sit tal-park eoliku ta’ Knocknamona; tali preżenza, madankollu, ġiet eskluża. Dan il-konstatazzjoni tikkonċerna r-riskju li l-għasafar jaħbtu mat-turbini eoliċi (5).

20.      SU u Wild Ireland Defence ippreżentaw appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda).

B.      Il-kawża Curns

21.      Curns Energy Limited (iktar ’il quddiem “Curns”) ressqet, fit‑8 ta’ Jannar 2021, applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għal permess għall-bini ta’ park eoliku. Il-proġett jinsab 9.9 km ’il bogħod miż-ŻPS ta’ Blackwater Callows. Id-dokumenti tal-applikazzjoni kienu jinkludu, fost l-oħrajn, rapport dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, rapport dwar l-eżami preliminari tan-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti u l-hekk imsejjaħ “Natura Impact Statement”, opinjoni xjentifika prevista mid-dritt Irlandiż dwar l-effetti tal-proġett fuq iż-żoni Natura 2000.

22.      B’deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2023, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet permess għall-bini għall-proġett ikkontestat. Fil‑11 ta’ Jannar 2024, Paddy Massey ippreżenta rikors kontra l-permess għall-bini.

23.      Madankollu, l-għanijiet u l-miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-ŻPS ta’ Blackwater Callows ġew stabbiliti biss fl‑24 ta’ Marzu 2024. Matul il-proċedura ġudizzjarja, ġie rrikonoxxut li dawn kienu ġew stabbiliti tard.

24.      Il-High Court (il-Qorti Għolja), fil‑11 ta’ April 2025, eskludiet kull possibbiltà plawżibbli li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet u/jew tal-miżuri ta’ konservazzjoni setgħet affettwat żona Natura 2000 fil-kawża preżenti. Għalhekk, hija ċaħdet l-annullament tal-permess għall-bini, irrispettivament mill-eżitu tat-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina domanda preliminari sabiex tkun tista’ tiddeċiedi jekk tistax, tal-inqas, tikkonstata favur ir-rikorrent li l-eżami preliminari tan-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti kien jippreżupponi għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona.

IV.    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari

25.      Fil-kawża Knocknamona, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) għamlet id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Għanijiet ta’ konservazzjoni validi għal [ŻPS] huma prerekwiżiti għall-kompetenza tal-awtorità kompetenti sabiex twettaq evalwazzjoni xierqa u valida skont l-Artikolu 6(3) tad-[Direttiva dwar il-habitat] meta tkun qiegħda tikkunsidra applikazzjoni għall-għoti tal-awtorizzazzjoni ta’ proġett?”

26.      Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’digriet tal‑20 ta’ Marzu 2025, Knocknamona (C‑27/25, EU:C:2025:203), ċaħad it-talba għal proċedura mħaffa mressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell). Madankollu, huwa ddeċieda li l-kawża għandha tiġi ttrattata bħala prijorità.

27.      SU u Wild Ireland Defence, l-Awtorità tal-Ippjanar, Knocknamona Windfarms Limited, l-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

28.      Wara t-talba għal deċiżjoni preliminari msemmija iktar ’il fuq, il-High Court (il-Qorti Għolja), fil-kawża Curns, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod supplimentari, id-domanda li ġejja:

“L-Artikolu 6(3) tad-[Direttiva dwar il-habitat], kif applikat, għad-[Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi,] permezz tal-Artikolu 7 tad-[Direttiva dwar il-habitat], għandu l-effett li l-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru dwar jekk pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut mal-ġestjoni ta’ sit jew neċessarju għaliha għall-finijiet tad-[Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi] jistax jaffettwa b’mod sinjifikattiv dan is-sit, kemm individwalment kif ukoll flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, għandha titwettaq b’riferiment għall-għanijiet ta’ konservazzjoni u/jew għall-miżuri ta’ konservazzjoni stabbiliti għas-sit ikkonċernat u/jew, b’mod partikolari, għal sit li fir-rigward tiegħu huwa propost li tiġi eskluża l-evalwazzjoni minħabba li ma huwiex probabbli li jiġi hekk affettwat b’mod sinjifikattiv?”

29.      Il-High Court (il-Qorti Għolja) indikat ukoll li Paddy Massey xtaq espressament li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tanonimizzax ismu fil-pubblikazzjonijiet relatati mal-kawża.

30.      Paddy Massey, l-Irlanda u l-Kummissjoni ressqu osservazzjonijiet bil-miktub.

31.      Fit‑22 ta’ Ottubru 2025, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad iż-żewġ kawżi u ordna wkoll li l-kawża Curns tiġi ttrattata bħala prijorità. Fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali tal‑25 ta’ Marzu 2026, ipparteċipaw SU u Wild Ireland Defence kif ukoll Paddy Massey flimkien, l-Awtorità tal-Ippjanar, Knocknamona, Curns, l-Irlanda u l-Kummissjoni.

V.      Evalwazzjoni ġuridika

32.      It-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Knocknamona hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat tistax titwettaq meta l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux stabbilixxew għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona fir-rigward taż-żona ta’ konservazzjoni kkonċernata. Il-kawża Curns tqajjem id-domanda indikata iktar ’il fuq dwar jekk l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona humiex saħansitra prerekwiżit għall-eżami preliminari dwar jekk evalwazzjoni tal-effetti hijiex neċessarja.

33.      Għalhekk, wara xi osservazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tal-kawża Curns (ara A), jeħtieġ li ssir osservazzjoni preliminari dwar dawn iż-żewġ stadji tal-evalwazzjoni (ara B). Sussegwentement, għandu jiġi spjegat l-obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona fir-rigward taż-żoni Natura 2000 (ara C). Huwa biss wara dan li jistgħu jiġu eżaminati l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona fuq l-evalwazzjoni tal-effetti (ara D) u l-eżami preliminari (ara E). Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix l-opinjoni tiegħi, se nipproponi, fl-aħħar, limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tad-deċiżjoni tagħha (ara F).

A.      Fuq l-ammissibbiltà tal-kawża Curns

34.      Il-Kummissjoni tqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Curns hija inammissibbli minħabba li l-High Court (il-Qorti Għolja) diġà ddeċidiet fuq il-mertu. Għaldaqstant, ir-risposta ma għadhiex rilevanti għad-deċiżjoni tal-kawża.

35.      Għalkemm, skont l-Irlanda, din id-deċiżjoni fuq il-mertu għadha ma kisbitx l-awtorità ta’ res judicata, peress li talba għall-ammissjoni ta’ appell għadha pendenti quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), dan madankollu ma jbiddilx il-fatt li, f’dan l-istadju, il-High Court (il-Qorti Għolja) ma hijiex (iktar) dipendenti fuq risposta sabiex tiddeċiedi t-tilwima fuq il-mertu.

