Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Novembru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE. – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Kriterji – Indipendenza tal-korp tar-rinviju – Nutar li jaġixxi fil-kwalità ta’ kummissarju ġudizzjarju fil-kuntest ta’ proċedura ta’ suċċessjoni – Assenza ta’ indipendenza – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

Fil-Kawża C‑98/24 [Koda] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-soudní komisař de l’Obvodní soud pro Prahu 1 (il-Kummissarju Ġudizzjarju tal-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 1, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Frar 2024, fil-proċedura

A.K.,

R.K.,

R.F. von K.-K.

vs

L.P.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, R. Frendo, N. Jääskinen (Relatur), M. Condinanzi u A. Kornezov, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Novembru 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A.K., R.K. u R.F. von K.-K., minn E. Giese u J. Valíček, advokáti,

–        għal L.P., minn J. David, advokát,

–        għall-Gvern Ċek, minn J. Vláčil, L. Halajová, A. Pagáčová u M. Smolek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Sahner, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hradil, P. Němečková, S. Noë u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Jannar 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(d), tal-Artikolu 26(2) u tal-Artikolu 83(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ suċċessjoni bejn, minn naħa, A.K., R.K. u R.F. von K.-K. neputijiet tad-deċedut L.K., u, min-naħa l-oħra, L.P., innominata minn dan tal-aħħar bħala l-uniku werrieta tiegħu, dwar l-eventwali modifika jew revoka tat-testment konġunt ta’ L.K u tal-konjuġi tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 650/2012 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

(b)      ‘patt ta’ suċċessjoni’ tfisser ftehim, inkluż ftehim li jirriżulta minn testmenti reċiproċi, li, bi jew mingħajr konsiderazzjoni, joħloq, jimmodifika jew itemm drittijiet għall-patrimonju jew patrimonji futuri ta’ persuna waħda jew aktar li tkun parti għall-ftehim;

(c)      ‘testment konġunt’ tfisser testment imfassal fi strument wieħed minn żewġ persuni jew aktar;

(d)      ‘trasferiment causa mortis’ tfisser testment, testment konġunt jew ftehim rigward suċċessjoni;

[...]”.

4        L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Għażla ta’ liġi”, jipprovdi:

“1.      Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.

Persuna li għandha ċittadinanzi multipli tista’ tagħżel il-liġi ta’ kwalunkwe Stat li hija għandha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla jew fil-ħin tal-mewt.

2.      L-għażla ta’ liġi għandha ssir b’mod espliċitu f’dikjarazzjoni fil-forma ta’ trasferiment causa mortis jew tintwera b’mod ċar bit-termini ta’ tali trasferiment.

3.      Il-validità sostantiva tal-att li bih saret l-għażla tal-liġi għandha tkun irregolata mil-liġi magħżula.

4.      Kwalunkwe modifika jew revoka tal-għażla ta’ liġi għandha tissodisfa r-rekwiżiti fir-rigward tal-forma għall-modifika jew ir-revoka ta’ trasferiment causa mortis.”

5        Skont l-Artikolu 26(2) tal-imsemmi regolament:

“Meta persuna jkollha l-kapaċità li tagħmel trasferiment causa mortis skont il-liġi applikabbli skont l-Artikolu 24 jew l-Artikolu 25, bidla sussegwenti tal-liġi applikabbli ma għandhiex taffettwa l-kapaċità tagħha li timmodifika jew tirrevoka tali trasferiment. ”

6        L-Artikolu 83 tal-istess regolament jiddikjara:

“[...]

3.      Trasferiment causa mortis magħmul qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 għandu jkun ammissibbli u validu f’termini sostantivi u fir-rigward tal-forma jekk ikun jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III jew jekk huwa ammissibbli u validu f’termini sostantivi u fir-rigward tal-forma fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat fis-seħħ, fil-mument li fih ikun sar it-trasferiment, fl-Istat fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu jew fi kwalunkwe wieħed mill-Istati li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza jew fl-Istat Membru tal-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni.

