KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fl‑4 ta’ Mejju 2023 ( 1 )

Kawża C‑206/22

TF

vs

Sparkasse Südpfalz

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Arbeitsgericht Ludwigshafen am Rhein (il‑Qorti Industrijali ta’ Ludwigshafen, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88 KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali mħallas – Tqegħid ta’ ħaddiem taħt kwarantina minħabba li kien espost għall-virus SARS‑Cov‑2 – Tqegħid taħt kwarantina li jikkoinċidi ma’ perijodu ta’ leave mħallas – Posponiment tal-leave annwali mħallas”

I. Introduzzjoni

1.

L-okkorrenza tal-pandemija tas-SARS‑Cov‑2 ġiegħlet lill-Istati Membri jadottaw, spiss b’urġenza, miżuri tas-saħħa intiżi li jiġġieldu kontra t-tixtrid tal-virus. Dawn il-miżuri ma kinux mingħajr riperkussjonijiet soċjali u l-leġiżlaturi nazzjonali għamlu dak kollu li setgħu sabiex jillimitaw il-portata tagħhom billi impenjaw ruħhom sabiex jirrikonċiljaw iż-żamma tal-attività ekonomika tal-impriżi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema ( 2 ).

2.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja hija adita mill-Arbeitsgericht Ludwigshafen am Rhein (il-Qorti Industrijali ta’ Ludwigshafen, il-Ġermanja) b’talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 KE ( 3 ) u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

3.

B’mod iktar speċifiku, il-kawża odjerna tqajjem il-kwistjoni dwar jekk leave annwali mħallas miksub minn ħaddiem, li jikkoinċidi ma’ perijodu ta’ tqegħid taħt kwarantina ordnat minn awtorità pubblika minħabba kuntatt ta’ dan il-ħaddiem ma’ persuna infettata mill-virus SARS‑Cov‑2, għandux jiġi pospost għal perijodu differenti minn dak li ġie stabbilit inizjalment ( 4 ).

4.

Din id-domanda li qatt ma tqajmet qabel tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li telabora l-ġurisprudenza li hija żviluppat fil-qasam tal-posponiment tal-leave annwali mħallas u li tispeċifika s-sens u l-portata tad-dritt ta’ ħaddiem li effettivament jibbenefika minn dan il-leave.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

5.

Skont l-Artikolu 31 tal-Karta:

“1.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

2.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas.”

6.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li jinsab fil-Kapitolu II intitolat “Perjodi minimi ta’ serħan – Aspetti oħrajn ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

B.   Id‑dritt Ġermaniż

7.

Skont l-Artikolu 1 tal-Bundesurlaubsgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Leave), tat‑8 ta’ Jannar 1963 (BGBl. 1963, p. 2, iktar ’il quddiem il-“BUrlG”):

“Kull ħaddiem għandu dritt f’kull sena kalendarja għal-leave ta’ mistrieħ imħallas.”

8.

L-Artikolu 7(3) tal-BUrlG jipprovdi:

“Il-leave għandu jingħata u jittieħed fis-sena kalendarja pendenti. Il-posponiment tal-leave għas-sena kalendarja suċċessiva huwa permess biss jekk ikun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi li jikkonċernaw l-impriża jew raġunijiet li jikkonċernaw lill-persuna tal-ħaddiem. F’każ ta’ posponiment, il-leave għandu jingħata u jittieħed matul l-ewwel tliet xhur tas-sena kalendarja suċċessiva. […]”

9.

L-Artikolu 9 tal-BUrlG jipprovdi:

“Meta ħaddiem jimrad matul il-leave tiegħu, il-jiem tal-inkapaċità għax-xogħol iġġustifikati minn ċertifikat mediku ma jinqatgħux mil-leave annwali.”

10.

L-Artikolu 28(1) tal-Gesetz zur Verhütung und Bekämpfung von Infektionskrankheiten beim Menschen (Infektionsschutzgesetz) (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll ta’ Mard Infettiv fil-Bniedem) jipprovdi:

“Jekk jinstabu persuni li huma morda, li huma f’riskju li jimirdu, li huma f’riskju li jiġu infettati jew li qegħdin iġorru virus […], l-awtorità kompetenti għandha tadotta l-miżuri neċessarji ta’ prevenzjoni […] sa fejn u għall-perijodu neċessarju sabiex jiġi ostakolat it-tixrid ta’ mard li jittieħed; l-awtorità kompetenti tista’ b’mod partikolari tipprojbixxi lil persuni milli jitilqu mill-post li jkunu jinsabu fih jew tawtorizzahom jitilqu minnu biss taħt ċerti kundizzjonijiet, jew inkella tipprojbixxihom milli jidħlu f’postijiet speċifiċi jew postijiet pubbliċi jew inkella tawtorizzahom jidħlu biss taħt ċerti kundizzjonijiet. […]”

III. Il‑fatti li taw lok għall‑kawża, il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

11.

