Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fis‑16 ta’ April 2026 (1)

Kawża C‑555/24 P

Magistrats européens pour la démocratie et les libertés (Medel),

International Association of Judges,

Association of European Administrative Judges,

Stichting Rechters voor Rechters

vs

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea

“Appell – Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – Regolament (UE) 2021/241 – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja – Stadji importanti – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – Rikors għal annullament – Assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-imħallfin – Locus standi – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Interess dirett – Interess individwali – Assoċjazzjoni li taġixxi f’isem il-membri tagħha – Assoċjazzjoni li taġixxi f’isimha proprju – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Sfond

A. IlFaċilità għallIrkupru u rReżiljenza

B. Avvenimenti li wasslu għallproċedura quddiem ilQorti Ġenerali

1. Iddeċiżjoni inkwistjoni

2. Konsegwenzi

III. Ilproċeduri quddiem ilQorti Ġenerali u ddigriet appellat

IV. Proċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

V. Analiżi

A. Lammissibbiltà tattalbiet relatati malistadji importanti F2G u F3G

1. Lewwel aggravju (interess dirett talimħallfin Pollakki affettwati middeċiżjonijiet talAwla Dixxiplinari)

a) Sommarju talargumenti ewlenin talpartijiet

b) Evalwazzjoni

1) Lewwel kundizzjoni għal interess dirett

2) Ittieni kundizzjoni għal interess dirett

2. Lewwel parti tattieni aggravju (interess dirett talimħallfin Pollakki li ma kinux suġġetti għaddeċiżjonijiet talAwla Dixxiplinari)

a) Sommarju talargumenti ewlenin talpartijiet

b) Evalwazzjoni

B. Lammissibbiltà tattalbiet relatati malistadju important F1G

1. Ittieni parti tattieni aggravju (interess dirett talimħallfin Pollakki kollha u talIstati Membri loħra u tażŻEE)

a) Limħallfin Pollakki kollha

b) Imħallfin talIstati Membri loħra u tażŻEE

2. Ittielet aggravju (illocus standi talassoċjazzjonijiet f’isimhom proprju fiċċirkustanzi ta’ din ilkawża)

a) Sommarju talargumenti ewlenin talpartijiet

b) Evalwazzjoni

C. Locus standi ta’ assoċjazzjonijiet f’isimhom proprju

3. Lewwel parti: Argumenti bbażati fuq issistema ġudizzjarja disfunzjonali fil-Polonja

L-importanza tal-assoċjazzjonijiet għad-demokrazija parteċipattiva

4. Argumenti bbażati fuq illocus standi ta’ rikorrenti pprivileġġati

5. Ir-rilevanza tas-sentenza KlimaSeniorinnen

6. X’inhuma linteressi proprji talassoċjazzjonijiet?

X’inhu interess dirett u x’inhu interess individwali ta’ assoċjazzjoni?

VI. Konsegwenzi

A. Locus standi talassoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isem ilmembri tagħhom

B. Locus standi talassoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isimhom proprju

VII. Spejjeż

VIII. Konklużjoni


I.      Introduzzjoni

1.        Meta tista’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta interessi kollettivi tressaq kawża direttament quddiem il-Qrati tal-Unjoni Ewropea?

2.        Din il-mistoqsija hija fil-qalba ta’ dan l-appell.

3.        Erba’ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-imħallfin ippreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali rikorsi għal annullament fil-konfront ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tapprova l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għar-Repubblika tal-Polonja, li fih stadji importanti li jeħtieġu ċerti bidliet fis-sistema ġudizzjarja ta’ dak l-Istat Membru.

4.        Dawn ir-rikorsi ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali minħabba li dawn l-assoċjazzjonijiet ma kellhomx locus standi biex jippreżentawhom skont id-dritt tal-Unjoni.

II.    Sfond

A.      Il‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza

5.        Filwaqt li dan l-appell jirrelata biss mal-kwistjoni tal-locus standi biex jiġi ppreżentat rikors għal annullament u għalhekk l-ammissibbiltà tiegħu, is-sustanza tar-rikors tikkonċerna l-finanzjament tal-Unjoni taħt wieħed mill-istrumenti finanzjarji tagħha, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (iktar ’il-quddiem ir-“RRF”). Spjegazzjoni qasira ta’ dan l-istrument hija meħtieġa biex tinftiehem u tiġi indirizzata din il-kawża.

6.        Ir‑RRF, stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament RRF” (2)), hija l-istrument ewlieni ta’ finanzjament tal-programm Next Generation EU (3), li dwaru ntlaħaq qbil wara l-pandemija tal-Covid‑19 (4). Ir-RRF hija strument ta’ finanzjament temporanju, użat biss matul il-qafas pluriennali 2021‑2027 (5). Ir-RRF tiffinanzja riformi u investimenti fl-Istati Membri sal‑31 ta’ Diċembru 2026 (6). Waħda min-novitajiet tagħha hija li hija ffinanzjata minn flus mislufa mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-Unjoni Ewropea fis-swieq kapitali. Id-dejn tal-Unjoni maħluq b’dan il-mod għandu jitħallas lura sas-sena 2058 mir-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea.

7.        L-infiq taħt ir-RRF jikkonsisti f’għotjiet u self (7) ipprovduti lill-Istati Membri abbażi tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza (recovery and resilience plans, iktar ’il quddiem ir-“RRP”) (8). Dan ifisser li r-riformi u l-investimenti li għandhom jiġu ffinanzjati jintgħażlu u jiġu proposti mill-Istati Membri, skont il-bżonnijiet partikolari tagħhom. Madankollu, dawn ir-riformi u l-investimenti jridu jsegwu wieħed mis-sitt objettivi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament RRF. Skont l-Artikolu 3 tiegħu, dawn huma: (1) it-tranżizzjoni ekoloġika; (2) it-trasformazzjoni diġitali; (3) it-tkabbir smart, sostenibbli u inklużiv; (4) il-koeżjoni soċjali u territorjali; (5) is-saħħa, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali; u (6) il-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss, it-tfal u ż-żgħażagħ, bħall-edukazzjoni u l-ħiliet. Huwa ovvju minn dik il-lista li l-finanzjament tar-RRF jimmira lejn iktar minn sempliċi rkupru mill-pandemija tal-Covid-19.

8.        Barra minn hekk, ir-RRF hija strument ibbażat fuq il-prestazzjoni (9), fejn il-pagamenti jsiru lill-Istati Membri biss abbażi tal-progress fil-kisba tar-riformi u l-investimenti fir-RRP tagħhom (10). Għal dan il-għan, l-Istati Membri jipproponu stadji importanti u miri (11), li l-kisba tagħhom tiskatta l-ħruġ ta’ fondi (12).

9.        Ċerti stadji importanti, li jridu jiġu osservati jew inkella ma jista’ jsir l-ebda ħlas taħt ir-RRF, huma magħrufa komunement bħala stadji importanti kbar. Tliet stadji importanti kbar bħal dawn, li għandhom x’jaqsmu mas-sistema ġudizzjarja fil-Polonja, huma inkwistjoni f’din il-kawża.

10.      L-infiq taħt ir-RRF huwa għalhekk suġġett għal kundizzjonalità, inkluż il-kundizzjonalità tal-istat tad-dritt, bħal fil-każ ta’ oqfsa finanzjarji oħra tal-Unjoni (13). Dan ġeneralment ifisser li l-ħlas mill-baġit tal-Unjoni għandu kundizzjonijiet li jsegwu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni lil hinn mill-iskop primarju tal-infiq (14).

11.      Il-proċediment għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju skont ir-Regolament RRF jista’ jiġi spjegat fil-qasir b’dan il-mod.

12.      L-ewwel, Stat Membru li jixtieq jirċievi appoġġ finanzjarju skont ir-RRF jippreżenta RRP lill-Kummissjoni (15). Dan il-pjan jistabbilixxi għadd ta’ elementi, inkluż, fost l-oħrajn, spjegazzjoni ta’ kif jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-isfidi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (16), kif ukoll l-istadji importanti u l-miri previsti u skeda ta’ żmien indikattiva għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti u l-monitoraġġ effettiv tagħhom (17).

13.      It-tieni, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru, tivvaluta r-RRP (fi żmien xahrejn), skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament RRF (18), u tagħmel proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (19).

14.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament RRF jiddikjara: “Fil-każ li l-Kummissjoni tivvaluta pożittivament il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill għandha tistabbilixxi r-riformi u l-proġetti ta’ investiment li jridu jiġu implimentati mill-Istat Membru, inklużi l-istadji importanti u l-miri kif ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji kkalkulati skont l-Artikolu 11” (20).

15.      Bis-saħħa tal-Artikolu 20(5)(e) tar-Regolament RRF, il-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill trid tistabbilixxi wkoll il-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

16.      Din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-Artikolu 22 tar-Regolament RRF, li skontu, fl-implimentazzjoni tar-RRF, l-Istati Membri, bħala benefiċjarji jew mutwatarji ta’ fondi, għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex jiżguraw li l-użu ta’ fondi fir-rigward ta’ miżuri appoġġjati minn din il-faċilità jikkonforma mad-dritt applikabbli tal-Unjoni u dak nazzjonali. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiżguraw il-funzjonament ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti (21).

17.      It-tielet, fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu japprova (fi żmien erba’ ġimgħat), permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, il-valutazzjoni tar-RRP ippreżentata mill-Istat Membru (22).

18.      Ir-raba’, ladarba jitwettqu l-istadji importanti u l-miri rilevanti, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jressaq lill-Kummissjoni talba debitament iġġustifikata għall-ħlas (23).

19.      Fejn il-Kummissjoni, wara li tikseb l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (24), tagħmel valutazzjoni pożittiva, hija tadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż tal-kontribuzzjoni finanzjarja (25). Meta, għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tistabbilixxi li l-istadji importanti u l-miri ma jkunux ġew imwettqa b’mod sodisfaċenti, il-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha għandu jiġi sospiż (26).

20.      Ir-rikors għal annullament f’dan l-appell jikkonċerna d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill u għalhekk jippreċedi l-passi għall-awtorizzazzjoni tal-iżborż attwali tal-kontribuzzjoni finanzjarja.

B.      Avvenimenti li wasslu għall‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali

21.      Fit‑3 ta’ Mejju 2021, il-Polonja ppreżentat r-RRP tagħha lill-Kummissjoni (27).

22.      Fl‑1 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni pożittiva tar-RRP tal-Polonja.

23.      Fis‑17 ta’ Ġunju 2022, abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni (28), il-Kunsill adotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tar-RRP għall-Polonja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”) (29).

1.      Id‑deċiżjoni inkwistjoni

24.      Permezz ta’ din id-deċiżjoni indirizzata lill-Polonja (30), il-Kunsill approva r-RRP propost minn dak l-Istat Membru, inklużi l-istadji importanti u l-miri rilevanti (31). Din id-deċiżjoni tistabbilixxi l-ammonti ta’ għotjiet li ma jitħallsux lura disponibbli għall-Polonja (32), kif ukoll l-ammonti disponibbli bħala self (33).

25.      Il-preambolu ta’ din id-deċiżjoni jindika li r-RRP tal-Polonja għandu l-għan, fost affarijiet oħra, li jindirizza l-isfidi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-kuntest tas-Semestru Ewropew relatati mal-klima tal-investiment, u b’mod partikolari s-sistema ġudizzjarja Pollakka (34).

26.      Skont il-premessa 45 ta’ din id-deċiżjoni, sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, “qed jiġu stabbiliti stadji importanti għal riforma li ssaħħaħ l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati, riforma biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni tal-imħallfin milqutin b’deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema f’kawżi dixxiplinari u kawżi ta’ immunità ġudizzjarja, bil-ħsieb li jerġgħu jiddaħħlu wara proċedimenti pożittivi ta’ stħarriġ mill-Awla l-ġdida, li jridu jitwettqu mingħajr dewmien, u riforma li tiżgura awditu u kontroll effettiv tal-RRP, inkluża l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”. Il-Polonja għandha twettaq dawn l-istadji importanti qabel ma tissottometti l-ewwel talba għal ħlas, u l-ebda ħlas ma jista’ jsir qabel ma jitwettqu.

27.      Barra minn hekk, il-premessa 45 ta’ din id-deċiżjoni tipprovdi li r-rekwiżit li jintlaħqu dawn l-istadji importanti “huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Polonja li tikkonforma f’kull ħin mal-obbligi tagħha skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE), kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jikkostitwixxi komponent ewlieni tal-acquis tal-UE”.

28.      Il-premessa 50 ta’ din id-deċiżjoni tagħmilha ċara wkoll li: “[d]in id-Deċiżjoni, li tapprova l-valutazzjoni pożittiva tal-RRP mill-Kummissjoni, b’mod partikolari dwar l-istadji importanti korrispondenti dwar ir-riforma tal-ġudikatura, hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċediment ta’ ksur li għaddejjin u futuri u, b’mod aktar ġenerali għall-obbligu tal-Polonja li tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja”.

29.      L-istadji importanti tas-sistema ġudizzjarja huma stabbiliti fl-Anness bħala l-istadji importanti F1G, F2G u F3G. Dan l-anness jispjega li “[l]-għan ewlieni tar-riformi huwa li jgħollu l-istandard tal-protezzjoni ġudizzjarja u jtejbu l-klima tal-investiment fil-Polonja, kif ukoll li jappoġġaw is-sistema ta’ kontroll intern imsemmija fl-Artikolu 22 tar-[Regolament RRF], billi jsaħħu l-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità tal-qrati. Ir-riforma għandha tirriżulta f’tisħiħ tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati u l-imħallfin stabbiliti bil-liġi f’konformità mal-Artikolu 19[TUE] u l-acquis rilevanti tal-UE. F’konformità mal-Artikolu 24(3) tar-[Regolament RRF], kwalunkwe riforma oħra għandha titwettaq mingħajr ma tiddgħajjef dan ir-riżultat u mingħajr ma jkollha impatt negattiv fuq l-elementi ta’ hawn taħt” (35).

30.      L-istadju importanti F1G jirrelata ma’ “F1.1 Riforma li ssaħħaħ l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati”. Huwa deskritt kif ġej.

“Ir-riforma għandha:

a)      fil-każijiet kollha relatati mal-imħallfin, inklużi d-dixxiplina u t-tneħħija tal-immunità ġudizzjarja, jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Awla tal-Qorti Suprema, minbarra l-Awla Dixxiplinari eżistenti, li tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu [19(1)] TUE. Dan għandu jiżgura li l-każijiet imsemmija hawn fuq jiġu eżaminati minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita bil-liġi, filwaqt li s-setgħa diskrezzjonali li jinħatar it-tribunal dixxiplinari b’ġuriżdizzjoni fil-prim’ istanza f’kawżi li jikkonċernaw imħallfin ta’ qrati ordinarji għandha tiġi ċirkoskritta,

b)      jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin, billi jiġi żgurat li d-dritt tal-qrati Pollakki li jippreżentaw talbiet għal deċiżjonijiet preliminari lill-[Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea] ma jkunx ristrett. Tali talba ma għandhiex tkun raġuni biex jinbdew proċedimenti dixxiplinari kontra mħallef,

c)      filwaqt li l-imħallfin xorta jistgħu jinżammu responsabbli għal kondotta professjonali ħażina, inkluż ksur ovvju u gravi tal-liġi, jiddeterminaw li l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mhuwiex ikklassifikat bħala reat dixxiplinari,

d)      tiżgura li l-ftuħ tal-verifika, fi ħdan il-proċedura ġudizzjarja, jekk imħallef jissodisfax ir-rekwiżiti li jkun indipendenti, imparzjali u ‘stabbilit bil-liġi’, skont l-Artikolu [19] TUE, ikun possibbli għal qorti kompetenti meta jkun hemm dubju serju dwar dan il-punt u li tali verifika ma tiġix ikklassifikata bħala ksur dixxiplinari,

e)      jissaħħu l-garanziji proċedurali u s-setgħat tal-partijiet fi proċedimenti dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin, permezz ta’

(i) l-iżgurar li l-kawżi dixxiplinari kontra mħallfin tal-qrati ordinarji jiġu eżaminati fi żmien raġonevoli,

(ii) li jsiru regolamenti aktar preċiżi dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qrati li jeżaminaw il-kawżi dixxiplinari biex jiġi żgurat li l-qorti rilevanti tkun tista’ tiġi ddeterminata direttament f’konformità mal-att leġiżlattiv; u għal

(iii) l-iżgurar li l-ħatra ta’ avukat difensur fi proċedimenti dixxiplinari li jikkonċernaw imħallef issir fi żmien raġonevoli, kif ukoll l-għoti ta’ żmien għat-tħejjija sostantiva tal-avukat difensur biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu fil-proċedimenti partikolari. Fl-istess ħin, il-qorti għandha tissospendi l-proċedimenti f’każ ta’ assenza debitament iġġustifikata tal-imħallef akkużat jew tal-avukat difensur tiegħu.

Ir-riforma għandha tidħol fis-seħħ sa tmiem it-tieni kwart tal‑2022”.

31.      L-istadju importanti F2G jirrelata ma’ “Riforma biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni tal-imħallfin affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema f’kawżi dixxiplinari u każijiet ta’ immunità ġudizzjarja”. Huwa deskritt kif ġej:

“Ir-riforma għandha tiżgura li l-imħallfin affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema jkollhom aċċess għal rieżami tal-proċedimenti tal-kawżi tagħhom. Tali kawżi diġà deċiżi mill-Awla Dixxiplinari għandhom jiġu eżaminati minn qorti li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu [19(1)] TUE, f’konformità mar-regoli li għandhom jiġu adottati abbażi tar-riforma ta’ hawn fuq. L-att leġiżlattiv għandu jistabbilixxi li l-ewwel seduta ta’ smigħ tal-qorti li tiddeċiedi dawk il-kawżi għandha ssir fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-mozzjoni tal-imħallef li jitlob eżami mill-ġdid, u li l-kawżi għandhom jiġu deċiżi fi żmien tnax-il xahar mill-wasla ta’ tali mozzjoni. Il-kawżi li bħalissa għadhom pendenti quddiem l-Awla Dixxiplinari għandhom jiġu rinvijati għal aktar kunsiderazzjoni lill-qorti u f’konformità mar-regoli ddeterminati fil-proċedimenti [msemmija hawn fuq].

Ir-riforma għandha tidħol fis-seħħ sa tmiem it-tieni kwart tal‑2022.

Iż-żewġ riformi elenkati hawn fuq b’data tat-tlestija [tat-tieni trimestru tal‑2022] għandhom jiġu ssodisfati qabel ma tiġi ppreżentata l-ewwel talba għall-pagament lill-Kummissjoni u għandhom ikunu prekundizzjoni għal kwalunkwe pagament skont l-Artikolu 24 tar-Regolament RRF.”

32.      L-istadju importanti F3G jirrelata ma’ “F1.2 Riforma biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni tal-imħallfin affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema f’kawżi dixxiplinari u każijiet ta’ immunità ġudizzjarja”. Huwa deskritt b’dan il-mod:

“Il-każijiet kollha ta’ rieżami mnedija f’konformità mal-Milestone F2G għandhom jiġu aġġudikati, sakemm ma jkunx f’ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati.”

