SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
18 ta’ Ġunju 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 77 u 79 – Rimedji – Eżerċizzju parallel – Rabta bejn it-tressiq ta’ lment quddiem awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni u l-eżerċizzju ta’ rimedju ġudizzjarju – Riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ effettività – Prinċipju tal-ekwivalenza”
Fil-Kawża C‑414/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Mejju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura
Datenschutzbehörde,
Dr. G S
fil-preżenza ta’:
Bundesministerin für Justiz,
D GmbH
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, I. Ziemele (Relatriċi), A. Kumin, S. Gervasoni u M. Bošnjak, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għad-Datenschutzbehörde, minn M. Schmidl u E. Wagner, |
|
– |
għal Dr. G S, minn S. Binder-Novak, Rechtsanwältin, |
|
– |
għal D GmbH, minn S. Korab, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u C. Gabauer, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn E. De Bonis, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M.Z. Fehér, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, M. Heller u H. Kranenborg, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Settembru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 77 u 79 tal-Artikolu 77(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Dr. G S u d-Datenschutzbehörde (l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem id-“DSB”) dwar iċ-ċaħda minn din l-awtorità tal-ilment imressaq minn Dr. G S, abbażi ta’ allegat ksur tad-dritt tagħha għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernaha, minħabba li s-suġġett tad-data kien preċedentement ressaq proċedura ġudizzjarja li għandha l-istess suġġett u li baqgħet pendenti quddiem il-qorti adita. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Skont il-premessi 6, 10, 11, 129 u 141 tal-GDPR:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 17 tal-GDPR, intitolat “Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’)”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(d) tiegħu: “Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin: […]
|
|
5 |
Il-Kapitolu VI tal-GDPR, bit-titolu “Awtoritajiet superviżorji indipendenti”, jinkludi l-Artikoli 51 sa 59 tiegħu. |
|
6 |
L-Artikolu 57 ta’ dan il-kapitolu, intitolat “Kompiti”, huwa fformulat kif ġej fil-paragrafu 1(f) tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għal kompiti oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandha fit-territorju tagħha: […]
|
|
7 |
L-Artikolu 58 tal-GDPR, intitolat “Setgħat”, jipprevedi: “Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha korrettivi li ġejjin:
|
|
8 |
Il-Kapitolu VIII tal-GDPR, bit-titolu “Rimedji, responsabbiltà u pieni”, jinkludi l-Artikoli 77 sa 84 tiegħu. |
|
9 |
L-Artikolu 77 tal-GDPR, intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja”, jipprovdi: “1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament. 2. L-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment inkluża l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 78.” |
|
10 |
L-Artikolu 78 tal-GDPR intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha. 2. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikoli 55 u 56 ma titrattax ilment jew ma tinformax lis-suġġett tad-data fi żmien tliet xhur dwar il-progress jew l-eżitu tal-ilment skont l-Artikolu 77.” |
|
11 |
L-Artikolu 79 tal-GDPR, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur ”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: 1. “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidra li nkisru d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament. 2. Proċedimenti kontra kontrollur jew proċessur għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbiliment. B’mod alternattiv, tali proċedimenti jistgħu jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn is-suġġett tad-data jkollu r-residenza abitwali tiegħu, sakemm il-kontrollur jew il-proċessur ma jkunx awtorità pubblika ta’ Stat Membru li taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħha. |
|
12 |
