8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

705


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta' Mejju 2006

dwar il-promozzjoni ta' l-elettriku mill-art għall-użu mill-bastimenti sorġuti fil-portijiet tal-Komunità

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/339/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 211 tiegħu,

Billi:

(1)

F'Novembru 2002, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar strateġija ta' l-Unjoni Ewropea biex jitnaqqsu l-emissjonijiet atmosferiċi minn bastimenti tat-tbaħħir (1), li ħeġġet lill-awtoritajiet tal-port biex jirrikjedu, jinċentivaw jew jiffaċilitaw l-użu mill-bastimenti ta' l-elettriku mill-art waqt li jkunu sorġuti fil-port.

(2)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' Diċembru 2003 (2), il-Parlament Ewropew ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-użu ta' l-elettriku mill-art fil-port jista' jiġi ffaċilitat billi jitħejja rapport li jiddeskrivi eżempji pożittivi ta' dawn il-miżuri, kif ukoll l-infiq u l-benefiċċji tagħhom.

(3)

Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar l-istrateġija tat-22 ta' Diċembru 2003 (3), il-Kunsill irrikonoxxa li mhux il-problemi ambjentali kollha huma indirizzati kif għandu jkun fuq livell internazzjonali u li, b'mod partikolari, il-kontribuzzjoni tal-bastimenti tat-tbaħħir għall-konċentrazzjoni ta' partiċelli u ożonu u l-prekursuri tagħhom kellhom bżonn jitqiesu iktar.

(4)

Fil-kuntest tal-Komunikazzjoni tagħha Il-Programm għal Arja Nadifa fl-Ewropa (CAFE): Lejn Strateġija Tematika għall-Kwalità ta' l-Arja (4), il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid il-kontribuzzjoni tat-tbaħħir għall-konċentrazzjoni ta' sustanzi ta' tniġġis fl-arja ambjentali u sabet li hi sinifikanti, partikolarment f'żoni b'port. F'xi żoni b'port, l-emissjonijiet tal-bastimenti jistgħu jfixklu milli jinkisbu l-standards ta' kwalità ta' l-arja.

(5)

CAFE sab li t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-bastimenti qed dejjem isir iktar effettiv minn miżuri oħra f'setturi oħra meta mqabbel ma' l-ispiża involuta. Bosta emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu mill-bastimenti fl-irmiġġ jistgħu jitnaqqsu biss permezz ta' miżuri dwar il-magni u t-trattament ta' wara jew permezz ta' l-użu ta' l-elettriku mill-art.

(6)

L-emissjonijiet tal-magni tal-bastiment huma rregolati fuq livell internazzjonali permezz ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). L-iżvilupp ta' dawn l-istandards mhux biżżejjed biex isolvi problemi ta' kwalità ta' l-arja tal-port fil-Komunità.

(7)

L-Artikolu 4b tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE (5), jeżenta bastimenti li jitfu l-magni kollha u jużaw l-elettriku mill-art waqt li jkunu sorġuti fil-portijiet mir-rekwiżit ta' l-użu ta' karburant b'0,1 % kubrit.

(8)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (6) tippermetti lill-Istati Membri japplikaw eżenzjonijiet jew tnaqqis totali jew parzjali fil-livell ta' tassazzjoni fuq l-elettriku taħt ċerti kundizzjonijiet.

B'DAN TIRRAKKOMANDA:

(1)

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-installazzjoni ta' elettriku mill-art għall-użu mill-bastimenti sorġuti fil-portijiet; b'mod partikolari, fil-portijiet fejn jinqabżu l-valuri tal-limitu ta' kwalità ta' l-arja u fejn hemm it-tħassib tal-pubbliku rigward il-livelli għoljin ta' disturbi minn storbju, u speċjalment f'irmiġġi li jinsabu viċin żoni residenzjali.

(2)

L-Istati Membri għandhom iqisu l-avviż, stabbilit fl-Anness, rigward l-effettività ta' l-elettriku mill-art meta mqabbla ma' l-ispiża u l-prattiċità ta' l-użu tiegħu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet għal diversi tipi ta' bastimenti, rotot u portijiet. Madankollu, il-benefiċċji ambjentali u l-infiq effettiv għandhom jiġu vvalutati każ b'każ.

(3)

L-Istati Membri għandhom jaħdmu fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), fil-kuntest ta' reviżjoni kontinwa tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti (il-Konvenzjoni MARPOL) sabiex issir promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' standards internazzjonali armonizzati għall-konnessjonijiet ta' l-elettriku mill-art, billi jitqies ix-xogħol li għaddej.

