SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
27 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Trattament tal-ilma urban mormi – Direttiva 91/271/KEE – Artikoli 4, 5 u 10 – Tniġġis ta’ żoni sensittivi – Impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 260(2) TFUE – Sanzjonijiet pekunjarji – Pagament ta’ penalità – Somma f’daqqa”
Fil-Kawża C‑515/23,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, imressaq fil‑10 ta’ Awwissu 2023,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Di Benedetto, M. Russo u F. Severi, avvocati dello Stato,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Kumin, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur), President tal-Ewwel Awla, u I. Ziemele, Imħallef,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: G. Chiapponi, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Novembru 2024,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Il‑kuntest ġuridiku
|
2 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 311, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/271”), jipprevedi: “Din id-Direttiva tikkonċerna l-ġbir, it-trattament u l-iskariki ta’ ilma mormi urban u t-trattment u l-iskariki ta’ ilma mormi minn ċertu setturi industrijali. L-għan tad-Direttiva huwa li tipproteġi l-Ambjent minn effetti negattivi iskariki ta’ ilma mormi hawn fuq imsemmija.” |
|
3 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva: “Għall-għan ta’ din id-Direttiva:
[…]
[…]
[…]” |
|
4 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-agglomerazzjonijiet kollha jkunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir għall-ilma mormi urban,
u
Għall-ilma mormi urban li jispiċċa f’ilmijiet li jilqgħu dan id-drenaġġ u li huma kkunsidrati bħala ‘żoni sensittivi’ kif mfisser taħt l-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sistemi ta’ ġbir ikunu disponibbli sa mhux aktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 1998 għall-agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10000 e.p. Fejn it-twaqqif ta’ sistemi ta’ ġbir ma jkunx iġġustifikat jew għaliex dan ma jkun jipprovdi l-ebda benefiċċju ambjentali jew għaliex ikun jinvolvi spiża eċċessiva, għandhom jintużaw sistemi individwali jew sistemi adatti oħra li jkunu jilħqu l-istess livell ta’ protezzjoni ambjentali. 2. Sistemi ta’ ġbir deskritti fil-paragrafu 1 għandhom jilħqu l-kriterji ta’ l-Anness I (A). […]” |
|
5 |
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu ma jkun skarikat ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti ieħor kif ġej:
[…] 3. L-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban deskritti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jilħqu l-kriterji rilevanti ta’ l-Anness I. B. […] […]” |
|
6 |
L-Artikolu 5(1) u (5) tad-Direttiva 91/271 jipprovdi li: “1. Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri sal‑31 ta’ Diċembru 1993 għandhom jidentifikaw żoni sensittivi skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness II. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jippermettu l-iskarikar tiegħu f’żoni sensittivi, soġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4, sa mhux aktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 1998 għall-skariki kollha minn agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10000 e.p. 3. L-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban deskritti fil-paragrafu 2 għandhom jilħqu l-kriterji rilevanti ta’ l-Anness I B. […] 4. Alternattivament, kriterji għall-impjanti individwali stabbiliti fil-paragrafi 2u 3 hawn fuq m’għandhomx għalfejn ikunu applikabbli f’żoni sensittivi fejn jista’ jintwera li l-persentaġġ minimu ta’ tnaqqis tat-toqol ġenerali li jidħol fl-impjanti tat-trattament ta’ l-ilma mormi kollha f’dik iż-żona jkun minn ta’ lanqas 75 % għall-fosfru totali u minn ta lanqas 75 % għan-nitroġenu totali. 5. Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban li jkunu jinsabu fiz-żoni li fihom jinġabar l-ilma relevanti ta’ żoni sensittivi u li jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ dawn iż-żoni għandhom ikunu soġġetti għall-paragrafi 2, 3 u 4. […]” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban mibnija biex iħarsu l-kriterji ta’ l-Artikoli 4, 5, 6 u 7 ikunu ppjanati, mibnija, mħaddma u miżmuma biex jiżguraw operat suffiċjenti taħt il-kondizzjonijiet klimatiċi normali kollha. Meta dawn l-impjanti jkunu qed jiġu mfassla, għandhom jiġu kkunsidrati varjazzjonijiet tat-toqol skond l-istaġuni tas-sena”. |
|
8 |
L-Anness I tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Rekwiżiti għall-Ilma Mormi Urban”, huwa fformulat kif ġej: “A. Sistemi ta’ ġbir […] Is-sistemi ta’ ġbir għandhom jikkunsidraw il-kriterji tat-trattament ta’ l-ilma mormi. Id-disinn, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tas-sistemi ta’ ġbir għandhom isru skond l-aħjar għarfien tekniku li ma jkunx jinvolvi spejjeż eċċessivi, partikolarment dwar:
B. Skarikar minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi għall-ilmijiet li riċeventi […]
[…]” |
Il-Kawża C‑85/13
|
9 |
Permezz tas-sentenza C‑85/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tiżgura li:
ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 3 u/jew l-Artikolu 4 u/jew l-Artikolu 5 kif ukoll l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/271. |
Il‑proċedura prekontenzjuża u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
10 |
Sabiex tivverifika l-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑85/13, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Taljana, permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Mejju 2014, informazzjoni dwar il-miżuri meħuda għal dan l-għan. Fil‑15 ta’ Jannar u fil‑15 ta’ Ottubru 2015 kif ukoll fil‑31 ta’ Jannar 2017, din l-istituzzjoni stiednet lil dan l-Istat Membru jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar il-progress imwettaq fil-qasam tat-tqegħid f’konformità tal-agglomerazzjonijiet koperti mill-imsemmija sentenza magħha u ppreżentat l-evalwazzjoni tagħha stess tas-sitwazzjoni tal-agglomerazzjonijiet iddikjarati konformi mill-awtoritajiet Taljani. |
|
11 |
Permezz ta’ ittri tal‑15 u tal‑25 ta’ Lulju 2014, tal‑20 ta’ Frar, tad‑19 ta’ Marzu, tat‑22 ta’ Settembru u tat‑23 ta’ Novembru 2015, tat‑2 ta’ Marzu, tat‑23 ta’ Settembru u tat‑30 ta’ Settembru 2016, tat‑12 ta’ Jannar, tas‑27 ta’ Frar, tal‑24 ta’ Mejju u tas‑27 ta’ Lulju 2017 kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2018, ir-Repubblika Taljana pprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-miżuri adottati u l-implementazzjoni tagħhom. |
|
12 |
Peress li qieset li r-Repubblika Taljana kienet ikkonformat ruħha biss parzjalment mas-sentenza C‑85/13, il-Kummissjoni bagħtitilha, fit‑18 ta’ Mejju 2018, ittra ta’ intimazzjoni skont l-Artikolu 260(2) TFUE, dwar erbatax mill-agglomerazzjonijiet imsemmija f’din is-sentenza li kienu għadhom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271, u stiednet lil dan l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi din l-ittra. |
|
13 |
Ir-Repubblika Taljana wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Lulju 2018. Sussegwentement, dan l-Istat Membru bagħat lill-Kummissjoni diversi komunikazzjonijiet u noti li jinkludu, b’mod partikolari, aġġornamenti ta’ kull sitt xhur tal-istat ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza C‑85/13. |
|
14 |
Peress li kkunsidrat, fid-dawl tal-elementi pprovduti, li r-Repubblika Taljana kienet għadha ma eżegwietx kompletament is-sentenza C‑85/13, fid-dawl tas-sitwazzjoni persistenti ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ din is-sentenza ta’ ħames agglomerazzjonijiet imsemmija minnha, jiġifieri Castellammare del Golfo I, Cinisi, Terrasini, Trappeto (Sicilia) u Courmayeur (Valle d’Aosta), disa’ snin wara l-għoti tal-imsemmija sentenza u iktar minn għoxrin sena wara l-iskadenza tat-termini ta’ konformità previsti fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 91/271, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
L-argumenti tal-partijiet
|
15 |
Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Taljana li ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza C‑85/13, peress li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, jiġifieri t‑18 ta’ Lulju 2018, iżda wkoll fit‑30 ta’ Ġunju 2023, data tal-aħħar aġġornament tal-istat ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza li dan l-Istat Membru bagħat lil din l-istituzzjoni, fil-ħames agglomerazzjonijiet imsemmija f’dan ir-rikors, jiġifieri Castellammare del Golfo I, Cinisi, Terrasini, Trappeto (Sicilia) u Courmayeur (Valle d’Aosta), peress li l-popolazzjoni ekwivalenti tagħhom hija ta’ iktar minn 10000, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 4, 5 u 10 tad-Direttiva 91/271 kienu għadhom ma ġewx osservati. |
|
16 |
Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li mill-evalwazzjoni tat-tweġibiet pprovduti mir-Repubblika Taljana għall-ittra ta’ intimazzjoni jirriżulta li dan l-Istat Membru kien għadu ma ħax, fid-data rilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jiġifieri t‑18 ta’ Lulju 2018, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżgura li, f’erbgħa mill-ħames agglomerazzjonijiet imsemmija f’dan ir-rikors, jiġifieri Castellammare del Golfo I, Cinisi, Terrasini u Courmayeur, li l-popolazzjoni ekwivalenti tagħhom hija ta’ iktar minn 10000, l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir huwa suġġett, qabel ma jintrema, għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani ammettew matul il-proċedura prekontenzjuża l-persistenza tal-ksur ta’ dan l-artikolu. |
|
17 |