L-Artikolu 81 tal-GDPR, intitolat “Sospensjoni ta’ proċedimenti”, jistipula, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. Fejn proċedimenti li jikkonċernaw l-istess suġġett fir-rigward tal-ipproċessar tal-istess kontrollur jew proċessur ikunu pendenti f’qorti fi Stat Membru ieħor, kwalunkwe qorti kompetenti, ħlief il-qorti invokata l-ewwel, tista’ tissospendi l-proċedimenti tagħha. 3. Fejn dawk il-proċedimenti jkunu pendenti quddiem qrati tal-prim’istanza, kwalunkwe qorti, ħlief il-qorti invokata l-ewwel tista’ wkoll, mal-applikazzjoni ta’ wieħed mill-partijiet, iċċedi l-ġurisdizzjoni jekk il-qorti invokata l-ewwel ikollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet inkwistjoni u l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni tagħhom.” |
Id-dritt Awstrijak
|
13 |
L-Artikolu 94(1) tal-Bundes-Verfassungsgesetz (il-Liġi Kostituzzjonali Federali), ippubblikata mill-ġdid fit‑2 ta’ Jannar 1930 (BGBl. 1/1930), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi: “Il-ġustizzja hija indipendenti mill-amministrazzjoni fl-istanzi kollha. […]” |
|
14 |
L-Artikolu 24 tal-Bundesgesetz zum Schutz natürlicher Personen bei der Verarbeitung personenbezogener Daten (Datenschutzgesetz – DSG) (il-Liġi Federali dwar il‑Protezzjoni tal-Persuni Fiżiċi fir-rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali) (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data – DSG) tas‑17 ta’ Awwissu 1999 (BGBl. I, 165/1999), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, intitolat “Ilmenti indirizzati lill-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 5 u 4 tiegħu: “(1) Kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data jekk huwa jqis li l-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah jikser il-GDPR jew l-Artikolu 1 jew l-ewwel parti prinċipali tal-Artikolu 2. […] (4) Id-dritt għall-ipproċessar ta’ ilment jintemm jekk l-awtur tal-ilment ma jressaqx l-ilment fi żmien sena minn meta jsir jaf bl-avveniment li jikkawżalu preġudizzju u, fi kwalunkwe każ, fi żmien massimu ta’ tliet snin minn meta l-avveniment ikun allegatament seħħ. L-ilmenti mressqa tard huma miċħuda. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
Fit‑3 ta’ Lulju 2017, Dr. G, tabib, issottomettiet lill-kumpannija D, li topera pjattaforma ta’ riċerka għal tobba li tippermetti lil terzi jipprovdu evalwazzjonijiet u xhieda fuq tobba, talba intiża għat-tħassir ta’ ċerta data personali li tikkonċernaha, billi bbażat ruħha fuq is-sitwazzjoni legali preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-GDPR. Fl‑10 ta’ Lulju 2017, il-kumpannija D ċaħdet din it-talba għal tħassir. |
|
16 |
Wara dan ir-rifjut, Dr. G S ippreżentat rikors, f’Novembru 2017, quddiem qorti ċivili kontra din il-kumpannija, billi invoka, b’mod partikolari, ksur tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u billi talbet it-tħassir tad-data ppubblikata li tikkonċernaha. Barra minn hekk, hija talbet li din il-kumpannija tiġi ordnata tastjeni minn kull ipproċessar ulterjuri ta’ din id-data. |
|
17 |
Fit‑22 ta’ Ġunju 2018, wara d-dħul fis-seħħ tal-GDPR, Dr. G S reġgħet adixxiet lill-kumpannija D b’talba intiża sabiex tikseb it-tħassir tad-data personali li tikkonċernaha li ġiet ippubblikata fuq il-pjattaforma operata minnha. Din it-talba għal tħassir ta’ data ġiet miċħuda permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Lulju 2018. |
|
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fis‑26 ta’ Lulju 2018, Dr. G S ressqet ilment skont l-Artikolu 77 tal-GDPR quddiem id-DSB, billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament li jistabbilixxi d-dritt għat-tħassir. Permezz ta’ dan l-ilment, hija talbet lid-DSB tikkonstata ksur tad-dritt tagħha għall-protezzjoni tad-data personali, tordna lill-kumpannija D tħassar id-data personali kollha li tikkonċernaha li tinsab fuq il-pjattaforma tagħha u tastjeni minn kull ipproċessar ulterjuri tagħha. |
|
19 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2019, id-DSB ċaħdet dan l-ilment minħabba li dan u l-azzjoni ċivili mressqa f’Novembru 2017, kif imsemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, kellhom l-istess suġġett, jiġifieri t-tħassir tad-data personali li tikkonċerna lil Dr. G S kif ippubblikata fuq l-imsemmija pjattaforma. |
|
20 |