TF, impjegat ta’ Sparkasse Südpfalz sa mill‑2003, kiseb leave annwali mħallas għall-perijodu ta’ bejn it‑3 u l‑11 ta’ Diċembru 2020.

12.

Fit‑2 ta’ Diċembru 2020, il-Kreisverwaltung Germersheim (l-Amministrazzjoni tad-Distrett ta’ Germersheim, il-Ġermanja) ordnat, konformement mal-Artikolu 28 tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll ta’ Mard Infettiv fil-Bniedem, it-tqegħid taħt kwarantina ta’ TF għall-perijodu ta’ bejn it‑2 u l‑11 ta’ Diċembru 2020 peress li dan tal-aħħar kien, fuq il-post tax-xogħol tiegħu, f’kuntatt ma’ persuna infettata bil-virus SARS‑Cov‑2. Matul dan il-perijodu, TF kien obbligat jibqa’ fil-post fejn jgħix u, b’mod partikolari, fil-kamra tas-sodda u fil-kamra tal-banju.

13.

Fl‑4 ta’ Marzu 2021, TF talab il-posponiment tal-leave annwali mħallas li jikkorrispondi għall-perijodu ta’ kwarantina li kien issuġġettat għalih. Billi Sparkasse Südpfalz irrifjutat li tilqa’ din it-talba, dan l-impjegat ippreżenta rikors quddiem l-Arbeitsgericht Ludwigshafen am Rhein (il-Qorti Industrijali ta’ Ludwigshafen, il-Ġermanja).

14.

Din il-qorti tirrileva li, fl-opinjoni tal-maġġoranza tal-qrati Ġermaniżi, il-ħaddiem, f’sitwazzjoni bħal dik ineżami, ma għandux dritt li ma jinqatalux mil-leave annwali mħallas dak il-perijodu ta’ kwarantina impost mill-Istat.

15.

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tfakkar li l-Artikolu 1 tal-BUrlG għandu bħala l-għan esklużiv tiegħu d-dispensa mix-xogħol u l-ħlas tal-allowance tal-leave, b’tali mod li l-avvenimenti kollha li jfixklu, li jseħħu wara, jaqgħu taħt l-isfera ta’ riskji tal-ħaddiem li huma inerenti għall-ħajja personali tiegħu. Hija tenfasizza li d-dritt Ġermaniż jipprovdi għal eċċezzjoni għal dan il-prinċipju meta l-ħaddiem isib ruħu f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità għax-xogħol iġġustifikata minn ċertifikat mediku matul il-perijodu ta’ leave approvat. Madankollu, il-qrati Ġermaniżi jqisu li tali deroga ma hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ kwarantina ordnata minn awtorità pubblika meta l-ħaddiem ma jkunx milqut minn inkapaċità għax-xogħol.

16.

Filwaqt li tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din is-soluzzjoni mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, l-Arbeitsgericht Ludwigshafen am Rhein (il-Qorti Industrijali ta’ Ludwigshafen, il-Ġermanja) iddeċidiet, fis‑17 ta’ Marzu 2022, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/88] u d-dritt għal-leave annwali mħallas stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali dwar l-għoti ta’ leave ta’ mistrieħ lill-ħaddiema li jipprovdu li d-dritt għal-leave jiġi eżawrit ukoll meta, matul leave approvat, il-ħaddiem ikun milqut minn avveniment mhux previst, bħal, f’dan il-każ, kwarantina imposta mill-Istat u, minħabba dan il-fatt, ikun prekluż milli jeżerċita dan id-dritt b’mod sħiħ?”

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

17.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Finlandiż u mill-Kummissjoni Ewropea.

V. Analiżi ġuridika

A.   Fuq l‑ammissibbiltà

18.

Sparkasse Südpfalz tikkontesta l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari peress li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna b’mod ġenerali, u mingħajr ma tagħmel distinzjoni, il-konsegwenzi ta’ avveniment mhux previst fuq l-eżawriment tad-dritt għal leave annwali mħallas. Hija tqis li, sa fejn tmur lil hinn mill-kuntest tal-koinċidenza bejn perijodu ta’ leave annwali mħallas u perijodu ta’ kwarantina impost mill-awtorità pubblika, din il-kwistjoni hija ta’ natura ipotetika u, kemm il-darba ma tiġix ifformulata mill-ġdid b’mod iktar preċiż, għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

19.