33.      Dan l-istadju importanti jrid jitlesta sar-raba’ trimestru tal‑2023.

2.      Konsegwenzi

34.      Fil‑15 ta’ Diċembru 2023, il-Polonja ressqet talba għall-ħlas tal-ewwel pagament ta’ għotja u appoġġ ta’ self taħt ir-RRF.

35.      Fid‑29 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni tat valutazzjoni preliminari pożittiva, fejn sabet li l-Polonja kienet laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti F1G u F2G (36). Din il-valutazzjoni kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Pollakka adottata fid‑9 ta’ Ġunju 2022 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tad‑9 ta’ Ġunju 2022” (37)), ftit qabel ma l-Kunsill adotta d-deċiżjoni inkwistjoni fis‑17 ta’ Ġunju 2022.

36.      Fil‑5 ta’ April 2024, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tawtorizza l-iżborż, fejn affermat li l-istadji importanti F1G u F2G ġew issodisfatti b’mod sodisfaċenti (38).

37.      Iktar tard, fis‑27 ta’ Diċembru 2024, il-Polonja talbet il-ħlas ta’ iktar ħlasijiet parzjali. Wara valutazzjoni preliminari pożittiva li sabet li l-Polonja kienet laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadju importanti F3G (39), fid‑19 ta’ Novembru 2025, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tawtorizza l-ħlas ta’ dawn il-ħlasijiet parzjali (40).

III. Il‑proċeduri quddiem il‑Qorti Ġenerali u d‑digriet appellat

38.      Sadanittant, fit‑28 ta’ Awwissu 2022, erba’ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw imħallfin ippreżentaw kawża kull wieħed biex jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, fejn invokaw ħames motivi (41).

39.      Skont il-fajl tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ewwel assoċjazzjoni, Magistrats européens pour la démocratie et les libertés (iktar ’il quddiem “Medel”), hija assoċjazzjoni mwaqqfa fi Franza, li l-membri tagħha huma assoċjazzjonijiet ta’ mħallfin u prosekuturi. Filwaqt li s-sħubija tagħha hija ristretta għal dawn l-assoċjazzjonijiet, kwalunkwe membru individwali ta’ assoċjazzjoni membru huwa ipso facto kkunsidrat bħala membru ta’ Medel. Il-membri tagħha jinkludu l-assoċjazzjoni ġudizzjarja Pollakka Iustitia, li tinkludi numru ta’ mħallfin Pollakki suġġetti għal proċedimenti dixxiplinarji (42). L-objettivi ta’ Medel jinkludu, fost oħrajn, id-difiża tal-indipendenza tal-ġudikatura u r-rispett għall-istat tad-dritt.

40.      It-tieni assoċjazzjoni, l-International Association of Judges (iktar ’il quddiem l-“IAJ”), hija organizzazzjoni internazzjonali mwaqqfa fl-Awstrija, li l-membri tagħha huma assoċjazzjonijiet nazzjonali jew gruppi rappreżentattivi ta’ mħallfin minn ħames kontinenti. Filwaqt li s-sħubija tagħha hija ristretta għal assoċjazzjoni rappreżentattiva waħda għal kull pajjiż, kwalunkwe membru individwali ta’ assoċjazzjoni membru huwa ipso facto kkunsidrat bħala membru tal-IAJ. Il-membri tagħha, bħal fil-każ ta’ Medel, jinkludu l-assoċjazzjoni ġudizzjarja Pollakka Iustitia, li tinkludi numru ta’ mħallfin Pollakki suġġetti għal proċedimenti dixxiplinarji. L-għan ewlieni tal-IAJ huwa li tissalvagwardja l-indipendenza tal-ġudikatura.

41.      It-tielet assoċjazzjoni, l-Association of European Administrative Judges (iktar ’il quddiem l-“AEAJ”), hija assoċjazzjoni mwaqqfa fil-Ġermanja, li l-membri tagħha jinkludu assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ mħallfin amministrattivi, li jirrappreżentaw imħallfin amministrattivi madwar l-Ewropa inkluża l-Polonja, kif ukoll individwi li huma mħallfin amministrattivi minn pajjiżi li minnhom l-ebda assoċjazzjoni nazzjonali ma hija membru. L-objettivi tagħha jinkludu, fost affarijiet oħra, li tavvanza r-rimedju legali għall-individwi fil-konfront tal-awtorità pubblika fl-Ewropa u li tippromwovi l-libertà u l-ġustizzja.

42.      Ir-raba’ assoċjazzjoni, Rechters voor Rechters (Imħallfin għall-Imħallfin), hija fondazzjoni mwaqqfa fil-Pajjiżi l-Baxxi. Ġiet stabbilita minn imħallfin biex tappoġġja mħallfin oħra, b’mod partikolari lil dawk li esperjenzaw interferenza fl-indipendenza tagħhom. Din tiddefendi l-interessi tal-imħallfin Pollakki, inklużi dawk suġġetti għal proċedimenti dixxiplinarji.

43.      L-argument ewlieni tar-rikorsi tagħhom kien li l-Kunsill żbalja meta approva l-valutazzjoni tar-RRP tal-Polonja għaliex l-istadji importanti F1G, F2G u F3G kisru d-dritt tal-Unjoni b’diversi modi. F’dan ir-rigward, huma sostnew li l-istadji importanti F2G u F3G ma kinux konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (43) dwar l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema tal-Polonja (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”) u b’hekk aggravaw il-pożizzjoni tal-imħallfin Pollakki suġġett għal sanzjonijiet illegali u komplew idgħajfu l-indipendenza ġudizzjarja, filwaqt li l-istadju importanti F1G ma kienx biżżejjed biex jiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-Polonja u għalhekk naqas milli jissodisfa l-istandards rilevanti meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni.

44.      Il-Polonja, l-Ungerija u l-Kummissjoni ngħataw permess biex jintervjenu insostenn tal-Kunsill.

45.      Permezz ta’ digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2024, Medel et vs Il‑Kunsill (iktar ’il quddiem id-“digriet appellat” (44)), il-Qorti Ġenerali, bħala Awla Manja fi proċedura mħaffa (45), ċaħdet ir-rikorsi bħala inammissibbli, u ddeċidiet li dawn l-erba’ assoċjazzjonijiet ma kellhomx locus standi biex jippreżentaw ir-rikorsi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (46).

46.      Il-Qorti Ġenerali nnotat mill-bidu nett, fil-punt 40 tad-digriet appellat, li “[s]kont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn assoċjazzjonijiet huma meqjusa ammissibbli fi tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet: l-ewwel waħda, meta dispożizzjoni legali tkun tagħti espressament lill-assoċjazzjonijiet professjonali numru ta’ setgħat ta’ natura proċedurali, it-tieni waħda, meta l-assoċjazzjoni tkun tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha li jkollhom, huma nnifishom, locus standi u, it-tielet waħda, meta l-assoċjazzjoni tkun ikkonċernata individwalment minħabba l-impatt fuq l-interessi tagħha stess bħala assoċjazzjoni, b’mod partikolari għaliex il-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi tkun ġiet affettwata mill-att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu” (47).

47.      Il-Qorti Ġenerali mbagħad ivvalutat l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati minn dawn l-erba’ assoċjazzjonijiet bħala li jaġixxu f’isimhom proprju u bħala li jaġixxu f’isem il-membri tagħhom. Jidher li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-ewwel u t-tielet sitwazzjonijiet deskritti fil-punt preċedenti kienu jikkonċernaw l-assoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isimhom proprju, u t-tieni sitwazzjoni kienet tikkonċerna l-assoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isem il-membri tagħhom.

48.      L-ewwel, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorsi kienu inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti kienu qed jaġixxu f’isimhom proprju. Fir-rigward tal-ewwel tip ta’ sitwazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tagħti lir-rikorrenti setgħat proċedurali fil-kuntest tar-RRF (il-punti 42 sa 45 tad-digriet appellat). Fir-rigward tat-tielet tip ta’ sitwazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-interessi tagħhom proprji bħala assoċjazzjoni ġew affettwati, peress li l-fatt, fost affarijiet oħra, li kienu interlokuturi mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-istat tad-dritt jew li kellhom status ta’ osservaturi f’korpi tal-Kunsill tal-Ewropa ma kienx biżżejjed (il-punti 46 sa 51 tad-digriet appellat).

49.      It-tieni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorsi kienu inammissibbli, skont it-tieni tip ta’ sitwazzjoni, sa fejn ir-rikorrenti kienu qed jaġixxu f’isem il-membri tagħhom (48). Hija bdiet bil-kundizzjoni ta’ interess dirett u qasmet l-evalwazzjoni tagħha fi tliet gruppi ta’ mħallfin (punti 59 u 60 tad-digriet appellat).

50.      Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, l-istadji importanti F1G, F2G u F3G kienu ta’ natura ta’ kundizzjonalità baġitarja, fis-sens li l-kisba tagħhom kienet kundizzjoni biex jinkiseb finanzjament taħt ir-RRF. Bid-determinazzjoni ta’ dawn l-istadji importanti, il-Kunsill ma fittixx li jissostitwixxi r-regoli dwar il-valur tal-istat tad-dritt jew dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u lanqas li jawtorizza lill-Polonja biex ma tikkonformax mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-punti 65 sa 80 tad-digriet appellat).

51.      F’dan id-dawl, il-Qorti Ġenerali sabet li l-istadji importanti F2G u F3G ma kinux jikkonċernaw direttament is-sitwazzjoni legali tal-imħallfin Pollakki affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari (il-punti 81 sa 93 tad-digriet appellat). Hija rraġunat ukoll li, inkwantu l-istadji importanti F2G u F3G ma jipproduċux b’mod dirett effetti fuq is-sitwazzjoni tal-imħallfin Pollakki affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari, l-istess kien jgħodd għall-imħallfin Pollakki mhux affettwati minn tali deċiżjonijiet (il-punt 96 tad-digriet appellat).

52.      Fir-rigward tal-istadju importanti F1G, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-imħallfin Pollakki kollha u l-imħallfin tal-Istati Membri l-oħra u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ma kinux direttament ikkonċernati. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sempliċement għamlu asserzjonijiet ta’ natura ġenerali bbażati fuq il-fehma tagħhom dwar x’kellu jiġi inkluż f’dak l-istadju importanti, mingħajr ma indikaw l-elementi speċifiċi li affettwaw lill-imħallfin Pollakki b’mod dirett. Fi kwalunkwe każ, in-nuqqas fid-deċiżjoni inkwistjoni ta’ regoli li r-rikorrenti qiesu bħala neċessarji ma kkostitwixxiex interferenza diretta mad-drittijiet tal-imħallfin Pollakki li affettwaw is-sitwazzjoni legali tagħhom b’mod dirett (punti 97 sa 101 tad-digriet appellat).

53.      Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, anki jekk in-nuqqasijiet fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru wieħed jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja fi Stati Membri oħra, dan ma jfissirx li d-deċiżjoni inkwistjoni setgħet taffettwa s-sitwazzjoni legali tal-imħallfin ta’ Stati Membri oħra u taż-ŻEE b’mod dirett. Lanqas ir-riskju ta’ effetti indiretti (spillover effects) bejn l-Istati Membri, sa fejn il-leġiżlatura ta’ Stat Membru wieħed tispira ruħha minn riformi li jkunu seħħew fi Stati Membri oħra, ma wera li d-deċiżjoni inkwistjoni affettwat is-sitwazzjoni ta’ dawn l-imħallfin b’mod dirett (punti 102 sa 107 tad-digriet appellat).

54.      It-tielet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti, li ddeskriviet bħala stedina biex tagħmel iktar flessibbli l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà fil-kawża preżenti. Peress li r-rikorrenti ma setgħux isostnu li huma direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni inkwistjoni, dan ikun ifisser li l-Qorti Ġenerali jkollha twarrab il-kundizzjoni ta’ interess dirett fl-Artikolu 263 TFUE, kuntrarjament għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Nuqqasijiet sistemiċi fis-sistema ġudizzjarja Pollakka ma setgħux jiġġustifikaw deroga minn din il-kundizzjoni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li s-sejbiet tagħha kienu bla ħsara għall-obbligi tal-Polonja li tirrimedja l-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-istat tad-dritt, li l-Artikolu 263 TFUE jippermetti lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jippreżentaw rikorsi kontra l-miżuri tal-Unjoni, u li kienet il-Kummissjoni li kellha taġixxi, konformement mar-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati, biex tiżgura l-konformità tal-Polonja mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (punti 113 sa 118 tad-digriet appellat).

IV.    Proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

55.      Permezz tal-appell tagħhom ippreżentat fl‑14 ta’ Awwissu 2024, l-erba’ assoċjazzjonijiet, bħala l-appellanti, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat, tiddikjara r-rikorsi ammissibbli u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni dwar il-merti. Huma jitolbu wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tordna li l-Kunsill ibati l-ispejjeż.

56.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Frar 2025 (49), it-talbiet għal intervent imressqa mill-assoċjazzjonijiet RECLAIM u The Good Lobby, flimkien mal-fondazzjoni Fundación Hay Derecho, insostenn tat-talbiet tal-appellanti ġew miċħuda.

57.      Fir-risposta tiegħu ppreżentata fl‑14 ta’ Novembru 2025, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tordna li l-appellanti jbatu l-ispejjeż.

58.      Fir-risposta tagħha ppreżentata fit‑12 ta’ Novembru 2025, il-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tordna li l-appellanti jbatu l-ispejjeż.

59.      Fir-risposta tagħha ppreżentata fl‑14 ta’ Novembru 2025, l-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.

60.      Fir-risposta tagħha ppreżentata fis‑7 ta’ Novembru 2025, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tordna li l-appellanti jbatu l-ispejjeż.

61.      L-appellanti ppreżentaw ukoll replika fil‑25 ta’ Frar 2025, filwaqt li l-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw kontroreplika kull wieħed fl‑4 ta’ April 2025, u l-Polonja u l-Ungerija ppreżentaw kontroreplika kull wieħed fis‑7 ta’ April 2025.

62.      Fit‑2 ta’ Diċembru 2025 saret seduta fejn l-appellanti, il-Kunsill, il-Polonja, l-Ungerija u l-Kummissjoni ppreżentaw argumenti orali.

V.      Analiżi

63.      Il-kwistjoni ewlenija mqajma minn dan l-appell hija jekk il-Qorti Ġenerali żbaljatx meta ċaħdet ir-rikorsi għal annullament tal-erba’ assoċjazzjonijiet appellanti minħabba l-assenza ta’ locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

64.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li l-assoċjazzjonijiet jistgħu jintroduċu rikorsi għal annullament jew f’isem il-membri tagħhom jew f’isimhom proprju (50).

65.      Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara d-differenzi fir-rekwiżiti tal-locus standi fir-rigward ta’ dawk iż-żewġ possibbiltajiet proċedurali differenti tal-assoċjazzjonijiet. B’mod notevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tinterpreta r-rekwiżiti ta’ interess dirett u individwali f’sitwazzjonijiet fejn l-assoċjazzjonijiet jaġixxu f’isimhom proprju, kwistjoni li għadha ma ġietx suffiċjentement spjegata fil-ġurisprudenza.

66.      It-tliet aggravji tal-appell tal-assoċjazzjonijiet appellanti jsegwu dawk iż-żewġ possibbiltajiet proċedurali. Permezz tal-ewwel żewġ aggravji, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li kategoriji differenti ta’ mħallfin, membri ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet, ma kellhomx locus standi. It-tielet aggravju jikkonċerna l-locus standi tal-assoċjazzjonijiet appellanti f’isimhom propju.

67.      Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi osservat mill-bidu nett li, kif jidher fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-talbiet kif jirrelataw mal-istadju importanti F1G u kif jirrelataw mal-istadji importanti F2G u F3G huma ta’ natura differenti.

68.      Fir-rigward taż-żewġ stadji importanti tal-aħħar, fl-ewwel istanza, l-appellanti argumentaw, essenzjalment, li r-rekwiżit li tiġi introdotta proċedura ta’ stħarriġ għal deċiżjonijiet dixxiplinari imposti mill-Awla Dixxiplinari jkun konfliġġenti mad-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li tali deċiżjonijiet għandhom jitqiesu bħala ineżistenti fihom innifishom mingħajr il-ħtieġa għal xi proċedura bħal din.

69.      Fir-rigward tal-istadju importanti F1G, l-appellanti sostnew li dan ma huwiex biżżejjed biex jiżgura l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja (51). Għalhekk, hija l-insuffiċjenza tar-rekwiżiti eżistenti iktar milli l-kunflitt bejniethom, li hija r-raġuni għaliex, skont l-appellanti, id-deċiżjoni inkwistjoni naqset milli tiżgura sistema ta’ kontroll intern meħtieġa għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, bi ksur tal-Artikoli 20(5)(e) u 22 tar-Regolament RRF.

70.      Id-differenza fin-natura ta’ dawk it-talbiet hija rilevanti għall-evalwazzjoni tal-issodisfar tal-interess dirett bħala wieħed mir-rekwiżiti tal-locus standi, peress li tali evalwazzjoni tistrieħ fuq l-effetti li l-att ikkontestat għandu fuq il-pożizzjoni ta’ rikorrent.

71.      Għalhekk, l-analiżi tiegħi hija strutturata b’dan il-mod. Taħt it-Taqsima A, ser nivvaluta l-ammissibbiltà tat-talbiet relatati mal-istadji importanti F2G u F3G. L-aggravji rilevanti tal-appell f’dan ir-rigward huma l-ewwel aggravju u l-ewwel parti tat-tieni aggravju. Dawn jindirizzaw iċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tat-talbiet tal-assoċjazzjonijiet appellanti bbażati fuq l-assenza ta’ interess dirett ta’ żewġ gruppi differenti ta’ mħallfin Pollakki, membri ta’ dawk l-assoċjazzjonijiet. Għalhekk dawn jikkonċernaw il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet appellanti li jaġixxu f’isem il-membri tagħhom.

72.      Taħt it-Taqsima B, ser nivvaluta l-ammissibbiltà tat-talbiet relatati mal-istadju importanti F1G. L-Aggravji rilevanti tal-appell f’dan ir-rigward huma t-tieni parti tat-tieni aggravju u t-tielet aggravju. Minn naħa waħda, dawn jindirizzaw iċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tat-talbiet tal-assoċjazzjonijiet appellanti bbażati fuq l-assenza ta’ interess dirett tal-imħallfin Pollakki kollha u l-imħallfin tal-Istati Membri l-oħra u taż-ŻEE u għalhekk jikkonċernaw il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet appellanti li jaġixxu f’isem il-membri tagħhom. Min-naħa l-oħra, dawn jindirizzaw ukoll ċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tat-talbiet tal-assoċjazzjonijiet appellanti bbażati fuq l-assenza ta’ locus standi f’isimhom proprju.

73.      Taħt it-Taqsima Ċ, ser nevalwa mistoqsijiet li tħallew bla tweġiba mill-Qorti Ġenerali relatati mal-locus standi ta’ assoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isimhom proprju sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni tal-locus standi f’dan il-każ.

A.      L‑ammissibbiltà tat‑talbiet relatati mal‑istadji importanti F2G u F3G

1.      L‑ewwel aggravju (interess dirett tal‑imħallfin Pollakki affettwati mid‑deċiżjonijiet tal‑Awla Dixxiplinari)

a)      Sommarju tal‑argumenti ewlenin tal‑partijiet

74.      Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 65 sa 93 tad-digriet appellat, meta ddeċidiet li l-istadji importanti F2G u F3G ma jikkonċernawx b’mod dirett is-sitwazzjoni legali tal-imħallfin Pollakki affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari.