Il-Kummissjoni ssostni, fit-tieni lok, fid-dawl tat-tweġibiet mogħtija mir-Repubblika Taljana għall-ittra ta’ intimazzjoni, li dan l-Istat Membru kien għadu ma ħax, fid-data msemmija fil-punt preċedenti, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżgura li, f’erbgħa mill-ħames agglomerazzjonijiet imsemmija f’dan ir-rikors, jiġifieri, Castellammare del Golfo I, Cinisi, Terrasini u Trappeto, li l-popolazzjoni ekwivalenti tagħhom hija ta’ iktar minn 10000 u li jiżbokkaw l-iskariki tagħhom f’ilmijiet riċeventi kklassifikati bħala “żoni sensittivi”, l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir ikun suġġett, qabel ma jiġi skarikat, għal trattament iktar strett minn trattament sekondarju jew ekwivalenti, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271. |
|
18 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-agglomerazzjoni ta’ Trappeto, il-Kummissjoni tippreċiża li mit-tweġibiet tar-Repubblika Taljana għall-ittra ta’ intimazzjoni u mill-aġġornamenti ppreżentati minn dan l-Istat Membru dwar l-istat ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza C‑85/13 jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ din l-agglomerazzjoni, fid-data rilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jiġifieri t‑18 ta’ Lulju 2018, kienet għadha ma hijiex konformi mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271, li l-awtoritajiet Taljani kienu jaqblu dwar dan wkoll fl-aħħar aġġornament ikkomunikat fit‑30 ta’ Ġunju 2023. |
|
19 |
Il-Kummissjoni tosserva, f’dan il-kuntest, li l-awtoritajiet Taljani ddikjaraw, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża relatata ma’ din il-kawża, tagħbija ta’ 7783 popolazzjoni ekwivalenti ġġenerata mill-agglomerazzjoni ta’ Trappeto, inqas minn dak li kienu ddikjaraw preċedentement fit-tweġiba tagħhom għall-opinjoni motivata skont l-Artikolu 258 TFUE u li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat fis-sentenza C‑85/13. Madankollu, huma ma pprovdewx motivazzjoni ċara u preċiża, sostnuta minn elementi konkreti li juru t-tnaqqis tat-tagħbija. F’dan ir-rigward, id-data prodotta mir-Repubblika Taljana fl-anness tar-risposta tagħha insostenn tal-eżistenza ta’ tagħbija ta’ 8910 popolazzjoni ekwivalenti ġġenerata minn din l-agglomerazzjoni ma tistax timla l-assenza ta’ provi għall-passat, iżda tista’ biss tidħol fis-seħħ mid-data li fiha din ġiet prodotta, jiġifieri t‑18 ta’ Ottubru 2023. |
|
20 |
Barra minn hekk, peress li l-ilma mormi tal-agglomerazzjoni ta’ Trappeto huwa skarikat f’żona sensittiva li għandha frekwentazzjoni turistika importanti u peress li jeżisti dubju dwar l-interpretazzjoni tad-data pprovduta mill-awtoritajiet Taljani, l-Kummissjoni tipproponi li tipprivileġġa qari ta’ din id-data fis-sens li din l-agglomerazzjoni tibqa’ suġġetta għall-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271. Fil-fatt, tali interpretazzjoni hija l-unika waħda konformi mal-għan ta’ din id-direttiva, li huwa intiż li jipproteġi l-ambjent kontra ħsara kkawżata mill-iskariki tal-ilma mormi. |
|
21 |
II-Kummissjoni tfakkar, fit-tielet lok, li ksur tal-Artikolu 4 jew tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271 jimplika neċessarjament ksur tal-Artikolu 10 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Sistemi ta’ ġbir tal-ilma mormi f’ċerti żoni), C‑668/19, EU:C:2021:815, punti 94 sa 96). Issa, fid-dawl tar-risposti mogħtija mir-Repubblika Taljana għall-ittra ta’ intimazzjoni u fid-dawl tal-persistenza tal-ksur, minn dan l-Istat Membru, tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 4 u 5 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi Stat Membru kien għadu ma ħax, fid-data rilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jiġifieri t‑18 ta’ Lulju 2018, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżgura li, fil-ħames agglomerazzjonijiet imsemmija f’dan ir-rikors, jiġifieri f’Castellammare del Golfo I, f’Cinisi, Terrasini, f’Trappeto u f’Courmayeur, l-impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi mibnija sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 4 sa 7 tal-imsemmija direttiva jkunu ddisinjati, mibnija, operati u miżmuma b’mod li jiggarantixxu prestazzjonijiet suffiċjenti fil-kundizzjonijiet klimatiċi normali tal-post fejn jinsabu u sabiex l-impjanti ta’ trattament ikunu maħsuba b’mod li jieħdu inkunsiderazzjoni l-varjazzjonijiet staġjonali tat-tagħbija, kif jeżiġi l-Artikolu 10 tal-istess direttiva. |
|
22 |
Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li r-Repubblika Taljana ma kkonformatx ruħha b’mod sħiħ mas-sentenza C‑85/13, u, għaldaqstant, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(2) TFUE. |
|
23 |