(4)

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-inċentivi ekonomiċi għall-operaturi biex jużaw l-elettriku mill-art ipprovdut għall-bastimenti u b'hekk jieħdu vantaġġ mill-possibiltajiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

(5)

L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-għarfien dwar l-elettriku mill-art fost l-awtoritajiet lokali li r-responsabbiltà tagħhom tinkludi żoni b'port, awtoritajiet marittimi, awtoritajiet tal-port, soċjetajiet ta' klassifikazzjoni u assoċjazzjonijiet industrijali.

(6)

L-Istati Membri għandhom jinkuraġġixxu lill-awtoritajiet tal-port u lill-industrija biex jiskambjaw l-aħjar prattika li tikkonċerna l-provvista ta' l-elettriku mill-art u proċeduri ta' armonizzazzjoni għal dan is-servizz.

(7)

L-Istati Membri għandhom jirraportaw lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li huma biħsiebhom jieħdu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-bastimenti fil-portijiet, b'mod partikolari fejn jinqabżu l-valuri tal-limitu ta' kwalità ta' l-arja.

Magħmul fi Brussell, nhar it-8 ta' Mejju 2006.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Member of the Commission


(1)  COM (2002) 595 finali.

(2)   ĠU C 89 E, 14.4.2004, p. 107.

(3)   ĠU C 8, 13.1.2004, p. 3.

(4)  COM(2001) 245 finali.

(5)   ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 22.7.2005, p. 59).

(6)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 12. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100. Verżjoni kkoreġuta ĠU L 195, 2.6.2004, p. 31).


ANNESS

AVVIŻ FIL-QOSOR DWAR L-ELETTRIKU MILL-ART

Dan l-Anness jipprovdi informazzjoni li hija pertinenti għall-ispejjeż u l-benefiċċji ta' l-elettriku mill-art. Informazzjoni iktar iddettaljata tinsab fir-rapport riċenti tal-Kummissjoni — Service Contract on Ship Emissions Assignment, Abatement and Market-based Instruments: Shore-side Electricity  (1) (Kuntratt ta' servizz dwar iċ-Ċessjoni, it-Tnaqqis ta' l-Emissjonijiet u Strumenti bbażati fuq is-Suq: l-Elettriku mill-Art). Hawnhekk, il-figuri ta' l-emissjonijiet u ta' l-ispejjeż huma għall-bastimenti tat-tbaħħir, iżda t-teknika hija wkoll adattata għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna.

1.   Ir-Rekwiżiti Tekniċi — konfigurazzjoni tipika

L-istampa hawn taħt tiddeskrivi r-rekwiżiti tipiċi għall-konessjoni ta' l-elettriku mill-art. Hemm konfigurazzjonijiet oħra possibbli skond il-bastiment u l-irmiġġ. Il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Elettriku u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali għas-Soċjetajiet ta' Klassifikazzjoni bħalissa qed jaħdmu fuq l-istandards ta' l-industrija li fil-ġejjieni jistgħu jitqiesu mill-IMO.

Image 1

Test ta 'immaġni

(1)

Konnessjoni mal-grid nazzjonali li ġġorr elettriku ta' 20-100 kV minn substation lokali, fejn jiġi ttrasformat għal 6-20 kV.

(2)

Kejbil biex iġorr l-enerġija ta' 6-20 kV mis-substation għat-terminal tal-port.

(3)

Konverżjoni ta' l-enerġija, fejn meħtieġ. (Ġeneralment, il-provvista ta' l-elettriku fil-Komunità għandha frekwenza ta' 50 Hz. Bastiment li hu mfassal biex jieħu elettriku ta' 60 Hz jaf ikun jista' juża elettriku ta' 50 Hz għal xi tagħmir, bħad-dawl u t-tisħin domestiku, iżda mhux għal tagħmir imħaddem minn mutur bħalma huma l-pompi, l-argni u l-krejnijiet. Għalhekk, bastiment li juża elettriku ta' 60 Hz ikollu bżonn li elettriku ta' 50 Hz jinqaleb għal 60 Hz).

(4)

Kejbils biex jitqassam l-elettriku fit-terminal. Dawn jistgħu jiġu installati taħt l-art f'xi kondjuwits eżistenti jew ġodda.

(5)

Sistema ta' mkebba tal-kejbil biex jiġi evitat li jintmessu kejbils b'vultaġġ għoli. Din tista' tinbena fl-irmiġġ b'imkebba tal-kejbil, gruwa u qafas. Il-gruwa u l-qafas jistgħu jintużaw biex jittellgħu l-kejbils fil-bastiment u jitniżżlu minnu. L-imkebba tal-kejbil u l-qafas jistgħu jitħaddmu u jiġu kkontrollati b'mod elettromekkaniku.

(6)

Sokit abbord il-bastiment għall-kejbil ta' konnessjoni.

(7)

Transformer abbord il-bastiment biex jaqleb il-vultaġġ għoli ta' l-elettriku f'400 V.