4.      Jekk trasferiment causa mortis kien sar qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 skont il-liġi li l-mejjet ikun għażel skont dan ir-Regolament, dik il-liġi għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. ”

 Id-dritt Ċek

 Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ċeka

7        Skont l-Artikolu 95(2) tal-ústavní zákon č. 1/1993 Sb., Ústava České republiky (il-Liġi Organika Nru 1/1993, il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ċeka, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”), “[j]ekk qorti tqis li l-liġi li għandha tiġi applikata għas-soluzzjoni ta’ kawża tmur kontra l-ordinament kostituzzjonali, hija għandha tadixxi lill-Ústavní soud [(il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka)]”.

 Il-Liġi dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Speċjali

8        Skont l-Artikolu 1(1) taz-zákon č. 292/2013 Sb., o zvláštních řízeních soudních (il-Liġi Nru 292/2013 Sb., dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Speċjali, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Speċjali”):

“L-imħallfin għandhom jeżaminaw u jiddeċiedu skont din il-liġi dwar il-kawżi indikati f’din il-liġi.”

9        Skont l-Artikolu 100(1) ta’ din il-liġi:

“L-atti tal-qorti tal-ewwel istanza fil-kuntest ta’ proċedura ta’ suċċessjoni għandhom jitwettqu, fil-kwalità tiegħu ta’ kummissarju ġudizzjarju, min-nutar inkarigat minn dan it-twettiq mill-qorti, sakemm ma jkunx previst mod ieħor iktar ’il quddiem”

10      Skont l-Artikolu 101(2) tal-imsemmija liġi:

“Il-Qorti għandha tiddeċiedi dwar il-ħatra ta’ nutar wara l-ftuħ tal-proċedura, permezz ta’ digriet li ma huwiex neċessarju li jiġi nnotifikat. ”

11      L-Artikolu 103(4) tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

“In-nutar, il-kandidat għall-professjoni ta’ nutar, in-nutar bi prova u l-impjegat tan-nutar li għadda mill-eżami ta’ kwalifika skont leġiżlazzjoni oħra għandhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ suċċessjoni, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-atti fil-kwalità tagħhom ta’ kummissarji ġudizzjarju, is-setgħat kollha li għandha qorti bħala awtorità pubblika meta hija tagħti l-ġudizzju. ”

12      L-Artikolu 104(1) tal-Liġi dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Speċjali jipprovdi:

“Il-Qorti għandha tirrevoka ex officio, permezz ta’ digriet, il-ħatra tan-nutar jekk ikun hemm riskju li l-kawża ma tiġix deċiża f’terminu raġonevoli u bil-kundizzjoni li l-qorti tkun avżat, minn qabel u bil-miktub, lin-nutar bil-possibbiltà ta’ tali revoka. ”

13      Skont l-Artikolu 105 ta’ din il-liġi:

“1.      Il-qorti għandha tiddeċiedi, permezz ta’ digriet, dwar ir-rikuża tan-nutar [...].

2.      Jekk il-qorti tiddeċiedi li n-nutar huwa eskluż mit-twettiq tal-atti ta’ kummissarju ġudizzjarju, hija għandha simultanjament tinkariga nutar ieħor bit-twettiq ta’ dawn l-atti, konformement mal-Artikolu 101.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      L.K., li kellu n-nazzjonalità doppja Ġermaniża u Ċeka, miet fl‑24 ta’ Awwissu 2022 fir-Repubblika Ċeka, fejn kellu r-residenza abitwali tiegħu. Fil-mument tal-mewt tiegħu, huwa kien armel, peress li l-konjuġi tiegħu kienet mietet fid‑9 ta’ Jannar 2007, u kellu żewġt ibniet, E.D. u N.K., kif ukoll tliet neputijiet, A.K., R.K. u R.F. von K.-K., li huma t-tfal ta’ N.K.