36.      Il-High Court (il-Qorti Għolja) tindika madankollu li hija għad trid tiddetermina jekk l-eżami preliminari tan-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti kienx jeħtieġ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona. Din il-konstatazzjoni tikkonċerna l-fondatezza inizjali tar-rikors. Jekk ir-rikors kien inizjalment fondat, dan jista’ jkollu konsegwenzi minn tal-inqas għall-ispejjeż proċedurali, li spiss huma sinjifikattivi quddiem il-qrati Irlandiżi.

37.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli.

B.      Fuq il-funzjonament tal-evalwazzjoni tal-effetti u tal-eżami preliminari

38.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitat jipprevedi serje ta’ obbligi u proċeduri speċifiċi. Kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2), dawn huma intiżi sabiex jiżguraw iż-żamma jew, jekk ikun il-każ, ir-restawr ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats naturali kif ukoll tal-ispeċi selvaġġi ta’ fawna u flora li huma ta’ interess għall-Unjoni. B’dan il-mod għandu jintlaħaq l-għan iktar ġenerali tad-Direttiva, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent għaż-żoni protetti skont id-Direttiva (6).

39.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni, l-evalwazzjoni tal-effetti prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat hija ta’ importanza partikolari peress li, skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu japprovaw pjan jew proġett biss jekk, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti, ikunu kkonstataw li l-proġett ma jaffettwax żona Natura 2000 bħala tali. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaslu għal tali konstatazzjoni biss jekk ma jkun hemm ebda dubju raġonevoli, mill-perspettiva xjentifika, li l-proġett ma huwiex ser ikollu effetti dannużi fuq iż-żona bħala tali (7).

40.      Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-effetti ma għandhiex tinkludi lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi li jkunu ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tal-pjanijiet jew proġetti previsti fuq iż-żona ta’ konservazzjoni kkonċernata (8).

41.      Iżda meta għandha ssir evalwazzjoni tal-effetti?

42.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat, pjanijiet jew proġetti li x’aktarx jaffettwaw żona Natura 2000 b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, jeħtieġu evalwazzjoni tal-effetti.

43.      Ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni jiddependi għalhekk mill-eżistenza ta’ probabbiltà jew ta’ perikolu li pjanijiet jew proġetti jaffettwaw iż-żona kkonċernata b’mod sinjifikattiv. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-habitat f’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-politika ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent segwita mill-Unjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 191(2) TFUE. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li tali probabbiltà jew perikolu jeżistu meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi ta’ ċirkustanzi oġġettivi, li l-pjan jew il-proġett ikkonċernat jaffettwa ż-żona kkonċernata b’mod sinjifikattiv (9). Għalhekk, fil-każ ta’ dubju dwar l-assenza ta’ effetti sinjifikattivi, għandha ssir evalwazzjoni kompleta (10).

44.      Jiena diġà spjegajt li, anki fil-kuntest tal-eżami preliminari, tali dubji jeħtieġ li jkunu ta’ natura xjentifika raġonevoli (11). Inkella jkun hemm ir-riskju li l-evalwazzjoni tal-effetti tkun dejjem neċessarja, peress li dubji mhux raġonevoli jew mhux xjentifiċi jistgħu jitqajmu dejjem, iżda huwa diffiċli ħafna li jiġu kkontestati b’mod effettiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja qablet ma’ din l-opinjoni (12).

45.      Għalhekk, il-kriterju, kemm fil-kuntest tal-eżami preliminari kif ukoll f’dak tal-evalwazzjoni proprja, huwa l-esklużjoni ta’ kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-assenza ta’ danni sinjifikattivi kkawżati liż-żoni Natura 2000.

46.      Madankollu, iż-żewġ stadji tal-eżami huma distinti fir-rigward tal-portata tal-eżami. Id-distinzjoni preċiża ġeneralment tiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ individwali kif ukoll mill-għarfien xjentifiku u tekniku rilevanti. Jekk fil-kuntest tal-eżami informazzjoni li teżisti diġà b’mod indipendenti mill-proġett turi mingħajr dubju li proġett ma jistax jaffettwa żona Natura 2000, ma tkunx meħtieġa evalwazzjoni kompleta tal-effetti. Jekk, għall-kuntrarju, l-ewwel stadju juri li tkun meħtieġa opinjoni xjentifika ġdida u/jew l-applikazzjoni ta’ għarfien miksub minn oqsma oħra, ikollha ssir evalwazzjoni tal-effetti (13), li tinkludi wkoll il-parteċipazzjoni mill-pubbliku (14).

47.      Il-punt ta’ riferiment għaż-żewġ eżamijiet jinsab fl-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żona kkonċernata.

48.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effetti proprja, dan jirriżulta diġà mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat, li tipprevedi espressament evalwazzjoni tal-effetti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għaż-żona. Huwa minnu li l-għan tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-pjanijiet jew tal-proġetti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti jidher b’mod daqstant ċar biss fil-verżjoni Ġermaniża ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li l-verżjonijiet inizjali l-oħra jeżiġu biss it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni. Madankollu, l-għaxar premessa tippreċiża, anki fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, li pjanijiet u proġetti li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni segwiti permezz tad-delimitazzjoni ta’ żona jeħtieġ li jiġu eżaminati (15).

49.      Fil-fatt dan jikkorrispondi mal-għanijiet ta’ konservazzjoni. Dawn l-għanijiet jiddefinixxu liema habitats jew speċi preżenti fiż-żona, kif ukoll liema potenzjali għall-iżvilupp ta’ habitats u speċi (16), għandhom jiġu protetti skont l-Artikolu 6(3). Madankollu, l-effetti fuq il-habitats, l-ispeċi jew il-potenzjali għall-iżvilupp li ma jkunux is-suġġett tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ma humiex rilevanti għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, għall-evalwazzjoni tal-effetti (17).

50.      Skont ġurisprudenza stabbilita, waqt l-eżami preliminari tan-neċessità ta’ evalwazzjoni kompleta tal-effetti għandu jiġi evalwat ukoll jekk il-pjan jew il-proġett ikkonċernat huwiex ta’ natura li jipperikola l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għaż-żona (18).

51.      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Curns, madankollu, il-High Court (il-Qorti Għolja) Irlandiża tqis li ma jkunx prattikabbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni kollha li ġew esklużi. Il-maġġoranza kbira ħafna taż-żoni tista’ tiġi eskluża mill-pjan jew mill-proġett ikkonċernat fid-dawl tad-distanza u tan-nuqqas ta’ mogħdijiet ta’ esponiment plawżibbli fuq iż-żona kkonċernata. Id-Direttiva dwar il-habitat lanqas ma tistabbilixxi rabta testwali bejn l-eżami preliminari u l-għanijiet ta’ konservazzjoni. Għaldaqstant, l-eżami preliminari ma jiddependix mill-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona.