F’dan ir-rigward, id-DSB qieset li l-iżvolġiment parallel jew suċċessiv ta’ proċedura quddiem awtorità superviżorja u ta’ proċedura ġudizzjarja jmur, minn perspettiva sistematika, kontra l-mekkaniżmu ta’ protezzjoni legali stabbilit mill-GDPR. Fil-fehma tagħha, f’tali sitwazzjoni, l-awtorità superviżorja għandha tiddeċiedi dwar l-istess kwistjoni bħal dik imressqa quddiem il-qorti ċivili. Issa, l-eżerċizzju konkomitanti tad-dritt li jitressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja u tad-dritt li jiġi eżerċitat rimedju ġudizzjarju li għandu l-istess suġġett ma jistax jiġi aċċettat. |
|
21 |
Dr. G S ikkontestat id-deċiżjoni tad-DSB tal‑4 ta’ Jannar 2019 quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), li, permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2020, ċaħdet ir-rikors tagħha fi żmien meta s-sentenza mogħtija mill-qorti ċivili fit‑23 ta’ Lulju 2020, li ċaħdet it-talba ta’ Dr. G S, kienet għadha ma kisbitx natura definittiva. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) qieset li l-GDPR kien deliberatament stabbilixxa sistema doppja ta’ protezzjoni legali. Hija fakkret li, peress li l-GDPR kien direttament applikabbli, id-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji kellhom jitħallew mhux applikati. Għaldaqstant, l-ilment imressaq minn Dr. G S skont l-Artikolu 77(1) tal-imsemmi regolament ma setax jiġi miċħud għar-raġunijiet mogħtija mid-DSB, b’tali mod li, għall-kuntrarju, kellha tiġi kkonfermata l-kompetenza bħala prinċipju ta’ din l-awtorità superviżorja sabiex tiddeċiedi dwar dan l-ilment. |
|
23 |
F’dan il-kuntest, din il-qorti madankollu qieset dan l-ilment bħala tardiv sa fejn hija ma osservatx it-terminu ta’ dekadenza ta’ sena previst fl-Artikolu 24(4) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Peress li l-introduzzjoni tardiva ta’ lment skont l-Artikolu 77 tal-GDPR twassal ukoll għaċ-ċaħda tiegħu, skont il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), kien ġustament li l-ilment ta’ Dr. G S ġie miċħud. |
|
24 |
Sussegwentement, kemm Dr. G S, wara li l-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija) irrifjutat li teżamina r-rikors tagħha, kif ukoll id-DSB ippreżentaw talba għal reviżjoni tas-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
25 |
Din il-qorti tar-rinviju ma taqbilx mal-evalwazzjoni tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) li l-ilment ta’ Dr. G S huwa tardiv peress li ma ġiex osservat it-terminu ta’ sena stabbilit fl-Artikolu 24(2). Madankollu, l-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni li teżamina jekk iċ-ċaħda ta’ dan l-ilment setgħetx tkun legalment ibbażata fuq motivi oħra. Wara li fakkret il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2023:2) u tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura) (C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-motiv imressaq mid-DSB, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti li għandha l-istess suġġett bħall-imsemmi lment. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 94(1) tal-Liġi Kostituzzjonali Federali, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi li l-ġustizzja hija indipendenti mill-amministrazzjoni fl-istanzi kollha. Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi prinċipju ta’ separazzjoni bejn il-ġustizzja u l-amministrazzjoni, li jimplika li kawża għandha tiġi assenjata, fl-intier tagħha, jew lill-qrati, jew lill-awtoritajiet amministrattivi għall-finijiet tat-trattament tagħha. L-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi, għaldaqstant, li qrati u awtoritajiet amministrattivi jiddeċiedu fl-istess ħin jew suċċessivament fuq l-istess tilwima. |
|
26 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ilment imressaq quddiem l-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR jistax jiġi miċħud għas-sempliċi raġuni li rimedju ġudizzjarju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 79 ta’ dan ir-regolament u li għandu l-istess suġġett, ikun inbeda u li l-proċedura relatata miegħu tkun għadha pendenti quddiem il-qorti adita. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, sabiex tiġi evitata l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet kontradittorji, il-qorti tar-rinviju tqis li, billi ispirat ruħha mill-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 81(2) u (3) tal-GDPR, jista’ jiġi previst li, meta tilwima tkun pendenti quddiem il-qrati ċivili u l-awtoritajiet amministrattivi, il-korp adit fit-tieni lok ikun obbligat, minħabba l-prinċipju ta’ anterjorità, li jiċħad it-talba tas-suġġett tad-data. |