15      Fit‑2 ta’ Novembru 1999, L.K. u l-konjuġi tiegħu kienu stabbilixxew, quddiem nutar Ġermaniż, testment konġunt irregolat mid-dritt ċivili Ġermaniż, li kien ġie, sussegwentement, parzjalment emendat permezz ta’ dikjarazzjoni konġunta tal-konjuġi, magħmula fit‑8 ta’ Frar 2001, quddiem l-istess nutar.

16      Wara l-mewt tal-konjuġi tiegħu, L.K. iffirma, fit‑23 ta’ Ġunju 2015, quddiem nutar Ċek, dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni. Fl‑20 ta’ Diċembru 2017, huwa stabbilixxa testment fil-forma ta’ att awtentiku quddiem nutar ieħor Ċek, fejn innomina lil L.P. bħala l-uniku werrieta. Dan it-testment kien jinkludi, barra minn hekk, l-għażla tal-liġi tas-suċċessjoni Ċeka bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, konformement mal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 650/2012.

17      Fil-mument tal-ftuħ tas-suċċessjoni ta’ L.K., N.K. u t-tlett itfal tagħha sostnew li t-testment konġunt stabbilit fit‑2 ta’ Novembru 1999 mid-deċedut u mill-konjuġi tiegħu kien espressjoni valida tal-aħħar rieda komuni tagħhom, redatt konformement mad-dritt Ġermaniż. Barra minn hekk, minn dan it-testment tirriżulta r-rieda ta’ L.K. u tal-konjuġi tiegħu li jillimitaw il-libertà testamentarja tagħhom fil-każ tal-mewt ta’ wieħed minnhom. Għaldaqstant, il-konjuġi superstiti seta’ validament jemenda l-imsemmi testment biss billi jinnomina bħala l-uniċi werrieta wħud mill-persuni msemmija fih, f’dan il-każ uliedu bniet E.D. u N. K., kif ukoll it-tfal ta’ din tal-aħħar.

18      L-Obvodní soud pro Prahu 1 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 1, ir-Repubblika Ċeka) ħatret nutar bħala soudní komisař (kummissarju ġudizzjarju) fil-proċedura fil-kawża prinċipali, li huwa l-korp tar-rinviju. Dan in-nutar ħareġ digriet li fih qies li, minn naħa, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, il-qrati Ċeki kellhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament, il-liġi li tirregola din is-suċċessjoni fl-intier tagħha kienet il-liġi Ċeka. In-nutar fil-kwalità tiegħu ta’ kummissarju ġudizzjarju ddeċieda li jirtira lil N.K. l-istatus ta’ parti fil-proċedura ta’ suċċessjoni u li jkompli din il-proċedura biss fil-preżenza ta’ L.P.

19      Fl-appell ippreżentat minn N.K. u mit-tliet itfal tagħha, il-qorti tal-appell ikkonfermat, parzjalment, id-deċiżjoni tan-nutar li kien qiegħed jaġixxi bħala kummissarju ġudizzjarju, sa fejn din kienet temmet l-istatus ta’ N. K bħala parti fil-proċedura. Il-qorti tal-appell annullat il-kumplament ta’ dan id-digriet billi indikat li l-kwistjoni tal-kapaċità tat-testatur li jemenda jew li jirrevoka l-parti tat-testment konġunt li fiha huwa kien ħatar lin-neputijiet tiegħu bħala l-werrieta tiegħu kienet irregolata mil-liġi Ġermaniża, u mhux mil-liġi Ċeka.