Dwar dan il-punt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja mistennija, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari, sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja.

20.

Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 5 ).

21.

F’dan il-każ, it-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda d-dritt ta’ ħaddiem li jikseb il-posponiment għal data sussegwenti ta’ leave annwali mħallas li jikkoinċidi ma’ perijodu ta’ tqegħid taħt kwarantina impost minn awtorità pubblika. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju indikat b’mod ċar li, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tax-xogħol Ġermaniż, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi, hija jista’ jkollha tiċħad ir-rikors ippreżentat minn TF sakemm l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu tali ċaħda.

22.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju esponiet, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, mhux biss ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn l-artikoli, iżda wkoll dawk li fuq il-bażi tagħhom jidhrilha li din l-interpretazzjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-ilment dedott min-natura ipotetika tad-domanda preliminari għandu jiġi injorat.

23.

Konsegwentement, id-domanda preliminari hija ammissibbli.

B.   Fuq il‑mertu

24.

Permezz tad-domanda unika tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tkun taf jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu legiżlazzjoni jew prattiki nazzjonali li skonthom leave annwali mħallas approvat favur ħaddiem, li jikkoinċidi ma’ perijodu ta’ kwarantina impost mill-Istat, jitqies li ġie eżawrit, b’tali mod li dan il-leave ma jistax jiġi pospost għal perijodu differenti minn dak stabbilit inizjalment.

25.

Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ntalbet teżamina s-sitwazzjoni li fiha leave tal-mard jikkoinċidi ma’ perijodu ta’ leave annwali mħallas approvat minn qabel ( 6 ). Madankollu, id-domanda odjerna qiegħda ssir f’kuntest differenti peress li, fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu, ħaddiem kien espost għall-virus SARS‑Cov‑2 u, mingħajr ma tpoġġa fuq leave tal-mard, kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ iżolament preventiv li t-tul tiegħu jikkorrispondi għall-perijodu ta’ leave mħallas tiegħu.

26.

Għaldaqstant, lil hinn mid-disparità ta’ dawn is-sitwazzjonijiet, jidhirli li huwa neċessarju li tiġi analizzata l-ġurisprudenza marbuta mar-relazzjoni bejn il-leave annwali mħallas u l-leave tal-mard. Fil-fatt, fid-dawl tar-raġunament u tal-kriterji adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja, tqum il-kwistjoni dwar jekk din il-ġurisprudenza tistax tiġi trasposta għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

27.

Madankollu, jekk, kif nipproponi jiena, din it-traspożizzjoni kellha tirriżulta li la hija possibbli u lanqas mixtieqa, jidhirli li din ir-risposta waħidha ma tkunx suffiċjenti sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk, b’mod iktar fundamentali, il-konsegwenzi ta’ miżura ta’ iżolament fuq l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment tal-leave mħallas humiex waħedhom suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-posponiment ta’ dan il-leave għal perijodu sussegwenti bil-għan li l-ħaddiem ikun permess li jibbenefika minnu b’mod effettiv. Issa, tali mistoqsija timplika li jiġi speċifikat x’inhuwa kopert, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, mill-benefiċċju effettiv tal-leave imħallas.

1. Fuq it‑traspożizzjoni tal‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja marbuta mar‑relazzjoni bejn il‑leave annwali mħallas u l‑leave tal‑mard

28.

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, kull ħaddiem għandu jibbenefika minn dritt għal-leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat, konformement mal-kundizzjonijiet tal-intitolament u tal-għoti ta’ leave previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew prattiki nazzjonali.

29.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-dritt għandu jitqies bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari, li l-implimentazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandha sseħħ biss fil-limiti espressament iddikjarati mid-Direttiva 2003/88 innifisha ( 7 ). Barra minn hekk, id-dritt għal-leave annwali jikkostitwixxi “prinċipju essenzjali u imperattiv tad-dritt soċjali tal-Unjoni” ( 8 ), espressament sanċit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta ( 9 ). Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva għad-detriment tad-drittijiet li l-ħaddiem jikseb minnha ( 10 ).

30.

L-iskopijiet tad-Direttiva 2003/88 huma marbuta mad-dritt għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol iggarantit mill-Artikolu 31(1) tal-Karta. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont il-premessa 4 tagħha, din id-direttiva għandha bħala l-għan tagħha t-titjib tas-sigurtà, tal-iġjene u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol. Fir-rigward tal-premessa 5 tal-imsemmija direttiva, din tispeċifika li l-ħaddiema għandu jkollhom perijodi ta’ mistrieħ suffiċjenti. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 1 tal-istess direttiva jipprovdi li din tal-aħħar tistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fir-rigward, b’mod partikolari, tal-perijodi minimi ta’ leave annwali ( 11 ).