Ir-Repubblika Taljana, mingħajr ma tikkontesta s-sitwazzjoni fattwali deskritta fir-rikors tal-Kummissjoni, tirreferi, fl-ewwel lok, għall-interventi neċessarji sabiex l-agglomerazzjonijiet ta’ Castellammare del Golfo I, ta’ Cinisi u ta’ Terrasini jkunu konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 4, 5 u 10 tad-Direttiva 91/271. Dawn l-interventi jikkonsistu, minn naħa, f’li l-agglomerazzjoni ta’ Castellammare del Golfo I tiġi mgħammra b’impjant ġdid ta’ trattament ta’ taħt l-art kif ukoll, min-naħa l-oħra, fl-adattament u t-tisħiħ tal-impjant ta’ trattament konġunt ta’ Contrada Ciachea f’Carini, għall-finijiet tat-trattament tal-ilma mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Cinisi u ta’ Terrasini. L-iskeda għat-tlestija tal-miżuri neċessarji għal dan l-għan, ippreżentat fir-risposta, jipprevedi t-tqegħid f’konformità tas-sitwazzjoni tal-agglomerazzjoni ta’ Castellammare del Golfo I ma’ din id-direttiva fix-xahar ta’ Lulju 2027 kif ukoll dik tas-sitwazzjoni tal-agglomerazzjonijiet ta’ Cinisi u ta’ Terrasini fix-xahar ta’ Marzu 2027. |
|
24 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-agglomerazzjoni ta’ Trappeto, ir-Repubblika Taljana teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271, minħabba varjazzjonijiet fit-tagħbija li seħħew wara d-data tal-għoti tas-sentenza C‑85/13. |
|
25 |
Ir-Repubblika Taljana tirrileva, f’dan ir-rigward, li s-sentenza C‑85/13 u l-ittra ta’ intimazzjoni tat‑18 ta’ Mejju 2018 kienu jikkonċernaw biss l-agglomerazzjonijiet li l-popolazzjoni ekwivalenti tagħhom kienet ta’ iktar minn 10000, u għalhekk li din il-kawża hija, hija wkoll, limitata għal dawn l-agglomerazzjonijiet. Għalkemm, fil-kuntest tal-proċedura għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, l-awtoritajiet Taljani kkomunikaw lill-Kummissjoni tagħbija ġġenerata ta’ iktar minn 10000 popolazzjoni ekwivalenti għall-agglomerazzjoni ta’ Trappeto, ir-rapport tal-Assemblea Territoriale Idrica (l-Assemblea Territorjali tal-Ilma, l-Italja), mehmuż mar-risposta, iżomm tagħbija ġġenerata ta’ 8910 popolazzjoni ekwivalenti għal din l-agglomerazzjoni, ikkalkolat skont metodu li jikkonsisti fl-esklużjoni tal-kontribuzzjoni tad-djar imsejħa “mifruxa” u tan-“nukleji iżolati” mill-kalkolu tat-tagħbija ġġenerata mill-imsemmija agglomerazzjoni. Minn dan isegwi li l-istess agglomerazzjoni, li t-tagħbija ġġenerata reali tagħha hija inqas minn 10000 popolazzjoni ekwivalenti, ma hijiex iktar suġġetta għall-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 91/271 injorati mill-allegati nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi. |
|
26 |
Ir-Repubblika Taljana żżid li x-xogħlijiet sabiex l-agglomerazzjoni ta’ Trappeto tiġi mgħammra b’impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi adattat sabiex jiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 91/271 tlestew u li t-testijiet statiċi u tekniċi-funzjonali kienu qegħdin jitwettqu fid-data tal-preżentata tar-risposta tagħha Dan l-Istat Membru jehmeż ma’ din ir-risposta analiżijiet ta’ kampjuni meħuda kull sitt xhur imwettqa bejn ix-xahar ta’ April u x-xahar ta’ Settembru 2023 bħala prova tal-funzjonament tajjeb ta’ dan l-impjant ta’ trattament. |
|
27 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-agglomerazzjoni ta’ Courmayeur, ir-Repubblika Taljana tippreċiża li din għandha titqies li hija konformi “minn perspettiva fiżika” mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva 91/271 sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2023. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jirreferi għad-data li huwa diġà kkomunika lill-Kummissjoni, fil‑31 ta’ Lulju 2020, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża u għad-data l-ġdida li tinsab fir-risposta tiegħu sabiex juri li n-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva ma jirrigwardax it-totalità tat-tagħbija ġġenerata mill-imsemmija agglomerazzjoni, jiġifieri 60000 popolazzjoni ekwivalenti, iżda biss fuq 37200 popolazzjoni ekwivalenti, peress li t-22 800 popolazzjoni ekwivalenti li jifdal huma diġà ttrattati korrettament mill-impjant ta’ trattament ta’ La Salle, muniċipalità li tagħmel parti mill-agglomerazzjoni ta’ Courmayeur. L-imsemmi Stat Membru jżid li, fi tmiem ix-xogħlijiet ta’ twettiq tal-partijiet tad-dranaġġ intiżi għat-trasport tal-ilma mormi skarikat mill-muniċipalità ta’ Courmayeur lejn l-impjant ta’ trattament ta’ La Salle, huwa għandu wkoll jibgħat lill-Kummissjoni ċ-ċertifikati li jiċċertifikaw it-tlestija tax-xogħlijiet u l-analiżi tal-iskariki, sabiex juri l-funzjonament tajjeb ta’ dan l-impjant. |
|
28 |
Il-Kummissjoni tqis, fir-replika tagħha, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Courmayeur, li, l-ewwel nett, id-data kkomunikata mir-Repubblika Taljana fir-risposta tagħha ma hijiex suffiċjentement affidabbli, fid-dawl tal-marġni ta’ żball li għandha, it-tieni nett, din id-data ma tistax tinfluwenza l-formula ta’ tnaqqis proposta għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, peress li hija l-konformità tal-agglomerazzjoni kollha kemm hi li hija rilevanti għal dan l-għan, u, it-tielet nett, l-awtoritajiet Taljani jirrikonoxxu, huma stess, li din hija data ta’ natura varjabbli u mhux definittiva. |