75.      Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet, li ser nittrattahom flimkien. L-ewwel, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma ffokatx fuq l-effetti ta’ dawn l-istadji importanti fuq il-membri tagħhom u minflok ikkonċentrat fuq l-għan tagħhom. It-tieni, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta identifikat l-għan ta’ dawn l-istadji importanti sempliċement bħala li jikkonċerna l-kundizzjonalità baġitarja. It-tielet, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha tar-rekwiżit ta’ rabta diretta sabiex jissussisti interess dirett.

76.      Il-Kunsill, appoġġjat mill-Polonja, l-Ungerija u l-Kummissjoni, isostni li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-istadji importanti F2G u F3G huma sempliċement kundizzjonijiet baġitarji li għandhom jiġu ssodisfatti minn Stat Membru u ma joħolqu l-ebda rabta diretta bejn ir-rekwiżit għal proċeduri ta’ stħarriġ u l-imħallfin Pollakki affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta kkunsidrat li dawn l-istadji importanti ma jikkonċernawx b’mod dirett lill-appellanti bħala rappreżentanti ta’ dawk l-imħallfin.

b)      Evalwazzjoni

77.      L-ewwel aggravju jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tistabbilixxi jekk l-imħallfin Pollakki affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari humiex direttament ikkonċernati mill-istadji importanti F2G u F3G.

78.      Kif ġustament osservat il-Qorti Ġenerali (52), skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex persuna tkun direttament ikkonċernata minn miżura tal-Unjoni jridu jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: “l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, li ma tħalli ebda setgħa ta’ evalwazzjoni lid-destinatarji tagħha li huma inkarigati jimplimentawha, peress li hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħrajn” (53).

1)      L‑ewwel kundizzjoni għal interess dirett

79.      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni għal interess dirett, din teħtieġ li l-pożizzjoni legali tar-rikorrent tinbidel minħabba l-miżura kkontestata. Fi kliem ieħor, irid ikun hemm rabta diretta bejn il-miżura u l-pożizzjoni legali tar-rikorrent (54).

80.      L-appellanti jsostnu li, meta evalwat jekk teżistix tali rabta, il-Qorti Ġenerali żbaljatament injorat l-effetti tal-istadji importanti F2G u F3G fuq l-imħallfin Pollakki li kienu suġġetti għal sanzjonijiet dixxiplinarji, u ħadet biss inkunsiderazzjoni, żbaljatament, l-għanijiet ta’ dawn l-istadji importanti.

81.      Kif innutat il-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tad-digriet appellat (55), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tispjega x’għandu jitqies biex jiġi stabbilit jekk hemmx rabta diretta bejn il-miżura kkontestata u s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent. F’dan ir-rigward, “għandu jiġi evalwat jekk l-att ikkontestat huwiex is-sors ta’ bidla sostanzjali fis-sitwazzjoni legali tal-persuna fiżika jew ġuridika inkwistjoni, billi wieħed jiffoka fuq is-sustanza ta’ dan l-att u billi jiġu evalwati l-effetti tiegħu fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu li jkunu l-awturi tiegħu” (56).

82.      Għalhekk, il-kontenut, il-kuntest u l-għan tal-istadji importanti huma rilevanti biex jiġu ddeterminati l-effetti li għandhom fuq il-pożizzjoni tal-imħallfin Pollakki affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari.

83.      Għaldaqstant, anki jekk l-appellanti huma korretti fl-affermazzjoni tagħhom li l-effetti tal-att huma dak li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiffoka fuqu, il-Qorti Ġenerali ma żbaljatx meta ħadet inkunsiderazzjoni l-kontenut, il-kuntest u l-għan tal-att, peress li dawn huma fatturi li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-appellanti.

84.      Madankollu, meta wieħed iqis l-għan tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li hemm rabta diretta bejn il-kontenut tal-istadju importanti F2G u s-sitwazzjoni legali tal-imħallfin ikkonċernati. F’dan ir-rigward, għamlet parallel mas-sentenza fil-kawża Nord Stream 2, u iddikjarat li f’dik il-kawża: “il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tikkonkludi li teżisti rabta diretta bejn l-att ikkontestat, li kien direttiva, u l-effetti tiegħu, peress li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni kienu għamlu applikabbli għar-rikorrenti obbligi speċifiċi” (57).

85.      Il-Qorti Ġenerali mbagħad spjegat li, f’din il-kawża, ma ġie impost l-ebda obbligu speċifiku fuq il-Polonja (58), u li “anki wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni tal-imħallfin affettwati minn deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari baqgħet irregolata mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Pollakk applikabbli għall-imsemmija sitwazzjoni” (59).

86.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-istadju importanti F2G impona obbligu speċifiku fuq il-Polonja li tintroduċi proċeduri ta’ stħarriġ, bl-istess mod li direttiva tintroduċi obbligu ta’ riżultat fuq l-Istati Membri. Dawk il-proċeduri ta’ stħarriġ jaffettwaw il-pożizzjoni legali tal-imħallfin inkwistjoni b’mod dirett.

87.      L-appellanti jsostnu li l-ħtieġa li jinbdew proċeduri ta’ stħarriġ bħal dawn hija dik li tbiddel il-pożizzjoni legali ta’ dawn l-imħallfin, peress li s-sentenzi rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (60) għandhom l-effett li jagħmlu dawn is-sanzjonijiet dixxiplinarji ineżistenti. Jekk l-argument tagħhom huwa korrett, liema kwistjoni għandha tiġi riżolta f’deċiżjoni dwar il-mertu, l-insistenza fuq proċeduri ta’ stħarriġ ta’ kwalunkwe tip biex jiġu eliminati sanzjonijiet dixxiplinarji fil-fatt taggrava l-pożizzjoni legali tal-imħallfin Pollakki li kienu suġġetti għal sanzjonijiet bħal dawn.

88.      Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 89 tad-digriet appellat, li s-sitwazzjoni ta’ dawn l-imħallfin ser tibqa’ rregolata mid-dritt Pollakk ma hijiex importanti, peress li huwa l-istadju importanti F2G innifsu li jirrikjedi l-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ stħarriġ li jaffettwaw il-pożizzjoni legali tagħhom b’mod dirett.

89.      Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Nord Stream 2 huma preċiżament dak li jwassal għall-konklużjoni li, minkejja l-fatt li l-istadju importanti F2G jirrikjedi li l-Polonja tintroduċi proċeduri ta’ stħarriġ u li l-imħallfin sanzjonati ser ikollhom jirrikorru għal tali proċeduri abbażi tad-dritt Pollakk, l-istadju importanti nnifsu madankollu huwa s-sors tal-bidla fil-pożizzjoni tal-imħallfin, peress li jirrikjedi l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ stħarriġ b’mod simili għal kif id-direttivi jimponu obbligu ta’ riżultat.

90.      Għalhekk, naqbel mal-appellanti li l-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjonijiet żbaljati abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

91.      Bl-istess mod, l-argumenti mressqa mill-Kunsill, appoġġjati mill-Polonja, l-Ungerija u l-Kummissjoni, li l-Polonja għandha l-għażla tal-forma u r-regoli konkreti għall-proċeduri ta’ stħarriġ lanqas ma huma importanti. Huwa r-rekwiżit li jkun hemm proċeduri ta’ stħarriġ ta’ kwalunkwe forma li huwa rilevanti. Huwa dak ir-rekwiżit li għandu rabta diretta mal-pożizzjoni legali tal-imħallfin ikkonċernati.

92.      Konsegwentement, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali żbaljat, fil-punt 88 tad-digriet appellat, meta ddeċidiet li l-ewwel kundizzjoni għal interess dirett ma kinitx issodisfatta.

2)      It‑tieni kundizzjoni għal interess dirett

93.      Il-mistoqsija iktar kumplessa, li l-Qorti Ġenerali ħalliet bla tweġiba (61), tirrigwarda t-tieni kundizzjoni għal interess dirett, li essenzjalment teħtieġ li ma titħalla l-ebda diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tal-miżura kkontestata, jekk tali implimentazzjoni tkun meħtieġa (ara l-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

94.      Bħall-ewwel kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-evalwazzjoni tal-“kwistjoni dwar jekk att iħallix lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tiegħu setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tas-sustanza nnifisha ta’ tali att” (62).

95.      Għalhekk, in-natura tal-istadji importanti hija wkoll rilevanti sa fejn tiddetermina l-marġni ta’ diskrezzjoni li tgawdi l-Polonja fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ stħarriġ.

96.      B’mod ġenerali, jekk miżura tal-Unjoni teħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni, ir-rabta diretta bejn il-miżura kkontestata u l-pożizzjoni legali tal-persuna li tikkontestaha ma teżistix jekk l-awtorità ta’ implimentazzjoni titħalla bl-għażla li ma timplimentax il-miżura jew li tbiddel l-effetti tagħha fuq il-persuna li tikkontestaha.

97.      Konsegwentement, jekk jiġi evalwat mill-perspettiva tal-persuna li l-pożizzjoni legali tagħha tista’ tinbidel bil-miżura kkontestata, dak li jimporta huwa li s-suġġett responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżura (f’dan il-każ, il-Polonja) ma jistax ibiddel l-effetti tagħha fuq il-persuna li qiegħda tikkontestaha (63).

98.      F’din il-kawża, l-istadju importanti F2G jeħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Polonja. Il-mistoqsija rilevanti hija, għalhekk, jekk il-Polonja tistax tiddeċiedi li ma tintroduċix proċeduri ta’ stħarriġ.

99.      F’dan ir-rigward, in-natura tal-istadji importanti ssir rilevanti. Il-Kunsill, appoġġjat mill-Polonja, l-Ungerija u l-Kummissjoni, isostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod korrett li l-istadju important F2G ma ħoloqx obbligu legali għall-Polonja li tintroduċi proċedura ta’ stħarriġ. Pjuttost, l-introduzzjoni ta’ tali proċedura hija sempliċement kundizzjoni baġitarja sabiex il-Polonja tirċievi pagament taħt ir-RRF. Dawn il-partijiet iżidu li l-kwalifika tal-istadji importanti bħala stadji importanti kbar ma tbiddilx in-natura legali tagħhom, peress li l-assenza ta’ konformità sempliċement tfisser li l-finanzjament ma jistax jinkiseb.

100. L-appellanti, għall-kuntrarju, jenfasizzaw li l-possibbiltà li l-Polonja ma tagħtix effett lill-istadji importanti hija purament teoretika.

101. Fil-fehma tiegħi, minn naħa waħda, huwa minnu li l-Polonja ma hijiex obbligata titlob il-ħlas ta’ fondi taħt ir-RRF (64). F’dak is-sens, l-istadji importanti jistgħu jinftiehmu sempliċement bħala kundizzjonalità tal-infiq, u l-Polonja tista’ tiddeċiedi li ma tużax il-fondi disponibbli taħt ir-RRF (65). F’dan il-każ, il-Polonja tabilħaqq ma tkunx “marbuta” bir-rekwiżit li tintroduċi proċeduri ta’ stħarriġ.

102. Min-naħa l-oħra, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, għall-finijiet li tikkonstata interess dirett, l-att ikkontestat jista’ jiġi kkaratterizzat bħala li ma jħalli l-ebda diskrezzjoni “meta l-possibbiltà għad-destinatarji li ma jagħtux segwitu għall-att tal-Unjoni tkun purament teoretika, billi r-rieda tagħhom li jisiltu konsegwenzi konformi miegħu ma toħloq ebda dubju” (66).

103. Pereżempju, il-kawża Bock vs Il‑Kummissjoni (67) kienet tikkonċerna rikors għal annullament ippreżentat minn kumpannija Ġermaniża fil-konfront ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li awtorizzat lill-Ġermanja teskludi mit-trattament tal-Unjoni ċerti prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi iżda li diġà kienu fiċ-ċirkolazzjoni fl-Istati Membri (f’dak il-każ, faqqiegħ miċ-Ċina). Il-Kummissjoni kienet argumentat li awtorizzazzjoni mogħtija lill-Ġermanja ma kinitx ta’ interess dirett għar-rikorrent peress li dak l-Istat Membru baqa’ liberu li jużaha. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-awtoritajiet Ġermaniżi madankollu kienu diġà infurmaw lir-rikorrent li kienu ser jirrifjutaw l-applikazzjoni tiegħu hekk kif il-Kummissjoni tkun tathom l-awtorizzazzjoni u kienu talbu dik l-awtorizzazzjoni b’riferiment partikolari għall-applikazzjonijiet li diġà kellhom quddiemhom f’dak iż-żmien. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-deċiżjoni kienet ta’ interess dirett għar-rikorrent.

104. Eżempju ieħor magħruf sew huwa l-kawża Piraiki-Piraiki et vs Il‑Kummissjoni (68), li kienet tikkonċerna rikors għal annullament ippreżentat minn ċerti kumpanniji Griegi fil-konfront ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li awtorizzat lil Franza tieħu miżuri protettivi li llimitaw l-importazzjonijiet ta’ ħajt tal-qoton mill-Greċja. Il-Kummissjoni u Franza argumentaw li r-rikorrenti ma kinux affettwati b’mod dirett minn din id-deċiżjoni għaliex sempliċement awtorizzat lil Franza twaqqaf sistema ta’ kwoti fuq l-importazzjonijiet u b’hekk ħalliet lil dak l-Istat Membru liberu li jagħżel jekk jużahiex. Għalhekk, id-deċiżjoni nnifisha ma stabbilixxietx sistema li tillimita l-importazzjonijiet iżda, sabiex ikollha effett prattiku, kienet teħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Franċiżi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan il-fatt fih innifsu ma kienx jipprevjeni li d-deċiżjoni tkun ta’ interess dirett għar-rikorrenti għaliex, anki qabel ma ġiet awtorizzata tagħmel dan mill-Kummissjoni, Franza kienet tapplika sistema ta’ liċenzji restrittiva ħafna għall-importazzjonijiet ta’ ħajt tal-qoton ta’ oriġini Griega, u kienet Franza nnifisha li talbet awtorizzazzjoni għal miżuri iktar stretti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà li Franza tiddeċiedi li ma tużax l-awtorizzazzjoni mogħtija lilha mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet kompletament teoretika, peress li ma seta’ jkun hemm l-ebda dubju dwar l-intenzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi li japplikaw din id-deċiżjoni (69).

105. Dawn l-eżempji, għalkemm jikkonċernaw kawżi kummerċjali, juru li, anki jekk formalment id-destinatarju jitħalla bl-għażla li jimplimenta l-miżura kkontestata, id-diskrezzjoni tiegħu tista’ ma teżistix peress li tkun purament teoretika fiċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari. Naturalment, konklużjoni bħal din teħtieġ eżami fuq bażi ta’ każ b’każ (70).

106. Fil-kawża preżenti, biex jiġi deċiż jekk id-diskrezzjoni tal-Polonja tistax tinftiehem bħala purament teoretika, huwa meħtieġ li titqies in-natura tal-proċediment ta’ qbil dwar stadji importanti u miri skont ir-Regolament RRF.

107. Kif spjegajt fil-punti 5 sa 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-proċedura skont ir-Regolament RRF tissuġġerixxi li kienet il-Polonja li pproponiet l-istadji importanti lill-Kummissjoni, li din tal-aħħar sabithom aċċettabbli u pproponiethom lill-Kunsill, li fl-aħħar mill-aħħar aċċettahom ukoll (71). Għalhekk, kif ġie indikat b’mod ġust mill-appellanti, peress li l-Polonja stess ipproponiet l-istadji importanti, jidher li ma hemm l-ebda raġuni għaliex ma timplimentahomx.

108. Notevolment, ir-riforma meħtieġa taħt l-istadju importanti F2G kienet diġà ġiet adottata mill-Polonja abbażi tal-Liġi tad‑9 ta’ Ġunju 2022 meta ġiet adottata d-deċiżjoni inkwistjoni (ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fir-realtà, għalhekk, id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill fil-fatt approvat l-għażla li kienet diġà għamlet il-Polonja. Jekk għażla bħal din hija legalment difettuża, kif sostnew l-appellanti, jidher neċessarju li l-approvazzjoni tagħha mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tiġi kkontestata quddiem il-Qrati tal-Unjoni (72).

109. Konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, biex nikkwota lill-Avukat Ġenerali Dutheillet de Lamothe, id-determinazzjoni li l-istadju importanti F2G ħalla d-diskrezzjoni lill-Polonja biex ma tapplikahx, fil-fehma tiegħi, tkun tirrappreżenta formaliżmu eċċessiv (73).

110. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-istadju importanti F2G biss huwa rilevanti fl-evalwazzjoni tal-interess dirett tal-imħallfin affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari, peress li l-istadju importanti F3G sempliċement jistabbilixxi terminu li fih iridu jiġu implimentati l-proċeduri ta’ stħarriġ (74).

111. Lanqas naqbel ma’ din il-konstatazzjoni, peress li l-fatt li tiġi permessa r-riżoluzzjoni tas-sitwazzjoni legali ta’ dawn l-imħallfin sa tmiem l‑2023 abbażi tal-istadju importanti F3G jaffettwa wkoll il-pożizzjoni legali ta’ dawn l-imħallfin b’mod dirett. Kif sostnew l-appellanti, dan l-istadju importanti jikkonkretizza l-istadju importanti F2G u jsaħħaħ l-effetti tiegħu fuq l-imħallfin taħt sanzjonijiet dixxiplinarji u għalhekk huwa ta’ interess dirett għalihom.

112. Fil-qosor, naqbel mal-appellanti li l-Qorti Ġenerali applikat ħażin il-ġurisprudenza u naqset milli tevalwa kif suppost l-effetti tal-istadji importanti F2G u F3G fid-deċiżjoni inkwistjoni fuq is-sitwazzjoni legali tal-imħallfin Pollakki affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari. L-istadji importanti F2G u F3G għandhom rabta diretta mas-sitwazzjoni legali speċifika ta’ dawn l-imħallfin, kapaċi li tbiddel dik is-sitwazzjoni, u d-diskrezzjoni tal-Polonja li ma timplimentax dawn l-istadji importanti hija sempliċement teoretika. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-istadji importanti F2G u F3G ma kinux jikkonċernaw direttament lil dawk l-imħallfin u meta ċaħdet ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom bħala inammissibbli.

2.      L‑ewwel parti tat‑tieni aggravju (interess dirett tal‑imħallfin Pollakki li ma kinux suġġetti għad‑deċiżjonijiet tal‑Awla Dixxiplinari)

a)      Sommarju tal‑argumenti ewlenin tal‑partijiet

113. Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 95 u 96 tad-digriet appellat, meta ddeċidiet li l-istadji importanti F2G u F3G ma biddlux is-sitwazzjoni legali tal-imħallfin Pollakki li ma kinux suġġetti għad-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari.

114. Fir-rigward tal-istadji importanti F2G u F3G, l-appellanti jsostnu li hemm differenza fundamentali fl-effetti bejn l-imħallfin Pollakki affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari u l-imħallfin Pollakki li jibqgħu fil-kariga u huma meħtieġa jkomplu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fl-assenza tal-kollegi tagħhom. Il-Qorti Ġenerali għalhekk naqset milli tindirizza l-argumenti tagħhom dwar l-effetti dissważivi fuq, u ż-żieda fl-ammont ta’ xogħol ta’, dawn l-imħallfin.

