|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/2889 |
24.4.2024 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2024/2889)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“BURSA SİYAH İNCİRİ / BURSA SİYAHI”
Nru tal-UE: PDO-TR-02838–19.4.2022
DOP (X) IĠP ( )
1. Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]
“Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
It-Turkija
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) “Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı” tindika t-tin frisk tal-varjetà “Dürdane”. Il-kulur tal-qoxra tal-frott huwa vjola skur, għandu polpa ħamra, u huwa kbir fid-daqs.
Il-frott għandu forma tonda kbira u ċatta (oblata) u l-qoxra hi faċli biex titqaxxar. Il-frott huwa ta’ daqs medju u l-kavità tal-frott hija nieqsa jew żgħira ħafna. Il-polpa tal-frott hija soda u aromatika ħafna b’togħma ħelwa u aċiduża.
Il-frotta għandha l-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi li ġejjin:
|
— |
Wisa’ tal-frotta: 55,0 – 65,0 mm |
|
— |
Tul tal-frotta: 45,0 – 55,0 mm |
|
— |
Ħxuna tal-qoxra: 1,2 – 1,8 mm |
|
— |
Wisa’ tal-ostiole: 8,0–12,0 mm |
|
— |
Għadd ta’ frott f’1 kg: 11 ± 2 frotta |
|
— |
Brix: 17,00 – 18,50 |
|
— |
pH: 4,50 – 5,00 |
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-passi kollha tal-produzzjoni jridu jsiru fiż-żona ġeografika.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.
Il-“Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı” hija frotta sensittiva li tista’ titħassar malajr. Il-produzzjoni, il-ħżin, l-għażla/il-klassifikazzjoni, u l-imballaġġ iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita sabiex tiġi ppreservata l-freskezza tal-prodott, jiġi evitat li ssirlu ħsara, tiġi ggarantita l-oriġini tal-prodott, u jiġi żgurat il-kontroll.
Il-frott għandu jintgħażel u jiġi kklassifikat fil-livell tal-azjenda agrikola jew fil-livell kooperattiv f’żona ddedikata u nadifa biex jiġi evitat li l-frott jiġi kkontaminat.
It-tin magħżul jinħażen f’temperatura ta’ + 2 0C f’ħażna kiesħa. It-tin tal-ħsad bikri jista’ jinħażen għal massimu ta’ 25 jum u t-tin immaturat jista’ jinħażen għal mhux aktar minn 10 ijiem.
Il-“Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı” trid tiġi ppakkjata f’kaxxi tal-kartun/tal-plastik/tal-injam għall-konsumaturi finali.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Minbarra l-informazzjoni obbligatorja pprovduta mil-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel, it-tikketti għandhom jinkludu dan li ġej:
|
— |
L-isem tad-denominazzjoni “Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı”, |
|
— |
L-isem kummerċjali u l-indirizz jew l-isem qasir u l-indirizz jew il-marka rreġistrata tal-produttur, |
|
— |
Il-logo tad-DOP tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
Barra minn hekk, il-logo tal-“Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı” jista’ jintuża fuq l-imballaġġ tal-prodotti tad-DOP “Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı”. |
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Bursa hija provinċja fir-reġjun ta’ Marmara li tagħti isimha lit-tin iswed li jikber fid-distretti tal-provinċja elenkati hawn taħt;
|
— |
Gemlik; Kurtul, Muratoba, Katırlı, Hamidiye, iükriye, Feyziye, Fındıcak, Kurşunlu |
|
— |
Gürsu; Kazıklı, Iğdir, Karahıdır, Dışkaya |
|
— |
Karacabey; Boğazköy, Çavuşköy, Taşpınar, Yeni Karaağaç, Eski Karaağaç, Orhaniye, Ikizce, Dağkadı, Yeşiller, Bayramdere, Seyran, Çeşnigir, Ballıkaya, Çamlıca, Inkaya, Muratlı, Hürriyet, Karakoca |
|
— |
Kestel; Barakfaki, Çataltepe, Kayacık |
|
— |