52.      Mal-ewwel daqqa t’għajn, din l-opinjoni tidher konvinċenti. Natura 2000 tinkludi iktar minn 27 000 żona (19), kull waħda b’diversi għanijiet ta’ konservazzjoni. Huwa inkonċepibbli li kull żona individwali u l-għanijiet kollha ta’ konservazzjoni stabbiliti għaliha jiġu evalwati konkretament sabiex jiġi vverifikat jekk pjan jew proġett partikolari jistax jaffettwaha b’mod sinjifikattiv. Fil-prattika, kważi ż-żoni kollha jiġu esklużi mill-evalwazzjoni mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod konkret l-għanijiet ta’ konservazzjoni tagħhom, peress li l-effetti tal-pjan jew tal-proġett jitqiesu bħala impossibbli. Din is-suppożizzjoni x’aktarx tkun ibbażata, fil-maġġoranza tal-każijiet, fuq id-distanza bejn il-proġett u ż-żoni esklużi.

53.      Dan l-approċċ madankollu huwa bbażat, tal-inqas, fuq suppożizzjonijiet impliċiti dwar l-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni esklużi u dwar l-effetti possibbli tal-proġett.

54.      Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ effett tiddependi fuq is-suġġett li fuqu jista’ jiġi eżerċitat. Fl-assenza ta’ tali suġġett, ebda effett ma jista’ jiġi identifikat jew eskluż. Madankollu, l-għanijiet ta’ konservazzjoni jikkonkretizzaw is-suġġett tal-effetti ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti (20) li jeħtieġ li jiġu evalwati fil-kuntest tal-eżami preliminari.

55.      Għalhekk, jekk l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal kważi ż-żoni kollha eżistenti ta’ Natura 2000 ma jiġux evalwati fid-dettall, dan huwa biss minħabba li ma jistax jiġi konċepit li l-proġett ikollu effett fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni, pereżempju minħabba d-distanza miż-żona. Madankollu, tali suppożizzjoni tista’ tiġi kkontestata f’ċerti ċirkustanzi, pereżempju meta xmara tgħaqqad proġett ma’ żoni Natura 2000 imbiegħda (21).

56.      Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk pjan jew proġett jistax jaffettwa b’mod sinjifikattiv żona Natura 2000 tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona.

C.      Fuq l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni

57.      Għalkemm l-għanijiet ta’ konservazzjoni jikkostitwixxu għalhekk il-punt ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-effetti u għall-eżami preliminari, huwa biss indirettament li mid-Direttiva dwar il-habitat u mid-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi jirriżulta li l-Istati Membri jeħtieġ li jistabbilixxu għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal kull żona Natura 2000.

58.      Fost il-verżjonijiet lingwistiċi inizjali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat, hija biss il-verżjoni Ġermaniża li tuża l-kunċett ta’ stabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni u li għalhekk teżiġi espressament li tittieħed deċiżjoni dwar dawn l-għanijiet. Għall-kuntrarju, il-verżjonijiet inizjali l-oħra (22) jirreferu biss għall-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żona rispettiva mingħajr ma jispeċifikaw kif dawn jimmaterjalizzaw.

59.      Madankollu, fir-rigward taż-żoni ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva dwar il-habitat, mill-funzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni jirriżulta li dawn jeħtieġ li jiġu stabbiliti, kif jirriżulta barra minn hekk minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva dwar il-habitat (ara l-punt 1). Din il-konklużjoni għandha tiġi trasposta għaż-ŻPS skont id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi (ara l-punt 2), bħal ma huwa l-każ, pereżempju, taż-ŻPS ta’ Blackwater Callows.

1.      Fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni għaż-żoni ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva dwar il-habitat

60.      L-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni huwa, b’mod partikolari, preżunt fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitat (23).

61.      L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitat jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu prijoritajiet meta jiddelimitaw żoni ta’ konservazzjoni. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-importanza ta’ dawn iż-żoni għaż-żamma jew għar-restawr ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali elenkat fl-Anness I jew ta’ speċi elenkata fl-Anness II, u għall-koerenza tan-network Natura 2000, kif ukoll it-theddida ta’ deterjorament jew ta’ qerda ta’ dawn iż-żoni. Huwa għalhekk neċessarju li ssir evalwazzjoni xjentifika taż-żona kkonċernata, b’mod partikolari tat-tipi ta’ habitats u tal-ispeċi li jkunu preżenti fiha, fid-dawl ta’ Natura 2000, li huwa n-network ta’ żoni Ewropej ta’ konservazzjoni.

62.      Madankollu, sabiex dawn il-prijoritajiet jiġu stabbiliti, jeħtieġ li anki l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu diġà stabbiliti (24). Fil-fatt, meta jistabbilixxu prijoritajiet, l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu dwar l-importanza relattiva li huma jagħtu lid-diversi għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żona rispettiva fil-konfront ta’ xulxin, iżda wkoll fil-kuntest ġenerali ta’ Natura 2000. Jekk l-għanijiet ta’ konservazzjoni jiġu stabbiliti biss iktar tard, ma jkunx żgurat li l-prijoritajiet stabbiliti minn qabel ikunu diġà ħadu dawn l-għanijiet inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ.

63.      Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw il-ħtiġijiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u tal-ispeċi elenkati fl-Anness II li jkunu preżenti f’dawn iż-żoni (25).

64.      Bl-istess mod, id-determinazzjoni tal-ħtiġijiet ekoloġiċi u tal-miżuri ta’ konservazzjoni relatati magħhom teħtieġ, b’mod obbligatorju (26), li l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu diġà ġew stabbiliti (27). Dawn il-ħtiġijiet huma ta’ natura xjentifika u jirrigwardaw ċerti habitats u speċi fiż-żona ta’ konservazzjoni li huma ddefiniti mill-għanijiet ta’ konservazzjoni. Għalhekk, it-tmien premessa tad-Direttiva dwar il-habitat torbot ukoll il-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) mal-għanijiet ta’ konservazzjoni.

2.      Fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal ŻPS skont id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi

65.      Il-kunsiderazzjonijiet li saru sa issa dwar l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni għaż-żoni ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva dwar il-habitat ma jistgħux jiġu trasposti direttament għaż-ŻPS skont id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi. Ċertament, l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-habitat jipprevedi li l-Artikolu 6(2) sa (4) japplika għaż-ŻPS, fejn l-Artikolu 6(3) jippreżumi l-eżistenza ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni. Madankollu, l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) ma japplikawx għaż-ŻPS.

66.      Għall-kuntrarju, l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi jibqa’ japplika fir-rigward taż-ŻPS. Għalkemm huma fformulati b’mod inqas speċifiku, dawn l-obbligi ta’ protezzjoni huma intiżi, fil-prattika, li jiżguraw protezzjoni fiż-ŻPS li tkun ekwivalenti għal dik prevista fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitat (28). Madankollu, protezzjoni ekwivalenti tinkludi l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni.

67.      L-istabbiliment ta’ prijoritajiet u l-identifikazzjoni ta’ ħtiġijiet ekoloġiċi huma wkoll diġà previsti fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, għandhom jittieħdu miżuri li jqisu l-ħtiġijiet tal-protezzjoni tal-ispeċi. Dawn il-ħtiġijiet jiddependu mis-sitwazzjoni konkreta taż-ŻPS ikkonċernata (29).