|
28 |
Madankollu, hija żżid li, f’każ ta’ ċaħda ta’ lment imressaq skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR sempliċement minħabba l-fatt li hemm proċedura ġudizzjarja pendenti, fil-mument ta’ din iċ-ċaħda ma jkunx għad hemm deċiżjoni dwar il-mertu fuq l-allegat ksur tal-protezzjoni tad-data personali, u għalhekk ikun għad ma hemmx riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji. |
|
29 |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, tqum il-kwistjoni dwar jekk għandhiex issir distinzjoni bejn l-ipoteżi fejn proċedura ġudizzjarja hija pendenti u l-ipoteżi fejn deċiżjoni fuq il-mertu tkun diġà ngħatat, anki jekk din tkun għadha ma hijiex definittiva. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
31 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 77(1) u l-Artikolu 79(1) tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità superviżorja, li hija adita minn ilment, skont dan l-Artikolu 77(1), tista’ tiċħad dan l-ilment minħabba li proċedura ġudizzjarja, imressqa skont dan l-Artikolu 79(1) u li għandha l-istess suġġett, tressqet preċedentement u minkejja li d-deċiżjoni mogħtija fil-qafas ta’ dan ir-rimedju għadha ma hijiex definittiva. |
|
32 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 32). |
|
33 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 77 u 79 tal-GDPR jaqgħu taħt il-Kapitolu VIII tal-GDPR, li dan tal-aħħar jirregola, b’mod partikolari, ir-rimedji legali li jippermettu li jiġu protetti d-drittijiet tas-suġġett tad-data meta d-data personali li tikkonċernah tkun is-suġġett ta’ pproċessar allegatament kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament. Il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet tista’ għalhekk tiġi invokata, b’mod partikolari, direttament mis-suġġett tad-data, skont l-Artikoli 77 sa 79 tal-istess regolament (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke, C‑21/23, EU:C:2024:846, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
F’dan ir-rigward, dwar il-formulazzjoni ta’ dawn l-Artikoli 77 sa 79, għandu jitfakkar li, qabel xejn, l-Artikolu 77(1) tal-GDPR jipprevedi li, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja. Sussegwentement, skont l-Artikolu 78(1) tal-imsemmi regolament, kull persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u kontra deċiżjoni ġuridikament vinkolanti ta’ awtorità ta’ kontroll li tikkonċernaha, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ekstraġudizzjarju ieħor. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 79(1) tal-imsemmi regolament jiggarantixxi lil kull suġġett tad-data d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, bla ħsara għal kull rimedju amministrattiv jew extraġudizzjarju disponibbli għalih, inkluż id-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77(1) tal-istess regolament (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke, C‑21/23, EU:C:2024:846, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet tal-GDP joffru rimedjindifferenti lill-persuni li jinvokaw ksur ta’ dan ir-regolament, peress li kull wieħed minn dawn ir-rimedji għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat “mingħajr preġudizzju” għall-oħrajn (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 34). |
|
36 |
Minn dan jirriżulta, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-GDPR ma jipprevedix kompetenza prijoritarja jew esklużiva u lanqas ma jistitwixxi ebda regola ta’ supremazija tal-evalwazzjoni mwettqa mill-awtorità jew mill-qrati msemmija fih fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet mogħtija minn dan ir-regolament. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rimedju previst fl-Artikolu 78(1) ta’ dan tal-aħħar, li l-iskop tiegħu huwa l-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja adottata abbażi tal-Artikolu 77 tal-imsemmi regolament, u dak previst fl-Artikolu 79(1) tal-istess regolament jistgħu għalhekk jiġu eżerċitati b’mod simultanju u indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 35). |
|
