|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2322 |
14.11.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/2322
tat-13 ta’ Novembru 2025
b’appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-istat biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u jittaffa l-impatt tat-teknoloġiji tal-armi konvenzjonali u dawk emerġenti
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
L-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016 (l-“Istrateġija Globali tal-UE”) tenfasizza li l-Unjoni ser iżżid il-kontribut tagħha għas-sigurtà kollettiva tal-Ewropa. |
|
(2) |
L-Istrateġija Globali tal-UE tinnota li l-Unjoni se tappoġġa bis-sħiħ l-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar tat-trattati u r-reġimi multilaterali dwar id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi. |
|
(3) |
Wieħed minn dawn l-istrumenti, jiġifieri l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Projbizzjonijiet jew Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta’ Ċerti Armi Konvenzjonali li Jistgħu Jitqiesu li Huma ta’ Ħsara Eċċessiva jew li Għandhom Effetti Indiskriminati (is-“CCW”), jirregola l-użu f’konflitti armati ta’ ċerti armi konvenzjonali meqjusa li jikkawżaw tbatija eċċessiva lill-ġellieda jew ħsara indiskriminata lill-popolazzjonijiet ċivili. |
|
(4) |
L-Unjoni tixtieq tikkontribwixxi għall-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tas-CCW sabiex tiżgura li tibqa’ parti b’saħħitha u effettiva tas-sistema multilaterali ta’ diżarm, nonproliferazzjoni u kontroll tal-armi, u b’hekk tibni fuq il-ħidma mwettqa skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1694 (1). |
|
(5) |
Barra minn hekk, l-Unjoni tixtieq tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Patt għall-Futur, li ġie adottat mill-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2024, sabiex iġeddu l-impenn tagħhom għall-paċi u s-sigurtà billi qablu ma’ miżuri sinifikanti mmirati lejn it-tisħiħ tal-istabbiltà globali. Dawk il-miżuri jinkludu r-riaffermazzjoni tal-obbligi skont l-istrumenti internazzjonali eżistenti għad-diżarm, l-adozzjoni ta’ approċċi innovattivi, u l-iżvilupp ta’ għodod ġodda biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-objettiv tal-proġett appoġġat minn din id-Deċiżjoni huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-istat għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u li jittaffa l-impatt tat-teknoloġiji tal-armi konvenzjonali u dawk emerġenti.
2. Għal dan l-għan, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet li ġejjin:
|
(a) |
l-iżgurar ta’ approċċi antiċipatorji, dinamiċi u reattivi biex jiġu indirizzati teknoloġiji tal-armi ġodda u emerġenti; |
|
(b) |
l-indirizzar tal-impatt tat-teknoloġiji emerġenti tal-armi fuq il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili permezz ta’ għarfien tekniku, prattiku u normattiv imsaħħaħ tal-partijiet ikkonċernati; |
|
(c) |
il-kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni tal-Patt tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Futur u l-promozzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs) u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma fejn dawn jikkonverġu mal-isforzi ta’ diżarm umanitarju. |
3. Fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni hemm stipulata deskrizzjoni dettaljata tal-proġett.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implementazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA).
3. L-UNODA għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak l-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-UNODA.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 1 299 897,33 (in-“nefqa”).
2. In-nefqa għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-UNODA (il-“ftehim”). Il-ftehim għandu jistipula li l-UNODA jrid jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni b’mod adatt għad-daqs ta’ dik il-kontribuzzjoni.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.
Artikolu 4
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti ta’ kull sitt xhur imħejjija mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għal evalwazzjoni li trid titwettaq mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Hija għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk il-ftehim ma jkunx ġie konkluż f’dak il-perijodu.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
S. LOSE
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1694 tal-21 ta’ Settembru 2021 b’appoġġ għall-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tal-Konvenzjoni dwar Projbizzjonijiet jew Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta’ Ċerti Armi Konvenzjonali Li Jistgħu Jitqiesu li Huma ta’ Ħsara Eċċessiva jew li Għandhom Effetti Indiskriminati (CCW), (ĠU L 334, 22.9.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1694/oj).
ANNESS
DOKUMENT TA’ PROĠETT
It-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet tal-Istat għat-Tisħiħ tal-Protezzjoni tal-Popolazzjoni Ċivili u l-mitigazzjoni tal-impatt tat-Teknoloġiji tal-Armi Konvenzjonali u Emerġenti
1. SFOND U LOĠIKA
Fl-2024, l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti adottaw il-Patt għall-Futur, li ġedded l-impenji tagħhom għall-paċi u s-sigurtà billi qablu ma’ miżuri sinifikanti mmirati lejn it-tisħiħ tal-istabbiltà globali. Dawn il-miżuri kienu jinkludu r-riaffermazzjoni tal-obbligi skont l-istrumenti internazzjonali eżistenti tad-diżarm, l-adozzjoni ta’ approċċi innovattivi, u l-iżvilupp ta’ għodod ġodda biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili.