|
29 |
Ir-Repubblika Taljana tirrileva, fil-kontroreplika tagħha, li ġew adottati miżuri ġodda sabiex titħaffef l-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑85/13. Dan l-Istat Membru jirreferi, f’dan ir-rigward, għad-Digriet-Liġi Nru 181, tad‑9 ta’ Diċembru 2023, ikkonvertit bil-Liġi Nru 11, tat‑2 ta’ Frar 2024 (GURI Nru 31, tas‑7 ta’ Frar 2024), li tikkompleta l-kompetenzi tal-kummissarju uniku, responsabbli għal din l-eżekuzzjoni għall-implimentazzjoni tal-interventi fil-qasam tal-ilma urban mormi. Id-dispożizzjonijiet adottati b’dan il-mod jagħtu risposta preċiża għall-ostakoli prinċipali li ltaqa’ magħhom il-kummissarju uniku, li dewmu l-eżekuzzjoni ta’ dawn l-interventi. |
|
30 |
L-imsemmi Stat Membru jipprovdi, barra minn hekk, indikazzjonijiet supplimentari dwar l-iżvilupp previst fis-sitwazzjoni tal-ħames agglomerazzjonijiet imsemmija fir-rikors tal-Kummissjoni. |
|
31 |
L-ewwel nett, sabiex jagħti spinta u jħaffef it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet neċessarji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑85/13, il-kummissarju uniku applika miżuri ta’ aċċellerazzjoni għall-kuntratti pubbliċi li għadhom ma ngħatawx, li kellhom jippermettu, minn naħa, li l-Castellammare del Golfo I tintlaħaq f’konformità mad-Direttiva 91/271 fix-xahar ta’ Diċembru 2026 u, min-naħa l-oħra, li jsir progress b’madwar sitt xhur fit-tlestija tax-xogħlijiet ippjanati għal Cinisi u Terrasini. |
|
32 |
It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-agglomerazzjoni ta’ Trappeto, ix-xogħlijiet ta’ adattament u ta’ tisħiħ tal-impjant ta’ trattament tagħha mwettqa sabiex jiġi rrimedjat il-ksur tad-dritt tal-Unjoni tlestew u l-ġestjoni tal-impjant ta’ trattament ngħatat, fit‑22 ta’ Diċembru 2023, lil AMAP SpA, ġestjonarja tas-servizz tal-ilma integrat tal-Ambito Territoriale Ottimale (iktar ’il quddiem l-“ATO”) di Palermo (Żona Territorjali Ottimali ta’ Palermo, l-Italja). Ir-Repubblika Taljana tippreżenta, fil-kontroreplika tagħha, r-riżultati tar-rapporti ta’ testijiet magħmula lill-impjant ta’ trattament ta’ Trappeto matul il-perijodu ta’ bejn it‑23 ta’ Ġunju u l‑15 ta’ Diċembru 2023, li minnhom jirriżulta li dan l-impjant ta’ trattament issa jiggarantixxi l-osservanza tal-limiti ta’ emissjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 91/271 għall-iskariku tal-ilma urban mormi f’ilmijiet riċeventi kkunsidrati bħala żoni sensittivi. |
|
33 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Courmayeur, ix-xogħlijiet ta’ ġbir u ta’ konnessjoni ta’ din l-agglomerazzjoni tlestew fix-xahar ta’ Diċembru 2023, li jippermettu li tiġi kkompletata s-sistema ta’ ġbir ta’ din l-agglomerazzjoni. Skont l-analiżi mwettqa fix-xahar ta’ Jannar 2024, annessi mal-kontroreplika, l-impjant ta’ trattament tal-imsemmija agglomerazzjoni, li issa jirċievi l-ilma mormi kollu tagħha, irriżulta effikaċi fit-trattament tal-ilma li joriġina mill-aħħar pajpijiet konnessi u josserva l-limiti ta’ emissjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 91/271 għall-iskariku tal-ilma urban mormi fiż-żoni sensittivi. Konsegwentement, l-agglomerazzjoni ta’ Courmayeur hija konformi ma’ din id-direttiva, mhux biss mill-perspettiva fiżika, mat-tlestija u mal-konnessjoni tas-sistemi ta’ ġbir mal-impjant ta’ trattament ta’ La Salle, iżda wkoll mill-perspettiva funzjonali u tal-effikaċja tat-trattament. Konsegwentement, din l-agglomerazzjoni għandha tiġi eskluża mis-suġġett tar-rikors. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
34 |
Skont l-Artikolu 260(2) TFUE, jekk il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru ikkonċernat ma adottax il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tista’ tadixxi lil din tal-aħħar, wara li tkun tat lil dan l-Istat Membru l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, filwaqt li tindika l-ammont tas-somma f’daqqa jew tal-pagamenti ta’ penalità li għandhom jitħallsu minn dan l-Istat Membru li hija tqis adatti għaċ-ċirkustanzi. |
|
35 |
F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-Repubblika Taljana adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza C‑85/13, għandu jiġi vverifikat jekk din tal-aħħar osservatx b’mod sħiħ l-Artikoli 4 u/jew 5 kif ukoll 10 tad-Direttiva 91/271. |
|