20      Konsegwentement, l-imsemmija qorti tal-appell bagħtet lura l-kawża quddiem in-nutar li jaġixxi bħala kummissarju ġudizzjarju fil-proċedura fil-kawża prinċipali, u ordnalu jivverifika, fil-kontenut tal-liġi Ġermaniża, il-possibbiltà u, jekk ikun il-każ, il-kundizzjonijiet ta’ emenda jew ta’ revoka tat-testment konġunt tal-konjuġi.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nutar li jaġixxi fil-kwalità ta’ kummissarju ġudizzjarju fil-proċedura fil-kawża prinċipali ddeċieda li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 83(3) u (4) tar-Regolament [650/2012], moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 650/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ trasferiment causa mortis jinkludi wkoll id-dikjarazzjoni ta’ diżeredazzjoni?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 83(4) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta t-testatur ikun għamel, qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, diversi dispożizzjonijiet [trasferimenti] causa mortis li kienu konformi mal-liġi ta’ Stat li t-testatur seta’ jagħżel skont ir-Regolament Nru 650/2012, il-liġi li titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni hija dik li taħtha t-testatur jkun għamel l-aħħar dispożizzjoni [trasferiment] causa mortis qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015?

3)      L-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk il-kapaċità tat-testatur kienet limitata bis-saħħa ta’ dispożizzjoni causa mortis magħmula qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, konformement mal-liġi li kienet tirregola s-suċċessjoni kollha tiegħu, u jekk emenda sussegwenti ta’ din il-liġi tkun bidlet il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-kapaċità testamentarja tiegħu, il-kapaċità testamentarja tat-testatur tibqa’ limitata skont il-liġi li kienet tkun applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu li kieku miet fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ suċċessjoni, indipendentement mill-fatt li, skont il-liġi li tirregola s-suċċessjoni kollha tiegħu fil-mument tal-mewt tiegħu, it-testatur kellu d-dritt li jannulla l-ftehim ta’ suċċessjoni (li jirrevokah jew li jemendah)? ”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Settembru 2024, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑187/23.

23      Wara l-għoti tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2025, Albausy, (C‑187/23, EU:C:2025:34), ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Jannar 2025, ikkomunika dik is-sentenza lin-nutar li jaġixxi fil-kwalità ta’ kummissarju ġudizzjarju, maħtur mill-Obvodní soud pro Prahu 1 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 1) fil-proċedura fil-kawża prinċipali, u stiednu jindika jekk xtaqx iżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

24      Fir-risposta tiegħu tal‑4 ta’ Marzu 2025, dan in-nutar informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li huwa kellu l-intenzjoni li jżomm it-talba tiegħu għal deċiżjoni preliminari sa fejn l-imsemmija sentenza, dwar il-proċedura għall-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, ma kellhiex effett fuq is-suġġett u l-iżvolġiment tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Marzu 2025, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna t-tkomplija tal-proċedura f’din il-kawża.

 Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

26      Konformement mal-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet, permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Settembru 2025, lir-Repubblika Ċeka tirrispondi bil-miktub għal ċerti domandi intiżi sabiex jiġi stabbilit jekk nutar maħtur bħala kummissarju ġudizzjarju fi proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali għandux il-kwalità ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Dan l-Istat Membru ġie għalhekk mistieden jippreċiża l-istatus u r-rwol ta’ tali nutar, b’mod partikolari, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.

27      Fir-risposta tiegħu tal‑10 ta’ Ottubru 2025, il-Gvern Ċek, fl-ewwel lok, għamel preċiżazzjonijiet dwar il-ħatra tan-nutara bħala kummissarji ġudizzjarji fi proċedura ta’ suċċessjoni. Huwa indika b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 101(1) tal-Liġi dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Speċjali, il-qorti għandha taħtar in-nutar bħala kummissarju ġudizzjarju f’kawża partikolari skont it-tqassim tax-xogħol stabbilit għal kull sena kalendarja mill-President tal-qorti reġjonali, fuq proposta tal-Kamra tan-Nutara kompetenti.

28      Fit-tieni lok, il-Gvern Ċek indika li, fil-każijiet iddefiniti mil-liġi, il-qorti tista’ tirrevoka l-ħatra tan-nutar jew tirrikużaħ.