L-Azzjoni 26 tal-Patt għall-Futur hija ddedikata għall-appoġġ tal-Istati fl-isforzi tagħhom biex jipproteġu liċ-ċivili mit-theddid ikkawżat mit-tekonoloġiji tal-armi konvenzjonali u tal-armi emerġenti. L-Azzjoni 27 tirrikonoxxi li bidla teknoloġika rapida tippreżenta opportunitajiet u riskji għall-isforzi kollettivi biex jinżammu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u tenfasizza l-urġenza li jiġu indirizzati teknoloġiji emerġenti fil-qasam tas-sistemi ta’ armi awtonomi letali.
Barra minn hekk, fl-Azzjoni 14, l-Istati kkundannaw bl-aktar mod qawwi l-impatt devastanti tal-kunflitt armat fuq il-popolazzjoni ċivili, l-infrastruttura ċivili u l-wirt kulturali, u esprimew tħassib partikolari dwar l-impatt sproporzjonat tal-vjolenza fuq in-nisa, it-tfal, il-persuni b’diżabbiltà u persuni oħra f’sitwazzjonijiet vulnerabbli f’kunflitt armat.
Meħuda flimkien, dawn ta’ hawn fuq jissottolinjaw l-importanza li n-nies jitqiegħdu fiċ-ċentru ta’ kwistjonijiet relatati ma’ kunflitt armat u l-użu u l-kontroll ta’ teknoloġiji tal-armi konvenzjonali u emerġenti, filwaqt li jenfasizzaw miżuri li javvanzaw il-prinċipji umanitarji, id-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli, u kunsiderazzjonijiet oħra essenzjali għall-benesseri tan-nies.
Il-proġett għandu l-għan li jservi bħala għodda ta’ politika operazzjonali komprensiva, imfassla biex issaħħaħ l-għarfien u l-kapaċitajiet tal-Istati biex itaffu l-impatt tat-teknoloġiji tal-armi konvenzjonali u emerġenti u jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont it-trattati umanitarji li rratifikaw.
2. OBJETTIVI
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ser ikollha l-objettiv ġenerali li ġej: It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istat għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-mitigazzjoni tal-impatt tat-teknoloġiji tal-armi konvenzjonali u emerġenti.
Għal dan l-għan, il-proġett ser jeżerċita l-attivitajiet li ġejjin:
|
(a) |
Is-salvagwardja tal-futur billi jiġu żgurati approċċi antiċipatorji, dinamiċi u reattivi biex jiġu indirizzati teknoloġiji ġodda u emerġenti tal-armi; |
|
(b) |
L-indirizzar tal-impatt tat-teknoloġiji emerġenti tal-armi fuq il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili permezz ta’ għarfien tekniku, prattiku u normattiv imsaħħaħ tal-partijiet ikkonċernati; |
|
(c) |
Il-kontribut għall-implimentazzjoni tal-Patt għall-Futur u l-promozzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma fejn dawn jikkonverġu mal-isforzi ta’ diżarm umanitarju; u |
|
(d) |
Il-bini fuq il-ħidma mwettqa skont il-proġett b’appoġġ għall-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tal-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali (CCW) (Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1694 tal-21 ta’ Settembru 2021). |
3. RIŻULTATI U ATTIVITAJIET MISTENNIJA
L-attivitajiet li ġejjin ser jitwettqu fil-qafas tal-proġett:
3.1. Attività 1: Is-salvagwardja tal-futur fost l-avvanzi teknoloġiċi
3.1.1. Għan tal-Attività
Dan il-proġett ser ifittex li jassisti lill-Istati biex jantiċipaw u jindirizzaw b’mod attiv sfidi ġodda u emerġenti u jadattaw għal bidliet teknoloġiċi, u jiżgura li l-innovazzjoni responsabbli u l-impenn għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili jibqgħu fuq quddiem nett tat-tfassil u l-użu ta’ teknoloġiji tal-armi emerġenti. B’mod aktar speċifiku din l-attività ser tfittex li takkumpanja lill-Istati fid-deliberazzjonijiet multilaterali tagħhom dwar is-sistemi ta’ armi awtonomi letali, b’mod partikolari fil-Grupp ta’ Esperti Governattivi dwar it-Teknoloġiji Emerġenti fil-Qasam tas-Sistema ta’ Armi Awtonomi Letali.