36 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, id-data ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali nuqqas ta’ twettaq ta’ obbligu hija dik ta’ meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa skont din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ Applikanti għal Protezzjoni Internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni bagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni fit‑18 ta’ Mejju 2018, id-data ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-imsemmi nuqqas ta’ twettaq ta’ obbligu fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din l-ittra, jiġifieri t‑18 ta’ Lulju 2018. |
|
38 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-agglomerazzjonijiet ta’ Castellammare del Golfo I, ta’ Cinisi u ta’ Terrasini, ir-Repubblika Taljana tirrikonoxxi l-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikoli 4, 5 u 10 tad-Direttiva 91/271. Għalhekk, fit-tweġibiet tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni u fin-noti tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-Istat Membru indika li x-xogħlijiet ta’ infrastruttura neċessarji sabiex dawn l-agglomerazzjonijiet jiġu mgħammra b’sistemi ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma urban mormi konformi mal-obbligi li jirriżultaw minn dawn l-artikoli kienu għadhom iridu jitwettqu fit‑18 ta’ Lulju 2018. Skont l-aħħar elementi ppreżentati minn dan l-Istat Membru fil-kontroreplika tiegħu, il-konformità ta’ dawn it-tliet agglomerazzjonijiet għandha titlesta qabel tmiem is-sena 2026. |
|
39 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-agglomerazzjoni ta’ Trappeto, l-argument tar-Repubblika Taljana dwar l-inammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq il-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271, minħabba li għal din l-agglomerazzjoni kellha tinżamm tagħbija ta’ inqas minn 10000 popolazzjoni ekwivalenti, li kien jeżentaha mill-obbligu li tosserva r-rekwiżiti previsti f’dan l-artikolu, ma jistax jintlaqa’. |
|
40 |
Fil-fatt, il-fatt li Stat Membru jiġi permess, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE, jinvoka, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba, bidla fil-metodu ta’ kalkolu tat-tagħbija ġġenerata minn agglomerazzjoni msemmija fis-sentenza li kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu meta mqabbel ma’ dak li fuqu kienu bbażati l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza jista’ jippreġudika n-natura definittiva tal-imsemmija sentenza, li għandha l-awtorità ta’ res judicata. |
|
41 |
Anki jekk tali argument jiġi aċċettat, l-elementi l-ġodda invokati mir-Repubblika Taljana ma jippermettux li jintwera, la fid-data tat‑18 ta’ Lulju 2018 u lanqas f’data sussegwenti, li t-tagħbija ġġenerata mill-agglomerazzjoni ta’ Trappeto hija inqas minn 10000 popolazzjoni ekwivalenti u, għaldaqstant, li din l-agglomerazzjoni hija eżentata mill-obbligu li tosserva r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271. |
|
42 |
Fil-fatt, minn naħa, it-tagħbija ta’ 7783 popolazzjoni ekwivalenti ikkomunikata mill-awtoritajiet Taljani lill-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża ma ġietx issostanzjata, fatt li r-Repubblika Taljana tammetti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Min-naħa l-oħra, fir-risposta tiegħu dan l-Istat Membru invoka tagħbija ta’ 8910 popolazzjoni ekwivalenti ġġenerata mill-agglomerazzjoni ta’ Trappeto, li tirriżulta minn rapport tal-Assemblea Territorjali tal-Ilma u ta’ kartografija li kienet mehmuża miegħu. Madankollu, dawn l-elementi ġodda ġew ikkomunikati mill-imsemmi Stat Membru biss waqt il-preżentata tar-risposta tiegħu, fit‑23 ta’ Ottubru 2023, u, għaldaqstant, wara d-data rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġifieri t‑18 ta’ Lulju 2018. Barra minn hekk, dan ir-rapport ma huwiex datat u ma jippreċiżax id-data li minnha seħħ it-tnaqqis tat-tagħbija ġġenerata minn din l-agglomerazzjoni. Ulterjorment, l-imsemmi rapport jgħid li t-tagħbija ġġenerata mill-agglomerazzjoni ta’ Trappeto kultant tkun ta’ 8618 popolazzjoni ekwivalenti, u kultant tkun ta’ 11816 popolazzjoni ekwivalenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet, mingħajr ma ġiet kontrodetta mir-Repubblika Taljana, li, jekk il-bidla fil-metodu ta’ kalkolu ma kinitx ikkunsidrata, invokata minnha, t-tagħbija ġġenerata mill-imsemmija agglomerazzjoni kienet titla’, skont id-data pprovduta mill-awtoritajiet Taljani, għal 11816 popolazzjoni ekwivalenti. |
|
43 |
Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Repubblika Taljana jirriżulta li din il-bidla fil-metodu ta’ kalkolu tat-tagħbija ġġenerata mill-istess agglomerazzjoni tikkonsisti fl-esklużjoni minn dan il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ta’ djar mifruxa u ta’ nukleji iżolati, fejn tikkonċentra popolazzjoni li tvarja. Issa, dan l-Istat Membru ma pprovdiex spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw din il-bidla fil-metodu ta’ kalkolu tat-tagħbija ġġenerata minn agglomerazzjoni bħal Trappeto, li tinsab f’reġjun turistiku, fejn djar mifruxa u nukleji iżolati jista’ jkollhom impatt ekoloġiku sinjifikattiv. |