31.

Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li d-dritt għal-leave annwali għandu żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, li ħaddiem ikun jista’ jistrieħ mit-twettiq tal-kompiti li huwa għandu obbligu jwettaq skont il-kuntratt tax-xogħol tiegħu u, min-naħa l-oħra, li dan ikollu perijodu ta’ serħan u ta’ rikreazzjoni ( 12 ).

32.

Bil-għan li tiggarantixxi li jintlaħaq dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ sovrapożizzjoni bejn leave mħallas u leave approvat għal skop ieħor, twettaq analiżi komparattiva tal-iskop ta’ kull wieħed minnhom. Dan l-ipparagunar jippermetti li jiġi determinat jekk, fid-dawl tal-għan tiegħu, il-leave li jikkoinċidi ma’ perijodu ta’ leave annwali mħallas jostakolax il-benefiċċju effettiv ta’ dan tal-aħħar. Meta tali ostakolu jkun serju, is-sovrapożizzjoni taż-żewġ tipi ta’ leave neċessarjament timplika l-posponiment tal-leave annwali għal perijodu sussegwenti għal dak li jkun ġie stabbilit minn qabel.

33.

Għaldaqstant, sabiex tiddeċiedi li ħaddiema għandha tkun tista’ tibbenefika mil-leave annwali mħallas tagħha matul perijodu separat minn dak tal-leave tal-maternità tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-finalità tal-leave annwali mħallas hija differenti minn dik tal-leave tal-maternità, sa fejn dan tal-aħħar huwa intiż li jipprovdi, minn naħa, għall-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara matul it-tqala tagħha u wara tali tqala u, min-naħa l-oħra, għall-protezzjoni tar-relazzjonijiet partikolari bejn il-mara u l-wild tagħha matul il-perijodu ta’ wara t-tqala u l-ħlas ( 13 ).

34.

Filwaqt li segwiet l-istess loġika, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq id-diverġenza tal-iskopijiet segwiti mil-leave annwali mħallas u l-leave tal-mard, liema leave huwa intiż li jippermetti lill-ħaddiem jirkupra saħħtu wara l-mard, sabiex tiddeduċi li l-ħaddiem li jkun fuq leave tal-mard matul perijodu ta’ leave annwali stabbilit minn qabel għandu dritt li jieħu dan l-aħħar imsemmi leave f’perijodu ieħor differenti minn dak li jikkoinċidi mal-perijodu ta’ leave tal-mard ( 14 ).

35.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, bħal dawn tal-leave tal-mard, fejn il-ħaddiem ma jkunx kapaċi jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, id-dritt għal-leave annwali ma jistax jiġi ssubordinat minn Stat Membru għall-obbligu li jkun effettivament ħadem. Fil-fatt, id-dritt ta’ ħaddiem għal-leave annwali minimu, iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, ma jistax jitnaqqas f’sitwazzjoni kkaratterizzata mill-fatt li l-ħaddiem ma setax jonora l-obbligu tiegħu li jaħdem minħabba l-mard ( 15 ).

36.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn iċ-ċirkustanzi li fihom l-inkapaċità għax-xogħol għandha titqies bħala ekwivalenti għax-xogħol effettiv għandhom il-karatteristiċi essenzjali, minn naħa, li dawn iseħħu b’mod imprevedibbli u li jkunu indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem, u, min-naħa l-oħra, li jissuġġettaw lil dan tal-aħħar għal limitazzjonijiet fiżiċi jew psikiċi.

37.

Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-okkorrenza ta’ inkapaċità għax-xogħol dovuta għal mard hija, bħala prinċipju, imprevedibbli u indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem ( 16 ). B’raġunament analoġiku, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li bl-istess mod bħall-okkorrenza ta’ inkapaċità għax-xogħol minħabba mard, il-fatt li ħaddiem ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jaħdem minħabba tkeċċija li ġiet sussegwentement iddikjarata illegali huwa, bħala prinċipju, imprevedibbli u indipendenti mir-rieda ta’ dan il-ħaddiem ( 17 ). Għall-kuntrarju, it-teħid ta’ leave parentali għall-edukazzjoni ma huwiex ta’ natura imprevedibbli u fil-maġġoranza tal-każijiet jirriżulta mir-rieda tal-ħaddiem li jieħu ħsieb il-wild tiegħu ( 18 ).

38.

It-tieni kriterju marbut mal-eżistenza ta’ limitazzjonijiet fiżiċi jew psikiċi intuża b’mod negattiv mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, sa fejn il-ħaddiem fuq leave parentali ma jkunx suġġett għal limitazzjonijiet fiżiċi jew psikiċi kkawżati minn mard, dan ikun jinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik li tirriżulta minn inkapaċità għax-xogħol dovuta għall-istat ta’ saħħtu ( 19 ).