68.      Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fis-sentenza Elliniki Ornithologiki Etaireia et, li l-Istati Membri jeħtieġ li jistabbilixxu wkoll għanijiet ta’ konservazzjoni għaż-ŻPS skont id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi (30).

D.      Fuq il-konsegwenzi għall-evalwazzjoni tal-effetti

69.      Madankollu, mill-obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni jirriżulta li evalwazzjoni tal-effetti ma hijiex permessa fl-assenza ta’ tali stabbiliment?

70.      Għandu jiġi rrikonoxxut li evalwazzjoni tal-effetti tkun effettivament impossibbli jekk għanijiet ta’ konservazzjoni ma jkunux jistgħu jiġu identifikati fl-assenza ta’ stabbiliment speċifiku għaż-żona.

71.      Fil-fatt, kif diġà indikajt (31), l-evalwazzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat tirrigwarda l-effetti tal-pjan jew tal-proġett ikkonċernat fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żona.

72.      Kif jenfasizzaw ġustament SU u Wild Ireland Defence, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk reċentement ikkonstatat li l-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żona kkonċernata jikkostitwixxu punt ta’ riferiment obbligatorju għall-evalwazzjoni tal-effetti (32). Mill-kuntest usa’ ta’ din il-konstatazzjoni jirriżulta wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qed tirreferi għal għanijiet ta’ konservazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġ li jistabbilixxu speċifikament għaż-żoni rispettivi (33).

73.      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi konkluż li tali stabbiliment jikkostitwixxi prerekwiżit obbligatorju għall-evalwazzjoni tal-effetti sa fejn, jekk ikun meħtieġ, l-għanijiet ta’ konservazzjoni jistgħu jiġu ddefiniti wkoll permezz ta’ metodi oħra (ara l-punt 1). Id-Direttiva dwar il-habitat tipprevedi wkoll evalwazzjoni tal-effetti fuq din il-bażi, minn tal-inqas b’mod tranżitorju, mingħajr dan ma jnaqqas il-protezzjoni taż-żoni (ara l-punt 2).

1.      Identifikazzjoni provviżorja tal-għanijiet ta’ konservazzjoni

74.      L-esperti mqabbda mill-iżviluppaturi wara l-proġett u l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jisiltu l-għanijiet ta’ konservazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-evalwazzjoni abbażi, b’mod partikolari, tal-informazzjoni li wasslet għad-delimitazzjoni taż-żona ta’ konservazzjoni rispettiva (34) u li tinsab fil-formola standard tad-data (35) taż-żona (36), kif ukoll, jekk ikun il-każ, billi jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll għarfien addizzjonali dwar speċi u tipi ta’ habitats oħra li jkunu preżenti fiha (37).

75.      Fil-fatt, sabiex jiġi evalwat jekk pjan jew proġett jaffettwax għanijiet ta’ konservazzjoni, huwa suffiċjenti, bħala regola ġenerali, li jiġi preżunt li t-tipi u l-habitats kollha li jistħoqqilhom protezzjoni u li jkunu preżenti fiż-żona jkunu koperti mill-għanijiet ta’ konservazzjoni. Fil-każ ta’ żoni koperti mid-Direttiva dwar il-habitat, dawn huma t-tipi ta’ habitats naturali elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, inklużi l-ispeċi li jikkaratterizzawhom (l-Artikolu 1(e)) kif ukoll l-ispeċi elenkati fl-Anness II. Fil-każ taż-ŻPS, dawn huma l-ispeċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi u l-ispeċi ta’ għasafar migratorji li jkunu preżenti b’mod regolari f’din iż-żona u li ma humiex elenkati f’dan l-Anness I, kif ukoll il-habitats ta’ dawn l-ispeċi. Hija biss il-preżenza ta’ tipi ta’ habitats jew ta’ speċi li huma (ġustament) ikklassifikati bħala ta’ importanza minuri li jistgħu ma jittiħdux inkunsiderazzjoni (38).

76.      Barra minn hekk, jista’ jkun neċessarju li l-għanijiet ta’ konservazzjoni jiġu estiżi għal ċerti potenzjali ta’ żvilupp meta titjib tal-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ habitats jew tal-popolazzjonijiet ta’ speċi jkun neċessarju sabiex jiġi rrestawrat l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tagħhom (39). Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitat, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-prijoritajiet taż-żoni ta’ konservazzjoni skont, b’mod partikolari, l-importanza tagħhom għar-restawr ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali elenkat fl-Anness I jew ta’ speċi elenkata fl-Anness II.

77.      Anki fir-rigward taż-ŻPS skont id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, l-Istati Membri għandhom, fejn xieraq, jinkludu għanijiet ta’ żvilupp fl-għanijiet ta’ konservazzjoni, peress li, skont l-Artikolu 3(1), huma għandhom iżommu jew jirrestawraw diversità suffiċjenti u daqs suffiċjenti ta’ habitats tal-għasafar.

78.      Minn dan isegwi li l-inklużjoni ta’ potenzjali ta’ żvilupp hija meħtieġa meta dawn ikunu neċessarji fid-dawl tal-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ habitats u tal-ispeċi kkonċernati fi ħdan Natura 2000, kif ukoll tal-karatteristiċi taż-żona u tal-potenzjali ta’ żvilupp u tal-għanijiet ta’ konservazzjoni korrispondenti taż-żoni Natura 2000 l-oħra.

79.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni turi b’mod konvinċenti li evalwazzjoni tal-effetti fin-nuqqas ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona tista’ tkun marbuta ma’ obbligi partikolari ta’ investigazzjoni u ta’ prova għall-applikanti u għall-awtoritajiet kompetenti sabiex joħorġu l-permess. Għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti fuq bażi xjentifika soda huma nettament iktar affidabbli minn għanijiet ta’ konservazzjoni li jkunu identifikati biss b’mod provviżorju fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-effetti. Għalhekk, jistgħu jkunu neċessarji investigazzjonijiet addizzjonali sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-evalwazzjoni. Fil-fatt, kif indikajt, din l-evalwazzjoni għandha teskludi, abbażi ta’ konstatazzjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku rilevanti, kull dubju raġonevoli dwar jekk il-proġett jistax ikollu effetti negattivi fuq iż-żona kkonċernata bħala tali (40). Għalhekk, jeħtieġ li jiġi eskluż ukoll kull dubju dwar is-suffiċjenza tal-għanijiet ta’ konservazzjoni li fuqhom tkun ibbażata l-evalwazzjoni.

80.      Il-Kummissjoni ssegwi approċċ simili fi proposta għal regolament iktar reċenti. Jekk l-għanijiet ta’ konservazzjoni relatati maż-żona jkunu ġew stabbiliti u kkunsidrati, tista’ tintuża, taħt ċerti kundizzjonijiet, data li tmur lura sa ħames snin fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-effetti (41). Din il-proposta timplika li evalwazzjoni tal-effetti hija possibbli anki fin-nuqqas ta’ stabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni relatati maż-żona. F’dan il-każ, għandha tintuża biss data iktar reċenti. Barra minn hekk, dan juri wkoll l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-għanijiet ta’ konservazzjoni relatati maż-żona jistgħu jiffaċilitaw it-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti.