|
44 |
Għall-bqija, ir-Repubblika Taljana la allegat u lanqas, a fortiori, ma wriet li hija kienet irrimedjat, fi tmiem l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, jiġifieri t‑18 ta’ Lulju 2018, il-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 5 u 10 tad-Direttiva 91/271 ikkonstatati fid-dispożittiv tas-sentenza C‑85/13 fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Trappeto. F’dan ir-rigward, mir-risposta ta’ dan l-Istat Membru jirriżulta li t-testijiet statiċi u tekniċi-funzjonali mwettqa wara x-xogħlijiet ta’ infrastruttura mwettqa fuq l-impjant ta’ trattament ta’ Trappeto kienu għadhom għaddejjin fid-data tal-preżentata tar-risposta, jiġifieri fit‑23 ta’ Ottubru 2023. Barra minn hekk, mill-kontroreplika u mill-annessi tagħha jirriżulta li x-xogħlijiet ta’ adattament u ta’ tisħiħ ta’ dan l-impjant ta’ trattament intiżi sabiex jirrimedjaw għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni tlestew biss fix-xahar ta’ Diċembru 2023. Għandu jingħad ukoll li r-rapporti ta’ testijiet mehmuża ma’ din ir-risposta li juru l-konformità tal-iskariki minn dan l-impjant ta’ trattament mal-limiti ta’ emissjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva saru bejn it‑23 ta’ Ġunju u l‑15 ta’ Diċembru 2023. Għaldaqstant, il-provi dwar it-tlestija ta’ dawn ix-xogħlijiet u r-rapporti ta’ testijiet relatati mal-imsemmi impjant ta’ trattament huma sussegwenti għad-data rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġifieri t‑18 ta’ Lulju 2018, b’tali mod li ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan l-għan. |
|
45 |
Minn dan isegwi li r-Repubblika Taljana ma stabbilixxietx li s-sitwazzjoni tal-agglomerazzjoni ta’ Trappeto kienet konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 5 u 10 tad-Direttiva 91/271 fid-data tal-iskadenza tat-terminu indikat fl-ittra ta’ intimazzjoni. |
|
46 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-agglomerazzjoni ta’ Courmayeur, ir-Repubblika Taljana tirrikonoxxi fir-risposta tagħha li s-sitwazzjoni ta’ din l-agglomerazzjoni kienet għadha ma hijiex konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva 91/271. F’dan ir-rigward, mir-risposta ta’ dan l-Istat Membru għall-ittra ta’ intimazzjoni, tal‑10 ta’ Lulju 2018, kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu sottomessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm l-ilma mormi ta’ erba’ muniċipalitajiet tal-imsemmija agglomerazzjoni, jiġifieri ta’ La Salle, ta’ Morgex, ta’ Pré-Saint Didier u ta’ Thuile, kien diġà ttrattat fl-impjant ta’ trattament il-ġdid tal-muniċipalità ta’ La Salle, ix-xogħlijiet ta’ ġbir għall-konnessjoni ta’ Courmayeur, jiġifieri l-ħames komun tal-agglomerazzjoni, ma’ dan l-impjant ta’ trattament kienu għadhom għaddejjin u kellhom jitlestew sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2023. Barra minn hekk, iċ-ċertifikati li jiċċertifikaw it-tlestija tax-xogħlijiet u l-analiżi tal-iskariki, sabiex jintwera l-funzjonament tajjeb ta’ dan l-impjant, kienu għadhom ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li r-Repubblika Taljana ma stabbilixxietx li s-sitwazzjoni ta’ din l-agglomerazzjoni kienet konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva 91/271 fi tmiem it-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, jiġifieri t‑18 ta’ Lulju 2018. |
|
47 |
Barra minn hekk, l-argument tar-Repubblika Taljana li n-nuqqas ta’ konformità jirrigwarda biss parti mit-tagħbija kollha ġġenerata mill-agglomerazzjoni ta’ Courmayeur, jiġifieri 37200 popolazzjoni ekwivalenti minn total ta’ 60000 popolazzjoni ekwivalenti għal din l-agglomerazzjoni, ma jistax jintlaqa’. Dan l-argument jikkonferma biss li t-trattament tal-ilma urban mormi kollu tal-imsemmija agglomerazzjoni ma kienx żgurat, fid-data rilevanti, bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva 91/271. |
|
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza C‑85/13, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE. |
Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji
L-argumenti tal-partijiet
|
49 |
Peress li r-Repubblika Taljana ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑85/13, il-Kummissjoni tipproponi, abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE, li timponi fuq dan l-Istat Membru l-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa. |
|
50 |
Sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti ta’ dawn is-sanzjonijiet pekunjarji, hija tibbaża ruħha fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2023/C 2/01, intitolata “Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2023, C 2, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2023”). B’mod partikolari, din l-istituzzjoni tippreċiża li din d-determinazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji fundamentali li huma l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u n-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni sabiex jiġu evitati r-reċidivi. |