39.

Ġaladarba ntqal dan kollu, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistax tiġi applikata, mutatis mutandis, għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha ħaddiem, minħabba li kien espost għall-virus SARS‑Cov‑2, u, mingħajr madankollu ma tpoġġa fuq leave tal-mard, kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tqegħid taħt kwarantina li t-tul tagħha jikkorrispondi għall-perijodu ta’ leave mħallas approvat minn qabel.

40.

Fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti, tali traspożizzjoni ma tistax tiġi eskluża immedjatament. Minn naħa, il-finalità tal-leave annwali mħallas hija differenti minn dik tat-tqegħid taħt kwarantina, li huwa intiż li jipprevjeni t-tixrid ta’ mard li jittieħed. Min-naħa l-oħra, ma hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li, fil-maġġoranza tal-każijiet, tali miżura ta’ iżolament tikkostitwixxi ċirkustanza imprevedibbli u indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem.

41.

Madankollu, ma jidhirlix li r-raġunament analoġiku jista’ jiġi segwit lil hinn minn dan l-ewwel stadju. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata fuq il-premessa li matul il-perijodu inkwistjoni, l-okkorrenza ta’ mard poġġiet lill-ħaddiem fl-impossibbiltà li jeżegwixxi l-kompiti imposti fuqu bis-saħħa tal-kuntratt tax-xogħol. Fil-fatt, huwa proprju minħabba l-eżistenza simultanja ta’ inkapaċità għax-xogħol ikkawżata minn mard li l-ħaddiem jitqiegħed f’sitwazzjoni li ma tħallihx jistrieħ u jirrilassa, b’mod li l-leave annwali mħallas għandu jiġi pospost għal perijodu differenti minn dak inizjalment stabbilit. Fi kliem ieħor, l-okkorrenza ta’ inkapaċità għax-xogħol ma jistax ikollha l-effett li tpoġġi f’dubju d-dritt tal-ħaddiem li jibbenefika mill-perijodu minimu ta’ leave mħallas previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.

42.

Madankollu, it-tqegħid taħt kwarantina ma jimplikax awtomatikament li ħaddiem ikun jinsab f’sitwazzjoni li tipprekludih milli jeżegwixxi xogħol, sa fejn dan tal-aħħar jista’, skont iċ-ċirkustanzi, iwettaq l-attività professjonali tiegħu mill-post li fih ikun kostrett li jabita.

43.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li ssir distinzjoni bejn il-ħaddiema li jibqgħu adatti għax-xogħol u dawk li l-miżura ta’ kwarantina tipprekludihom milli jkomplu jeżegwixxu l-kompiti imposti fuqhom skont il-kuntratt tax-xogħol. F’dan it-tieni każ, il-ħaddiem għandu jkun jista’ jibbenefika minn posponiment tal-leave annwali tiegħu għal perijodu differenti minn dak inizjalment stabbilit.

44.

Madankollu, tali soluzzjoni hija milquta prinċipalment minn żewġ oġġezzjonijiet.

45.

Qabelxejn, jidhirli li huwa diffiċli li jitqies li l-impossibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħol marbuta ma’ tqegħid taħt kwarantina tista’ tiġi assimilata ma’ inkapaċità għax-xogħol fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-ħaddiem issuġġettat għal deċiżjoni ta’ iżolament ta’ natura preventiva ma huwiex suġġett għal limitazzjonijiet fiżiċi jew psikiċi simili għal dawk ikkawżati minn mard u, għaldaqstant, jinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik li tirriżulta minn inkapaċità għax-xogħol dovuta għall-istat ta’ saħħtu.

46.