37 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-imsemmija dispożizzjonijiet tal-GDPR, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 57(1)(f) ta’ dan ir-regolament, kull awtorità superviżorja hija obbligata, fit-territorju tagħha, li tittratta l-ilmenti li kull suġġett tad-data, konformement mal-Artikolu 77(1) tal-imsemmi regolament, għandu d-dritt li jressaq meta jqis li pproċessar ta’ data personali li jikkonċernah ikun jikkostitwixxi ksur tal-istess regolament, u li teżamina s-suġġett ta’ dawn l-ilmenti sa fejn ikun meħtieġ u tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni fi żmien raġonevoli. L-awtorità superviżorja b’hekk għandha tittratta tali lment bid-diliġenza kollha meħtieġa (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, Land Hessen (Obbligu ta’ azzjoni mill-awtorità tal-protezzjoni tad-data) (C‑768/21, EU:C:2024:785, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif tikkonferma l-premessa 129 tal-GDPR, din l-awtorità għandha għalhekk rwol indispensabbli fis-sistema ta’ protezzjoni tad-data personali, li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni koerenti tar-regolament inkwistjoni fi ħdan l-Istati Membri. |
|
38 |
Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni kuntestwali hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mill-GDPR. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti lis-suġġetti tad-data kkonċernati mill-ipproċessar ta’ data personali l-possibbiltà li jeżerċitaw simultanjament u b’mod indipendenti r-rimedji previsti fl-Artikolu 77(1) u fl-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament l-GDPR hija konformi mal-għan imfittex mill-imsemmi regolament, li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessa 10 tiegħu, f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Unjoni. Il-premessa 11 tal-istess regolament tistabbilixxi, barra minn hekk, li protezzjoni effettiva ta’ din id-data teħtieġ li jissaħħu d-drittijiet tal-persuni kkonċernati. |
|
39 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ diversi rimedji jsaħħaħ l-għan stabbilit fil-premessa 141 tal-GDPR li jiġi ggarantit lil kull suġġett tad-data li jqis li d-drittijiet mogħtija lilu minn dan l-istess regolament huma miksura li jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 44). |
|
40 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli lis-suġġetti tad-data l-possibbiltà li jeżerċitaw b’mod simultanju u indipendenti r-rimedji previsti, minn naħa waħda, fl-Artikolu 77(1) u fl-Artikolu 78(1) tal-GDPR u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament taqa’ fil-għan tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 42). |
|
41 |
Madankollu, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa kull Stat Membru li għandu, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, jirregola l-modalitajiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarja intiżi sabiex jiżguraw livell għoli ta’ salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 45). |
|
42 |
Għaldaqstant, huwa abbażi tad-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li l-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina l-mod kif ir-rimedji previsti fl-Artikoli 77 sa 79 tal-GDPR għandhom jiġu implimentati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 46). |
|
43 |
B’mod partikolari, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ dawn ir-rimedji simultanji u indipendenti jidher li ma għandhomx jippreġudikaw l-effett utli u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet iggarantiti minn dan ir-regolament (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 47). |
|
44 |
F’dan ir-rigward, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili previsti għall-protezzjoni tad-drittijiet misluta mill-ordinament ġuridiku intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 48). |
|
45 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, meta l-Istati Membri jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet legali intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mill-GDPR, huma għandhom jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 50). |
|