Mustafa Kemal Paşa; Yenice, Gündoğdu, Alpagut, Karaorman, Melik, Kösehoroz, Devecikonağı, Çardakbelen, Döllük, Çavuşköy, Çamandar, Kurşunlu, Fındıcak, Bükköy, Yoncaağaç, Eskibalçık, Karacalar, Yenibalçık, Kestelek, Çaltılıbük, Osmaniye, Kazanpınar, Doğanalan, Akçapınar, Onaç, Köreken, Killik, Incealipınarı, Uğurlupınar, Taşpınar, Dorak, Işıklar, Çömlekçi, Çamlıca, Kabulbaba, Güller, Söğütalan, Kadirçeşme, Karaoğlan, Çördük |
|
— |
Mudanya; Esence, Dereköy, Mesudiye, Evciler, Çamlık, Eyerci, Emirleryenicesi, Söğütpınar, Çayönü, Yalıçiftliği, Yürük Yenicesi, Zeytinbağı, Kumyaka, Hançerli, Yaman, Kaymakoba, Mirzeoba, Orhaniye, Çekrice, Yaylacık, Küçükyenice, Dedeköy, Ipekyayla, Çepni, Işıklı, Akköy, Mudanya Merkez, Güzelyalı, Altıntaş, Aydınpınar, Göynüklü, Çağrışan, Mürselköy, Ülkü, Bademli, Hasköy |
|
— |
Nilüfer; Gölyazı, Fadıllı, Çatalağıl, Karacaoba, Ayvaköy, Unçukuru, Akçalar, Çaylı, Konaklı, Başköy, Hasanağa, Görükle, Yolçatı, Doğanköy, Çalı, Yaylacık, Tahtalı, Badırga |
|
— |
Orhangazi; Orhangazi, Gemiç, Gürle, Yenigürle, Dutluca, Gölyaka, Akharem, Yeniköy, Üreğil, Çakırlı |
|
— |
Osmangazi; Osmangazi, Nilüfer, Aksungur, Ahmetbey, Gündoğdu, Çağlayan, Ovaakça, Dürdane, Karabalçık, Selçukgazi, Seçköy, Avdancık, Demirtaş, İsmetiye |
5. Rabta maż-żona ġeografika
Speċifiċità taż-żona ġeografika
Il-“Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı”hija tin tal-varjetà “Dürdane” li hija varjetà lokali tal-provinċja ta’ Bursa. In-nebbieta ta’ dawn is-siġar tat-tin iridu jiġu minn mixtliet li jinsabu fiż-żona ġeografika ddefinita sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà ġenetika, minħabba li l-kwalità tal-frott tiddependi direttament fuq il-karatteristiċi ġenetiċi tal-varjetà lokali u l-fatturi naturali speċifiċi fiż-żona ġeografika ddefinita.
Iż-żona ġeografika hija kkaratterizzata minn irqajja’ ta’ pjanuri b’art muntanjuża, li jipprovdu l-kundizzjonijiet xierqa għat-tkabbir ta’ tin eċċellenti. Il-gruppi ewlenin tal-ħamrija taż-żona jikkonsistu f’ħamrija tal-foresti alluvjali, li tirreaġixxi għall-aċidu, u ħamrija kannella. Il-ħamrija tar-reġjun għandha sawra ta’ trab ġulġlieni, mingħajr salinità, kemxejn alkalina, u fiha ammonti differenti ta’ ġebla tal-ġir. Il-ħamrija hija fertili u żżomm l-ilma sew. Il-karatteristiċi tal-ħamrija taż-żona ġeografika jippermettu t-tkabbir ta’ siġar tat-tin bl-għeruq b’saħħithom u jagħtu lis-siġar aċċess aħjar għan-nutrijenti. Għalhekk, it-tin imkabbar fiż-żona jikber u jsir aktar ħelu.
Iż-żona ġeografika għandha klima tranżizzjonali li turi l-karatteristiċi mħallta tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed u hija meqjusa bħala kuritur speċjali bejn iż-żewġ reġjuni. L-umdità għolja (> 90 %) matul il-maturazzjoni tal-frott u t-temperaturi għoljin taffettwa d-daqs, il-ħxuna tal-qoxra, u l-ħajja fuq l-ixkaffa tal-frott. L-umdità medja annwali fil-Bursa hija ta’ 68,4 % u dan il-livell ta’ umdità jagħmel il-frott akbar u jagħtih ħajja itwal fuq l-ixkaffa. Il-“Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı” issir kbira fid-daqs u b’qoxra irqaq minħabba t-temperatura medja ta’ 14,6 °C matul l-istaġun tat-tkabbir għall-frott.
Il-ħtieġa għall-ilma tat-tin tibda mill-bidu ta’ Lulju sa Settembru, speċjalment meta t-tin jibda jimmatura. Ir-reġim tax-xita tal-Bursa huwa tali li l-ammont ta’ xita (medja annwali ta’ 705 mm) matul dawn ix-xhur huwa ogħla milli f’reġjuni oħra. Ix-xita suffiċjenti u mqassma b’mod regolari, speċjalment matul l-istaġun tal-produzzjoni, tikkontribwixxi għall-karatteristiċi speċifiċi tal-frott, b’mod partikolari f’termini tad-daqs akbar tiegħu.