115. Il-Kunsill, appoġġjat mill-Polonja, l-Ungerija u l-Kummissjoni, isostni li ma hemm l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jimplimentaw stadji importanti, li ma jinbidlux skont il-kategoriji ta’ mħallfin, u għalhekk id-deċiżjoni inkwistjoni ma tistax tipproduċi effetti legali fuq dawn l-imħallfin.

b)      Evalwazzjoni

116. Fir-rigward tal-interess dirett tal-imħallfin Pollakki għajr dawk affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari dwar l-istadji important F2G u F3G, nista’ naqbel mal-appellanti li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-argumenti tagħhom li dawn l-imħallfin huma affettwati b’mod differenti mill-imħallfin indirizzati mill-ewwel aggravju. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa jekk hemmx rabta diretta bejn l-istadji importanti F2G u F3G u dawn l-imħallfin Pollakki l-oħra.

117. Anki jekk il-Qorti Ġenerali żbaljat billi ma weġbitx għall-argumenti tal-appellanti fl-ewwel istanza, xorta waħda jien tal-fehma li ma hemm l-ebda rabta diretta bejn l-istadji importanti F2G u F3G u l-pożizzjoni legali ta’ dawn l-imħallfin Pollakki l-oħra. Fil-fehma tiegħi, l-appellanti naqsu milli juru li jkun hemm effetti dissważivi li jaffettwaw direttament il-pożizzjoni legali ta’ dawn l-imħallfin. F’dak li għandu x’jaqsam mal-ammont ta’ xogħol possibbilment ogħla ta’ xi mħallfin Pollakki, li nifhem li jkun konsegwenza tas-sospensjoni mix-xogħol ta’ mħallfin sanzjonati sa tmiem il-proċeduri ta’ stħarriġ, la żieda bħal din fl-ammont ta’ xogħol ma ġietx issostanzjata mill-appellanti, u lanqas ma setgħet tiġi kkaratterizzata bħala li taffettwa l-pożizzjoni legali ta’ dawn l-imħallfin (75).

118. Konsegwentement, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod korrett li l-istadji important F2G u F3G ma jikkonċernawx b’mod dirett lill-imħallfin Pollakki li ma kinux suġġetti għal sanzjonijiet dixxiplinari imposti mill-Awla Dixxiplinari.

B.      L‑ammissibbiltà tat‑talbiet relatati mal‑istadju important F1G

119. L-aggravji diskussi sa issa kienu jikkonċernaw l-istadji importanti F2G u F3G. L-aggravji rimanenti jikkonċernaw l-istadju importanti F1G.

120. Infakkar li l-istadju importanti F1G talab lill-Polonja biex tintroduċi riformi bil-għan li ssaħħaħ l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati. It-talba sostantiva tal-appellanti fl-ewwel istanza kienet li r-riformi konkreti meħtieġa taħt l-istadju importanti F1G ma kienux biżżejjed biex jintlaħaq dan il-għan kif meħtieġ għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

121. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet ibbażati fuq l-assenza ta’ interess dirett tal-assoċjazzjonijiet appellanti li jaġixxu f’isem il-membri tagħhom u t-tieni parti tat-tieni aggravju hija diretta fil-konfront ta’ din iċ-ċaħda. Sejjer nanalizzaha fit-Taqsima 1. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll allegazzjonijiet relatati mal-insuffiċjenza tal-istadju importanti F1G imressqa mill-assoċjazzjonijiet appellanti f’isimhom proprju u l-appellanti kkontestaw dik iċ-ċaħda taħt it-tielet aggravju, li ser nevalwa fit-Taqsima 2.

1.      It‑tieni parti tat‑tieni aggravju (interess dirett tal‑imħallfin Pollakki kollha u tal‑Istati Membri l‑oħra u taż‑ŻEE)

122. Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 97 sa 107 tad-digriet appellat, meta naqset milli tagħti locus standi lill-appellanti biex jikkontestaw l-insuffiċjenza tal-istadju importanti F1G f’isem il-membri tagħhom.

123. Din il-parti ta’ dan l-aggravju tirrigwarda separatament l-assoċjazzjonijiet appellanti li jaġixxu f’isem l-imħallfin Pollakki kollha, minn naħa waħda, u l-imħallfin tal-Istati Membri l-oħra u taż-ŻEE, min-naħa l-oħra. Ser nibda bit-talba relatata mal-imħallfin Pollakki kollha.

a)      L‑imħallfin Pollakki kollha

124. L-appellanti jsostnu li l-imħallfin Pollakki kollha huma direttament ikkonċernati mill-insuffiċjenza tal-istadju importanti F1G. Il-Qorti Ġenerali żbaljatament ikkonstatat li l-argumenti tagħhom kienu sempliċement dikjarazzjonijiet ġenerali ta’ insuffiċjenza li abbażi tagħhom ma jistax jiġi stabbilit interess dirett. Pjuttost, huma stabbilixxew fid-dettall ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u n-nuqqasijiet fil-protezzjoni ġudizzjarja.

125. Fil-punt 100 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-appellanti kienu għamlu biss dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali, u li ma speċifikawx, fit-test stess ta’ dak l-istadju importanti, fatti konkreti li jippreġudikaw direttament lill-imħallfin Pollakki.

126. Fl-ewwel istanza, l-appellanti sostnew li l-istadju importanti F1G affettwa direttament is-sitwazzjoni legali tal-imħallfin Pollakki għaliex, minħabba l-insuffiċjenza tal-istadju importanti F1G biex terġa’ tiġi stabbilita protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-Polonja, dawn l-imħallfin ser ikunu kostretti li jiddeċiedu kawżi f’ċirkustanzi professjonalment impossibbli fejn xorta ser ikunu suġġetti għal pressjonijiet illegali u tnaqqis tal-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom. L-imħallfin Pollakki ser ikunu kostretti li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom f’ċirkustanzi fejn ikun hemm dubji dwar il-ħila tagħhom li jagħmlu talbiet għal deċiżjonijiet preliminari, li jagħtu effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni u li jieħdu deċiżjonijiet kontra l-interessi tal-Gvern jew tal-partit politiku fil-gvern (76).

127. Anki jekk dan jista’ jkun minnu, xorta waħda ma jippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi jekk u kif dawn l-insuffiċjenzi jkunux is-sors tal-bidliet fil-pożizzjoni legali tal-imħallfin Pollakki kollha jew xi wħud minnhom li huma membri tal-assoċjazzjonijiet appellanti, li huwa t-test żviluppat fil-ġurisprudenza biex jiġi stabbilit interess dirett ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi (ara l-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fi kliem ieħor, mhux ċar kif dawn jistgħu jinfluwenzaw drittijiet u obbligi partikolari tal-imħallfin Pollakki kollha jew ta’ xi wħud minnhom.

128. Għalhekk, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma żbaljatx meta ċaħdet it-talbiet tal-appellanti bbażati fuq il-fatt li l-imħallfin Pollakki ma kinux ikkonċernati b’mod dirett mill-insuffiċjenza tal-istadju importanti F1G.

b)      Imħallfin tal‑Istati Membri l‑oħra u taż‑ŻEE

129. L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset milli timmotiva ċ-ċaħda tal-argumenti tagħhom li l-insuffiċjenza tal-istadju importanti F1G taffettwa b’mod dirett is-sitwazzjoni legali tal-imħallfin kollha tal-Istati Membri u taż-ŻEE għaliex tinterferixxi max-xogħol ta’ kuljum tagħhom, bħar-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi tal-qrati Pollakki, kif ukoll minħabba l-effetti indiretti minn ordinament ġuridiku wieħed fuq l-oħrajn.

130. Fil-fehma tiegħi, anki jekk deterjorament fl-osservanza tal-istat tad-dritt fi Stat Membru wieħed jista’ jkollu xi effetti fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja transkonfinali, ma narax kif tista’ tiġi stabbilita rabta diretta bejn miżuri insuffiċjenti u l-effett tagħhom fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-imħallfin tal-Istati Membri l-oħra u taż-ŻEE.

131. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali lanqas ma żbaljat f’dan ir-rigward.

2.      It‑tielet aggravju (il‑locus standi tal‑assoċjazzjonijiet f’isimhom proprju fiċ‑ċirkustanzi ta’ din il‑kawża)

a)      Sommarju tal‑argumenti ewlenin tal‑partijiet

132. Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 41 sa 51 u 110 sa 119 tad-digriet appellat, meta naqset milli tagħti locus standi lill-appellanti f’isimhom proprju skont ir-regoli attwali.

133. F’dan ir-rigward, l-appellanti jaqsmu l-argumenti tagħhom fi tliet partijiet. L-ewwel, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għaliex tali interpretazzjoni messha kkunsidrat in-nuqqas ta’ funzjonament tas-sistema ġudizzjarja fil-Polonja. It-tieni, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali messha interpretat l-applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għal assoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isimhom stess fid-dawl tas-sentenza KlimaSeniorinnen tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) (77). It-tielet, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-locus standi pprivileġġat tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ġġustifika ċ-ċaħda tal-locus standi lill-appellanti.

134. Il-Kunsill, appoġġjat mill-Polonja, l-Ungerija u l-Kummissjoni, isostni li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod korrett li l-appellanti ma kellhomx locus standi u li n-nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja Pollakka ma jiġġustifikawx li jitwarrbu r-rekwiżiti ta’ interess dirett u individwali stabbiliti fit-Trattati. L-Ungerija u l-Kummissjoni jżidu li l-allegazzjonijiet tal-appellanti dwar in-nuqqas ta’ rotta effettiva quddiem il-qrati Pollakki ma humiex sostanzjati. Fir-rigward tas-sentenza fil-kawża KlimaSeniorinnen, dawn il-partijiet isostnu li din hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet speċifiċi relatati mat-tibdil fil-klima u ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża.

135. B’mod partikolari, waqt is-seduta, il-Kunsill enfasizza li l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huma fihom innifishom element essenzjali tal-istat tad-dritt u parti mis-sistema sħiħa ta’ rimedji skont it-Trattati, li hija l-pedament tas-sistema tal-Unjoni ta’ protezzjoni ġudizzjarja. L-applikazzjoni ta’ interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-locus standi għandha r-riskju li tintroduċi inċertezza, u r-rikonoxximent tal-locus standi tal-appellanti f’din il-kawża de facto jwassal għall-introduzzjoni ta’ actio popularis.

136. L-appellanti wieġbu li ma humiex qegħdin jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tintroduċi actio popularis, iżda li tinterpreta r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif applikat għal assoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isimhom proprju, fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif stabbilit fl-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta.

b)      Evalwazzjoni

137. Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-appellanti jargumentaw li l-azzjonijiet tagħhom kellhom jiġu aċċettati bħala ammissibbli abbażi tat-“tielet tip ta’ sitwazzjoni” li taħtha l-assoċjazzjonijiet jista’ jkollhom locus standi f’isimhom proprju. Sussidjarjament, huma jargumentaw li t-“tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet”, li l-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 40 tad-digriet appellat, ma humiex eżawrjenti, u li l-Qorti Ġenerali kellha taċċetta l-azzjonijiet tagħhom minkejja li jaqgħu barra minn dawn is-sitwazzjonijiet.

138. Kif jidher fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali bdiet l-evalwazzjoni tagħha billi ddikjarat li teżisti ġurisprudenza stabbilita li l-assoċjazzjonijiet jistgħu jressqu azzjonijiet diretti fi tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet.

139. Fil-fehma tiegħi, kif semmejt fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-assoċjazzjonijiet jista’ jkollhom jew locus standi f’isem il-membri tagħhom jew f’isimhom proprju. Dawn it-tliet sitwazzjonijiet huma sempliċement deskrizzjoni tas-sitwazzjonijiet irrikonoxxuti fil-ġurisprudenza sa issa fejn instab li l-assoċjazzjonijiet għandhom locus standi biex jippreżentaw rikorsi għal annullament (78). Ma jirrappreżentawx lista eżawrjenti (79).

140. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju tal-Qorti Ġenerali, ma għamlitx riferiment għal tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet bħala interpretazzjoni aċċettata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet. Hija sempliċement għamlet riferiment għal dawn is-sitwazzjonijiet meta evalwat il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fl-appell (80).

141. Fir-rigward tat-“tielet tip ta’ sitwazzjoni”, fil-punti 46 sa 50 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali evalwat jekk il-pożizzjoni tal-appellanti bħala negozjaturi kinitx involuta fil-każ preżenti, u kkonkludiet li ma kinitx (81). Huwa minnu li, fil-ġurisprudenza sa issa, il-Qrati tal-Unjoni interpretaw b’mod restrittiv is-sitwazzjoni li tippermetti l-locus standi ta’ assoċjazzjoni f’isimha proprju abbażi tal-pożizzjoni ta’ negozjar tagħha. Tabilħaqq, hemm biss żewġ kawżi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn il-locus standi ġie rrikonoxxut abbażi tal-pożizzjoni ta’ negozjar (82), u l-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kawżi ġiet ristretta f’sentenzi sussegwenti, fejn il-locus standi ta’ negozjatur ma ġiex irrikonoxxut (83). F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali ma żbaljatx fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza eżistenti.

142. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma interpretatx il-bqija tat-“tielet tip ta’ sitwazzjoni”, li skontha l-locus standi jista’ jingħata lil assoċjazzjonijiet f’sitwazzjonijiet oħra fejn jiddefendu l-interessi tagħhom proprji, u mhux biss f’dawk fejn kienu negozjaturi (84). Bl-istess mod ma evalwatx it-talba li l-appellanti jista’ jkollhom locus standi barra mit-“tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet”.

143. Fil-punt 116 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-appellanti ma setgħux isostnu li kienu direttament ikkonċernati, filwaqt li għamlet riferiment għall-konstatazzjonijiet tagħha relatati mal-locus standi ta’ dawk l-assoċjazzjonijiet f’isem il-membri tagħhom. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kkunsidrat kif għandu jiġi interpretat ir-rekwiżit ta’ interess dirett fir-rigward tal-locus standi ta’ assoċjazzjonijiet f’isimhom proprju.

144. Għalhekk jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa t-talba tal-appellanti li r-rekwiżiti ta’ interess dirett u individwali tal-assoċjazzjonijiet li jressqu azzjonijiet f’isimhom proprju għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

145. Fil-fehma tiegħi, dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti hija biżżejjed biex jiġi aċċettat it-tielet aggravju tal-appell u jiġi annullat id-digriet appellat bħala mhux motivat b’mod adegwat fir-rigward tal-locus standi tal-assoċjazzjonijiet f’isimhom proprju.

146. Madankollu, għall-finijiet li tiġi riżolta l-kwistjoni tal-locus standi f’dan il-każ, jidhirli li huwa meħtieġ li nipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’analiżi tad-domandi li tħallew bla risposta mid-digriet appellat.

 C.      Locus standi ta’ assoċjazzjonijiet f’isimhom proprju

147. L-appellanti ressqu diversi argumenti favur interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li tagħtihom locus standi f’isimhom proprju f’din il-kawża. L-ewwel ser nevalwa l-argumenti relatati mas-sistema ġuridika disfunzjonali fil-Polonja, qabel ma nikkunsidra argumenti oħrajn ta’ natura iktar ġenerika.

3.      L‑ewwel parti: Argumenti bbażati fuq is‑sistema ġudizzjarja disfunzjonali fil-Polonja

148. L‑appellanti jsostnu li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hija bbażata fuq il-premessa li l-istat tad-dritt huwa osservat u appoġġjat fl-Unjoni Ewropea kollha u li jeżistu rimedji effettivi fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali. Skonthom, dan ma għadux il-każ fil-Polonja, u dan jiġġustifika t-twessigħ tar-rekwiżiti tal-locus standi li taħthom l-assoċjazzjonijiet jistgħu jressqu azzjonijiet diretti f’isimhom proprju.

149. F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-interpretazzjoni li skontha l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq sistema sħiħa ta’ rimedji ġudizzjarji timplika li persuni li jqisu li d-drittijiet tagħhom riżultanti mid-dritt tal-Unjoni ġew miksura jistgħu fil-prinċipju jirrikorru għand qorti biex jitolbu l-protezzjoni tagħhom (85). Jekk l-aċċess dirett għall-qrati tal-Unjoni jingħalaq, jeħtieġ li jkunu jeżistu modi kif tiġi mressqa azzjoni quddiem qorti nazzjonali, li mbagħad tista’ jew għandha tirreferi kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja (86). F’dan is-sens, sistemi ġudizzjarji funzjonali fl-Istati Membri, li jiggarantixxu l-indipendenza tal-ġudikatura, huma parti indispensabbli minn sistema bħal din.

150. Għalhekk, l-argument imressaq mill-appellanti huwa li, jekk it-triq nazzjonali tingħalaq minħabba kwistjonijiet sistemiċi, it-triq tal-Unjoni trid tkun miftuħa; inkella, ikun hemm ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

151. Hemm żewġ raġunijiet li jimmilitaw favur ir-rifjut ta’ dan l-argument, waħda legali u waħda fattwali.

152. L-argument legali, imressaq ukoll mill-Kunsill waqt is-seduta, u enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet, huwa li r-rekwiżiti ta’ interess dirett u individwali stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jistgħux jinbidlu mill-Qorti tal-Ġustizzja, lanqas għall-fini ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-Istati Membri biss jistgħu jiddeċiedu li jibdlu s-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja kif prevista mit-Trattati (87).

153. L-argument fattwali jikkonċerna s-sistema ġudizzjarja fil-Polonja. Anki jekk hemm problemi serji fil-funzjonament tal-ġudikatura Pollakka, jidher li din is-sistema ma hijiex disfunzjonali sa tali punt li l-każijiet relatati mal-użu tal-fondi tar-RRF fil-Polonja ma jistgħux jaslu għand il-qrati kompetenti u sussegwentement ukoll għand il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun meħtieġ (88). Għalhekk, huwa esaġerat li wieħed jikkunsidra li “sistema sħiħa ta’ rimedji legali” ma tistax tiddependi fuq is-sistema ġudizzjarja Pollakka (89). Madankollu, dan ma jfissirx li t-titjib ma huwiex meħtieġ. Ir-riformi, inklużi dawk taħt ir-RRF, jikkontribwixxu għat-titjib tal-indipendenza tal-ġudikatura, anki jekk dan, skont l-appellanti, ma huwiex biżżejjed. Barra minn hekk, kif miftiehem mill-partijiet kollha għal dawn il-proċeduri, il-Polonja għandha l-obbligu li timplimenta s-sentenzi kollha li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat problemi partikolari relatati mal-istat tad-dritt f’dak l-Istat Membru, u l-istadji importanti ma jistgħux jaffettwaw dan l-obbligu.

154. Konsegwentement, ma nqisx li l-indipendenza ppreġudikata tal-ġudikatura fil-Polonja hija raġuni suffiċjenti biex tiġġustifika bidliet fis-sistema ta’ protezzjoni legali skont it-Trattati għall-finijiet ta’ din il-kawża. Dan l-argument tal-appellanti għandu jiġi miċħud.

155. Madankollu, dan ma jfissirx li, fil-qafas tas-sistema eżistenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja fl-Unjoni Ewropea, il-locus standi ta’ assoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isimhom proprju, inklużi assoċjazzjonijiet ta’ mħallfin, ma jistax jiġi interpretat b’mod li jippermettilhom aċċess għall-qrati tal-Unjoni għal fini tad-difiża tal-interessi tagħhom stess.