46 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li s-sistema ta’ rimedji prevista mid-dritt Awstrijak tipprekludi li qrati u awtoritajiet amministrattivi jiddeċiedu b’mod parallel jew suċċessivament fuq l-istess tilwima. F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk ilment imressaq quddiem l-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR jistax jiġi miċħud għas-sempliċi raġuni li proċedura ġudizzjarju, ibbażata fuq l-Artikolu 79 ta’ dan ir-regolament u li għandha l-istess suġġett, tkun tressqet preċedentement u li l-proċedura relatata miegħu tkun għadha pendenti. |
|
47 |
Skont il-qorti tar-rinviju, tali relazzjoni bejn ir-rimedji legali tikkontribwixxi sabiex tiġi evitata l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet kontradittorji fir-rigward tal-istess talba. Madankollu, hija tenfasizza li, meta d-DSB tiċħad ilment imressaq skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR minħabba li proċedura ġudizzjarja mressqa konformement mal-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament hija pendenti quddiem il-qorti adita, din l-awtorità ma tistax tiġi żgurata li deċiżjoni fuq il-mertu ser effettivament tingħata fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Dan ikun b’mod partikolari l-każ jekk din il-proċedura tiġi miċħuda bħala inammissibbli, mingħajr ma tingħata deċiżjoni fuq il-mertu. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif imsemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 57(1)(f) tal-GDPR, kull awtorità superviżorja hija obbligata, fit-territorju tagħha, li tittratta l-ilmenti li kull persuna, b’konformità mal-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament, għandha d-dritt li tressaq meta tqis li pproċessar ta’ data personali li jikkonċernaha jikkostitwixxi ksur tal-imsemmi regolament, u li teżamina s-suġġett ta’ dawn l-ilmenti sa fejn ikun meħtieġ. L-awtorità superviżorja għandha tipproċedi bit-trattament ta’ tali lment bid-diliġenza kollha meħtieġa (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura), C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Fil-kuntest ta’ dan l-ipproċessar, din l-awtorità għandha, fir-rigward tal-miżuri korrettivi elenkati fl-Artikolu 58(2) tal-GDPR, marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-għażla tal-mezzi xierqa u neċessarji (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura), C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura ta’ lment, li ma hijiex simili għal dik ta’ petizzjoni, hija maħsuba bħala mekkaniżmu adattat sabiex jissalvagwardja b’mod effikaċi d-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-data (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura), C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 58). |
|
51 |
Fil-fatt, l-awtorità superviżorja hija obbligata tintervjeni meta l-adozzjoni ta’ waħda jew iktar mill-miżuri korrettivi previsti fl-Artikolu 58(2) tal-GDPR tkun xierqa, neċessarja u proporzjonata sabiex tirrimedja l-insuffiċjenza kkonstatata u tiżgura l-osservanza sħiħa ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2025, Inspektorat kam Visshia sadeben savet, C‑313/23, C‑316/23 u C‑332/23, EU:C:2025:303, punt 132). |
|
52 |
Ċertament, l-imsemmi dmir ta’ intervent jirrikjedi, b’mod partikolari, li meta l-awtorità superviżorja tirċievi lment u tkun informata bl-eżistenza ta’ proċedura ġudizzjarja mibdija skont l-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament u li jkollha l-istess suġġett, din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni debitament, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-ilment, tad-deċiżjoni li ser tagħlaq b’mod definittiv dik il-proċedura. |
|
53 |
Madankollu, ikun kontra dan l-istess għan li tippriva suġġett tad-data li l-ipproċessar ta’ data personali huwa relatat mill-benefiċċju ta’ tali mekkaniżmu ta’ protezzjoni billi tippermetti lil din l-awtorità superviżorja tiċħad l-ilment tiegħu minħabba biss li proċedura ġudizzjarja, imressqa skont l-Artikolu 79(1) tal-GDPR u li għandha l-istess suġġett, kienet tressqet preċedentement u minkejja li d-deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ din il-proċedura għadha ma hijiex definittiva. |
|
54 |