Sussegwentement, l-evalwazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ inkapaċità għax-xogħol li tirriżulta mit-tqegħid taħt kwarantina tidher li hija partikolarment delikata, sa fejn timplika eżami in concreto ta’ kull sitwazzjoni bil-għan li jiġi ddeterminat jekk il-ħaddiem huwiex f’pożizzjoni li jeżegwixxi l-kompiti tiegħu mill-post tiegħu ta’ kwarantina. Din il-possibbiltà tiddependi minn diversi fatturi fosthom, b’mod partikolari, in-natura preċiża tal-kompiti fdati lill-ħaddiem ( 20 ), il-possibbiltajiet ta’ organizzazzjoni tal-post okkupat, l-attività u l-organizzazzjoni tal-persuna li timpjega kif ukoll il-modalitajiet tas-sistema ta’ iżolament. Issa, l-applikazzjoni simultanja ta’ dawn id-diversi fatturi tista’ twassal għal soluzzjonijiet li jvarjaw ħafna li jistgħu jiġu pperċepiti bħala mhux iġġustifikati u mhux ugwali, b’mod partikolari meta dawn ikunu jikkonċernaw sitwazzjonijiet li, a priori, setgħu jidhru simili ( 21 ). Barra minn hekk, tali soluzzjoni taffaċċja diffikultajiet prattiċi inkontestabbli għall-persuna li timpjega, li jkollha, f’terminu qasir, tevalwa jekk ħaddiem, li inizjalment ikun ħareġ b’leave imħallas, huwiex kapaċi jew le li jeżegwixxi l-kompiti tiegħu mill-post tal-kwarantina tiegħu u, f’każ ta’ risposta affermattiva, jadotta miżuri ta’ organizzazzjoni adattati għal dik is-sitwazzjoni ( 22 ).

47.

Minn dawn l-elementi niddeduċi li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi trasposta b’analoġija għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li, fuq din il-bażi waħedha, ħaddiem ma jistax jikseb il-posponiment ta’ leave annwali mħallas approvat għal perijodu li jikkoinċidi ma’ dak li matulu ħaddiem jitqiegħed taħt kwarantina minħabba kuntatt li kellu ma’ persuna infettata mill-virus SARS‑Cov‑2.

48.

Madankollu, fadal li jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tar-restrizzjonijiet li dan jinvolvi, it-tqegħid taħt kwarantina huwiex ta’ natura li jċaħħad ħaddiem mill-benefiċċju effettiv tad-dritt tiegħu għal leave annwali mħallas.

2. Fuq il‑preġudizzju għall‑benefiċċju effettiv tad‑dritt għal‑leave annwali mħallas

49.

Huwa inkontestabbli li r-restrizzjonijiet ikkawżati minn tqegħid taħt kwarantina jillimitaw b’mod sinjifikattiv l-attivitajiet personali li individwu jista’ jwettaq kif ukoll il-movimenti tiegħu. Minn dan jirriżulta li tali sitwazzjoni tista’ tnaqqas il-possibbiltajiet tal-ħaddiem “[li] jistrieħ jew jiddedika ħin għall-attivitajiet rikreattivi u ta’ pjaċir” ( 23 ). Issa, tali preġudizzju għall-iskop tad-dritt għal-leave annwali mħallas jista’, prima facie, ikun suffiċjenti sabiex jiġġustifika, f’każ ta’ koinċidenza ma’ perijodu ta’ tqegħid taħt kwarantina, il-posponiment ta’ dan il-leave sabiex il-ħaddiem ikun jista’ “jibbenefika effettivament [minnu]” ( 24 ).

50.

Madankollu, nikkunsidra li tali soluzzjoni hija bbażata fuq komprensjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “benefiċċju effettiv” tal-leave annwali mħallas li la huwa konformi mal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2003/88 u lanqas mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dwar dan il-punt, hemm lok li jiġi rrilevat li, bil-għan li jiġi żgurat l-għan marbut mal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, id-dritt għal-leave mħallas huwa ssubordinat għall-osservanza mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-persuna li timpjega ta’ obbligi maħsuba li jiżguraw l-effettività tiegħu.

51.

Fl-ewwel lok, fid-dawl tal-għan essenzjali segwit mid-Direttiva 2003/88, li huwa li tkun iggarantita protezzjoni effettiva tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema kif ukoll protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tagħhom, l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu li jkun żgurat b’mod integru l-effett utli ta’ dawn id-drittijiet, billi jippermettu lill-ħaddiema jibbenefikaw effettivament minn perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas previst minn din id-direttiva. Minn dan isegwi li l-metodi ddefiniti mill-Istati Membri sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/88 ma għandhomx ikunu ta’ natura li jxejnu s-sustanza tad-drittijiet sanċiti fl-Artikolu 31(2) tal-Karta u fl-Artikoli 7 ta’ din id-direttiva ( 25 ). F’dan il-kuntest, il-miżuri adottati mill-Istati Membri għandhom jippermettu lill-ħaddiem li jibbenefika minn dan il-perijodu ta’ leave fl-intier tiegħu u la jistgħu jaffettwaw jew jillimitaw il-protezzjoni minima ggarantita mill-imsemmija direttiva u lanqas jippreġudikaw dispożizzjonijiet oħrajn ta’ din tal-aħħar, il-koerenza tagħha jew l-għanijiet segwiti minnha ( 26 ).

52.