81.      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li evalwazzjoni tal-effetti tista’ titwettaq fil-prattika abbażi ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni identifikati provviżorjament meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu għadhom ma stabbilixxewx għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona.

2.      Fuq l-ammissibbiltà ta’ evalwazzjoni tal-effetti bbażata fuq għanijiet ta’ konservazzjoni provviżorji

82.      Fir-rigward taż-żoni identifikati abbażi tad-Direttiva dwar il-habitat, il-leġiżlatur saħansitra assuma impliċitament tali metodu ta’ identifikazzjoni provviżorja tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, kif jenfasizzaw ġustament Knocknamona, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Irlanda. Fil-fatt, l-Artikolu 4(4) jagħti lill-Istati Membri terminu ta’ sitt snin sabiex jistabbilixxu l-prijoritajiet u, għaldaqstant, l-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni ta’ konservazzjoni, wara li l-Kummissjoni tkun inkludiet dawn iż-żoni fil-lista tal-Unjoni taż-żoni ta’ importanza Komunitarja skont l-Artikolu 4(2), jiġifieri bħala żoni Natura 2000 (42). Madankollu, matul dan it-terminu, iż-żoni jkunu diġà suġġetti, skont l-Artikolu 4(5), għall-Artikolu 6(3), li għall-applikazzjoni tiegħu, kif diġà indikajt (43), l-għanijiet ta’ konservazzjoni jikkostitwixxu punt ta’ riferiment obbligatorju.

83.      SU u Wild Ireland Defence jsostnu li tali identifikazzjoni provviżorja ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni hija permessa biss matul il-perijodu tranżitorju espressament previst mid-Direttiva dwar il-habitat. Fin-nuqqas ta’ perijodu tranżitorju korrispondenti fid-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, tali identifikazzjoni tkun għalhekk totalment eskluża fir-rigward taż-ŻPS inkwistjoni.

84.      F’din il-perspettiva għandu jiġi aċċettat li l-istabbiliment immedjat jew, tal-inqas, f’terminu xieraq, ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni huwa meħtieġ sabiex tiġi ggarantita l-aħjar protezzjoni għall-ħtiġijiet taż-żona ta’ konservazzjoni kkonċernata. Sakemm l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu għadhom ma ġewx stabbiliti, il-prijoritajiet tal-protezzjoni taż-żona ma jkunux magħrufa. Għaldaqstant, lanqas ma jkun għadu ċar kif ir-riżorsi ta’ ġestjoni taż-żona, li min-natura tagħhom huma limitati, għandhom jitqassmu bejn id-diversi għanijiet ta’ konservazzjoni. Barra minn hekk, kunflitti bejn għanijiet differenti ta’ konservazzjoni jistgħu saħansitra jostakolaw miżuri ta’ protezzjoni sakemm ma jkunx ċar liema minn dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandu prijorità (44).

85.      In-nuqqas ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni jipprekludi barra minn hekk il-kontroll effettiv tal-hekk imsejħa “cross-compliance” skont l-Artikolu 93(2) u l-Anness II tar-Regolament Nru 1306/2013 (45), jiġifieri l-osservanza tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-habitat fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ art agrikola. Fil-fatt, għanijiet ta’ konservazzjoni huma neċessarji sabiex jiġu ddeterminati l-obbligi tal-bdiewa f’dan ir-rigward. Jekk dawn l-obbligi ma jkunux jistgħu jiġu ddeterminati, ma jkunx possibbli li tiġi kkontrollata l-osservanza tagħhom (46). Peress li għalhekk ma jkunx issodisfatt prerekwiżit għall-għoti ta’ għajnuna agrikola, l-assenza ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni tista’ tipprekludi r-rilaxx ta’ għajnuna fil-qasam agrikolu lill-Istati Membri (47).

86.      Madankollu, kif tenfasizza Curns, dawn l-elementi kollha jikkonċernaw iktar il-ġestjoni taż-żoni ta’ konservazzjoni milli l-evalwazzjoni tal-effetti negattivi tal-proġetti fuq dawn iż-żoni.

87.      Fuq kollox, fir-rigward taż-ŻPS skont id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, ma hemmx perijodu tranżitorju minħabba li din id-direttiva ma tinkludix regoli espressi dwar l-għanijiet ta’ konservazzjoni jew l-istabbiliment tagħhom. Huwa biss fid-dawl tad-Direttiva dwar il-habitat adottata sussegwentement li jsir ċar li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll għanijiet ta’ konservazzjoni għaż-ŻPS skont id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi. Madankollu, ma jistax jiġi dedott li, bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-habitat, il-leġiżlatur ried jistabbilixxi, għall-evalwazzjoni tal-effetti fir-rigward taż-ŻPS u mingħajr ma jipprevedi perijodu tranżitorju simili, rekwiżiti mhux espliċitament previsti u iktar stretti minn dawk applikabbli fir-rigward taż-żoni ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva dwar il-habitat.

88.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat japplika għaż-ŻPS mingħajr ma jkunu identifikati għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona (48).

89.      Barra minn hekk, l-effett protettiv tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjanijiet jew proġetti normalment ma jitnaqqasx jekk in-nuqqas ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona u ta’ prijoritajiet jiġi sostitwit b’għanijiet ta’ konservazzjoni identifikati b’mod provviżorju. Fil-fatt, peress li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċi kollha u t-tipi kollha ta’ habitat preżenti fiż-żona, kif ukoll il-potenzjali ta’ żvilupp, din l-evalwazzjoni twassal, kuntrarjament għal dak li jsostnu SU u Wild Ireland Defence, għal protezzjoni taż-żona li hija, bħala tendenza, iktar estensiva milli meta l-għanijiet ta’ konservazzjoni jiċċaraw l-importanza tad-diversi oġġetti ta’ protezzjoni.

90.      B’hekk, il-formola standard tad-data għaż-ŻPS ta’ Blackwater Callows telenka total ta’ għaxar speċi ta’ għasafar tal-Anness I (49), filwaqt li l-għanijiet ta’ konservazzjoni (50) stabbiliti fil-frattemp ikopru biss ħamsa minnhom. Jekk, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, l-ispeċi l-oħra ġew, fil-fatt, ġustament ikkunsidrati bħala insinjifikattivi, l-effetti fuq dawn l-ispeċi ma jistgħux għalhekk jostakolaw proġett.