29      Dan il-gvern ippreċiża li, konformement mal-Artikolu 104(1) tal-Liġi dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Speċjali, il-ħatra tan-nutar bħala kummissarju ġudizzjarju tista’ tiġi rrevokata jekk ikun hemm riskju li l-kawża “ma tiġix deċiża f’terminu raġonevoli”, bil-kundizzjoni li l-qorti tkun informat bil-miktub lin-nutar ikkonċernat bil-possibbiltà ta’ tali revoka. Jekk il-ħatra tiġi revokata, il-qorti għandha taħtar nutar ieħor bħala kummissarju ġudizzjarju, ukoll abbażi tat-tqassim tax-xogħol stabbilit għal kull sena kalendarja mill-President tal-qorti reġjonali.

30      L-imsemmi Gvern enfasizza wkoll li, skont l-Artikolu 105 tal-Liġi dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Speċjali, il-qorti għandha tirrikuża nutar jekk ikun hemm dubju dwar l-imparzjalità tiegħu.

31      Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Ottubru 2025, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet kollha fil-proċedura sabiex jesprimu ruħhom, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, dwar jekk nutar maħtur bħala kummissarju ġudizzjarju fi proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali għandux il-kwalità ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Dawn il-partijiet ġew mistiedna wkoll jieħdu pożizzjoni dwar l-eventwali rilevanza, f’dan ir-rigward, tad-digriet tal-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali) tas‑17 ta’ Settembru 2025 li fih dik il-qorti ddeċidiet, essenzjalment, li nutar li jaġixxi bħala kummissarju ġudizzjarju fi proċedura ta’ suċċessjoni ma setax jitqies bħala “qorti” u ma jistax iqajjem kwistjoni ta’ antikostituzzjonalità fis-sens tal-Artikolu 95(2) tal-Kostituzzjoni.

32      F’dan id-digriet, l-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali) ippreċiżat, b’mod partikolari, li nutar li jaġixxi bħala kummissarju ġudizzjarju ma jistax jitqies bħala qorti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li ma għandux kwalitajiet essenzjali speċifiċi għall-qrati. B’mod partikolari, l-istatus ta’ nutara ma jagħtihomx indipendenza daqstant għolja bħal dik tal-membri tal-qrati sa fejn huma jistgħu jiġu rrevokati mill-Ministru għall-Ġustizzja u sa fejn ma humiex suġġetti għal regoli ta’ inkompatibbiltà mal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet oħra daqstant estiżi bħal dawk li jirrigwardaw l-imħallfin, b’mod partikolari fir-rigward ta’ fergħat l-oħra tal-poter. Għalhekk, b’differenza mill-imħallfin, in-nutara jistgħu jkunu, pereżempju, deputati jew senaturi.

33      Waqt is-seduta, li nżammet fl‑20 ta’ Novembru 2025, il-parteċipanti kollha, bl-eċċezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, sostnew li d-digriet tas‑17 ta’ Settembru 2025 tal-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali) ma kienx rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-elementi li jikkaratterizzaw “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kinux, f’dan il-każ, issodisfatti.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu neċessarji sabiex isibu soluzzjoni għat-tilwima li dwara huma jkunu mitluba jiddeċiedu (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Minn dan jirriżulta li korp tar-rinviju, sabiex ikun jista’ jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, għandu jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u dan huwa punt li għandu jiġi vverifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Sabiex tiddetermina jekk korp tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ biss taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħall-oriġini legali ta’ dan il-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-imsemmi korp, tar-regoli tad-dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels, 61/65, EU:C:1966:39, p. 377; tat‑30 ta’ April 2025, Inspektorat kam Visshia sadeben savet, C‑313/23, C‑316/23 u C‑332/23, EU:C:2025:303, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tat‑18 ta’ Diċembru 2025, BNP Paribas Fortis (Rinviju għal deċiżjoni preliminari minn prattikant notarili awtorizzat sostitut), C‑240/24, EU:C:2025:1019, punt 43).

