31980D0686



Official Journal L 188 , 22/07/1980 P. 0011 - 0012
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0227
Greek special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0248
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0227
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0171
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 2 P. 0171


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-25 ta’ Ġunju 1980

li tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv dwar il-kontroll u t-tnaqqis tat-tniġġiż kawżat mill-idrokarboni mitfugħa fil-baħar

(80/686/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Billi, fil-laqgħat tiegħu f’Copenhagen fis-7 u fit-8 ta’ April 1978, fi Bremen fis-6 u fis-7 ta’ Lulju 1978 u fil-Lussemburgu fis-27 u fit-28 ta’ April 1980, il-Kunsill Ewropew kien tal-fehma illi wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ Azzjoni Komunitarja għandu jkun il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-tniġġiż tal-baħar, b’mod partikolari mill-idrokarbonji;

Billi l-programm ta’ azzjoni ambjentali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-1973 [1], supplimentat b’dak ta’ l-1977 [2], saħaq li kien ta’ importanza fundamentali għall-Ewropa tal-Punent li tittieħed azzjoni effettiva kontra l-perikli inerenti fil-ġarr ta’ l-idrokarbonji, inkluża t-theddida ta’ tniġġiż serju ta’ l-ixtut b’riżultat ta’ inċidenti fuq l-ibħra li jinsabu lil hinn mill-ibħra territorjali, u speċifika illi l-ħarsien ta’ l-ilma tal-baħar kien kompitu ta’ prijorità sabiex jiġi żgurat li jinżammu l-bilanċi ekoloġiċi;

Billi fis-26 ta’ Ġunju 1978 il-Kunsill adotta riżoluzzjoni li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-kontroll u tnaqqis tat-tniġġiż ikkawżat mill-idrokarbonji mitfugħa fil-baħar [3];

Billi l-Kummissjoni teħtieġ li tfittex pariri minn esperti ta’ kwalifiċi għolja fl-Istati Membri dwar it-tniġġiż kawżat mill-idrokarbonji mitfugħa fil-baħar;

Billi l-Komunità teħtieġ ukoll forum fejn l-esperti jistgħu jiltaqgħu bl-iskop li jiġbru t-tagħrif eżistenti u l-esperjenza miksuba fl-Istati Membri, b’mod li jiffaċilitaw il-kordinament tal-miżuri meħuda jew pjanati fil-livell nazzjonali, internazzjonali jew Komunitarju,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv dwar il-kontroll u t-tnaqqis tat-tniġġiż kawżat mill-idrokarboni mitfugħa fil-baħar, minn issa "l quddiem imsejjaħ" il-Kumitat.

Artikolu 2

It-termini ta’ referenza tal-Kumitat għandhom ikunu kif ġej:

1. sabiex jagħti pariri lill-Kummissjoni, fuq it-talba ta’ din ta’ l-aħħar jew fuq it-talba tiegħu nnifsu, dwar il-problemi kollha li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-miżuri Komunitarji għall-kontroll u tnaqqis tat-tniġġiż kawżat mill-idrokarbonji mitfugħa fil-baħar;

2. sabiex jippermetti l-ġbir tat-tagħrif eżistenti u l-esperjenza miksuba fl-Istat-Membri, dwar il-metodi tal-kontroll u tat-tnaqqis tat-tniġġiż kawżat mill-idrokarbonji mitfugħa fil-baħar, b’mod li jiffaċilita l-kordinament tal-miżuri meħuda jew pjanati fil-livell nazzjonali, internazzjonali jew Komunitarju.

Artikolu 3

1. Il-Kumitat għandu jikkonsisti f’esperti tal-gvern li għandhom għarfien speċjalizzat fl-oqsma riferiti fl-Artikolu 2 (tliet rappresentanti għal kull Stat Membru).

2. Il-membri tal-Kumitat għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni fuq il-bażi tan-nominazzjonijiet magħmula mill-Istati Membri.

3. Ir-rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni interessati għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat.

Artikolu 4

Għandu jinħatar sostitut minn kull membru tal-Kumitat. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 9, sostitut għandu jattendi l-laqgħat tal-Kumitat u jieħu sehem fix-xogħol tal-Kumitat biss jekk il-membru sħiħ in kwisjtoni ma jkunx jista’ jattendi.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-membri fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej bħala tagħrif.

Artikolu 6

Il-Kumitat għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Il-Kumitat għandu jeleġġi sitt viċi-presidenti minn fost il-membri tiegħu.

Għandu jistabbilixxi bureau li jkun jikkonsisti mill-president u mill-viċi-presidenti.

Artikolu 8

Id-dipartimenti tal-Kummissjoni għandhom jipprovdu s-segretarjat tal-Kumitat u tal-bureau.

Artikolu 9

Il-President jista’ jistieden lil kull persuna li jkollha għerf espert dwar suġġett fuq l-aġenda sabiex tieħu sehem fix-xogħol tal-Kumitat.

L-esperti għandhom jieħdu sehem biss fid-diskussjonijiet dwar il-materja li rigward tagħha jkunu ġew mistiedna li jattendu.

Artikolu 10

Il-kumitat għandu jfassal ir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 11

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 214 tat-Trattat, il-membri tal-Kumitat huma meħtieġa li ma jiżvelaw ebda informazzjoni li jkunu akkwistaw waqt ix-xogħol tal-Kumitat jew ta’ l-ebda tagħrif meta l-Kummissjoni tgħarrafhom illi l-opinjoni mitluba jew il-mistoqsija mqajjma jirrigwardaw kwistjoni kunfidenzjali.

F’dawn il-każijiet, il-membri tal-Kumitat u r-rappresentanti tal-Kummissjoni biss għandhom ikunu preżenti fil-laqgħat fil-kwistjoni.

Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-25 ta’Ġunju 1980.

Magħmula fi Brussel, fil-25 ta’ Ġunju 1980.

Għall-Kummissjoni

Lorenzo Natali

Viċe-President

[1] ĠU C 112, ta’ l-20.12.1973, p. 1

[2] ĠU C 139, tat-13.6.1977, p. 1.

[3] ĠU C 162, tat-8.7.1978, p. 1.

--------------------------------------------------