156. L-affermazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-Trattati ma jistgħux jinbidlu permezz tal-prattika ġudizzjarja ma tfissirx li r-rekwiżiti tal-locus standi ma jistgħux, kif tabilħaqq jeħtieġu (90), jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipji fundamentali, inkluż il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva (91). F’dak li ġej, għalhekk, ser nevalwa kif il-kunċetti ta’ interess dirett u individwali jistgħu jiġu interpretati fir-rigward ta’ assoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isimhom proprju, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti mressqa mill-partijiet.

  L-importanza tal-assoċjazzjonijiet għad-demokrazija parteċipattiva

157. L-appellanti enfasizzaw l-importanza tal-assoċjazzjonijiet, speċjalment l-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin, għad-difiża tal-indipendenza tal-ġudikatura u b’hekk għas-salvagwardja jew ir-restawr tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.

158. Tabilħaqq, l-importanza ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet li jeżistu sabiex jiddefendu l-indipendenza tal-ġudikatura hija rrikonoxxuta f’materjali diversi Ewropej (92)u fil-letteratura akkademika, li tenfasizza b’mod partikolari, ir-rwol tal-assoċjazzjonijiet fl-avvenimenti relatati mar-riorganizzazzjoni tas-sistema tal-ġustizzja fil-Polonja (93).

159. Madankollu, ir-rikonoxximent tal-importanza tal-assoċjazzjonijiet, u b’mod partikolari l-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin, fid-difiża tal-indipendenza tal-ġudikatura u tal-istat tad-dritt ma huwiex fih innifsu biżżejjed biex tali assoċjazzjonijiet ikunu jistgħu jressqu azzjonijiet diretti quddiem il-qrati tal-Unjoni.

160. Fil-kuntest tal-aċċess tal-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin għall-qrati nazzjonali, wara li rrikonoxxiet l-importanza ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-dritt tal-Unjoni, inkluż l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, ma jirrikjedix li l-Istati Membri jipprovdu għal mezzi proċedurali li bihom l-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin jistgħu jressqu azzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali (94). L-istess jista’ japplika għall-ftuħ ta’ aċċess għal assoċjazzjonijiet tal-imħallfin għall-qrati tal-Unjoni (95).

161. Fil-livell tal-Unjoni, ir-rwol validu tal-assoċjazzjonijiet huwa rrikonoxxut mit-Trattati fit-Titolu II tat‑TUE, li fihom dispożizzjonijiet dwar prinċipji demokratiċi. Filwaqt li l-Artikolu 10(1) TUE jiddikjara li l-funzjonament tal-Unjoni huwa bbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva, li jirrikonoxxi l-importanza tad-demokrazija parteċipattiva, l-Artikolu 11(1) TUE jirrikonoxxi wkoll l-importanza tad-demokrazija parteċipattiva. Huwa jipprovdi li “[l]-istituzzjonijiet għandhom, permezz ta’ mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta’ azzjoni kollha ta’ l-Unjoni” (96).

162. Id-demokrazija parteċipattiva, fil-prinċipju, tiddependi fuq l-assoċjazzjonijiet bħala interlokuturi f’dibattiti politiċi dwar l-organizzazzjoni jew ir-regolamentazzjoni xierqa tas-soċjetà. Għalhekk, tenfasizza r-rwol tagħhom fi proċess demokratiku u politiku. Il-parteċipanti fil-proċess politiku jiġġieldu għall-aċċettazzjoni ta’ soluzzjoni li jqisuha bħala preferibbli. Madankollu, il-qrati ma humiex istituzzjonijiet li quddiemhom għandhom jiġu riżolti kwistjonijiet politiċi bħal dawn.

163. Dan ifisser li l-assoċjazzjonijiet għandu jkollhom aċċess biss għall-proċessi politiċi?

164. Fil-fehma tiegħi, jekk att adottat bħala riżultat tal-proċess politiku tal-Unjoni, fil-fehma ta’ assoċjazzjoni, huwa legalment invalidu, ma hemm l-ebda raġuni għaliex ma għandhiex ikollha aċċess għall-qrati tal-Unjoni biex tiddefendi l-interessi tagħha proprji permezz ta’ talbiet legali dwar l-invalidità ta’ att bħal dan li jikkonċernaha direttament u individwalment. Din tista’ tkun ukoll waħda mill-modalitajiet biex titwettaq demokrazija parteċipattiva fil-livell tal-Unjoni. Madankollu, huwa importanti li l-argumenti quddiem dawn il-qrati ma jkunux politiċi, fis-sens li ċerta soluzzjoni hija “żbaljata”, iżda pjuttost legali, fis-sens li ċerta soluzzjoni tmur “kontra l-liġi”.

165. Fi kliem ieħor, it-tressiq ta’ kawża quddiem il-qrati tal-Unjoni li tinvolvi l-protezzjoni tal-interessi kollettivi ma għandux ikun kontinwazzjoni tal-battalja politika b’mezzi legali, peress li l-qrati mhumiex leġittimizzati għat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi.

166. Talba, bħal dik li tirrelata mal-istadju importanti F1G f’din il-kawża, li tipprovdi li instituzzjoni ma rregolatx ċerti kwistjonijiet b’mod suffiċjenti, tkun talba legali jekk il-liġi timponi obbligu suffiċjentement ċar fuq dik l-istituzzjoni. Madankollu, jekk dan huwiex hekk hija kwistjoni ta’ merti u mhux ta’ aċċess għall-qrati tal-Unjoni.

167. F’din il-kawża, l-assoċjazzjonijiet appellanti jidhru li jressqu quddiem il-qrati tal-Unjoni argumenti legali li jsostnu li l-Kunsill naqas milli jissodisfa l-obbligi legali tiegħu skont l-Artikoli 20(5)(e) u 22 tar-Regolament RRF. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li tali obbligu legali ma jeżistix, hija tiċħad ir-rikors fuq il-merti. Ma huwiex neċessarju li l-qrati tal-Unjoni jiġu protetti minn possibbli mistoqsijiet politiċi fil-livell tal-aċċess għall-qrati.

168. Fi kliem ieħor, jekk att li huwa potenzjalment invalidu legalment huwa ta’ interess dirett għall-interess kollettiv irrappreżentat minn assoċjazzjoni, li jista’ jkun individwalizzat minħabba li dan l-interess kollettiv huwa l-interess tiegħu stess, ma hemmx raġuni għalfejn dik l-assoċjazzjoni għandha tiġi mċaħħda mill-aċċess għall-qrati tal-Unjoni.

169. Barra minn hekk, jekk l-assoċjazzjonijiet jitħallew jaċċessaw il-qrati tal-Unjoni sabiex jipproteġu l-interessi kollettivi, dan ma jkunx ifisser l-introduzzjoni ta’ actio popularis fid-dritt tal-Unjoni, peress li tali aċċess għadu kkundizzjonat minn interess dirett u individwali tal-assoċjazzjoni li ressqet l-azzjoni.

4.      Argumenti bbażati fuq il‑locus standi ta’ rikorrenti pprivileġġati

170. L-appellanti jikkritikaw il-punt 118 tad-digriet appellat, billi jargumentaw li l-possibbiltà li l-assoċjazzjonijiet jingħataw locus standi f’isimhom proprju sabiex jipproteġu l-interessi kollettivi ma huwiex eskluż mill-fatt li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jagħti lill-applikanti pprivileġġati l-possibbiltà li jressqu azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-interess ġenerali.

171. F’dan il-punt tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali donnha implikat li interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-kundizzjonijiet għal-locus standi ma kinitx meħtieġa peress li r-rikorrenti pprivileġġati, jiġifieri l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom il-possibbiltà li jressqu azzjonijiet diretti kontra l-miżuri tal-Unjoni kull meta jidhrilhom li dan hu neċessarju.

172. Fil-fehma tiegħi, possibbiltà bħal din ma hijiex rilevanti għall-kwistjoni tal-interpretazzjoni tar-rekwiżiti tal-locus standi tal-assoċjazzjonijiet.

173. L-ewwel, il-locus standi tar-rikorrenti pprivileġġati ma għandu x’jaqsam xejn mal-kwistjoni separata relatata mal-kundizzjonijiet li taħthom ir-rikorrenti mhux ipprivileġġati għandhom locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Din id-dispożizzjoni ma torbotx il-locus standi tar-rikorrenti mhux ipprivileġġati ma’ dak ta’ xi kategoriji oħra ta’ rikorrenti.

174. It-tieni, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża juru li spiss it-triq proċedurali miftuħa għal rikorrenti pprivileġġati ma tistax tissostitwixxi dik offruta lil rikorrenti mhux ipprivileġġati. Ma hemm l-ebda raġuni għaliex il-Kunsill jew il-Kummissjoni jikkontestaw id-deċiżjoni tagħhom stess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa wkoll improbabbli ħafna li l-Polonja tikkontesta stadji importanti li ħarġet bihom hi stess. Filwaqt li jista’ jkun possibbli għall-Parlament Ewropew (97) jew Stati Membri oħra li jressqu azzjoni li tikkontesta stadji importanti (98), dan waħdu ma jnaqqasx ir-rwol li l-assoċjazzjonijiet jista’ jkollhom, flimkien ma’ rikorrenti pprivileġġati, fl-iskattar ta’ stħarriġ ġudizzjarju għall-kompatibbiltà ta’ atti tal-Unjoni mal-istat tad-dritt, kif argumentaw l-appellanti.

175. Għalhekk, anki jekk ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punt 118 tad-digriet appellat jidher li ġie inkluż biss għall-kompletezza, naqbel mal-appellanti li dan ir-raġunament huwa żbaljat.

5.      Ir-rilevanza tas-sentenza KlimaSeniorinnen

176. Fil-fehma tal-appellanti, is-sentenza fil-kawża KlimaSeniorinnen introduċiet standard ġdid ta’ protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-assoċjazzjonijiet fi proċeduri ġudizzjarji li l-iskop tagħhom huwa l-protezzjoni tad-drittijiet kontra theddid li jirriżulta minn żviluppi ta’ importanza soċjetali seminali, li f’dak il-każ kienu jikkonċernaw it-tibdil fil-klima, iżda li jistgħu jiġu applikati wkoll għall-istat tad-dritt u assoċjazzjonijiet bħall-appellanti li jirrappreżentaw l-interessi tal-ġudikatura magħquda bil-għan li jippromwovu l-istat tad-dritt. Huma jsostnu li, b’riżultat tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandu jiġi adottat approċċ simili fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

177. Fil-fehma tiegħi, kuntrarjament għall-argumenti tal-appellanti, huwa diffiċli li jsiru paralleli bejn is-sentenza fil-kawża KlimaSeniorinnen u r-rekwiżiti tal-locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

178. L-ewwel, kif indikat mill-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti EDB (99), din is-sentenza tidher li hija limitata fil-prinċipju għall-kuntest tat-tibdil fil-klima.

179. It-tieni, dik is-sentenza ttrattat l-istatus ta’ vittma skont l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li ma huwiex l-istess bħall-kundizzjonijiet ta’ locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (100).

180. F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li wieħed iżomm f’moħħu li l-kompitu tal-Qorti EDB u l-funzjoni mwettqa mill-qrati tal-Unjoni fit-twettiq ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE ma humiex l-istess. Filwaqt li r-rwol tal-Qorti EDB huwa li tipproteġi d-drittijiet individwali, ir-rwol tal-istħarriġ ġudizzjarju skont l-Artikolu 263 TFUE huwa oġġettiv. Dan għandu l-għan li jiżgura li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni josservaw il-liġi li torbothom, u b’hekk jipproteġu l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (101). Għaldaqstant, ir-regoli li jirregolaw l-aċċess għall-Qorti EDB u l-qrati tal-Unjoni jistgħu leġittimament ivarjaw.

181. Għaldaqstant, ma nsibx konvinċenti l-argumenti tal-appellanti li l-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta, abbażi tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li ssegwi l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet. Iż-żewġ proċeduri huma differenti, u l-Artikolu 52(3) tal-Karta, fi kwalunkwe każ, ma jittrattax l-aċċettazzjoni ta’ proċeduri taħt il-KEDB, iżda pjuttost jippreskrivi r-rispett, bħala minimu, tat-tifsira u l-ambitu tad-drittijiet sostantivi ggarantiti mill-KEDB. F’dan ir-rigward, is-sentenza fil-kawża KlimaSeniorinnen hija tabilħaqq, kif sostna l-Kunsill, appoġġjat mill-Polonja, l-Ungerija u l-Kummissjoni, irrilevanti biex jiġi ddeterminat jekk l-assoċjazzjonijiet appellanti għandhomx jingħataw locus standi.

182. Madankollu, il-loġika sottostanti li mmotivat lill-Qorti EDB biex tagħti locus standi lil assoċjazzjonijiet f’kawżi dwar il-klima tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu interpretati l-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE biex tingħata risposta għad-domanda dwar meta assoċjazzjoni jkollha locus standi f’isimha proprju.

183. Anki jekk din is-sentenza tiġi interpretata bħala li fetħet l-aċċess għall-assoċjazzjonijiet għall-Qorti EDB, fl-istess ħin, kif ġie nnutat mill-kummentarji (102), għamlet dan l-aċċess iktar diffiċli għall-individwi. Il-mod kif nara s-sentenza fil-kawża KlimaSeniorinnen huwa li l-Qorti EDB fil-fatt stabbilixxiet standards għoljin ħafna għal-locus standi individwali biex jikkontestaw il-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-klima, immotivata mill-fatt li kull individwu huwa vittma potenzjali tat-tibdil fil-klima, li altrimenti huwa biżżejjed biex jiġi stabbilit l-istatus ta’ vittma u, konsegwentement, il-locus standi quddiem il-Qorti EDB. Dan tal-aħħar tabilħaqq jippermetti lil kwalunkwe individwu jibda proċeduri quddiem il-Qorti EDB. Madankollu, dan fih innifsu ma jkunx kuntrarju għal-loġika tal-actio popularis, peress li individwi bħal dawn jiddefendu d-drittijiet tagħhom proprji filwaqt li fl-istess ħin jiddefendu l-interessi ġenerali. Għal din ir-raġuni, jidher li l-Qorti EDB żiedet kundizzjonijiet għall-istatus potenzjali ta’ vittma billi talbet prova ta’ livell u severità partikolari tar-riskju ta’ konsegwenzi negattivi, li jiddistingwi individwu minn kwalunkwe persuna oħra (103). F’ċertu sens, il-Qorti EDB għalhekk introduċiet rekwiżit simili għall-interess individwali fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’pass ulterjuri, u sabiex ma tagħlaqx l-aċċess għall-Qorti EDB għalkollox, dik il-Qorti wessgħet l-aċċess għal assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-istess interessi kollettivi, u sseparat id-dritt tagħhom li jressqu l-azzjoni mil-locus standi tal-individwi li d-drittijiet tagħhom jiddefendu (104).

184. F’dan is-sens, ir-raġuni għall-ftuħ tal-aċċess tal-assoċjazzjonijiet għall-Qorti EDB tista’ tkun rilevanti biex tindirizza r-raġunijiet li jimmilitaw favur il-permess tal-aċċess tal-assoċjazzjonijiet li jipproteġu interessi kollettivi għall-qrati tal-Unjoni f’sitwazzjoni fejn individwu, minħabba l-livell għoli stabbilit mir-rekwiżit ta’ interess individwali, ma jistax jaċċessa l-qrati tal-Unjoni biex jiddefendi interessi kollettivi, anki jekk fl-istess ħin ikunu ta’ interess dirett għal dak l-individwu.

185. F’dan ir-rigward, il-kritika tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża UPA (105), li skontha l-interess individwali kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta f’sitwazzjonijiet fejn iktar ma jkun importanti li tiġi riżolta l-illegalità potenzjali ta’ miżura tal-Unjoni (peress li l-ħsara tista’ tkun ikbar), inqas ikun hemm ċans li s-suġġetti affettwati minn tali miżura jkollhom locus standi biex jikkontestawha, tibqa’, fil-fehma tiegħi, valida. Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx il-proposta tiegħu li tbiddel l-interpretazzjoni tagħha tar-rekwiżit ta’ interess individwali (106), il-fatt li l-assoċjazzjonijiet jingħataw aċċess għall-qrati tal-Unjoni f’isimhom proprju jista’ jikkumpensa għal din il-konsegwenza illoġika tal-interpretazzjoni attwali tar-rekwiżiti tal-locus standi, mingħajr il-ħtieġa li tinbidel dik l-interpretazzjoni.

6.      X’inhuma l‑interessi proprji tal‑assoċjazzjonijiet?

186. Id-diskussjoni preċedenti turi li jista’ jkun hemm raġunijiet biex wieħed jinterpreta l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-qrati tal-Unjoni minn assoċjazzjonijiet biex jipproteġu l-interessi tagħhom proprji b’mod li huwa differenti mill-interpretazzjoni ta’ dawk l-istess kundizzjonijiet meta applikati għall-membri tagħhom.

187. Għalhekk huwa neċessarju li wieħed jagħraf x’inhuma l-interessi proprji ta’ assoċjazzjoni u kif għandu jiġi interpretat l-interess dirett u individwali f’dan id-dawl.

188. Fil-kawża Carvalho (107), l-assoċjazzjoni Sáminuorra argumentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li hija kellha tingħata locus standi għaliex introduċiet “azzjoni ta’ kollettiv li jiddefendi ġid kollettiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, peress li dan l-argument tressaq għall-ewwel darba f’appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx tikkunsidrah. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma weġbitx jekk “ġid kollettiv” huwiex dak li jinftiehem bħala “interess proprju” ta’ assoċjazzjoni.

189. Fil-prinċipju, l-assoċjazzjonijiet jeżistu sabiex jiddefendu xi interess kollettiv, jiġifieri, interess li huwa komuni għal grupp ikbar ta’ suġġetti individwali (108). Dan l-interess jista’ jkun ta’ tipi differenti: pereżempju, interessi kummerċjali (ħafna drabi ttrattati f’kawżi quddiem il-qrati tal-Unjoni), interessi ta’ parteċipanti differenti fis-suq (bħal min iħaddem u impjegati), jew interessi ta’ professjoni partikolari (bħal tobba, ħaddiema tal-kostruzzjoni, u sewwieqa professjonali, eċċ.). L-interessi ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet jikkorrispondu għall-interessi tal-membri tagħhom. L-assoċjazzjonijiet li jiddefendu dawn l-interessi kollettivi lanqas biss kienu jiġu stabbiliti kieku ma kienx għall-membri tagħhom.

190.  Jistgħu jeżistu wkoll assoċjazzjonijiet biex jiddefendu l-interessi li jifhmu bħala interessi tas-soċjetà ġenerali. Dawn jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet ikkonċernati b’elezzjonijiet demokratiċi, id-difiża ta’ ċerti drittijiet tal-bniedem, bħall-ugwaljanza jew id-dritt tal-espressjoni, jew dawk li jipproteġu l-ambjent jew ċerti aspetti tiegħu, bħall-bijodiversità jew it-tibdil fil-klima. Dawn l-assoċjazzjonijiet ikollhom raġuni biex jeżistu anki jekk ma kellhomx membri. L-erba’ assoċjazzjonijiet f’din il-kawża jistgħu jitqiegħdu f’dak il-grupp, peress li jipproteġu l-interess tas-soċjetà li jkun hemm sistemi ta’ ġustizzja indipendenti.