91.      Mingħajr l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona, jiġifieri abbażi ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni identifikati provviżorjament, probabbilment ikun ferm iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġi ġġustifikat dan ir-riżultat. Fil-fatt, l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona u l-prijoritizzazzjoni li tirriżulta minnhom jippreżupponu evalwazzjoni xjentifika bir-reqqa tal-karatteristiċi taż-żona kkonċernata (51), li tkun għadha nieqsa fil-kuntest ta’ identifikazzjoni purament provviżorja tal-għanijiet ta’ konservazzjoni. Għalhekk, fl-assenza ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona, huwa preżunt li l-habitats, il-popolazzjonijiet u l-potenzjali ta’ żvilupp kollha għandhom l-istess importanza u għalhekk jistħoqqilhom protezzjoni.

92.      Kif juri l-argument tal-Kummissjoni diġà eżaminat (52), l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona jistgħu għalhekk jiffaċilitaw fil-prattika l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti.

93.      Barra minn hekk, ta’ min jinnota li evalwazzjoni tal-effetti abbażi ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni identifikati provviżorjament tista’ twassal għal problemi ulterjuri meta tikkonkludi li l-proġett jista’ jaffettwa ż-żona bħala tali. F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk, b’mod eċċezzjonali, awtorizzazzjoni tistax tingħata għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitat. Madankollu, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hawnhekk dwar jekk il-bilanċ neċessarju għal dan l-għan jistax jitwettaq mingħajr għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona u mingħajr l-istabbiliment ta’ prijoritajiet. Fil-fatt, fil-kawżi prinċipali, xejn ma jindika, skont il-qorti tar-rinviju, li l-parks eoliki awtorizzati jippreġudikaw għanijiet ta’ konservazzjoni possibbli.

94.      Minn dan isegwi li, meta Stat Membru jkun għadu ma stabbilixxiex għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona Natura 2000 ikkonċernata minn pjan jew proġett, l-evalwazzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat għandha tkun ibbażata fuq is-suppożizzjoni li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ żona ta’ konservazzjoni skont din id-direttiva jkopru t-tipi kollha ta’ habitats tal-Anness I li jkunu preżenti fiha, inklużi l-ispeċi li jikkaratterizzawhom, u l-ispeċi kollha tal-Anness II li jkunu preżenti fiha, kif ukoll li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ ŻPS jinkludu l-ispeċi kollha ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi li jkunu preżenti fiha u l-ispeċi migratorji kollha li jkunu preżenti f’din iż-żona b’mod regolari u li ma humiex elenkati f’dan l-Anness I. Barra minn hekk, jista’ jkun neċessarju li fl-għanijiet ta’ konservazzjoni hekk identifikati jiġu inklużi l-potenzjali ta’ żvilupp taż-żona li jkunu neċessarji sabiex ikun jista’ jsir ir-restawr tal-habitats u tal-popolazzjonijiet, fid-dawl tal-istat ta’ konservazzjoni ġenerali tat-tipi ta’ habitat u tal-ispeċi kkonċernati fi ħdan Natura 2000, tal-karatteristiċi taż-żona kif ukoll tal-potenzjali ta’ żvilupp u tal-għanijiet ta’ konservazzjoni korrispondenti taż-żoni Natura 2000 l-oħra. Tista’ titħalla barra biss il-preżenza insinjifikattiva ta’ tipi ta’ habitat u ta’ speċi.

E.      Fuq il-konsegwenzi għall-eżami preliminari

95.      Il-kunsiderazzjonijiet li għadhom kif saru dwar l-importanza ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona għall-evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat japplikaw mutatis mutandis għall-eżami preliminari tan-neċessità ta’ tali evalwazzjoni.

96.      Kif diġà spjegat, l-għanijiet ta’ konservazzjoni jikkostitwixxu l-punt ta’ riferiment għal din l-evalwazzjoni (53). Madankollu, l-eżami preliminari ma jeżiġix li l-Istati Membri jkunu stabbilixxew minn qabel għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal kull żona. Huwa suffiċjenti li dawn jiġu identifikati b’mod provviżorju abbażi tal-karatteristiċi taż-żona.

97.      Matul il-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitat, il-leġiżlatur ippreżupona din il-possibbiltà għaż-żoni koperti minn din id-direttiva, bħal ma għamel ukoll fir-rigward tal-evalwazzjoni proprja tal-effetti. Għaż-ŻPS li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, li la tuża l-kunċett ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni u lanqas ma tinkludi obbligu espress ta’ stabbiliment jew terminu għal dan l-istabbiliment, jeħtieġ għalhekk li din il-possibbiltà teżisti a fortiori.

98.      Għaldaqstant, ma jistax jiġi mistenni tnaqqis fl-effett protettiv tas-sistema ta’ evalwazzjoni tal-effetti waqt l-eżami preliminari. Għall-kuntrarju, fl-assenza ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona, ġeneralment ikun iktar diffiċli li tiġi eskluża, fl-istadju tal-eżami preliminari, il-possibbiltà ta’ effett sinjifikattiv fuq iż-żona Natura 2000.

99.      L-ewwel nett, iż-żona jista’ jkun fiha habitats, speċi jew potenzjali ta’ żvilupp li l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona jagħtuhom importanza minuri. Madankollu, dan ġeneralment ma jkunx possibbli fil-qafas ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni provviżorji (54). Konsegwentement, l-effetti potenzjali fuq dawn il-habitats, speċi jew potenzjali ta’ żvilupp għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami preliminari u għandhom iwasslu għal evalwazzjoni sħiħa.

100. It-tieni nett, fl-assenza ta’ stabbiliment espliċitu ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona, jistgħu jitqajmu dubji dwar il-portata tal-għanijiet ta’ konservazzjoni li għandhom jiġu adottati b’mod provviżorju, b’mod partikolari minħabba lakuni fl-għarfien dwar il-habitats, l-ispeċi u l-potenzjali ta’ żvilupp preżenti fiż-żona u li jistgħu jiġu affettwati mill-proġett. Jekk dawn id-dubji ma jkunux jistgħu jiġu esklużi faċilment, evalwazzjoni sħiħa tkun neċessarja, anki sabiex tinkiseb ċarezza dwar l-għanijiet ta’ konservazzjoni li għandhom jiġu preżunti.

101. Għalhekk, għall-eżami preliminari japplika l-istess bħall-evalwazzjoni proprja tal-effetti: meta Stat Membru jkun għadu ma stabbilixxiex għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona Natura 2000 ikkonċernata minn pjan jew proġett, l-iscreening tan-neċessità ta’ evalwazzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat għandu jkun ibbażat fuq is-suppożizzjoni li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ żona ta’ konservazzjoni skont din id-direttiva jinkludu t-tipi kollha ta’ habitats tal-Anness I li jkunu preżenti fiha, inklużi l-ispeċi li jikkaratterizzawhom, u l-ispeċi kollha tal-Anness II li jkunu preżenti fiha, kif ukoll li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ ŻPS jinkludu l-ispeċi kollha ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi u li jkunu preżenti f’din iż-ŻPS u l-ispeċi migratorji kollha li jkunu preżenti f’din iż-żona b’mod regolari u li ma humiex elenkati f’dan l-Anness I. Barra minn hekk, jista’ jkun neċessarju li fl-għanijiet ta’ konservazzjoni hekk identifikati jiġu inklużi l-potenzjali ta’ żvilupp taż-żona li jkunu neċessarji sabiex ikun jista’ jsir ir-restawr tal-habitats u tal-popolazzjonijiet, fid-dawl tal-istat ta’ konservazzjoni ġenerali tat-tipi ta’ habitats u tal-ispeċi kkonċernati fi ħdan Natura 2000, tal-karatteristiċi taż-żona kif ukoll tal-potenzjali ta’ żvilupp u tal-għanijiet ta’ konservazzjoni korrispondenti taż-żoni Natura 2000 l-oħra. Tista’ titħalla barra biss il-preżenza insinjifikattiva ta’ tipi ta’ habitat u ta’ speċi (55).