Fit-tieni lok, il-persuna li timpjega għandha tiżgura li l-ħaddiema jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal leave annwali mħallas ( 27 ). Matul dan il-ħin ta’ mistrieħ, il-ħaddiem ma għandu jkun suġġett, lejn min jimpjegah, għal ebda obbligu li jista’ jimpedixxih milli b’mod liberu u mingħajr interruzzjonijiet jaqdi l-interessi tiegħu sabiex jinnewtralizza l-effetti tax-xogħol fuq is-sigurtà u s-saħħa tiegħu ( 28 ).

53.

Fl-opinjoni tiegħi, minn dan kollu jirriżulta li l-benefiċċju effettiv tad-dritt għal leave annwali sanċit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta jimponi li, għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tiegħu, il-ħaddiem għandu jibbenefika mill-perijodu minimu ta’ leave mħallas previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u jgawdi, matul dan il-perijodu, mill-possibbiltà, sa fejn huwa liberu minn kull obbligu fir-rigward tal-persuna li timpjegah, li jistrieħ jew li jiddedika ruħu għal attivitajiet ta’ rikreazzjoni u ta’ divertiment.

54.

Għall-kuntrarju, lil hinn mill-osservanza neċessarja ta’ dawn ir-rekwiżiti, bl-ebda mod ma jirriżulta mit-testi ċċitati iktar ’il fuq u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiem segwit mid-Direttiva 2003/88 għandu jimplika li, matul il-perijodu ta’ leave mħallas li minnu dan tal-aħħar għandu jitpoġġa f’pożizzjoni li jibbenefika, dan il-leave jkun b’mod konkret ipprovdielu ħin ta’ rikreazzjoni, ta’ mistrieħ u ta’ divertiment. Fi kliem ieħor, id-dritt għall-benefiċċju effettiv mil-leave annwali mħallas ma jistax jitqies bħala li huwa ekwivalenti għal dritt għar-riżultat effettiv ta’ dan il-leave ( 29 ).

55.

Jidhirli li analiżi kuntrarja għal dik li qiegħed nissuġġerixxi tista’ tistabbilixxi kunċett partikolarment estensiv tad-dritt għal-leave annwali mħallas li skontu l-benefiċċju effettiv ta’ dan id-dritt jinkiseb biss fl-assenza tal-okkorrenza, matul il-perijodu ta’ leave mħallas, ta’ kull avveniment ( 30 ) li jfixkel l-organizzazzjoni tal-attivitajiet li l-ħaddiem kellu l-ħsieb li jwettaq matul il-ħin liberu tiegħu.

56.

Issa, b’differenza minn inkapaċità għax-xogħol, it-tqegħid taħt kwarantina ma jippreġudikax id-dritt li ħaddiem jibbenefika effettivament minn leave annwali mħallas, kif nipproponi li jiġi ddefinit, iżda jinċidi biss fuq il-kundizzjonijiet li fihom ħaddiem jista’ jqatta’ l-ħin liberu tiegħu.

57.

Barra minn dan, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ mistrieħ, ta’ rikreazzjoni u ta’ divertiment huwa estremament suġġettiv, b’tali mod li miżura ta’ kwarantina tista’ tibdel b’mod varjabbli ħafna l-perċezzjoni minn individwu tal-kwalità tal-leave mħallas tiegħu. Barra minn hekk, il-konsistenza u l-portata tar-restrizzjonijiet deċiżi mill-awtorità pubblika jista’ wkoll ikollhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-possibbiltajiet ta’ rilassament ta’ ħaddiem. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jirrendu partikolarment diffiċli kull tentattiv ta’ oġġettivizzazzjoni u ta’ kategorizzazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li fihom it-tqegħid taħt kwarantina jinċidi konkretament fuq il-kundizzjonijiet li fihom ħaddiem jibbenefika mil-leave annwali tiegħu.

58.

Xorta jibqa’ l-fatt li deċiżjoni ta’ iżolament tista’, skont iċ-ċirkustanzi, tnaqqas b’mod sinjifikattiv il-kwalità tal-leave annwali mħallas miksub minn ħaddiem. Madankollu, jidhirli li d-dritt għal-leave annwali mħallas kif sanċit mid-dritt tal-Unjoni ma jippermettix li jirregola din id-diffikultà. Għall-kuntrarju, lil hinn mill-protezzjoni minima ggarantita mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, il-leġiżlatur nazzjonali dejjem għandu l-fakultà li jadotta miżuri iktar favorevoli li jippermettu l-posponiment tal-jiem ta’ leave annwali mħallas għal perijodu sussegwenti. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, wara din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-leġiżlatur Ġermaniż introduċa fid-dritt nazzjonali tiegħu dispożizzjonijiet li jipprovdu li l-jiem ta’ iżolament ma għandhomx jitqiesu bħala jiem ta’ leave annwali mħallas ( 31 ).