191. L-interessi protetti minn assoċjazzjonijiet li jappartjenu għal dak il-grupp, anki jekk jappartjenu wkoll lill-membri tagħhom, ma humiex sempliċement is-somma ta’ dawn l-interessi individwali. Huma jirrappreżentaw ukoll l-interessi proprji ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet, li jistgħu jiddeċiedu li jsegwuhom b’mod differenti mill-membri tagħhom. Fl-istess ħin, dawn l-interessi huma r-raġuni wara l-eżistenza tagħhom, u f’dan is-sens jiffurmaw l-identità tagħhom, li mhux biss tippermetti li assoċjazzjoni waħda tkun iddifferenzjata minn oħra, iżda tippermetti wkoll id-differenzjazzjoni tal-assoċjazzjoni mill-membri tagħha.

192. L-interessi proprji ta’ assoċjazzjoni jistgħu fil-prinċipju jiġu ddeterminati abbażi tal-istatut jew tal-att fundatur ieħor tagħha u l-attivitajiet passati ta’ dik l-assoċjazzjoni, li jistgħu jservu biex jippruvaw li teżisti ġenwinament biex issegwi ċertu tip ta’ interess (109).

193. Hemm ġurisprudenza li ċaħdet il-possibbiltà li assoċjazzjoni tista’ tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha fil-qrati tal-Unjoni jekk dawn il-membri nnifishom ma jkollhomx tali aċċess (110). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li assoċjazzjoni li tirrappreżenta kategorija ta’ persuni fiżiċi jew legali ma tistax tkun “[i]kkonċernata individwalment, fis-sens ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, minn att li jolqot l-interessi ġenerali ta’ din il-kategorija” (111). Il-Qorti tal-Ġustizzja dehret li beżgħet li l-għoti ta’ locus standi lil assoċjazzjoni, anki jekk il-membri tagħha ma jkollhomx dan, “jidderoga mis-sistema tat-Trattat” u “jirriżulta fl-iggruppament taħt l-intestatura ta’ persuna ġuridika waħda, tal-interessi debitament attribwiti lill-membri ta’ kategorija” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li, madankollu, ma humiex permessi li jressqu azzjonijiet diretti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’isimhom proprju (112). Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata għall-kategorija ta’ assoċjazzjonijiet li l-interessi tagħhom jikkorrispondu għas-somma tal-interessi tal-membri tagħha, u li, għal din ir-raġuni, ma għandhomx l-“interessi proprji” tagħhom x’jiddefendu.

194. Madankollu, jekk assoċjazzjoni jkollha interess li jkun iktar mis-somma tal-interessi tal-membri tagħha, sabiex tali interess ikun jista’ jiġi rrikonoxxut bħala interess tagħha proprju, is-sistema introdotta mit-Trattati ma tkunx evitata jekk l-assoċjazzjoni tkun tista’ tadixxi l-qrati tal-Unjoni f’isimha proprju biex tipproteġi l-interessi tagħha stess, anki jekk il-membri tagħha ma jkunux jistgħu jagħmlu dan.

195. L-assoċjazzjonijiet f’din il-kawża jipproteġu l-interessi tal-imħallfin, mhux bħala professjoni iżda bħala parti neċessarja ta’ soċjetà demokratika liberali li teħtieġ imħallfin indipendenti biex jiżguraw l-istat tad-dritt. Tali interessi huma, jew għandhom ikunu, l-interessi ta’ kull imħallef, iżda huma wkoll l-interessi taċ-ċittadini li huma partijiet fil-proċeduri ġudizzjarji, jew tal-kumpanniji jew atturi oħra tas-suq li jridu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fil-qrati. F’dan is-sens, l-interessi proprji tal-erba’ assoċjazzjonijiet appellanti jisbqu dawk tal-membri tagħhom. Huma interessi separati u individwali ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet. Huma r-raġuni għall-eżistenza tagħhom; fi kliem ieħor, huma l-identità tagħhom.

196. Nifhem il-ġurisprudenza li tirrikonoxxi li l-assoċjazzjonijiet jista’ jkollhom locus standi f’isimhom stess quddiem il-qrati tal-Unjoni fir-rigward tat-tip ta’ interessi li jiffurmaw l-“identità” ta’ tali assoċjazzjonijiet. Bl-istess mod, l-Avukat Ġenerali Emiliou reċentement argumenta li assoċjazzjoni għandha tingħata locus standi jekk “l-att ikkontestat jista’ jkollu impatt sinjifikattiv fuq [l-attività prinċipali tagħha], kif iddefinita fl-istatuti tagħha” (113).

197. Għalhekk, ir-rekwiżiti ta’ interess dirett u individwali fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu evalwati b’rabta mal-identità ta’ assoċjazzjoni. Tali evalwazzjoni teħtieġ li l-assoċjazzjoni titqies bħala separata mill-persuni li tirrappreżenta l-interessi kollettivi tagħhom.

 X’inhu interess dirett u x’inhu interess individwali ta’ assoċjazzjoni?

198. Fir-rigward tal-locus standi tal-assoċjazzjonijiet appellanti li jaġixxu f’isimhom proprju, ma huwiex ċar għal kollox jekk il-Qorti Ġenerali ċaħditx l-interess dirett tagħhom, l-interess individwali tagħhom, jew it-tnejn li huma (114).

199. Din il-konfużjoni taż-żewġ rekwiżiti ma għandhiex tiġi aċċettata. L-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE titlob li ż-żewġ rekwiżiti jingħataw tifsira differenti (115).

200. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprovdi għal interpretazzjoni separata tal-interess dirett u tal-interess individwali tal-assoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isimhom proprju.

201. Barra minn hekk, fl-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ rekwiżiti fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm f’moħħha l-għan li għalih it-Trattat FUE jippermetti aċċess dirett lill-individwi biex jikkontestaw miżuri tal-Unjoni fil-qrati tal-Unjoni, li ma huwiex biss il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom riżultanti mid-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll l-interess ġenerali li tinżamm il-legalità fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Unjoni. Dak l-aħħar għan tabilħaqq jidher li huwa r-raġuni għaliex assoċjazzjonijiet, bħal dawk f’din il-kawża, ifittxu li jippreżentaw rikorsi għal annullament quddiem il-qrati tal-Unjoni.

202. Minkejja dan, irrid nosserva li l-Artikolu 263 TFUE jaqsam ir-rikorrenti f’żewġ kategoriji prinċipali – rikorrenti pprivileġġati (skont it-tieni paragrafu) u rikorrenti mhux ipprivileġġati (skont ir-raba’ paragrafu). L-assoċjazzjonijiet kjarament ma humiex rikorrenti pprivileġġati, u jistgħu jressqu kawża biss taħt il-kundizzjonijiet imniżżla fir-raba’ paragrafu. Kif iddikjara l-Avukat Ġenerali Cosmas, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax toħloq it-tielet kategorija extra legem (116).

203. Dan ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrikonoxxi d-differenza fin-natura ta’ individwi jew kumpanniji, minn naħa, u assoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isimhom proprju, li jista’ jiġġustifika interpretazzjoni differenti tal-kunċetti ta’ interess dirett u individwali fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mingħajr ma twarrab dawn ir-rekwiżiti?

204. L-interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti fil-ġurisprudenza kienet konnessa mal-protezzjoni tal-interessi individwali tar-rikorrenti, normalment individwi jew kumpanniji. Madankollu, kif diġà ġie diskuss, l-interessi “individwali” ta’ assoċjazzjoni huma min-natura tagħhom kollettivi. Allura kif jistgħu jinftiehmu dawn il-kunċetti meta applikati għal “kollettiv li jiddefendi ġid kollettiv”?

205. Il-kwistjoni dwar jekk l-att ikkontestat jaffettwax l-interess ta’ assoċjazzjoni b’mod dirett (interess dirett) u d-distintività individwali ta’ assoċjazzjoni minn suġġetti oħra fir-rigward tal-oġġett tat-talba (interess individwali) ma tistax tiġi mwieġba ħlief billi jitqies l-interess tagħha proprju, li huwa kollettiv.

206. Fid-dawl ta’ dan, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-interess dirett ukoll abbażi ta’ żewġ kundizzjonijiet.

207. L-ewwel, hemm rekwiżit ta’ rabta diretta. Meta applikata għal individwi, rabta diretta, kif żviluppata fil-ġurisprudenza, teħtieġ li jintwera li l-att ikkontestat huwa sors dirett tal-bidla fil-pożizzjoni legali ta’ dak l-individwu. Madankollu, kieku din il-formula solitament applikata għal interess dirett tiġi applikata għal assoċjazzjonijiet bl-istess mod kif tiġi applikata għal rikorrenti individwali, l-assoċjazzjonijiet prattikament qatt ma jistgħu jkollhom locus standi ħlief biex jikkontestaw miżuri li jaffettwaw il-pożizzjoni legali tal-assoċjazzjonijiet bħala tali. Atti li jaffettwaw l-interessi kollettivi li jiddefendu ma jaffettwawx il-pożizzjoni legali tagħhom. Għalhekk, biex tkun possibbli l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-assoċjazzjonijiet biex jipproteġu l-interessi tagħhom proprji, il-kunċett ta’ interess dirett irid jiġi adattat għan-natura speċifika tagħhom li tipproteġi l-interessi kollettivi. Għalhekk, biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ rabta diretta fir-rigward ta’ assoċjazzjoni, it-test jista’ jkun jekk l-att ikkontestat huwiex sors dirett tal-effetti fuq l-interessi kollettivi li l-assoċjazzjoni tiddefendi.

208. Rigward it-tieni kundizzjoni, fir-rigward tal-individwi, l-att ikkontestat ma għandux iħalli xi diskrezzjoni lil destinatarju mistieden biex jimplimentah, jekk jeżisti tali intermedjarju.

209. F’dak li għandu x’jaqsam mal-interess individwali ta’ assoċjazzjoni, it-test jista’ jkun jekk l-interessi u l-attivitajiet ewlenin tagħha jiddistingwuha minn assoċjazzjonijiet oħra u mill-membri tagħha fir-rigward tal-miżura kkontestata. F’dak ir-rigward, ma jimpurtax li l-assoċjazzjoni inkwistjoni ma tkunx l-unika waħda li tipproteġi l-interessi kollettivi inkwistjoni; jeħtieġ biss li tkun identifikabbli permezz tal-interessi kollettivi li huma involuti f’każ partikolari.

210. Il-formula Plaumann (117) tirrikjedi li r-rikorrenti jkunu individwalizzati bl-istess mod bħad-destinatarju tal-att. Fir-rigward tal-interess kollettiv li huwa l-qalba tal-identità tagħhom, l-assoċjazzjonijiet innifishom ma jkunux “il-mira”, diretta jew inċidentali, ta’ leġiżlatur jew regolatur. Il-miżura li jikkontestaw dejjem tkun applikata “abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ liġi jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni” u assoċjazzjoni x’aktarx qatt ma tista’ tkun, bħal, pereżempju, azzjonist individwali, individwalment ikkonċernata “abbażi ta’ kriterji speċifiċi għall-membri ta’ dan il-grupp” (118).

211. Konsegwentement, jekk l-assoċjazzjonijiet għandhom ikollhom locus standi, għandu jsir possibbli għalihom li jkunu individwalizzati abbażi tal-interessi individwali tagħhom, li fil-fatt huma interessi kollettivi, u li huma affettwati minn sitwazzjonijiet determinati oġġettivament. Pereżempju, assoċjazzjoni tista’ tkun individwalment ikkonċernata minn stadji importanti relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja jekk teżisti sabiex tiddefendi l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja, iżda mhux jekk l-attivitajiet ewlenin tagħha huma l-protezzjoni tal-ambjent jew il-benesseri tal-annimali.

212. Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni ta’ interess dirett u individwali b’dan il-mod ma tbiddilx it-Trattati, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja sa issa għadha ma ċċaratx dawn il-kunċetti fir-rigward ta’ assoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isimhom proprju. Il-formulazzjoni tat-Trattati tħalli biżżejjed lok għal interpretazzjoni bħal din.

213. Huwa fuq din il-bażi li ser nevalwa, fit-taqsima li jmiss, jekk l-assoċjazzjonijiet appellanti għandhomx jitqiesu li għandhom interess dirett u individwali fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

VI.    Konsegwenzi

214. L-ewwel u t-tielet aggravju tal-appell huma fondati. Għaldaqstant, il-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet appellat għandu jiġi annullat.

215. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li tannulla deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha jew, meta l-istat tal-proċedura jippermetti dan, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża.

216. Fil-kawża preżenti, nikkunsidra li, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni, f’dan l-istadju tal-proċedura, li tiddeċiedi dwar il-merti tar-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali, għandha l-elementi neċessarji quddiemha biex tagħti deċiżjoni finali dwar l-ammissibbiltà tal-istess rikorsi (119).

A.      Locus standi tal‑assoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isem il‑membri tagħhom

217. Jekk assoċjazzjoni għandhiex locus standi biex tippreżenta rikors għal annullament quddiem il-qrati tal-Unjoni f’isem il-membri tagħha jiddependi fuq jekk il-membri kollha tagħha jew xi wħud minnhom humiex direttament u individwalment ikkonċernati u għalhekk jistgħux jippreżentaw ir-rikors huma stess.

218. Fil-kawża preżenti, it-talbiet tal-assoċjazzjonijiet appellanti jistgħu essenzjalment jinqasmu f’żewġ gruppi differenti, wieħed li jallega l-illegalità tal-istadji importanti F2G u F3G bħala kuntrarji għall-effetti li jirriżultaw mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja relatati mal-Awla Dixxiplinari, u l-ieħor dirett kontra l-istadju importanti F1G, li jallega l-insuffiċjenza ta’ dan l-istadju importanti biex jirrestawra l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi evalwat separatament il-locus standi ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet biex jippreżentaw kull wieħed minn dawk it-tipi ta’ talbiet.

219. Fir-rigward tat-talba għal annullament tal-istadji importanti F2G u F3G, bi tweġiba għall-ewwel aggravju, ikkonkludejt li l-imħallfin Pollakki affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari huma direttament ikkonċernati minn dawn l-istadji importanti. Għad irid jiġi evalwat jekk dawn l-imħallfin humiex ikkonċernati individwalment.

220. L-imħallfin Pollakki li kienu suġġetti għal sanzjonijiet dixxiplinarji kjarament jissodisfaw il-formula ta’ Plaumann (120). Huma jappartjenu għal ċirku ristrett li seta’ jiġi identifikat fiż-żmien meta ġew adottati l-istadji importanti F2G u F3G, u dawn l-istadji importanti tabilħaqq kienu mmirati lejn dawn l-imħallfin (121).

221. Peress li dan il-grupp ta’ membri huwa direttament u individwalment ikkonċernat mill-istadji importanti F2G u F3G, l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom huma wkoll intitolati li jressqu kawża fil-konfront ta’ dawn l-istadji importanti f’isimhom.

222. Mis-sottomissjonijiet fl-ewwel istanza jirriżulta li tlieta mill-erba’ assoċjazzjonijiet (kollha ħlief l-AEAJ (122)) għandhom bħala membri tagħhom imħallfin Pollakki affettwati minn deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari. Madankollu, anke jekk l-AEAJ ma jidhirx li għandha membri bħal dawn, skont il-ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-istess rikors waħdieni ppreżentat minn diversi rikorrenti, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra (123).

223. Fir-rigward tat-tieni aggravju, ikkonkludejt li l-imħallfin Pollakki li ma humiex affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari ma humiex direttament ikkonċernati mill-istadji importanti F2G u F3G. Għalhekk, l-assoċjazzjonijiet appellanti ma jistgħux jistabbilixxu l-locus standi bħala r-rappreżentanti tagħhom, u ma hemmx bżonn li jiġi evalwat l-interess individwali tagħhom, jew jekk id-deċiżjoni inkwistjoni tikkostitwixxix att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

224. Fir-rigward tat-talba relatata mal-insuffiċjenza tal-istadju importanti F1G, ikkonkludejt li l-imħallfin Pollakki kollha u l-imħallfin tal-Istati Membri l-oħra u taż-ŻEE ma humiex direttament ikkonċernati mill-insuffiċjenza ta’ dan l-istadju importanti. Għalhekk, l-assoċjazzjonijiet appellanti ma jistgħux jistabbilixxu l-locus standi bħala r-rappreżentanti tagħhom, u ma hemmx bżonn li jiġi evalwat l-interess individwali tagħhom, jew jekk id-deċiżjoni inkwistjoni tikkostitwixxix att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

225. Nikkonkludi li l-assoċjazzjonijiet appellanti għandhom locus standi f’isem il-membri tagħhom fir-rigward tal-istadji importanti F2G u F3G, iżda ma għandhomx locus standi fir-rigward tal-istadju importanti F1G.

B.      Locus standi tal‑assoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isimhom proprju

226. Għad irid jiġi stabbilit jekk l-assoċjazzjonijiet appellanti għandhomx locus standi f’isimhom proprju biex iressqu kawża bbażata fuq l-insuffiċjenza tal-istadju importanti F1G.

227. Kif ipproponejt fil-punti 205 sa 212 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-eżami tal-interess dirett u individwali ta’ assoċjazzjonijiet f’isimhom proprju għandu jqis jekk l-att ikkontestat huwiex konness mal-identità tal-assoċjazzjoni, mifhuma bħala l-interess kollettiv tagħha.

228. L-assoċjazzjonijiet appellanti għandhom bħala l-attività ewlenija tagħhom id-difiża tal-interess kollettiv rigward l-indipendenza tal-ġudikatura u l-istat tad-dritt, inkluż fil-Polonja (124).

229. Biex jinstab interess dirett, l-att ikkontestat irid ikun sors dirett tal-effetti fuq l-interessi kollettivi li l-assoċjazzjoni tiddefendi, u ma għandux iħalli xi diskrezzjoni lil destinatarju mistieden biex jimplimentah.

230. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, l-istadju importanti F1G huwa dwar it-tisħiħ tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati fil-Polonja. Dak huwa preċiżament l-interess kollettiv li huwa l-attività ewlenija tal-assoċjazzjonijiet appellanti. Għalhekk, dan l-istadju importanti huwa sors dirett tal-effetti fuq l-interess kollettiv tal-assoċjazzjonijiet appellanti.

231. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni għal interess dirett, ikkonkludejt fir-rigward tal-istadji importanti F2G u F3G li d-diskrezzjoni tal-Polonja li ma tapplikax dawn l-istadji importanti hija biss teoretika. Ma nara l-ebda raġuni għaliex dawn il-konklużjonijiet ma għandhomx japplikaw għall-istadju importanti F1G.

232. Barra minn hekk, irrid nistaqsi lili nnifsi jekk huwiex rilevanti għal deċiżjoni dwar l-issodisfar ta’ interess dirett li l-għan primarju tal-istadji importanti tas-sistema ġudizzjarja huwa li tissalvagwardja l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi teħtieġ livell suffiċjenti ta' funzjonament ta’ ġudikatura indipendenti biex tiggarantixxi l-infiq korrett tal-fondi mogħtija permezz tar-RRF. Fi kliem ieħor, huwa rilevanti li l-għan tagħhom ma huwiex ġeneralment li jirrestawraw l-indipendenza ġudizzjarja fil-Polonja sabiex iwasslu għal osservanza tal-valur tal-istat tad-dritt u l-Artikolu 19(1) TUE fil-Polonja?

233. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-istadji importanti jiġu adottati sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jista’ jkun rilevanti għad-deċiżjoni li għandha tittieħed fuq il-merti (125), iżda ma huwiex rilevanti biex jiġi stabbilit l-interess dirett tal-assoċjazzjonijiet appellanti, li għalihom huwa biżżejjed li tinstab rabta diretta bejn il-kontenut tal-istadji importanti u l-interessi kollettivi tagħhom.

234. Fir-rigward tal-interess individwali, l-assoċjazzjonijiet appellanti jissodisfaw ukoll dan ir-rekwiżit. L-interessi ewlenin tagħhom jiddistingwu lil dawn l-assoċjazzjonijiet, fir-rigward tal-istadju importanti F1G, minn assoċjazzjonijiet oħra, inklużi dawk li għandhom bħala interess ewlieni tagħhom id-difiża tal-istat tad-dritt b’mod ġenerali, iżda ma humiex ikkonċernati speċifikament bil-Polonja.

235. Għalhekk jiena tal-fehma li l-assoċjazzjonijiet appellanti huma direttament u individwalment ikkonċernati għall-finijiet li jressqu kawża biex jikkontestaw l-istadju importanti F1G abbażi tal-fatt li ma huwiex biżżejjed biex jirrestawra l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja.

236. Abbażi ta’ dak li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-azzjonijiet tal-assoċjazzjonijiet appellanti huma ammissibbli u tirrinvija l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni dwar il-merti.

VII. Spejjeż

237. Peress li, skont l-analiżi tiegħi, il-kawża għandha tiġi rrinvijata lill-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni dwar il-merti, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati, skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li japplika għall-proċeduri ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli.

VIII. Konklużjoni

238. Fid-dawl ta’ dan kollu, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tiddikjara l-ewwel u t-tielet aggravju fondati;

–        tannulla d-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2024, Medel et vs Il‑Kunsill (T‑530/22 sa T‑533/22, EU:T:2024:363);

–        tiddikjara li dawn ir-rikorsi għal annullament huma ammissibbli;

–        tirrinvija l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni dwar il-merti;

–        tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU 2021, L 57, p. 17, rettifiki fil-ĠU 2021, L 410, p. 197 u fil-ĠU 2023, L 137, p. 70).


3      Għal iktar informazzjoni, ara s-sit tal-Kummissjoni Ewropea, disponibbli fuq: https://reforms-investments.ec.europa.eu/recovery-and-resilience-facility-1_en.


4      Għal ħarsa ġenerali lejn il-kuntest istituzzjonali u legali tiegħu, ara de Witte, B., “The European Union’s COVID-19 recovery Plan: The legal engineering of an economic policy shift”, Common Market Law Review, 2021, vol. 58, p. 635.


5      Ta’ min jinnota li, minħabba s-sitwazzjoni ġeopolitika kurrenti, strumenti ta’ finanzjament ġodda jistgħu jintużaw ukoll fil-qafas pluriennali li ġej tal‑2028‑2034. F’dan ir-rigward, intlaħaq ftehim fil-Kunsill biex jinġabru sa EUR 150 biljun fis-swieq kapitali taħt l-Istrument ta’ Azzjoni ta’ Sigurtà għall-Ewropa (SAFE) biex jiżdied l-investiment għad-difiża mill-Istati Membri. Ara, f’dan ir-rigward, https://defence-industry-space.ec.europa.eu/eu-defence-industry/safe-security-action-europe_en.


6      Ara l-Artikolu 24(1) u l-premessa 53 tar-Regolament RRF.


7      Huwa previst li jitħallsu sa EUR 338 biljun bħala għotjiet u sa EUR 385.8 biljun f’self.


8      Ara l-Artikolu 4(2) u l-premessa 30 tar-Regolament RRF.


9      Ara, pereżempju, Rubio, E. et, “The tools for protecting the EU budget from breaches of the rule of law: the Conditionality Regulation in context”, European Parliament Policy Department for Budgetary Affairs, Directorate-General for Internal Policies, April 2023, p. 50; Zeitlin, J., Bokhorst, D. u Eihmanis, E., “National recovery and resilience plans”, f’Fabbrini, F. u Petit, C.A. (edituri), Research Handbook on Post-Pandemic EU Economic Governance and NGEU Law, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2024, p. 144.


10      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 51 u 52 tar-Regolament RRF.


11      Kif iddefinit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament RRF, l-istadji importanti u l-miri huma “miżuri ta’ progress lejn il-kisba ta’ riforma jew investiment, bl-istadji importanti jkunu kisbiet kwalitattivi u l-miri jkunu kisbiet kwantitattivi”.


12      Ara, pereżempju, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: Sentejn wara – Strument uniku fil-qalba tat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-UE, COM(2023) 99 finali, 21 ta’ Frar 2023.


13      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2021:974, punti 96 sa 115), li tiddiskuti l-mekkaniżmi ta’ kundizzjonalità finanzjarja fid-dritt tal-Unjoni. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni (C‑225/24, EU:C:2026:88, b’mod partikolari l-punti 5 sa 29).


14      Ara, pereżempju, Viţă, V., “Revisiting the Dominant Discourse on Conditionality in the EU: The Case of EU Spending Conditionality”, Cambridge Yearbook of European Legal Studies, 2017, Vol. 19, p. 116.


15      Ara l-Artikolu 18 u l-premessa 39 tar-Regolament RRF.


16      Ara l-Artikolu 18(4)(b) u l-premessa 32 tar-Regolament RRF. Is-Semestru Ewropew jifforma parti mill-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżerċizzju annwali li jikkoordina l-politiki ekonomiċi u soċjali tal-Unjoni Ewropea, fejn l-Istati Membri jallinjaw il-politiki baġitarji u ekonomiċi tagħhom mal-objettivi u r-regoli miftiehma fil-livell tal-Unjoni.


17      Ara l-Artikolu 18(4)(i) u (p) tar-Regolament RRF.


18      Ara l-Artikolu 19(3) u l-premessa 41 ta’, u l-Anness V għar-Regolament RRF.


19      Ara l-Artikolu 19(1) tar-Regolament RRF.


20      Enfasi miżjuda.


21      Ara l-Artikolu 22(1) u l-premessa 54 tar-Regolament RRF.


22      Ara l-Artikolu 20(1) u (7) u l-premessa 45 tar-Regolament RRF.


23      Ara l-Artikolu 24(2) tar-Regolament RRF.


24      Ara l-Artikolu 24(4) tar-Regolament RRF.


25      Ara l-Artikolu 24(5) tar-Regolament RRF.


26      Sospensjoni bħal din tista’ titneħħa biss fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun ħa l-miżuri meħtieġa biex jiżgura t-twettiq sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. Ara l-Artikolu 24(6) u l-premessi 52 u 53 tar-Regolament RRF.


27      Skont il-paġna tal-pajjiż għall-Polonja fuq is-sit tal-Kummissjoni, disponibbli fuq: https://reforms-investments.ec.europa.eu/polands-recovery-and-resilience-plan_mt, hemm link għar-RRP tal-Polonja ddatat Ġunju 2022. Skont dokument tal-Kummissjoni, ir-RRP tal-Polonja kien fih total ta’ 49 riforma u 53 proġett ta’ investiment, b’283 stadju importanti u mira. Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Analiżi tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja li jakkumpanja l-proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja, SWD(2022) 161 final, 1 ta’ Ġunju 2022, p. 61.


28      Ara COM(2022) 268 final, 1 ta’ Ġunju 2022.


29      Ara d-dokument tal-Kunsill 9728/22 tal‑14 ta’ Ġunju 2022. Din id-deċiżjoni ġiet emendata sussegwentement bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat‑8 ta’ Diċembru 2023, li ma biddlitx l-istadji importanti F1G, F2G u F3G. Ara d-dokument tal-Kunsill 15835/1/23 REV 1 tas‑7 ta’ Diċembru 2023 u, għall-Anness, id-dokument tal-Kunsill 15835/23 ADD 1 tal‑24 ta’ Novembru 2023. Ma jidhirx li hemm verżjonijiet finali adottati fis‑17 ta’ Ġunju 2022 u t‑8 ta’ Diċembru 2023 li huma disponibbli pubblikament.


30      Ara l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni inkwistjoni.


31      Ara l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni inkwistjoni.


32      Ara l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni. It-tielet paragrafu tiegħu jagħmilha ċara li r-rilaxx tal-pagamenti parzjali huwa kundizzjonali fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni li l-Polonja wettqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-RRP.


33      Ara l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni.


34      Ara l-premessi 2, 9 u 19 tad-deċiżjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż lill-Polonja fl‑2020, fost affarijiet oħra, biex ittejjeb il-klima tal-investiment, b’mod partikolari billi tissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja. Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Polonja tal‑2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Polonja tal‑2020 (ĠU 2020, C 282, p. 135), punt 4. Dan il-punt ġie ripetut f’rakkomandazzjonijiet sussegwenti tal-Kunsill, bħal dik maħruġa fit‑12 ta’ Lulju 2022 (ĠU 2022, C 334, p. 171), punt 5.


35      Ara d-dokument tal-Kunsill 9728/22 ADD 1 tat‑13 ta’ Ġunju 2022, Taqsima 1, komponent F, p. 195. Ma jidhirx li hemm verżjoni finali adottata fis‑17 ta’ Ġunju 2022 li hija disponibbli pubblikament.


36      Ara l-Kummissjoni, Valutazzjoni preliminari pożittiva tat-twettiq sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri relatati mal-ewwel talba għal ħlas ippreżentata mill-Polonja fil‑15 ta’ Diċembru 2023, trażmessa lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju mill-Kummissjoni Ewropea, 29 ta’ Frar 2024, p. 79 sa 96.


37      Din il-liġi daħlet fis-seħħ fil‑15 ta’ Lulju 2022.


38      Ara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ April 2024 dwar l-awtorizzazzjoni tal-ħruġ tal-ewwel pagament ta’ appoġġ mhux rimborsabbli u l-ewwel pagament tal-appoġġ ta’ self għall-Polonja, C(2024) 2369, 5 ta’ April 2024, premessi 27 u 28.


39      Ara l-Kummissjoni, Valutazzjoni preliminari pożittiva tat-twettiq sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri relatati mat-tielet talba għal pagament ippreżentata mill-Polonja fis‑27 ta’ Diċembru 2024, trażmessa lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju mill-Kummissjoni Ewropea, 29 ta’ Ottubru 2025, p. 66 sa 68. Il-Kummissjoni indikat li, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Polonja, tnedew seba’ każijiet ta’ eżami mill-ġdid, ħamsa minnhom kienu ġew deċiżi, wieħed ingħalaq u wieħed kien għadu ma ġiex deċiż minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati.


40      Ara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Novembru 2025 dwar l-awtorizzazzjoni tal-ħruġ tar-raba’ u l-ħames pagamenti tal-appoġġ mhux rimborsabbli u r-raba’ u l-ħames pagamenti tal-appoġġ ta’ self għall-Polonja, C(2025) 7998 final, 19 ta’ Novembru 2025, premessa 33.


41      Dawn ir-rikorsi talbu l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni fl-intier tagħha minħabba li l-istadji importanti tas-sistema ġudizzjarja ma kinux separabbli minn din id-deċiżjoni, u invokat ħames motivi li jallegaw: (1) nuqqas ta’ kunsiderazzjoni suffiċjenti għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u ksur tal-Artikoli 2 u 13(2) TFUE u/jew nuqqas ta’ kompetenza; (2) ksur tal-Artikolu 2 TUE u l-Artikolu 19(1) TUE, interpretati skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”); (3) ineffettività tal-kontrolli fl-assenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva; (4) żball ta’ liġi/żball manifest ta’ valutazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament RRF; u (5) nuqqas ta’ motivazzjoni.


42      Wieħed mill-membri tal-bord ta’ Medel huwa wkoll imħallef Pollakk suġġett għal proċedimenti dixxiplinarji.


43      F’dan ir-rigward, huma għamlu riferiment, b’mod partikolari, għas-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982); tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema Dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596); tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798); u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442).


44      T‑530/22 sa T‑533/22, EU:T:2024:363.


45      Il-Qorti Ġenerali ħadet id-deċiżjoni li l-kawżi jinqatgħu permezz ta’ proċedura mħaffa fid‑19 ta’ Diċembru 2022.


46      Il-Kunsill kien ressaq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, iżda permezz ta’ digriet tal‑31 ta’ Marzu 2023, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tirriżerva s-sentenza tagħha dwar din l-eċċezzjoni għad-deċiżjoni finali. Ara l-punt 35 tad-digriet appellat.


47      Filwaqt li bbażat ruħha fuq id-digriet tagħha tat‑8 ta’ Mejju 2019, Carvalho et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑330/18, EU:T:2019:324, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 54 sa 57 tad-digriet appellat, li r-rikorrenti setgħu jinvokaw il-locus standi tagħhom biex iressqu proċeduri fit-tieni tip ta’ sitwazzjoni minkejja l-fatt li tlieta mir-rikorrenti kienu assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw imħallfin fuq livell internazzjonali li l-membri tagħhom kienu, bħala regola ġenerali, assoċjazzjonijiet professjonali nazzjonali, inklużi assoċjazzjonijiet Pollakki ta’ mħallfin, u li r-raba’ rikorrent kien fondazzjoni u ma kellux membri, iżda kien qed jaġixxi f’isem imħallfin u kien qiegħed jiddefendi l-interessi tagħhom. Abbażi ta’ dan, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien neċessarju li teżamina l-locus standi tal-imħallfin li kienu membri tal-assoċjazzjonijiet, li min-naħa tagħhom kienu membri tar-rikorrenti. Peress li dawn il-punti tad-digriet appellat ma ġewx ikkontestati fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma iniex ser neżaminahom iżjed.


49      Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Frar 2015, Medel et vs Il‑Kunsill (C‑555/24 P, EU:C:2025:73).


50      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Ir‑Renju tal‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 56); tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni (C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punti 87 u 88); u tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Euranimi vs Il‑Kummissjoni (C‑252/23 P, EU:C:2024:538, punt 31); konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawżi magħquda Ir‑Renju tal‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:89, punt 153).


51      L-appellanti xi kultant jagħmlu riferiment biss għall-istadju importanti F1G, u xi kultant għat-tliet stadji importanti kollha meħuda flimkien, bħala insuffiċjenti. Din l-istqarrija, essenzjalment, hija dwar l-insuffiċjenza tal-istadji importanti tas-sistema ġudizzjarja biex il-Polonja tirrestawra l-indipendenza ġudizzjarja f’dan l-Istat Membru b’mod adegwat. Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, nagħmel riferiment għal din l-istqarrija bħala relatata mal-istadju importanti F1G.


52      Ara l-punt 62 tad-digriet appellat.


53      Reċentement, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2026, WhatsApp Ireland vs EDPB (C‑97/23 P, EU:C:2026:81, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, “Nord Stream 2”, EU:C:2022:548, punt 105), u tal‑10 ta’ Frar 2026, WhatsApp Ireland vs EDPB (C‑97/23 P, EU:C:2026:81, punt 98).


55      Il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għall-punti 63 u 75 tas-sentenza fil-kawża Nord Stream 2 f’dan ir-rigward.


56      Sentenza tal‑10 ta’ Frar 2026, WhatsApp Ireland vs EDPB (C‑97/23 P, EU:C:2026:81, punt 97).


57      Punt 86 tad-digriet appellat.


58      Ara l-punt 87 tad-digriet appellat.


59      Punt 89 tad-digriet appellat.


60      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


61      Huwa probabbli li l-Qorti Ġenerali ma dehrilhiex li kien meħtieġ li tivvaluta t-tieni kundizzjoni għal interess dirett, peress li kkonstatat li l-ewwel kundizzjoni ma kinitx issodisfatta. Madankollu, diversi dikjarazzjonijiet dwar in-natura tal-finanzjament tar-RRF jissuġġerixxu li l-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li l-Polonja ma kinitx obbligata tintroduċi proċeduri ta’ stħarriġ. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 72 tad-digriet appellat, fejn il-Qorti Ġenerali spjegat li l-istadji importanti huma limitati għall-proċess ta’ rilaxx ta’ fondi, u l-punt 74 tiegħu, fejn ikkonstatat li l-istadji importanti huma ta’ natura ta’ kundizzjonalità baġitarja, li jimplika li l-Polonja hija marbuta bihom biss jekk tixtieq tikseb finanzjament mir-RRF.


62      Is-sentenza fil-kawża Nord Stream 2 (punt 95).


63      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2026, WhatsApp Ireland vs EDPB (C‑97/23 P, EU:C:2026:81, punt 101).


64      F’dan ir-rigward, il-Kunsill u l-Kummissjoni argumentaw li l-prattika tal-implimentazzjoni tar-RRF hija tali li mhux l-Istati Membri kollha ssottomettew talbiet għal ħlas taħt din il-faċilità. Madankollu, dan jista’ jiġi spjegat b’raġunijiet differenti. Pereżempju, jista’ jkun li ma ssodisfawx xi wħud mill-istadji importanti jew li speċjalment fejn jidħol self, iktar milli għotjiet, taħt ir-RRF, dawn l-Istati ġew offruti kundizzjonijiet aħjar fis-suq.


65      Fir-rigward ta’ tqabbil possibbli tal-kundizzjonalità baġitarja fl-Unjoni Ewropea ma’ strumenti użati f’sistemi federali oħra, speċjalment l-Istati Uniti u l-Kanada, ara, pereżempju, Viță, V., “The Rise of Spending Conditionality in the EU: What Can EU Learn from the U.S. Conditional Spending Doctrine and Policies?”, Dokument ta’ Riċerka tad-Dipartiment tal-Liġi tal-EUI Nru 2017/16; Baraggia, A., La Condizionalità come Strumento di Governo negli Stati Compositi: Una Comparazione tra Stati Uniti, Canada e Unione Europea, G. Giappichelli Editore, Torino, 2023.


66      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1998, Compagnie Continentale (France) vs Il‑Kummissjoni (C‑391/96 P, EU:C:1998:194, punt 42), u tal‑10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Ente per le Ville vesuviane u Ente per le Ville vesuviane vs Il‑Kummissjoni (C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punt 46); u s-sentenza fil-kawża Nord Stream 2, punt 44 (enfasi miżjuda).


67      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 1971 (62/70, EU:C:1971:108, punti 6 sa 8).


68      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1985 (11/82, EU:C:1985:18, punti 7 sa 10).


69      Għal eżempju ieħor, ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni (C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punti 44 sa 54).


70      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Ente per le Ville vesuviane u Ente per le Ville vesuviane vs Il‑Kummissjoni (C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punti 58 sa 60), u tal‑4 ta’ Diċembru 2019, PGNiG Supply & Trading vs Il‑Kummissjoni (C‑117/18 P, EU:C:2019:1042, punt 50).


71      Kif ġie nnutat fil-letteratura, l-awtur tar-RRP ma huwiex ċar għal kollox. Ara, pereżempju, Dawson, M., “Europe’s expanding coordination space”, European Law Open, 2024, vol. 3, p. 746, b’mod partikolari p. 759; Dermine, P., “The planning method: An inquiry into the constitutional ramifications of a new EU governance technique”, Common Market Law Review, 2024, Vol. 61, p. 959, b’mod partikolari p. 978 sa 982.