Il-veloċità medja tar-riħ fil-provinċja ta’ Bursa hija ta’ <4,5 ms-1 b’direzzjonijiet NE, SE, u ENE li hija adattata ħafna għall-produzzjoni tat-tin peress li l-fluss tal-arja ħafif jippermetti t-tkabbir ta’ frott iffurmat lixx u ta’ daqs kbir bħala riżultat ta’ dakkir tajjeb.
Fatturi Umani
It-tin ilu jiġi kkultivat fil-provinċja ta’ Bursa għal żmien twil ħafna. L-arkivji Ottomani juru żewġ rekords li jsemmu l-“Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı”; wieħed minnhom imur lura għall-1913 u l-ieħor għall-1915. Il-kaprifikazzjoni tal-proċess tad-dakkir hija tipika ħafna taż-żona. Għall-kuntrarju ta’ ħafna tin, il-“Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı” ma ddakkarx lilha nnfisha. Hija tibbaża fuq il-kaprifikazzjoni, li hija metodu ta’ dakkir artifiċjali tas-siġar tat-tin. Għall-kuntrarju tal-biċċa l-kbira tas-siġar tal-frott, li jiddependu min-naħal għad-dakkir, il-“Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı” teħtieġ l-għajnuna ta’ żunżana parassitika, il-Blastophaga psenes, imsejħa wkoll “ilek”. Id-dakkir iseħħ meta ż-żunżana, wara li tkun ħadmet fit-tina maskili, ittir u tmiss lit-tina femminili. Jekk it-tina femminili ma tiddakkarx, din taqa’ mis-siġra. Peress li hemm inqas siġar maskili tal-“Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı” minn dawk femminili, huwa meħtieġ appoġġ uman fid-dakkir. Il-produtturi tal-“Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı” żviluppaw għarfien speċifiku u teknika li tikkonsisti fl-iżgurar li t-tin maskili jinqata’ bl-idejn u jiddendel f’boroż fuq is-siġra femminili. Din it-teknika, implimentata bejn Ġunju u l-10 ta’ Lulju u ripetuta tliet darbiet, tagħti lill-“Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı” l-forma speċifika, id-daqs, il-kulur vjola skur, il-ħlewwa, u l-kavità interna nieqsa/żgħira tal-frott billi toffri d-dakkir it-tajjeb. Il-fattur uman jaffettwa wkoll il-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa. Il-produtturi jaħsdu t-tin u jżommu parti miz-zokk tat-tin imsejjaħ “buttuna”. Din il-buttuna tipprevjeni t-telf tal-ilma fil-frott u tgħin biex tiġi ppreservata l-ħajja fuq l-ixkaffa tat-tin.
Speċifiċità tal-prodott
It-tin “Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı” għandu karatteristiċi uniċi li jiddistingwuh mit-tin ta’ oriġini Torka oħra. Huwa magħruf fit-Turkija u f’ħafna partijiet oħra tad-dinja għad-daqs tiegħu (akbar mit-tin medju b’wisa’ ta’ bejn 55 u 65 mm), kulur vjola skur, kważi iswed, u għall-ħlewwa tiegħu.
Il-frott huwa kbir, tond u ċatt (oblata). Il-qoxra hija ta’ lewn vjola skur u hi faċli biex titqaxxar. In-nuklei huma ta’ daqs medju u ma għandhom l-ebda kavità tal-frott jew kavità interna żgħira ħafna tal-frott.
Skont l-analiżi sensorjali, it-tin iswed li jikber fil-provinċja ta’ Bursa għandu aroma, ħlewwa u sodezza aktar intensi mit-tin l-ieħor prodott fit-Turkija. Il-“Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı” huwa kkaratterizzat minn kontenut għoli ta’ zokkor (kontenut Brix bejn 17,00 u 18,50) kif ukoll aċidità qawwija b’pH li tvarja minn 4,50 sa 5,00.
Rabta kawżali
Il-kwalitajiet speċifiċi tal-“Bursa Siyah İnciri / Bursa Siyahı” ġejjin mill-karatteristiċi taż-żona ġeografika u mill-għarfien uniku fil-produzzjoni tat-tin żviluppat matul is-snin mill-produtturi lokali. Il-varjetà lokali (nebbieta), il-ħamrija u l-klima (it-temperatura, l-umdità, ix-xita u r-riħ) huma l-fatturi importanti ewlenin li jaffettwaw il-kwalità tal-frott.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
—
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2889/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)