28.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/103


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/857

tas-27 ta’ Mejju 2021

li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2021/625 fir-rigward tal-inklużjoni ta’ ċerti ditti tal-investiment fil-kriterji ta’ eliġibbiltà għal sħubija fin-network tan-negozjanti primarji tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (1),

Billi:

(1)

Is-sħubija fin-networks tan-negozjanti primarji sovrani u supranazzjonali Ewropej hija tipikament miftuħa għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u għad-ditti tal-investiment awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

Bħala wieħed mill-kriterji ta’ eliġibbiltà għal sħubija fin-network tan-negozjanti primarji tal-Unjoni, l-Artikolu 4, il-punt (c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2021/625 (4) jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu membru fin-network tan-negozjanti primarji sovrani u supranazzjonali Ewropew. Minħabba l-esperjenza tagħhom miksuba permezz tas-sħubija fin-networks tan-negozjanti primarji sovrani u supranazzjonali Ewropej, id-ditti tal-investiment awtorizzati biex iwettqu l-attivitajiet ta’ sottoskrizzjoni ta’ strumenti finanzjarji u/jew ta’ tqegħid ta’ strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn sod, skont id-Direttiva 2014/65/UE, jenħtieġ li jkunu eliġibbli wkoll għal sħubija fin-network tan-negozjanti primarji tal-Unjoni. Dawn l-attivitajiet huma rilevanti għall-kompiti tal-membri tan-network tan-negozjanti primarji tal-Unjoni li jistgħu jipparteċipaw f’irkantijiet fuq bażi ta’ impenn sod u jistgħu jaġixxu bħala maniġers ewlenin fi tranżazzjonijiet sindakati li għandhom l-impenn li jissottoskrivu t-titoli tad-dejn.

(3)

Barra minn hekk, skont il-qafas regolatorju l-ġdid applikabbli għad-ditti tal-investiment, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ċerti ditti tal-investiment li jwettqu l-attivitajiet ta’ sottoskrizzjoni ta’ strumenti finanzjarji u/jew ta’ tqegħid ta’ strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn sod skont id-Direttiva 2014/65/UE jenħtieġ li jikkwalifikaw bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu mis-26 ta’ Ġunju 2021. Madankollu, sa din id-data u sakemm jingħataw l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu skont il-qafas regolatorju l-ġdid, dawk l-entitajiet xorta jikkwalifikaw b’mod proviżorju bħala ditti tal-investiment.

(4)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2021/625 tiġi emendata skont dan.

(5)

Filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi stabbilita l-ewwel lista ta’ parteċipanti fin-network tan-negozjanti primarji tal-Unjoni, li għaliha diġà tnediet sejħa għall-applikazzjonijiet u li l-għażla għadha għaddejja, kif ukoll il-perjodu tranżitorju skont il-qafas regolatorju l-ġdid u fl-interess taċ-ċertezza legali tal-applikanti interessati fi sħubija fin-network tan-negozjanti primarji tal-Unjoni, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li tapplika b’mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2021/625,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2021/625 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt (3a) li ġej:

“(3a) ‘ditti tal-investiment’ tfisser ditta tal-investiment kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt 1, tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1)

(*1)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).”;"

(b)

il-punt (5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(5) ‘membri fin-network tan-negozjanti primarji’ tfisser kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta ta’ investiment li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 4 inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 11”;

(2)

Fl-Artikolu 3, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“in-network tan-negozjanti primarji tal-Unjoni” (“in-network tan-negozjanti primarji”) għandu jkun il-grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment imsemmijin fl-Artikolu 4, il-punt (b)(ii), eliġibbli li jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ mmaniġġjar tat-teħid ta’ self u tad-dejn tal-Kummissjoni li ġejjin:”;

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal sħubija fin-network tan-negozjanti primarji:”;

(b)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

ikunu ssorveljati minn awtorità kompetenti tal-Unjoni u jkunu awtorizzati jwettqu attività ta’ negozju ta’ waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

istituzzjoni ta’ kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), jew

(ii)

ditta tal-investiment awtorizzata li twettaq l-attività ta’ sottoskrizzjoni ta’ strumenti finanzjarji u/jew ta’ tqegħid ta’ strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn sod skont id-Direttiva 2014/65/UE; kif ukoll

(*2)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).” "

(4)

fl-Artikolu 5, il-punt (e)(iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iii)

Kull negozjant primarju għandu jinnotifika lill-Kummissjoni minnufih b’kull proċediment mibdi kontrih minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru rigward l-attività mwettqa min-negozjant primarju bħala istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta tal-investiment imsemmija fl-Artikolu 4, il-punt (b)(ii). Kull negozjant primarju għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’kull miżura jew deċiżjoni meħuda bħala riżultat ta’ dawn il-proċedimenti”;

(5)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment interessati msemmijin fl-Artikolu 4, il-punt (b)(ii) għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni applikazzjoni biex jissieħbu fin-network tan-negozjanti primarji billi jimlew u jippreżentaw il-formola tal-applikazzjoni u l-lista ta’ kontroll annessa fir-rigward tal-kriterji ta’ ammissjoni li huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mis-17 ta’ April 2021.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(3)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2021/625 tal-14 ta’ April 2021 dwar l-istabbiliment tan-network tan-negozjanti primarji u d-definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-mandati ta’ tmexxija u ta’ tmexxija konġunta għat-tranżazzjonijiet sindakati għall-finijiet tal-attivitajiet ta’ teħid ta’ self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija (ĠU L 131, 16.4.2021, p. 170).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014, (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).