37      Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ proċedura kontradittorja ma huwiex kriterju assolut (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, D. u A., C‑175/11, EU:C:2013:45, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-każ li jkun hemm tilwima pendenti quddiemhom u fil-każ li huma jkunu msejjħa jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba biex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2021, Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster, C‑66/20, EU:C:2021:670, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 36).

38      F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tqum il-kwistjoni dwar jekk nutar maħtur bħala kummissarju ġudizzjarju fi proċedura ta’ suċċessjoni jissodisfax il-kriterju ta’ indipendenza previst mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “indipendenza” jinkludi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-korp tar-rinviju kkonċernat jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma jkun suġġett għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subbordinazzjoni fir-rigward ta’ xi ħadd u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li b’hekk ikun protett minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għalkemm l-aspett “estern” ta’ dan il-kunċett huwa intiż essenzjalment sabiex jippreżerva l-indipendenza tal-qrati fir-rigward tal-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, dan huwa ukoll intiż sabiex jipproteġi lill-imħallfin minn influwenzi indebiti li joriġinaw internament mill-qorti kkonċernata jew mill-qrati superjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Daka et, C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23, EU:C:2025:592, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      L-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja għandu jkun protett mhux biss minn kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll minn forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Daka et, C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23, EU:C:2025:592, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-irremovabbiltà tal-membri tal-istanza kkonċernata tikkostitwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza tal-imħallfin sa fejn din hija intiża għall-protezzjoni tal-persuna ta’ dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 58).

43      Sabiex korp ikun jista’ jitqies li jissodisfa l-kriterju ta’ indipendenza msemmi fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, huwa għandu jibbenefika minn garanziji ta’ indipendenza paragunabbli għal dawk li minnhom jibbenefikaw l-imħallfin f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-tneħħija jew l-annullament tal-ħatra tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 1999, Eddline El-Yassini, C‑416/96, EU:C:1999:107, punt 21, kif ukoll tad‑9 ta’ Ottubru 2014, TDC, C‑222/13, EU:C:2014:2265, punti 35 u 36).

44      It-tieni aspett tal-kunċett ta’ “indipendenza”, ta’ natura interna, jissieħeb mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fil-kawża u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, imfakkra fil-punti 39 sa 44 ta’ din is-sentenza, jeħtieġu l-eżistenza ta’ regola fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-terminu tal-funzjonijiet kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju raġonevoli, fil-moħħ tal-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi f’kunflitt bejniethom (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      B’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ irremovabbiltà, li l-importanza kardinali tiegħu għandha tiġi enfasizzata, jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-imħallfin ikunu jistgħu jibqgħu fil-kariga sakemm jilħqu l-età obbligatorja tal-irtirar jew sa tmiem il-mandat tagħhom meta dan tal-aħħar ikun għal żmien determinat. Mingħajr ma huwa ta’ natura totalment assoluta, l-imsemmi prinċipju jista’ jiġi suġġett għal eċċezzjonijiet biss bil-kundizzjoni li jkun hemm raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikaw dan, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk huwa normalment aċċettat li l-imħallfin jistgħu jiġu rrevokati jekk ma jkunux f’kundizzjoni li jkomplu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom minħabba inkapaċità jew minħabba nuqqas serju, permezz tal-osservanza ta’ proċeduri xierqa (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Dan il-prinċipju jeżiġi għalhekk li l-każijiet ta’ revoka tal-membri ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE li għandhom ikunu limitati għal każijiet eċċezzjonali jiġu ddeterminati minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi espressi li joffru garanziji partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punti 60 u 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li r-rekwiżit ta’ indipendenza li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tistabbilixxi kriterji oġġettivi li jippermettu li tiġi rregolata kull possibbiltà ta’ żvestiment ta’ mħallef mill-kawżi li huwa responsabbli għalihom u li deċiżjoni li jsir tali żvestiment għandha tkun motivata, sabiex tippermetti li jiġi eskluż li dan l-iżvestiment ikun arbitrarju, jew saħansitra jikkostitwixxi sanzjoni dixxiplinari moħbija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 83).