(8)

L-elettriku jitqassam mal-bastiment kollhu u l-magni awżiljarji jintfew.

2.   Il-Benefiċċji — it-tnaqqis fl-emissjonijiet

L-elettriku mill-art huwa għodda li tista' tintuża biex jinkiseb titjib fil-kwalità ta' l-arja lokali. Il-benefiċċji mill-użu tiegħu jvarjaw ħafna skond firxa ta' fatturi. Il-Valutazzjoni ta' l-Impatt li takkumpanja din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi deskrizzjoni tal-benefiċċji li jistgħu jinkisbu minn użu ikbar ta' din l-għodda fi ħdan l-UE. Qabel isiru l-installazzjonijiet individwali, ikun meħtieġ li titwettaq analiżi ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji għaċ-ċirkostanzi speċifiċi.

Il-Valutazzjoni ta' l-Impatt tiddeskrivi t-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja għall-500 irmiġġ bl-assunzjoni ta' magna ta' daqs medju. Fattur importanti li jinfluwenza l-benefiċċji huwa l-kontenut ta' kubrit fil-karburant. Il-liġi Komunitarja tiffissa limiti iktar stretti fuq il-kontenut ta' kubrit fil-karburant fl-irmiġġ f'bosta kundizzjonijiet mill-2010. Għalhekk, deskrizzjonijiet huma pprovduti għal kontenut ta' kubrit fil-karburant ta' 2,7 % u 0,1 %. Huwa ppruvat li l-użu ta' l-elettriku mill-art jista' jwassal għal benefiċċji monetarji totali fil-firxa ta' bejn € 252 u € 708 miljun kull sena fejn ikun intuża karburant b'2,7 % kubrit u bejn € 103 u € 284 miljun fejn ikun intuża karburant b' 0,1 % kubrit. Dawn jirriflettu titjib fis-saħħa tal-bniedem u tnaqqis fil-ħsara materjali bħala riżultat ta' tnaqqis fl-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja (2).

Jekk tintgħażel il-bidla lejn elettriku mill-art, se jirriżultaw ukoll benefiċċji oħra li mhumiex inklużi f'dawn il-figuri. Jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) b'iktar minn 50 %, l-emissjonijiet tal-monossidu tal-karbonju (CO) b'madwar 99 % u l-emissjonijiet ta' l-ossidu nitruż (N20) b'iktar minn 50 %. Jiġu eliminati vibrazzjonijiet u storbju mill-magni awżiljarji, li meta mkejla laħqu 90-120dB fil-viċin ħafna, u jittejbu l-kundizzjonijiet ta' manutenzjoni għall-inġiniera tal-bastimenti.

3.   L-Ispejjeż — nefqa kapitali u spejjeż ta' l-operat

L-ispejjeż għall-istallazzjoni u l-użu ta' l-elettriku mill-art huwa maqsuma bejn il-port u l-bastiment, u se jvarjaw b'mod sinifikanti skond l-infrastruttura eżistenti, partikolarment min-naħa tal-port. Il-Valutazzjoni ta' l-Impatt tipprovdi kalkolu ta' indikazzjoni ta' l-ispejjeż totali fis-sena għas-sistema għal irmiġġ medju u għal bastimenti ġodda u mmodifikati b'daqsijiet differenti ta' magni awżiljarji. Ir-riżultati jidhru fit-tabella nru. 1.

Wieħed jista' jara li l-ispejjeż ġenerali huma ħafna inqas għall-bastimenti b'magni awżiljarji ikbar li jaf jirriżultaw fl-iktar tnaqqis kbir ta' emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu. L-ispejjeż huma wkoll ħafna inqas fejn l-elettriku mill-art huwa installat f'bastimenti li għadhom kemm inbnew ġodda, milli fejn tkun saret modifika. L-ispejjeż tal-karburant u ta' l-elettriku huma fattur sinifikanti fin-nefqa tal-bastimenti. L-ispejjeż tal-karburant ivarjaw iżda karburant b'inqas kubrit se jkun iktar għali minn dak b'iktar kubrit. It-tnaqqis fit-taxxa fuq l-elettriku fornut lill-bastimenti fl-irmiġġ iwassal biex irendi l-elettriku mill-art iktar attraenti.