3.1.2. Deskrizzjoni tal-Attività
Ir-riżultati tanġibbli ser jinkludu:
|
— |
L-elaborazzjoni ta’ mill-inqas żewġ studji li jinkludu valutazzjonijiet tar-riskju biex inżommu ruħna aġġornati dwar l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji tal-armi emerġenti u l-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet potenzjali tagħhom fuq il-paċi u s-sigurtà globali, id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. |
|
— |
L-organizzazzjoni sa sitt djalogi biex jiġi ffaċilitat l-involviment transdixxiplinari fost ix-xjenzati, il-mexxejja tal-industrija, l-esperti tal-etika, l-inġiniera u d-diplomatiċi biex jitrawmu soluzzjonijiet olistiċi, u jiġi żgurat li l-implikazzjonijiet etiċi, legali, umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem jitqiesu biżżejjed fit-tfassil u l-użu ta’ teknoloġiji emerġenti tal-armi. Mill-inqas wieħed mid-djalogi ser isir f’kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet akkademiċi u ta’ riċerka biex jissaħħaħ l-għarfien dwar ir-rwol tan-nisa u ż-żgħażagħ fid-diżarm u tiġi promossa sensibilizzazzjoni dwaru, bil-parteċipazzjoni sinifikattiva ta’ esperti nisa u żgħażagħ attivi fil-qasam tad-diżarm. |
3.1.3. Riżultat Mistenni tal-Attività
|
— |
Iż-żewġ studji ser jesploraw u jiġġeneraw għarfien u rakkomandazzjonijiet ta’ politika dwar l-implikazzjonijiet potenzjali ta’ teknoloġiji tal-armi ġodda u emerġenti kif ukoll jidentifikaw toroq għar-rispons u l-involviment mill-Istati. Bħala tali huwa mistenni li dan iwassal għal impenn akbar mill-Istati u partijiet ikkonċernati oħra dwar dawn il-kwistjonijiet. Id-djalogi ser ikunu opportunità biex jiġu avvanzati d-deliberazzjonijiet dwar sistemi ta’ armi awtonomi letali u jiġu appoġġati l-avvanzi tal-proċessi intergovernattivi rilevanti, b’mod partikolari l-Grupp ta’ Esperti Governattivi dwar it-Teknoloġiji Emerġenti fil-Qasam tas-Sistema ta’ Armi Awtonomi Letali, fl-2025-2026 u lil hinn. |
|
— |
Barra minn hekk, l-attività ser tinkoraġġixxi l-ġbir u s-sintetizzazzjoni ta’ perspettivi wiesgħa dwar il-kwistjoni u, kif applikabbli, tintroduċi kwistjonijiet identifikati u sa issa mhux esplorati biżżejjed, b’mod partikolari min-Nofsinhar globali fl-arena internazzjonali u fid-diskussjonijiet multilaterali, inkluż fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti Governattivi dwar it-Teknoloġiji Emerġenti fil-Qasam tas-Sistema ta’ Armi Awtonomi Letali. |
|
— |
L-attività ser tfittex ukoll li tiżgura li r-rwol tan-nisa u ż-żgħażagħ fid-diżarm jiġi indirizzat b’mod komprensiv u b’viżjoni għal integrazzjoni fit-tul. Bħala tali huwa mistenni li n-nisa u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ jingħataw is-setgħa u jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom f’suġġetti rilevanti u li l-opportunitajiet għall-involviment jiġu identifikati u jkun hemm ħidma fuqhom bl-għan aħħari li tiġi regolarizzata parteċipazzjoni sinifikanti f’firxa wiesgħa ta’ fora ta’ diżarm. |
3.2. Attività 2: Il-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni nazzjonali tal-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali u strumenti ewlenin oħra
3.2.1. Għan tal-Attività
Din l-attività ser tiffoka fuq l-għoti ta’ għarfien u kapaċità komprensivi lill-Istati u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar l-operazzjonalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tas-CCW u strumenti umanitarji internazzjonali ewlenin oħra li rratifikaw u dwar kif dawk l-oqsma jikkonverġu mal-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-SDGs.