F’dan il-kuntest, fir-rigward tar-riskju li deċiżjonijiet kontradittorji jiġu adottati fir-rigward tal-istess ipproċessar ta’ data personali fi ħdan l-istess Stat Membru, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 55 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-Istat Membru jista’, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jipprevedi, pereżempju, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ sospensjoni li bis-saħħa tiegħu l-awtorità superviżorja, li quddiemha hemm ilment skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR, għandha l-possibbiltà jew hija obbligata tissospendi l-proċedura pendenti quddiemha meta proċedura ġudizzjarja, eżerċitata konformement mal-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament u li għandha l-istess suġġett, tressqet preċedentement. Tali sospensjoni tista’ tinżamm sakemm tingħata l-ewwel sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, u, jekk applikabbli, fil-każ ta’ appell kontra din is-sentenza, sakemm deċiżjoni tal-qorti ttemm b’mod definittiv it-tilwima kkonċernata. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eventwali sospensjoni tal-eżami ta’ lment imressaq skont l-Artikolu 77(1) tal-imsemmi regolament quddiem l-awtorità superviżorja fl-istennija ta’ deċiżjoni ġudizzjarja tidher li hija konformi kemm mar-rekwiżit li jiġi ggarantit id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kif ukoll mar-rekwiżit li jiġu protetti effettivament id-drittijiet iggarantiti mill-GDPR u li tiġi evitata l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet kontradittorji li jistgħu jippreġudikaw iċ-ċertezza legali. |
|
56 |
Min-naħa l-oħra, meta l-awtorità superviżorja tiċħad ilment għas-sempliċi raġuni li proċedura ġudizzjarja mressqa abbażi tal-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament hija pendenti, minn naħa, kif imsemmi fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, din l-awtorità ma jistax ikollha ċ-ċertezza li deċiżjoni fuq il-mertu ser effettivament tingħata fil-kuntest ta’ din il-proċeduri ġudizzjarji. Min-naħa l-oħra, it-tressiq ta’ lment ġdid jista’ jirriżulta impossibbli fil-każ fejn id-dritt nazzjonali jissuġġettah għall-osservanza ta’ terminu ta’ ammissibbiltà, bħalma huwa l-każ f’dan il-każ, u li dan it-terminu jkun diġà skada. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li s-suġġett tad-data li l-ipproċessar ta’ data personali jirrigwardah jiġi mċaħħad minn kull protezzjoni effettiva meta l-proċedura ġudizzjarja tiġi miċħuda għal raġuni proċedurali mingħajr ma tingħata deċiżjoni fuq il-mertu jew jekk huwa jkun jixtieq jirtira mill-proċedura ġudizzjarja tiegħu. |
|
57 |
Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, iċ-ċaħda ta’ lment imressaq quddiem l-awtorità superviżorja f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività, peress li din il-modalità ta’ relazzjoni bejn dawn ir-rimedji tista’ tikkomprometti l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet iggarantiti mill-GDPR. |
|
58 |
Minn dan isegwi li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex ta’ natura li jiżguraw il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet iggarantiti mill-GDPR, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni tal-proċedura ġudizzjarja simultanja u indipendenti miftuħa għas-suġġetti tad-data li għalihom jirrelata l-ipproċessar ta’ data personali. |
|
59 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 77(1) u l-Artikolu 79(1) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità superviżorja, li rċeviet ilment skont dan l-Artikolu 77(1), tkun tista’ tiċħdu għas-sempliċi raġuni li proċedura ġudizzjarja, imressqa konformement ma’ dan l-Artikolu 79(1), li għandha l-istess suġġett, kienet tressqet preċedentement u minkejja li d-deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ din il-proċedura tkun għadha ma kisbitx natura definittiva. |
Fuq l-ispejjeż
|
60 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikoli 77 u 1-Artikolu 79(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
jipprekludu li awtorità superviżorja, li rċeviet ilment skont dan l-Artikolu 77(1), tkun tista’ tiċħdu għas-sempliċi raġuni li proċedura ġudizzjarja, imressqa konformement ma’ dan l-Artikolu 79(1), li għandha l-istess suġġett, kienet tressqet preċedentement u minkejja li d-deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ din il-proċedura tkun għadha ma kisbitx natura definittiva. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.