F.      Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti?

102. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-opinjoni tiegħi u tqis li l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni huwa prerekwiżit għall-evalwazzjoni tal-effetti u għall-eżami preliminari, hija għandha, tal-inqas, tillimita ratione temporis l-effetti tad-deċiżjoni tagħha.

103. Huwa ċertament minnu li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha (56). Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, bis-saħħa tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jinvokaw dispożizzjoni kif interpretata minnha, sabiex jiġu kkontestati relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jkunu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ disturbi serji (57).

104. Dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, għaż-ŻPS li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, l-evalwazzjoni tal-effetti u l-eżami preliminari tan-neċessità tagħha huma possibbli biss wara li l-Istati Membri jkunu stabbilixxew għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona.

105. Jeżisti riskju li, sa issa, l-Istati Membri għadhom ma stabbilixxewx għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żoni għal diversi ŻPS. Fil-fatt, huwa biss mis-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, Elliniki Ornithologiki Etaireia et (C‑66/23, EU:C:2024:733), li l-Istati Membri setgħu jqisu lilhom infushom marbuta bl-obbligu li jistabbilixxu tali għanijiet ta’ konservazzjoni. Fil-fatt, la d-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi u lanqas id-Direttiva dwar il-habitat ma jipprevedu espressament dan l-obbligu fir-rigward taż-ŻPS. B’differenza mid-Direttiva dwar il-habitat, li tipprevedi termini konkreti għall-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi lanqas biss tuża l-kunċett ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni.

106. Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal sabiex tinjora l-bona fide tal-Istati Membri fir-rigward taż-ŻPS, dan ma jkunx attribwibbli għall-iżviluppaturi wara l-proġett li, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ma setgħux jipprevedu l-impossibbiltà li jiksbu permess minħabba l-assenza ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit. Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll, fil-Gwida tagħha, li, għalkemm evalwazzjoni tal-effetti mingħajr għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit ikollha riskju ikbar li jinkiser l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat, tali evalwazzjoni xorta waħda tibqa’ possibbli (58).

107. Fl-istess ħin, jeżisti riskju ta’ disturbi serji. Bħalissa, ma jistax jiġi stmat kemm-il żona Natura 2000 huma kkonċernati minn din il-problema u, a fortiori, kemm evalwazzjonijiet tal-effetti jew eżamijiet preliminari li diġà twettqu jistgħu jiġu kkontestati minħabba dan in-nuqqas. Għalhekk, jista’ jkun hemm dewmien sinjifikattiv fit-twettiq ta’ pjanijiet jew proġetti mnedija in bona fide (59), mingħajr ma dan id-dewmien ikun iġġustifikat minn effetti negattivi fuq żoni Natura 2000.

108. Matul is-seduta, l-Awtorità tal-Ippjanar spjegat dan il-punt billi għamlet riferiment għal Dublin bħala eżempju: il-Kummissjoni kienet qajmet dubji dwar il-kwalità tal-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi li kienu ġew stabbiliti għal ħames ŻPS fil-bajja ta’ Dublin, u għalhekk hemm ir-riskju li ebda proġett fil-belt ma jkun jista’ jiġi approvat jekk ikun hemm riskju li jwassal għar-rimi tal-ilma użat fil-bajja. Dan ir-riskju jibqa’ l-istess, anki jekk l-ilma użat mormi jiġi ttrattat fiċ-ċentri ta’ purifikazzjoni b’mod li jiġi eskluż kull impatt negattiv fuq iż-ŻPS.

109. Għaldaqstant, tali deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika biss għall-pjanijiet u għall-proġetti awtorizzati wara l-għoti tas-sentenza fil-kawżi ineżami. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ saħansitra tikkunsidra li tillimita l-applikazzjoni ta’ tali deċiżjoni għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li jitnedew biss wara l-għoti tas-sentenza. Fil-fatt, anki fir-rigward ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni diġà pendenti, setgħu diġà twettqu studji fil-fond, abbażi ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti b’mod provviżorju, dwar l-effetti ta’ proġetti mingħajr ma ġew stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona (60).

VI.    Konklużjoni

110. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-kawżi Knocknamona u Curns:

Meta Stat Membru jkun għadu ma stabbilixxiex għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona Natura 2000 ikkonċernata minn pjan jew proġett, l-evalwazzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif ukoll l-eżami preliminari, l-iscreening, tan-neċessità ta’ tali evalwazzjoni, jeħtieġ li jkunu bbażati fuq is-suppożizzjoni li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ żona ta’ konservazzjoni skont din id-direttiva jinkludu t-tipi kollha ta’ habitat tal-Anness I li jkunu preżenti fiha, inklużi l-ispeċi li jikkaratterizzawhom u li jkunu preżenti fiha, u l-ispeċi kollha tal-Anness II li jkunu preżenti fiha, kif ukoll li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ żona ta’ protezzjoni speċjali skont id-Direttiva 2009/147/KE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi jinkludu l-ispeċi kollha ta’ għasafar elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva u li jkunu preżenti f’din iż-żona u l-ispeċi migratorji kollha li jkunu preżenti fiha b’mod regolari u li ma humiex elenkati f’dan l-Anness I. Barra minn hekk, jista’ jkun neċessarju li fl-għanijiet ta’ konservazzjoni hekk identifikati jiġu inklużi l-potenzjali ta’ żvilupp taż-żona li jkunu neċessarji sabiex ikun jista’ jsir ir-restawr tal-habitats u tal-popolazzjonijiet, fid-dawl tal-istat ta’ konservazzjoni ġenerali tat-tipi ta’ habitat u tal-ispeċi kkonċernati fi ħdan Natura 2000, tal-karatteristiċi taż-żona kif ukoll tal-potenzjali ta’ żvilupp u tal-għanijiet ta’ konservazzjoni korrispondenti taż-żoni Natura 2000 l-oħra. Tista’ titħalla barra biss il-preżenza insinjifikattiva ta’ tipi ta’ habitat u speċi.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      F’dan il-każ, hija rilevanti d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/147/KE tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2019/1010 tal‑5 ta’ Ġunju 2019 (ĠU 2019, L 170, p. 115).


4      Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat‑2 ta’ April 1979 Dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98).


