|
14.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 127/26 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/600
tas-7 ta’ April 2021
dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti. |
|
(3) |
Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’din it-tabella. |
|
(4) |
Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dan il-perjodu jkun ta’ tliet xhur. |
|
(5) |
Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma tax opinjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-President tiegħu, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (KEE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ April 2021.
Għall-Kummissjoni
Gerassimos THOMAS
Direttur Ġenerali
Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
ANNESS
|
Deskrizzjoni tal-oġġetti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi - NM) |
Raġunijiet |
|
(1) |
(2) |
(3) |
|
Vireg ta’ liga tat-tungstenu, li fihom aktar minn 94 % bil-piż ta’ tungstenu u 1,5 % skont il-piż ta’ lantanu, b’tul ta’ 150 mm u dijametru ta’ 3 mm. Il-vireg ma jinkisbux biss permezz ta’ tgħaqqid bis-sħana, ma għandhom l-ebda kisja u mhumiex imqaxxra b’materjal flussanti. Huma bla ponta fit-truf tagħhom (jiġifieri mingħajr ponot ippuntati) u huma mmarkati individwalment bil-kulur. L-immarkar tal-kulur jindika l-element li jilliga u l-kontenut tat-tungstenu. Il-vireg huma ppakkjati f’lottijiet. Il-vireg huma ddisinjati biex jaqtgħu u jintużaw bħala elettrodi tal-iwweldjar għall-iwweldjar TIG (Tungsten Inert Gas). L-għan tal-elettrodu matul dan il-proċess ta’ wweldjar huwa li jifforma l-ark bejn l-elettrodu u l-oġġett li qed jinħadem. L-elettrodu ma jinħallx matul il-proċess; jiġifieri ma jistax jiġi kkunsmat. |
8101 99 10 |
Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 3 u n-nota 5(a) tat-Taqsima XV, in-nota 1(d) tal-Kapitolu 74, in-nota 1 tas-Sottointestatura tal-Kapitolu 81 u bil-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 8101 , 8101 99 u 8101 99 10 . Il-vireg jeħtieġ li jgħaddu minn proċess speċjali ta’ tħin tal-ponta sabiex tinkiseb il-forma tal-ponta meħtieġa biex isiru elettrodi li jistgħu jintużaw kif suppost għall-iwweldjar TIG. Għalhekk, meta jiġi ppreżentat lid-dwana, il-karatteristiki objettivi tal-oġġett mhumiex dawk tal-elettrodi tal-iwweldjar għal magni tal-iwweldjar tal-intestatura 8515 . Konsegwentement, il-klassifikazzjoni bħala partijiet ta’ magni jew apparat għall-iwweldjar bl-ark ta’ metalli tal-intestatura 8515 hija eskluża. Minħabba l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, l-oġġett jikkorrispondi għall-formulazzjoni tal-intestatura 8101 , li tinkludi t-tungstenu (wolfram) u l-oġġetti tiegħu. (Ara wkoll l-ewwel paragrafu tan-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) għall-intestatura 8101 , li jindika li t-tungstenu (wolfram) fil-forma ta’ żbarri rrumblati jew miġbudin jaqa’ f’din l-intestatura. Dik id-dispożizzjoni hija wkoll konformi mal-ewwel paragrafu tal-HSEN tal-intestatura 8311 , li skontu elettrodi ta’ metall ta’ valur baxx mhux miksijin jew imqaxxrin b’materjal tal-fluss huma esklużi mill-intestatura 8311 u għandhom jiġu kklassifikati fil-Kapitoli xierqa skont il-materjal kostitwenti tagħhom.) Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8101 99 10 bħala biċċiet u vireg, għajr dawk magħmulin sempliċiment mis-sinterizzazzjoni, tat-tungstenu. |