3.2.2. Deskrizzjoni tal-Attività
Ir-riżultati tanġibbli taħt din l-attività ser jinkludu:
|
— |
L-għoti ta’ assistenza teknika lil mhux aktar minn erba’ Partijiet Kontraenti ta’ Livell Għoli għas-CCW biex jirrevedu u/jew jappoġġaw l-abbozzar/l-aġġornament ta’ leġiżlazzjoni u/jew politiki u manwali għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u l-Protokolli tagħha, bl-użu tal-Gwida ta’ Implimentazzjoni tas-CCW żviluppata skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1694. |
|
— |
L-iżvilupp ta’ pjattaforma punt uniku ta’ servizz online waħda faċli għall-utent u li tipprovdi informazzjoni komprensiva dwar l-istrumenti ta’ diżarm umanitarju li tkun tinkludi:
|
3.2.3. Riżultati Mistennija tal-Attività
|
— |
Permezz tal-għoti ta’ assistenza teknika mmirata, l-attività mistennija twassal għal implimentazzjoni nazzjonali msaħħa tas-CCW minn għadd magħżul ta’ Partijiet Kontraenti ta’ Livell Għoli. Barra minn hekk, dan ser iwassal għal viżibbiltà akbar tal-gwida għall-implimentazzjoni żviluppata skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1694 u jistabbilixxi pedament prattiku għall-għoti futur ta’ assistenza ffukata fuq l-implimentazzjoni. |
|
— |
Barra minn hekk, l-attività mistennija tirriżulta fl-istabbiliment ta’ pjattaforma online miżmuma mill-UNODA u li jkun fiha firxa wiesgħa ta’ għodod prattiċi, gwida u materjali, inkluż bażi tad-data tal-leġiżlazzjoni u l-politiki nazzjonali. Il-pjattaforma ser tiffaċilita d-disponibbiltà ġenerali ta’ materjali u tipprovdi assistenza prattika lill-Istati fir-rigward tal-obbligi ta’ rappurtar annwali taħt strumenti ta’ diżarm umanitarju magħżula biex jiżdiedu r-rati ta’ sottomissjoni. Barra minn hekk, il-pjattaforma ser tgħin ukoll biex tiġi ċċarata aktar il-komplementarjetà tat-trattati dwar id-diżarm umanitarju biex jiġu appoġġati kemm l-isforzi ta’ implimentazzjoni kif ukoll dawk ta’ universalizzazzjoni. |
3.3. Attività 3: L-elaborazzjoni ta’ għodod tekniċi u s-sensibilizzazzjoni dwar il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili
3.3.1. Għan tal-Attività
Din l-attività ser tiffoka fuq il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-elaborazzjoni ta’ għodod tekniċi għal dawk li jfasslu l-politika, il-prattikanti, u l-organizzazzjonijiet bil-ħsieb li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili f’kunflitti armati u jittaffa l-impatt tal-armi. L-attività ser tikkontribwixxi wkoll għal miżuri ta’ tisħiħ tal-fiduċja fost l-Istati li huma partijiet għal jew li approvaw strumenti tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem rilevanti.
3.3.2. Deskrizzjoni tal-Attività
Ir-riżultati tanġibbli taħt din l-attività ser jinkludu:
|
— |
L-organizzazzjoni ta’ mill-inqas tliet sessjonijiet ta’ ħidma għall-uffiċjali tal-gvern, il-persunal militari, u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili biex jaqsmu informazzjoni dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki relatati mal-politiki u l-prattiki relatati mal-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili. |
|
— |
Mill-inqas analiżi waħda ta’ riċerka/kuntestwali dwar il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili mill-impatt tal-armi biex jiġu identifikati oqsma ewlenin ta’ azzjoni potenzjali għall-Istati u soluzzjonijiet relatati, li jinkludu konverġenza u komplementarjetà possibbli li jirriżultaw minn mekkaniżmi rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem. |
|
— |
Gwida Waħda dwar l-Armi u l-Munizzjon biex tiġi ffaċilitata r-reġistrazzjoni tal-vittmi, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kapaċità tan-Nazzjonijiet Uniti li tiġbor data relatata mal-armi, inkluż l-identifikazzjoni tal-armi u d-dettalji ta’ mwiet jew korrimenti bl-għan li jissaħħu l-irfigħ tar-responsabbiltà u t-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmat. |
3.3.3. Riżultati Mistennija tal-Attività
|
— |