Tabella 1

TIP TA' BASTIMENT

Daqs tal-magna awżiljarja

L-ispejjeż totali fis-sena għas-sistema

 

bit-taxxa

prezz baxx għall-karburant

mingħajr taxxa

prezz għoli għall-karburant

(€/irmiġġ/sena)

(€/irmiġġ/sena)

BASTIMENT LI GĦADU KIF INBENA ĠDID

Żgħir

164,659

82,315

Medju

269,416

39,904

Kbir

521,630

-72,298

IMMODIFIKAT

Żgħir

202,783

120,439

Medju

324,402

94,890

Kbir

617,999

24,071

4.   Paragun bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż

Il-benefiċċji monetarji annwali tat-tnaqqis ta' l-erba' sustanzi ta' tniġġis f'500 irmiġġ huwa stmat li huma bejn € 103 u € 284 miljun fejn ikun intuża karburant b'0,1 % kubrit u bejn € 252 u € 708 miljun fejn ikun intuża karburant b'2,7 % kubrit. Il-firxa ta' valuri tiddependi fuq fatturi metodoloġiċi varji inkluż il-valur preżunt statistiku tat-tul ta' ħajja. Għal iktar dettall ara l-valutazzjoni ta' l-impatt ta' l-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis ta' l-Arja (3).

L-ispejjeż totali fis-sena għas-sistema għal kull irmiġġ li jingħataw fit-tabella 1 jiddependu minn tliet fatturi: id-daqs tal-magni tal-bastimenti, jekk it-teknoloġija ġietx introdotta f'bastiment ġdid jew qadim u l-ispejjeż ta' l-elettriku u tal-karburant marittimu. Il-Valutazzjoni ta' l-Impatt turi li n-nefqa tal-bastimenti li jużaw l-elettriku mill-art f'500 irmiġġ hija stmata li hi € 185 miljun iktar fis-sena minn dik ta' bastimenti li jużaw karburant marittimu, f'xenarju ta' prezz baxx tal-karburant u b'taxxa sħiħa fuq l-elettriku mħallsa mill-bastimenti. F'xenarju bi prezz ogħla tal-karburant u b'eżenzjoni totali mit-taxxa fuq l-elettriku, kieku n-nefqa totali tonqos bi 80 % għal madwar € 34 miljun fis-sena.

Dawn il-figuri juru li għal bosta sitwazzjonijiet il-benefiċċji ta' l-elettriku mill-art huma ikbar min-nefqa. F'ħafna każijiet, il-benefiċċji jisbqu sew l-ispejjeż.

5.   Konklużjoni

Il-benefiċċji u l-ispejjeż ta' l-elettriku mill-art ivarjaw b'mod sinifikanti skond il-konfigurazzjoni eżistenti u skond fejn jinsab il-port, l-irmiġġ u l-bastiment. Dan ifisser li l-infiq effettiv jeħtieġ li jkun studjat każ b'każ u li t-tnaqqis dirett ta' l-emissjonijiet tal-magni tal-baħar jibqa' l-għan ewlieni.

F'termini ambjentali, l-elettriku mill-art jikseb tnaqqis fl-emissjonijiet lil hinn sew minn dawk ta' l-għażla ta' karburant b'0,1 % kubrit fl-irmiġġ (kif teħtieġ id-Direttiva 2005/33/KE mill-2010), b'mod partikolari għal NOx u PM. Għalhekk, jixraqlu kunsiderazzjoni partikolari fil-portijiet fejn l-emissjonijiet ta' NOx u PM tal-bastiment jikkontribwixxu għal problemi fil-kwalità ta' l-arja lokali, bħalma huma l-qbiż tal-valuri ta' limitu ta' kwalità ta' l-arja għall-ożonu u l-partiċelli.

B'mod ġenerali, il-figuri jissuġġerixxu li għal bastimenti b'magni ikbar li jagħmlu żjajjar regolari fl-istess port, il-bidla għall-elettriku mill-art għandha tkun vantaġġuża kemm għall-ambjent kif ukoll ekonomikament milli l-użu ta' karburant b'0,1 % kubrit. F'termini ekonomiċi, l-elettriku mill-art għandu jkun aktar ekonomiku kkumparat ma' karburant b'kontenut ta' kubrit baxx għal-bastimenti li jżuru regolarment l-istess portijiet, speċjalment — iżda mhux biss — jekk jiġi offrut tnaqqis fit-taxxa fuq l-elettriku, kif hu permess skond id-Direttiva 2003/96/KE. L-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali jista' jkollhom ix-xewqa li jikkunsidraw mezzi oħra biex jinkoraġġixxu l-portijiet biex jinvestu fl-infrastruttura ta' l-elettriku mill-art u biex jiżguraw l-użu tagħha.


(1)  Ara: http://www.europa.eu.int/comm/environment/air/pdf/task2_shore-side.pdf.

(2)  Ara http://europa.eu.int/comm/environment/air/cafe/activities/pdf/cafe_cba_externalities.pdf (paġna 4). Il-valuri huma l-medji nazzjonali (urbani u rurali kkumbinati) għalhekk il-benefiċċji jistgħu jkunu ogħla f'portijiet fiċ-ċentru tal-belt.

(3)  SEC(2005) 1133.