|
15.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 87/22 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/426
tal-14 ta’ Marzu 2022
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Moldova
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari il-punti (b) u (d) tal-Artikolu 77(2), il-punt (c) tal-Artikolu 79(2), u l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi
|
(1) |
Hemm bżonn li tiġi żgurata l-komplementarjetà mal-programmi rilevanti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u l-Ukrajna (EUBAM) u l-“EU4Border Security”. |
|
(2) |
F’ċirkostanzi li jirrikjedu l-iskjerament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta f’pajjiż terz fejn il-membri tat-timijiet ser jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, l-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jitlob li jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus, mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat, abbażi tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
|
(3) |
Jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim internazzjonali mar-Repubblika tal-Moldova dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova. |
|
(4) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (2). Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, ftehim internazzjonali dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova.
Artikolu 2
In-negozjati għandhom jitmexxew fuq il-bażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill li jinsabu fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni, u f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
É. BORNE
(1) Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).