72      F’dan ir-rigward, huwa possibbli wkoll li ssir analoġija mal-ġurisprudenza fil-kuntest ta’ proċeduri kumplessi, b’mod partikolari mas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs SRB (C‑551/22 P, EU:C:2024:520, b’mod partikolari l-punti 83 sa 88), u l-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑551/22 P, EU:C:2023:846, b’mod partikolari l-punti 33 sa 71), anki jekk dik il-kawża ttrattat il-kunċett ta’ att li jista’ jiġi kkontestat u mhux interess dirett. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat f’dik is-sentenza li, fil-qafas tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni fil-kuntest tal-unjoni bankarja, l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tirrifletti l-qbil tagħha dwar il-kontenut u l-forma tagħha, għalhekk kienet id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni, u mhux dik tas-SRB, li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni hija definittivament iffissata u għalhekk tipproduċi effetti legali vinkolanti.


73      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Dutheillet de Lamothe fil-kawża Bock vs Il‑Kummissjoni (62/70, EU:C:1971:95, 1971 ECR 911, b’mod partikolari p. 915).


74      Ara l-punt 82 tad-digriet appellat.


75      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Lípidos Santiga vs Il‑Kummissjoni (C‑402/20 P, EU:C:2021:872, punt 45).


76      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 63 u 64 tar-rikors ippreżentat minn Medel fl-ewwel istanza. Fil-parti ta’ dan ir-rikors li tesponi l-motivi invokati, u b’mod partikolari l-punti 169 u 190 tiegħu, l-appellanti indikaw numru ta’ nuqqasijiet mingħajr, madankollu, ma speċifikaw liema rekwiżiti konkreti l-istadju importanti F1G għandu jimponi fuq il-Polonja.


77      Qorti EDB, 9 ta’ April 2024, Verein KlimaSeniorinnen Schweiz et vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2024:0409JUD005360020; iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża KlimaSeniorinnen”).


78      Fir-rigward tal-ewwel sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għall-ewwel darba fis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il‑Kummissjoni (191/82, EU:C:1983:259, punti 28 u 29) li assoċjazzjoni, f’dak il-każ assoċjazzjoni kummerċjali, għandha locus standi abbażi ta’ drittijiet proċedurali mogħtija mid-dritt sekondarju tal-Unjoni; ara wkoll, pereżempju, id-digriet tat‑8 ta’ Diċembru 2006, Polyelectrolyte Producers Group vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑368/05 P, EU:C:2006:771, punt 58). Fir-rigward tat-tieni sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat f’għadd ta’ kawżi li assoċjazzjoni għandha locus standi jekk il-membri li tirrappreżenta jkollhom locus standi. Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 39), u tal‑21 ta’ Settembru 2023, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni (C‑478/21 P, EU:C:2023:685, punti 80 sa 86). Fir-rigward tat-tielet sitwazzjoni, l-ewwel kawża fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-locus standi ta’ assoċjazzjoni minħabba li l-pożizzjoni tagħha fin-negozjar kienet affettwata kien fis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punti 21 sa 24); ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111, punti 29 u 30).


79      Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali relatati ma’ dawn it-tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet ivarjaw, bħal dikjarazzjonijiet li r-rikorsi għal annullament minn assoċjazzjonijiet huma ammissibbli f’“tal-inqas tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet” (ara, pereżempju, id-digriet tat‑30 ta’ Settembru 1997, Federolio vs Il‑Kummissjoni (T‑122/96, EU:T:1997:142, punt 61)), jew fi “tliet sitwazzjonijiet definiti sew” (ara, pereżempju, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Molinos Río de la Plata et vs Il‑Kunsill (T‑112/14 sa T‑116/14 u T‑119/14, EU:T:2016:509, punt 33)). Ara, f’dan ir-rigward, Bruno, W., “Strategic Litigation before the CJEU: A Procedural Law Approach”, teżi tad-dottorat, l-Università tal-Lussemburgu, 2026, p. 334.


80      Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill (C‑50/00 P, iktar ’il quddiem “UPA”, EU:C:2002:462, punt 8), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Carvalho et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑565/19 P, iktar ’il quddiem “Carvalho”, EU:C:2021:252, punt 85).


81      Fil-punti 42 sa 45 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ewwel sitwazzjoni ma kinitx rilevanti f’dan il-każ.


82      Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punti 21 sa 24), u tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111, punti 29 u 30).


83      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑23 ta’ Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il‑Kummissjoni (C‑106/98 P, EU:C:2000:277, punt 45); tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punti 87 u 92); u tas‑26 ta’ Settembru 2024, ATPN vs Il‑Kummissjoni (C‑340/23 P, EU:C:2024:806, punt 40), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ż-żewġ kawżi fejn irrikonoxxiet il-pożizzjoni ta’ negozjar ta’ assoċjazzjoni kienu jikkonċernaw sitwazzjonijiet partikolari fejn ir-rikorrent kien jokkupa pożizzjoni ċarament limitata bħala negozjatur li kienet marbuta mill-qrib mas-suġġett attwali tad-deċiżjoni, u b’hekk poġġietu f’sitwazzjoni fattwali li tiddistingwih mill-persuni l-oħra kollha.


84      Fis-seduta, il-Kummissjoni esprimiet ukoll il-fehma tagħha li l-pożizzjoni ta’ negozjar li qiegħda tiġi affettwata hija biss eżempju tat-tielet sitwazzjoni, li jfisser li t-tielet sitwazzjoni tista’ tiżviluppa u jista’ jkun hemm eżempji oħra.


85      Dan kien ċar sa mis-sentenza tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23); ara, iktar reċentement, pereżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, L-Italja u Comune di Milano vs Il‑Kunsill (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini) (C‑59/18 u C‑182/18, EU:C:2022:567, punt 59).


86      Ara “UPA” (punti 40 sa 42), u s-sentenza tal‑1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Jégo-Quéré (C‑263/02 P, EU:C:2004:210, punti 30 sa 32).


87      Ara, f’dan ir-rigward, UPA (punt 44). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal‑1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Jégo-Quéré (C‑263/02 P, EU:C:2004:210, punt 36), u “Carvalho” (punti 69 u 78).


88      Skont l-istatistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl‑2022, meta din il-kawża nbdiet quddiem il-Qorti Ġenerali, il-qrati Pollakki għamlu 39 rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fl‑2023, dan in-numru żdied għal 48 u kien 47 fl‑2024. Ara l-Istatistika dwar l-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja -2022, p. 5; l-Istatistika dwar l-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja - 2023, p. 11; u l-Istatistika dwar l-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja - 2024, p. 10, disponibbli fuq https://curia.europa.eu/site/jcms/d2_5146/mt/il-qorti-tal-ġustizzja.


89      Jekk ikunu preżenti fallimenti serji u persistenti fl-iżgurar tal-indipendenza tal-ġudikatura, dan ikun jiġġustifika l-bidu tal-proċedura tal-Artikolu 7(1) TUE, proċedura li twaqqfet fir-rigward tal-Polonja fid‑29 ta’ Mejju 2024, meta l-Kummissjoni rtirat il-proposta motivata tagħha.


90      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 45); tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Venezwela vs Il‑Kunsill (jekk Stat terz huwiex affettwat) (C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punti 48 sa 50); u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑778/21 P u C‑798/21 P, EU:C:2024:833, punt 117).


91      L-Avukat Ġenerali Bobek esprima b’mod elokwenti pożizzjoni bħal din fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża SatCen vs KF (C‑14/19 P, EU:C:2020:220, punt 69), fejn iddikjara: “Fi kliem sempliċi, l-Artikolu 47 tal-Karta ma jippermettix li l-Qorti tal-Ġustizzja tikteb mill-ġdid it-Trattati, iżda jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet eżistenti sabiex huma jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom bl-għan li jipprovdu protezzjoni ġudizzjarja lil kull persuna milquta minn atti ta’ istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni”. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda KS u KD vs Il‑Kunsill et u Il‑Kummissjoni v KS u KD (C‑29/22 P u C‑44/22 P, EU:C:2023:901, punt 100).


92      Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni Nru 23 tal-Kunsill Konsultattiv tal-Imħallfin Ewropej (CCJE) dwar ir-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin fl-appoġġ tal-indipendenza ġudizzjarja, 6 ta’ Novembru 2020.


93      Ara, pereżempju, Bojarski, L., “Civil Society Organizations for and with the Courts and Judges – Struggle for the Rule of Law and Judicial Independence: The Case of Poland 1976-2020”, German Law Journal, 2021, vol. 22, p. 1344; Grabowska-Moroz, B. u Śniadach, O., “The Role of Civil Society in Protecting Judicial Independence in Times of Rule of Law Backsliding in Poland”, Utrecht Law Review, 2021, Vol. 17, p. 56.


94      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2024, Asociația ‘Forumul Judecătorilor din România’ (Assoċjazzjonijiet tal-imħallfin) (C‑53/23, EU:C:2024:388, b’mod partikolari l-punti 43, 44, 60 u 64).


95      Madankollu, irrid nosserva li, jekk assoċjazzjonijiet bħal dawn ma jitħallewx iressqu ċerti tipi ta’ kawżi kemm quddiem il-qrati nazzjonali kif ukoll quddiem il-qrati tal-Unjoni, dan jista’ jirriżulta fi ksur tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.


96      Enfasi miżjuda.


97      Il-Parlament tabilħaqq ippreżenta rikors għal annullament fil-konfront tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ qafas finanzjarju differenti, għalkemm fil-konfront ta’ deċiżjoni li kkonstatat li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ fondi kienu ssodisfatti. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni (C‑225/24, EU:C:2026:88), li bħalissa tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


98      Ninnota li f’din il-kawża, l-ebda Stat Membru ma intervjena insostenn tal-appellanti.


99      Ara, f’dan ir-rigward, il-Qorti EDB, 30 ta’ Jannar 2025, Cannavacciuolo et vs L‑Italja (CE:ECHR:2025:0130JUD005156714, punti 220 sa 222) (li ddeċidiet li l-assoċjazzjonijiet ma kellhomx locus standi f’kawża li tinvolvi fenomenu ta’ tniġġis ikkawżat minn rimi illegali ta’ skart, peress li s-sentenza fil-kawża KlimaSeniorinnen kienet limitata għat-tibdil fil-klima u ma kien hemm l-ebda kunsiderazzjoni speċjali li nqalgħet f’dawk il-proċeduri).


100      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2025, BĊE u Il‑Kummissjoni vs Corneli (C‑777/22 P u C‑789/22 P, EU:C:2025:580, punt 73) (filwaqt li kkunsidrat li ċerta ġurisprudenza tal-Qorti EDB li kienet relatata mal-kriterji biex wieħed jibbaża ruħu fuq l-istatus ta’ vittma skont l-Artikolu 34 KEDB kienet “irrilevanti” għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent f’dawk il-proċeduri kienx direttament ikkonċernat mid-deċiżjonijiet inkwistjoni).


101      Dwar id-differenza bejn il-kunċetti ta’ protezzjoni tad-drittijiet suġġettivi u l-ordinament ġuridiku oġġettiv, speċjalment fid-dritt amministrattiv Ġermaniż, ara Hohnerlein, J., “Who is afraid of actio popularis?: On Separating Rights and Remedies in the ECtHR’s Climate Judgment”, Verfassungsblog, 26 ta’ April 2024.


102      Ara, pereżempju, Letsas, G., “The European Court’s Legitimacy After KlimaSeniorinnen”, European Convention on Human Rights Law Review, 2024, Vol. 5, p. 444, b’mod partikolari p. 448 sa 453; Rocha, A. u Fragoso Martins, P., “Standing for the environment? Locus standi of associations before the ECtHR and the CJEU”, European Human Rights Law Review, 2025, vol. 5, p. 591, b’mod partikolari p. 593 u 594. Ara wkoll Eckes, C., “Strategic Climate Litigation before National Courts: Can European Union Law Be Used As A Shield?”, German Law Journal, 2024, Vol. 25, p. 1022.


103      Ara s-sentenza fil-kawża KlimaSeniorinnen (punti 486 sa 488).


104      B’dan il-mod, il-Qorti EDB bagħtet ukoll il-messaġġ li ma tikkunsidrax li d-deċiżjoni dwar l-(in)adegwatezza tal-leġiżlazzjoni dwar il-klima ma għandhiex tkun kwistjoni għall-qrati. Hija organizzat mill-ġdid biss kif kwistjonijiet bħal dawn jistgħu jitressqu quddiemha. Il-kwistjoni sa liema punt l-imħallfin setgħu fil-fatt jagħmlu liġi dwar il-klima b’mod leġittimu, madankollu, ma ġietx riżolta b’dik is-sentenza, iżda pjuttost l-oppost; wasslet għal iktar mistoqsijiet f’dan ir-rigward. Ara, pereżempju, Kingston, S., “A Story Part Told: The Role of Courts in Climate Governance”, Yearbook of International Environmental Law, 2025, Vol. 35, p. 1.


105      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:197, punt 59).


106      Ara UPA (b’mod partikolari l-punti 45 u 46).


107      Ara Carvalho (punt 91).


108      Huwa possibbli li wieħed isostni li xi assoċjazzjonijiet jiddefendu interessi ġenerali, jiġifieri, interessi li huma komuni għall-popolazzjoni kollha. Madankollu, noqgħod lura milli nsejjaħ xi interessi interessi ġenerali, għax anki xi interessi li ġeneralment jitqiesu bħala ġenerali, bħal ambjent nadif jew it-treġġigħ lura tat-tibdil fil-klima, mhux dejjem huma kondiviżi minn kulħadd, speċjalment mhux minn kumpanniji li l-opportunitajiet ta’ negozju tagħhom jistgħu jkunu ristretti minn dawn l-objettivi. Għalhekk, nippreferi nitkellem dwar interessi kollettivi, minkejja n-numru ta’ suġġetti individwali li jaqsmuhom.


109      Fis-sentenza fil-kawża KlimaSeniorinnen, il-Qorti EDB elaborat ċerti fatturi li jiddeterminaw il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet f’dak il-kuntest, jiġifieri li l-assoċjazzjoni trid tkun: (1) stabbilita legalment fil-ġurisdizzjoni kkonċernata jew ikollha locus standi biex taġixxi hemmhekk; (2) kapaċi turi li ssegwi għan dedikat fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem tal-membri tagħha jew ta’ individwi oħra affettwati fil-ġurisdizzjoni kkonċernata, kemm jekk limitat għal jew inkluż azzjoni kollettiva għall-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet kontra t-theddid li jirriżulta mit-tibdil fil-klima; u (3) ġenwinament kwalifikata u rappreżentattiva biex taġixxi f’isem membri jew individwi oħra affettwati fil-ġurisdizzjoni li huma suġġetti għal theddid speċifiku jew effetti negattivi tat-tibdil fil-klima kif protett mill-KEDB. Ara KlimaSeniorinnen (punt 502). Għal applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, ara l-Qorti EDB, 28 ta’ Ottubru 2025, Greenpeace Nordic et vs In‑Norveġja (CE:ECHR:2025:1028JUD003406821, punti 308 sa 312).


110      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1962, Confédération nationale des producteurs de fruits et légumes et vs Il‑Kunsill (16/62 u 17/62, EU:C:1962:47, 1962 ECR 471, b’mod partikolari p. 479); tal‑14 ta’ Diċembru 1962, Fédération nationale de la boucherie en gros u du commerce en gros des viandes et vs Il‑Kunsill (19/62 sa 22/62, EU:C:1962:48, 1962 ECR 491, b’mod partikolari p. 499); tat‑18 ta’ Marzu 1975, Union syndicale - Service public européen et vs Il‑Kunsill (72/74, EU:C:1975:43, punt 17); u tat‑2 ta’ April 1998, Greenpeace Council et vs Il‑Kummissjoni (C‑321/95 P, EU:C:1998:153, punt 14).


111      Sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1962, Confédération nationale des producteurs de fruits and et légumes et vs Il‑Kunsill (16/62 u 17/62, EU:C:1962:47, 1962 ECR 471, b’mod partikolari p. 479); tal‑14 ta’ Diċembru 1962, Fédération nationale de la boucherie en gros et du commerce en gros des viandes et vs Il‑Kunsill (19/62 sa 22/62, EU:C:1962:48, 1962 ECR 491, b’mod partikolari p. 499).


112      Sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1962, Confédération nationale des producteurs de fruits et légumes et vs Il‑Kunsill (16/62 u 17/62, EU:C:1962:47, 1962 ECR 471, b’mod partikolari p. 480); tal‑14 ta’ Diċembru 1962, Fédération nationale de la boucherie en gros et du commerce en gros des viandes et vs Il‑Kunsill (19/62 sa 22/62, EU:C:1962:48, 1962 ECR 491, b’mod partikolari p. 499).


113      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża Nicoventures Trading et vs Il‑Kummissjoni (C‑731/23 P, EU:C:2025:435, punt 120).


114      Ara l-punt 51 tad-digriet appellat.


115      Għalhekk, fil-kawża Jégo-Quéré, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-interpretazzjoni tal-interess individwali adottata mill-Qorti Ġenerali tneħħi kull sinjifikat minn dan ir-rekwiżit previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (dak iż-żmien l-Artikolu 230 KE). Ara s-sentenza tal‑1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Jégo-Quéré (C‑263/02 P, EU:C:2004:210, punt 38).


116      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Greenpeace Council et vs Il‑Kummissjoni (C‑321/95 P, EU:C:1997:421, punt 118).


117      Kif sostniet b’mod konsistenti l-Qorti tal-Ġustizzja, hija ġurisprudenza stabbilita li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment biss, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jekk din id-deċiżjoni li jintalab l-annullament tagħha taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom bl-istess mod bħalma huwa individwalizzat d-destinatarju. Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, 1963 ECR 95, b’mod partikolari p. 107), li ġiet ikkonfermata f’ħafna okkażjonijiet, l-iktar reċentement, fis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Nicoventures Trading et vs Il‑Kummissjoni (C‑731/23 P, EU:C:2025:982, punt 57).


118      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2025, ECB u Il‑Kummissjoni vs Corneli (C‑777/22 P u C‑789/22 P, EU:C:2025:580, punti 75 u 76).


119      Fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ammissibbiltà tar-rikorsi kienet is-suġġett ta’ skambju bil-miktub bejn il-partijiet, inkluż l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill, ir-risposta tar-rikorrenti għal dik l-eċċezzjoni, mistoqsijiet bil-miktub li saru lir-rikorrenti mill-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Ġunju 2023, dikjarazzjonijiet ta’ intervent ippreżentati mill-Polonja, l-Ungerija u l-Kummissjoni, kif ukoll it-tweġibiet tar-rikorrenti għal dawn id-dikjarazzjonijiet.


120      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


121      Ara, f’dan ir-rigward, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Nicoventures Trading et vs Il‑Kummissjoni (C‑731/23 P, EU:C:2025:982, punti 59 u 60).


122      Ara, b’mod partikolari, il-punti 44 sa 48 u 53 tar-rikors ippreżentat mill-AEAJ fl-ewwel istanza, kif ukoll it-tweġibiet tar-rikorrenti għall-mistoqsijiet 3 u 4 mill-Qorti Ġenerali ppreżentati fis‑16 ta’ Jannar 2023.


123      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111, punt 31), u tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato ‘Venezia vuole vivere’ et vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 36 u 37); ara wkoll is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni (T‑151/05, EU:T:2009:144, punti 45 sa 48).


124      Ara l-punti 39 sa 42, 190 u 195 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


125      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, sabiex jiġi osservat il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, il-kundizzjonalità tal-istat tad-dritt tista’ tiġi imposta biss jekk tkun direttament u suffiċjentement ikkonċernata mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 144 u 145), u tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑157/21, EU:C:2022:98, punti 162 u 163).