5      Kif tosserva l-Kummissjoni, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma huwiex ċar jekk id-deterjorament ta’ habitats protetti minħabba d-disturb ikkawżat mill-installazzjonijiet kienx ukoll is-suġġett tal-evalwazzjoni; ara, fir-rigward tan-neċessità tal-eżami ta’ dan l-aspett, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Kaliakra) (C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 59) u l-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑141/14, EU:C:2015:528, punti 94 sa 99).


6      Sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Il-foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 106), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 116).


7      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 59); tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 120); u tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Eco Advocacy (C‑721/21, EU:C:2023:477, punt 38).


8      Sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 100); tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Il-foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 139); tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 98); u tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Eco Advocacy (C‑721/21, EU:C:2023:477, punt 39).


9      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 43 u 44); tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 226); u tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman (C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 34).


10      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 44); tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 254); u tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 114).


11      Konklużjonijiet fil-kawża Eco Advocacy (C‑721/21, EU:C:2023:39, punti 91 sa 93).


12      Sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Eco Advocacy (C‑721/21, EU:C:2023:477, punt 42), u tas‑6 ta’ Marzu 2025, Waltham Abbey Residents Association (C‑41/24, EU:C:2025:140, punt 48).


13      Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Eco Advocacy (C‑721/21, EU:C:2023:39, punt 105).


14      Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2011:838, punt 49).


15      Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging und Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 46).


16      Fir-rigward tal-potenzjali għall-iżvilupp, ara l-punti 76 sa 78 iktar ’il quddiem.


17      Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 47), u tal‑4 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑179/06, EU:C:2007:578, punt 35).


18      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 48); tal‑11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 30); u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Il-foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 112).


19      L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Natura 2000 sites designated under the EU Habitats and Birds Directives (ippubblikat fil‑5 ta’ Novembru 2025), https://www.eea.europa.eu/en/analysis/indicators/natura‑2000-sites-designated-under.


20      Ara l-punt 49 iktar ’il fuq.


21      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑142/16, EU:C:2017:301, punti 29 sa 33).


22      Dawn huma l-verżjonijiet bl-Ingliż, bid-Daniż, bil-Franċiż, bil-Grieg, bit-Taljan, bl-Olandiż, bil-Portugiż u bl-Ispanjol. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ma kinux parti mill-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat.


23      Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punti 46 sa 53); tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punti 64 u 65); kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687, punti 105 u 106).


24      Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 46); tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 64); kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 105).


25      Ara wkoll is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Il-foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 213), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 59).


26      Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 52), kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 157).


27      Sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Il-foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 207); tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punti 49 u 50); tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 155).


28      F’dan is-sens, ara s-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Il-foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punti 207 sa 209 kif ukoll punti 213 u 221).


29      F’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Hanság u Niedere Tauern) (C‑535/07, EU:C:2010:602, punti 62 sa 66).


30      Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024 (C‑66/23, EU:C:2024:733,. punt 46).


31      Ara l-punti 48 u 49 iktar ’il fuq.


32      Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, Elliniki Ornithologiki Etaireia et (C‑66/23, EU:C:2024:733, punt 42).


33      Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024 Elliniki Ornithologiki Etaireia et (C‑66/23, EU:C:2024:733, b’mod partikolari l-punti 45 u 46).


34      Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 54), u tas‑7 ta’ Novembru 2018, Holohan et (C‑461/17, EU:C:2018:883, punti 35 u 37). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi CFE u Terre wallonne (C‑43/18 u C‑321/18, EU:C:2019:56, punt 76) u fil-kawża Elliniki Ornithologiki Etaireia et (C‑66/23, EU:C:2024:150, punt 45), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Ćapeta fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:317, punt 31).


35      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/484/UE tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Lulju 2011 dwar format ta’ informazzjoni għas-siti Natura 2000 (notifikata bid-dokument numru C(2011) 4892) (ĠU 2011, L 198, p. 39).


36      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Santa Caterina) (C‑304/05, EU:C:2007:228, punt 33).


37      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, Elliniki Ornithologiki Etaireia et (C‑66/23, EU:C:2024:733, punti 47 sa 49).


38      Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024 Elliniki Ornithologiki Etaireia et (C‑66/23, EU:C:2024:733, punt 48), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Santa Caterina) (C‑304/05, EU:C:2007:228, punt 34).


39      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Vereniging Hoekschewaards Landschap (C‑281/16, EU:C:2017:476, punti 52 sa 63).


40      Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota f’qiegħ il-paġna 8.


41      It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(5) tal-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tħaffif tal-valutazzjonijiet ambjentali (COM(2025) 984 final, p. 28 u 29).


42      Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 53); tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 65); kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 106).


43      Ara l-punt 72 iktar ’il fuq.


44      Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2010:114, punt 53), kif ukoll, bħala eżempju, il-konklużjonijiet fil-kawża Latvijas valsts meži (C‑434/22, EU:C:2023:595, punt 41) dwar miżuri ta’ prevenzjoni ta’ nirien fiż-żoni Natura 2000.


45      Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6, u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83).


46      Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑20 ta’ Novembru 2024, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑508/22, EU:T:2024:855, punti 78 sa 80).


47      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑404/19 P, EU:C:2020:1041, punt 51, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).


48      Ara wkoll is-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2004, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Wörschacher Moos) (C‑209/02, EU:C:2004:61, punti 22 et seq.); tal‑20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Santa Caterina) (C‑304/05, EU:C:2007:532, punti 16, 17 u 95); u tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Alto Sil) (C‑404/09, EU:C:2011:768, punti 101 u 102).


49      https://natura2000.eea.europa.eu/?sitecode=IE0004094&views=Sites_View.


50      https://www.npws.ie/sites/default/files/protected-sites/conservation_objectives/CO004094_0.pdf.


51      Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Elliniki Ornithologiki Etaireia et (C‑66/23, EU:C:2024:150, punti 56 sa 64).


52      Ara l-punti 79 u 80 iktar ’il fuq.


53      Ara l-punti 50 sa 56 iktar ’il fuq.


54      Ara l-punt 91 iktar ’il fuq.


55      Ara l-punt 94 iktar ’il fuq.


56      Sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C‑292/04, EU:C:2007:132, punt 34), u tat‑23 ta’ April 2020, Herst (C‑401/18, EU:C:2020:295, punt 54).


57      Sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C‑292/04, EU:C:2007:132, punt 35), u tat‑23 ta’ April 2020, Herst (C‑401/18, EU:C:2020:295, punt 56).


58      Ara l-Avviż tal-Kummissjoni intitolat “Valutazzjonijiet tal-pjanijiet u tal-proġetti relatati mas-siti ta’ Natura 2000 – Gwida metodoloġika dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-Ħabitats” (2021/C 437/01) (ĠU C 2021, 437, p. 1).


59      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 105).


60      Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 1998, Gedeputeerde Staten van Noord-Holland (C‑81/96, EU:C:1998:305, punti 23 u 24), fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, u tat‑23 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Lauteracher Ried) (C‑209/04, EU:C:2006:195, punti 56 u 57), fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effetti skont id-Direttiva dwar il-habitat.