59.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi kollha, nikkunsidra li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix il-posponiment ta’ leave annwali mħallas li jikkoinċidi ma’ perijodu ta’ tqegħid taħt kwarantina deċiż minn awtorità pubblika minħabba li ħaddiem kien espost għall-virus SARS‑Cov‑2.

VI. Konklużjoni

60.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li, għad-domanda preliminari magħmula mill-Arbeitsgericht Ludwigshafen am Rhein (il-Qorti Industrijali ta’ Ludwigshafen, il-Ġermanija), għandha tingħata risposta f’dan is-sens:

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni jew prattiki nazzjonali li skonthom leave annwali mħallas miksub minn ħaddiem, li jikkoinċidi ma’ perijodu ta’ tqegħid taħt kwarantina ordnat minn awtorità pubblika minħabba kuntatt ta’ dan il-ħaddiem ma’ persuna infettata minn virus, ma jistax jiġi pospost għal perijodu differenti minn dak stabbilit inizjalment.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Ara, dwar dan il-punt, Sachs T., Perulli A., Guamán A., Sanchez, J.M., Brockmann J., Pisarczyk L., u Fragale Filho, R., “Regards comparés sur le droit social à l’épreuve du Covid-19”, Revue de droit du travail, 2020, p. 273 et seq.

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

( 4 ) Jeħtieġ li jiġi rrilevat li fil-kawża I (C‑749/22, attwalment sospiża), il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) għamlet domanda preliminari li tittratta l-istess problema.

( 5 ) Sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Towarzystwo Ubezpieczeń Ż (Kuntratti standard qarrieqa tal-assigurazzjoni) (C‑208/21, EU:C:2023:64, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 7 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus (C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et (C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 113).

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Koch Personaldienstleistungen (C‑514/20, EU:C:2022:19, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto (C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Koch Personaldienstleistungen (C‑514/20, EU:C:2022:19, punti 28 u 29).

( 12 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus (C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez (C‑342/01, EU:C:2004:160, punt 32) u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 30).

( 14 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda (C‑277/08, EU:C:2009:542, punt 22), u tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Fetico et (C‑588/18, EU:C:2020:420, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara, fir-rigward ta’ leave ta’ konvalexxenza, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn (C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 27).

( 15 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus (C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus (C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca (C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 67)

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 33). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħaddiem li l-ħin tiegħu tax-xogħol jitnaqqas fil-kuntest ta’ pjan soċjali ma huwiex suġġett għal limitazzjonijiet fiżiċi jew psikiċi kkawżati minn mard u, għaldaqstant, jinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik li tirriżulta minn inkapaċità għax-xogħol dovuta għall-istat ta’ saħħtu. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 29).

( 20 ) Dan l-ewwel kriterju huwa essenzjali peress li ċerti kompiti, li jimplikaw b’mod partikolari xogħlijiet fiżiċi, jistgħu, evidentement, jiġu eżerċitati biss fuq il-post tax-xogħol.

( 21 ) Barra minn hekk, jidhirli li dawn id-diffikultajiet huma ta’ natura li jiġġeneraw ħafna kawżi quddiem il-qrati industrijali li jkun jispetta lilhom li jivverifikaw a posteriori jekk, b’mod konkret, il-ħaddiem jibqax kapaċi għax-xogħol matul il-perijodu ta’ tqegħid taħt kwarantina.

( 22 ) F’dan ir-rigward, it-tilwima fil-kawża prinċipali turi d-diffikultajiet li sejra taffaċċja persuna li timpjega li tiġi avżata bit-tqegħid taħt kwarantina ġurnata qabel il-bidu tal-perijodu ta’ leave imħallas.

( 23 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 29).

( 24 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Fetico et (C‑588/18, EU:C:2020:420, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, MÁV-START (C‑477/21, EU:C:2023:140, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara, a contrario, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 51u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger (C‑619/16, EU:C:2018:872, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 94).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Fetico et (C‑588/18, EU:C:2019:1083, punti 75 u 76).

( 30 ) Bħala eżempju, ikun diffiċilment komprensibbli li avveniment bħall-okkorrenza ta’ kundizzjonijiet tat-temp sfavorevoli ħafna jagħti lok għad-dritt, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, għall-posponiment tal-leave annwali mħallas.

( 31 ) Mit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-kawża I (C‑749/22, attwalment sospiża) jirriżulta li din id-dispożizzjoni, introdotta bil-Liġi tas‑16 ta’ Settembru 2022, ma hijiex applikabbli ratione temporis għas-sitwazzjoni preżenti fil-kawża prinċipali.