49      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll, mutatis mutandis, fir-rigward tal-“indipendenza”, meħtieġa minn qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħallef fil-kariga), C‑718/21, EU:C:2023:1015, punti 44, 77 u 78).

50      F’dan il-każ, jidher, l-ewwel nett, li, skont id-dritt Ċek, u, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Speċjali, huma l-qrati li għandhom il-kompetenza fil-qasam tas-suċċessjoni, u b’mod partikolari l-qorti tal-ewwel istanza li, b’mod partikolari, tibda l-proċedura ta’ suċċessjoni. Konformement mal-Artikolu 100(1) u mal-Artikolu 101(2) ta’ din il-liġi, wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ suċċessjoni, il-qorti tal-ewwel istanza li għandha kompetenza, li quddiemha tiżvolġi din il-proċedura, tipproċedi permezz ta’ digriet għall-ħatra ta’ nutar, li, fil-kwalità tiegħu ta’ kummissarju ġudizzjarju, iwettaq f’isem dik il-qorti l-atti li ma humiex espliċitament fdati lill-imsemmija qorti mil-liġi.

51      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 104(1) tal-Liġi dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji Speċjali jillimita ruħu li jipprevedi, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra, li “l-Qorti għandha tirrevoka ex officio, permezz ta’ digriet, il-ħatra tan-nutar jekk ikun hemm riskju li l-kawża ma tiġix deċiża f’terminu raġonevoli”, mingħajr ma jirriżulta, mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-deċiżjoni ta’ revoka għandha tkun immotivata u tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

52      Għalhekk, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għan-nutara ma tistabbilixxix, kuntrarjament għar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, kriterji oġġettivi li jippermettu li tiġi rregolata kull possibbiltà ta’ żvestiment tan-nutar mill-kawżi li huwa responsabbli għalihom u li din il-possibbiltà tiġi limitata għal ċerti każijiet eċċezzjonali li jirriflettu raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżura, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-proċeduri xierqa. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix li jiġi eskluż li l-iżvestiment ta’ nutar maħtur bħala kummissarju ġudizzjarju fil-kuntest ta’ proċedura ta’ suċċessjoni partikolari jista’ jkun arbitrarju.

53      Minn dan isegwi li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tiggarantixxix li l-indipendenza tan-nutara maħtura bħala kummissarji ġudizzjarji fil-kuntest ta’ proċedura ta’ suċċessjoni ma tkunx kompromessa minn influwenzi indebiti, u għalhekk l-istess leġiżlazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 45 sa 48 ta’ din is-sentenza.

54      It-tieni nett, kif ġie indikat mill-Gvern Ċek waqt is-seduta, in-nutara, minkejja li jinħatru bħala kummissarji ġudizzjarji fil-kuntest ta’ proċedura ta’ suċċessjoni, ma humiex suġġetti għal sistema ta’ inkompatibbiltà mal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet oħra paragunabbli ma’ dik li tikkonċerna l-imħallfin, b’mod partikolari fir-rigward tal-fergħat l-oħra tal-poter. Għalhekk nutar għandu, pereżempju, il-possibbiltà li jsir membru tal-Parlament, filwaqt li fl-istess ħin ikompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ nutar.

