Brussell, 2.9.2022

COM(2022) 435 final

2022/0257(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fl-1 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra 1 .

Il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali 2 anness mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra 3 (“il-Protokoll”) jistabbilixxi fl-Artikolu 1 il-qafas li fi ħdanu l-Partijiet għandhom jikkooperaw għall-iffaċilitar ta’ skambji li jirrigwardaw l-attivitajiet, l-oġġetti u s-servizzi kulturali, inkluż fis-settur awdjoviżiv.

Il-Protokoll jinkludi dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi li jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi.

Skont l-Artikolu 5(8)(b), tal-Protokoll, wara l-perjodu inizjali ta’ tliet snin, id-dritt jiġġedded għal perjodi oħra suċċessivi tal-istess tul, sakemm Parti ma ttemmx id-dritt billi tagħti avviż bil-miktub mill-anqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali jew ta’ kwalunkwe perjodu suċċessiv ieħor.

F’konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 kif inhi, il-Kummissjoni għandha tavża lir-Repubblika tal-Korea bl-intenzjoni tal-Unjoni li ma testendix il-perjodu tad-dritt għal koproduzzjoni skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5(8)(b) tal-Protokoll sakemm, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill ma jaqbilx b’mod unanimu erba’ xhur qabel tmiem il-perjodu tad-dritt li jkompli d-dritt.

Permezz tas-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2022 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill 4 , il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 ma tikkonformax mal-Artikolu 218 tat-TFUE sa fejn tirrikjedi li l-Kunsill jivvota b’unanimità. Ir-regola tal-votazzjoni applikabbli għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 kellha tkun dik stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE, jiġifieri votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.

Għalhekk, ir-rekwiżit li l-Kunsill jaġixxi b’unanimità sabiex jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni tad-dritt jeħtieġ jitħassar.

 

2.BAŻI ĠURIDIKA

•Bażi ġuridika

Il-proposta temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 u għalhekk jenħtieġ li tiġi adottata fuq l-istess bażi ġuridika, jiġifieri l-Artikoli 91, 100(2), 167(3) u 207 flimkien mal-Artikolu 218 (6)(a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fejn il-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament.

•Għażla tal-istrument

Il-proposta temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169.

2022/0257 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2), l-Artikolu 167(3) u l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(6), il-punt (a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)Fl-1 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra 5 .

(2)Il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali 6 anness mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra 7 (“il-Protokoll”) jistabbilixxi fl-Artikolu 1 il-qafas li fi ħdanu l-Partijiet għandhom jikkooperaw għall-iffaċilitar ta’ skambji li jirrigwardaw l-attivitajiet, l-oġġetti u s-servizzi kulturali, inkluż fis-settur awdjoviżiv.

(3)Il-Protokoll jinkludi dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi li jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi.

(4)Skont l-Artikolu 5(8), il-punt (b), tal-Protokoll, wara l-perjodu inizjali ta’ tliet snin, id-dritt jiġġedded għal perjodi oħra suċċessivi tal-istess tul, sakemm Parti ma ttemmx id-dritt billi tagħti avviż bil-miktub mill-anqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali jew ta’ kwalunkwe perjodu suċċessiv ieħor.

(5)F’konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Korea bl-intenzjoni tal-Unjoni li ma testendix il-perjodu tad-dritt għal koproduzzjoni skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5(8), il-punt (b) tal-Protokoll sakemm, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill ma jaqbilx b’mod unanimu erba’ xhur qabel tmiem il-perjodu tad-dritt li jkompli d-dritt.

(6)Permezz tas-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2022 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill 8 , il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 ma tikkonformax mal-Artikolu 218 tat-TFUE sa fejn tirrikjedi li l-Kunsill jivvota b’unanimità. Ir-regola tal-votazzjoni applikabbli għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 kellha tkun dik stabbilita fl-Artikolu 218(8), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE, jiġifieri votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.

(7)Għalhekk, ir-rekwiżit li l-Kunsill jaġixxi b’unanimità sabiex jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni tad-dritt jenħtieġ li jitħassar.

(8)F’konformità mal-Artikolu 266 tat-TFUE, sabiex is-sentenza tiġi implimentata malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169, titħassar it-tielet sentenza.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)     ĠU L 307, 25.11.2015, p.2 .
(2)     ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1418 .
(3)     ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6 .
(4)     Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-275/20, ECLI:EU:C:2022:142.
(5)     ĠU L 307, 25.11.2015, p. 2 .
(6)     ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1418 .
(7)     ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6 .
(8)     Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-275/20, ECLI:EU:C:2022:142.