Is-sessjonijiet ta’ ħidma mistennija jippermettu lill-parteċipanti jiksbu fehim aħjar tal-approċċi ċċentrati fuq il-bniedem għat-tnaqqis tal-impatt tal-armi. Barra minn hekk, ser jippermettu djalogi bejn firxa wiesgħa ta’ atturi, inkluż prattikanti mill-militari u tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq il-post bil-ħsieb li jiġu identifikati miżuri prattiċi għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji ċċentrati fuq il-bniedem f’diversi oqsma ta’ għarfien espert, filwaqt li jinkoraġġixxu l-arrikkiment reċiproku fost is-setturi, u ser jibbażaw fuq il-korp ta’ rakkomandazzjonijiet minn mekkaniżmi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. Dawn id-djalogi militari mal-gvern, il-popolazzjoni ċivili, l-uffiċjali, u l-partijiet ikkonċernati tal-industrija tad-difiża u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u esperti relatati oħra għandhom l-għan li jidentifikaw u jiġbru eżempji konkreti tal-aħjar prattiki dwar il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili mill-użu ta’ armi konvenzjonali. L-informazzjoni miġbura mistennija tinforma l-involviment usa’ tal-Istat u tal-partijiet ikkonċernati dwar il-kwistjoni bil-ħsieb li tinbena komunità ta’ prattika li tipprijoritizza l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, u li tipprovdi gwida prattika lill-Istati fil-proċess ta’ rieżami jew abbozzar ta’ politiki u prattiki nazzjonali. |
|
— |
Id-dokument ta’ analiżi ser jidentifika u jissuġġerixxi oqsma ta’ azzjoni għall-Istati bil-ħsieb li jissaħħu l-approċċi dwar il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fil-kuntest tal-istrumenti eżistenti għad-diżarm umanitarju. Bħala tali, l-azzjonijiet u l-opportunitajiet issuġġeriti għall-involviment mistennija jiġu adottati mill-Istati, bl-appoġġ tal-UNODA. |
|
— |
Huwa mistenni li l-gwida teknika ser issaħħaħ l-akkuratezza u l-kapaċità tan-Nazzjonijiet Uniti li tiġbor data relatata mal-armi permezz tad-diversi entitajiet u aġenziji tagħha, inkluż prattikanti fil-qasam, u b’hekk twieġeb direttament għal talbiet mill-Istati biex in-Nazzjonijiet Uniti jipprovdu data dwar l-użu tal-armi u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili b’mod aktar standardizzat. Barra minn hekk, dan ser jgħin biex jiġi żgurat użu konsistenti ta’ terminoloġiji u kunċetti fil-gwida u l-informazzjoni pprovduti min-Nazzjonijiet Uniti. |
4. PERSUNAL
L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ser teħtieġ preżenza kontinwa ta’ persunal f’Ġinevra biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni simplifikata tal-attivitajiet li ilhom għaddejjin mid-Deċiżjoni tal-Kunsill preċedenti ’l hawn.
Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet proposti kif deskritt hawn fuq u biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u s-sostenibbiltà ta’ kwalità għolja tal-isforzi ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill, huwa propost li jkun hemm Maniġer tal-Programm iddedikat wieħed fil-livell P3 u persunal wieħed ta’ appoġġ amministrattiv full-time bil-kost kondiviż fil-livell tal-GS. Il-finanzjament għall-ewwel sena tal-persunal tal-GS ser jiġi pprovdut minn riżorsi ekstrabaġitarji oħra, l-UNODA ser jistieden ukoll lill-Istati Membri tal-UE jiffinanzjaw pożizzjoni ddedikata ta’ JPO biex tappoġġa u timplimenta l-attivitajiet tas-CCW. Rekwiżiti addizzjonali ta’ persunal ser ikopru konsulenti esperti u kuntratturi individwali biex iħejju attivitajiet jew prodotti speċifiċi fejn l-għarfien espert ma jkunx jista’ jinstab internament.
5. MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U RAPPURTAR
L-Unità ta’ Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-UNODA/CCW ser tippreżenta rapporti ta’ progress annwali dwar l-implimentazzjoni tal-proġett.
6. TUL TA’ ŻMIEN
L-implimentazzjoni tal-proġett stmata li ddum 36 xahar b’kollox.
7. VIŻIBBILTÀ TAL-UE
L-UNODA f’Ġinevra, f’konformità mal-prattika tan-NU, ser jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut tal-UE inkluż b’marka adatta fuq materjali tal-proġett biex jiġu enfasizzati r-rwol u l-kontribut tal-UE għall-attivitajiet tal-proġett. Dan ser jiżgura li l-kontribut tal-UE jkun viżibbli, trasparenti u mmarkat kif xieraq.
8. BENEFIĊJARJI
Il-benefiċjarji ewlenin ta’ dan il-proġett huma rappreżentanti tal-Istat, inkluż rappreżentanti formali, punti fokali nazzjonali kif ukoll prattikanti esperti u persunal militari. Aktar benefiċjarji jinkludu partijiet ikkonċernati ewlenin li jaħdmu fil-qasam tad-diżarm umanitarju inkluż entitajiet u aġenziji tan-NU li jappoġġaw lill-Istati fl-implimentazzjoni ta’ diversi impenji relatati ma’ strumenti ta’ diżarm umanitarju.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2322/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)