55      L-assenza ta’ inkompatibbiltà bejn il-funzjonijiet ta’ nutar u l-eżerċizzju ta’ mandat parlamentari hija kkonfermata mid-digriet tal-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali), tas‑17 ta’ Settembru 2025, li fih din il-qorti rrilevat li n-nutara ma kinux suġġetti għal sistema ta’ inkompatibbiltà daqstant stretta daqs dik applikabbli għall-imħallfin, b’mod partikolari fir-rigward tal-fergħat l-oħra tal-poteri tal-Istat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet ta’ dik il-qorti dwar il-fatt li n-nutara ma għandhomx il-kwalità ta’ qorti fis-sens tal-Artikolu 95(2) tal-Kostituzzjoni ma jippreġudikawx il-kwalità ta’ “qorti jew tribunal” ta’ dan in-nutar fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, peress li dan il-kunċett huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-preċiżazzjonijiet li dan id-digriet jagħmel fir-rigward tal-istatus tan-nutar fid-dritt Ċek u tas-sistema legali applikabbli għalih.

56      Is-sitwazzjoni ta’ nutar maħtur bħala kummissarju ġudizzjarju fi proċedura ta’ suċċessjoni hija għalhekk nettament differenti minn dik tal-imħallfin, peress li l-istatus tiegħu ma jiggarantixxix li huwa jkun protett minn pressjonijiet esterni li ġejjin minn fergħat oħra tal-poteri tal-Istat.

57      Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għan-nutara ma tiggarantixxix, b’mod suffiċjenti, li n-nutara maħtura bħala kummissarji ġudizzjarji fi proċedura ta’ suċċessjoni jkunu protetti minn pressjonijiet esterni, kemm jekk diretti kif ukoll jekk indiretti, li jistgħu jnisslu dubju dwar l-indipendenza tagħhom u li jistgħu jiġu eżerċitati kemm mill-qorti li ħatrithom kif ukoll mill-poter leġiżlattiv u minn dak eżekuttiv.

58      Għaldaqstant, nutar maħtur bħala kummissarju ġudizzjarju fi proċedura ta’ suċċessjoni ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza li għandu jiġi ssodisfatt minn qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ikkunsidrat mill-perspettiva esterna tiegħu.

59      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li r-Regolament Nru 650/2012 jippreċiża, fl-Artikolu 3(2) tiegħu, li l-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jinkludi mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda wkoll kull awtorità oħra u kull professjonist legali ieħor b’kompetenza fil-qasam tas-suċċessjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din l-istess dispożizzjoni. Fil-fatt, dan il-kunċett hekk iddefinit għandu sens usa’ minn dak tal-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” imsemmi fl-Artikolu 267 TFUE. (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑1 ta’ Settembru 2021, OKR (Rinviju preliminari ta’ nutar), C‑387/20, EU:C:2021:751, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Barra minn hekk, l-imsemmija konklużjoni ma tippreġudikax l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, previst fl-Artikolu 267 TFUE, u lanqas l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li din id-dispożizzjoni hija intiża li tiżgura. Fil-fatt, hekk kif fakkar, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ rikorsi ġudizzjarji ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet li ma għandhomx il-kwalità ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, tippermetti li jiġu ggarantiti fi kwalunkwe każ kemm l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, previst f’din id-dispożizzjoni, kif ukoll l-unità ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE hija intiża li tiżgura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑1 ta’ Settembru 2021, OKR (Rinviju preliminari ta’ nutar), C‑387/20, EU:C:2021:751, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan ir-rigward, f’dan il-każ mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjoni mogħtija minn nutar fil-kwalità tiegħu ta’ kummissarju ġudizzjarju fil-proċedura tas-suċċessjoni tista’ tiġi appellata.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nutar maħtur bħala kummissarju ġudizzjarju fi proċedura ta’ suċċessjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

63      Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn dan in-nutar għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-korp tar-rinviju, huwa dak il-korp li għandu jiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tiddikjara:

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-soudní komisař (il-Kummissarju Ġudizzjarju, ir-Repubblika Ċeka), maħtur mill-Obvodní soud pro Prahu 1 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 1, ir-Repubblika Ċeka) fi proċedura ta’ suċċessjoni, bid-deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2024, hija inammissibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.