|
51 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ gravità għal 4, fuq skala minn 1 sa 20, fid-dawl, minn naħa, tal-importanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li nkisru, u, min-naħa l-oħra, tal-konsegwenzi ta’ dan il-ksur fuq interessi ta’ natura ġenerali jew partikolari. |
|
52 |
Fir-rigward tal-importanza ta’ dawn ir-regoli, il-Kummissjoni tfakkar li d-Direttiva 91/271 hija intiża sabiex tipproteġi l-ambjent mill-effetti negattivi tal-ilma urban mormi u tal-ilma skarikat minn ċerti setturi industrijali, u tistabbilixxi r-rekwiżiti fil-qasam tal-ġbir u tat-trattament tal-ilma mormi skont id-daqs tal-agglomerazzjonijiet ikkonċernati. Ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva huma iktar stretti meta l-ilma mormi jiġi skarikat f’żoni kklassifikati bħala “sensittivi”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, abbażi tal-kriterji ddefiniti fl-Anness II tagħha. |
|
53 |
Il-Kummissjoni tippreċiża li din il-kawża tikkonċerna l-ksur tal-obbligi ta’ trattament previsti mid-Direttiva 91/271, u, b’mod partikolari, fl-Artikoli 4 u 5 tagħha, fejn in-nuqqas ta’ osservanza tagħhom għandu effetti partikolarment dannużi fl-agglomerazzjonijiet li jiskarikaw ilma mormi f’żoni sensittivi. It-trattament tal-ilma urban mormi Taljan huwa fundamentali sabiex tinżamm u tittejjeb il-kwalità tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u tal-ekosistemi akwatiċi u terrestri li jiddependu direttament minn dawn il-korpi tal-ilma, kif ukoll sabiex tiġi ggarantita l-implimentazzjoni tad-direttivi rilevanti tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70), tad-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU 2020, L 435, p. 1), u tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102). |
|
54 |
Il-Kummissjoni tirrileva, fir-rikors tagħha, li, f’din il-kawża, ħames agglomerazzjonijiet imsemmija fis-sentenza C‑85/13, li t-tagħbija totali tagħhom iġġenerata tammonta għal 149069 popolazzjoni ekwivalenti u li jiżbokkaw skariki f’żoni sensittivi, għadhom ma humiex konformi mad-Direttiva 91/271. Madankollu, l-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ sistemi ta’ ġbir jew ta’ trattament tal-ilma urban mormi jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent u għandhom jitqiesu li huma partikolarment serji (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, EU:C:2018:358, punt 72). Barra minn hekk, ir-rilevanza tal-ħsara lill-ambjent tiddependi, fil-biċċa l-kbira, minn numru ta’ agglomerazzjonijiet kkonċernati min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. Għalhekk, numru ta’ ħames agglomerazzjonijiet mhux konformi għandu jitqies bħala sinjifikattiv. |
|
55 |
Fir-rigward tal-effetti tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interessi privati u pubbliċi, l-Kummissjoni tenfasizza li l-assenza ta’ eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza C‑85/13 timplika, fir-rigward tal-ħames agglomerazzjonijiet li għadhom ma humiex konformi mad-Direttiva 91/271, riskji sinjifikattivi ta’ tniġġis għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni tinvoka riskju ta’ effett negattiv fuq l-implimentazzjoni ta’ direttivi oħra tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, dawk imsemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. L-eżekuzzjoni inkompleta tas-sentenza C‑85/13 taffettwa wkoll il-possibbiltà li jkun hemm korpi tal-ilma tal-wiċċ suffiċjentement nodfa u fuq l-attivitajiet rikreattivi u ekonomiċi. |
|
56 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni tliet ċirkustanzi aggravanti. |
|
57 |
L-ewwel nett, l-obbligu li l-Istat Membru kien u jibqa’ obbligat li josserva, jiġifieri l-kostruzzjoni ta’ impjanti ta’ trattament adegwati għat-trattament tal-ilma urban mormi, huwa ċar. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani jirrikonoxxu l-ksur u kkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mill-għoti tas-sentenza C‑85/13, il-miżuri ta’ kostruzzjoni ta’ infrastrutturi previsti sabiex kull agglomerazzjoni kkonċernata tkun konformi ma’ din is-sentenza. |
|
58 |
It-tieni nett, din is-sentenza taqa’ taħt ġurisprudenza stabbilita dwar id-Direttiva 91/271 u sitt sentenzi diġà ngħataw kontra r-Repubblika Taljana minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni korretta ta’ din id-direttiva. Għalhekk, sitwazzjoni ġeneralizzata ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija direttiva ilha tippersisti fl-Italja għal għexieren ta’ snin. Barra minn hekk, din il-proċedura hija waħda mill-erba’ proċeduri ta’ ksur pendenti kontra dan l-Istat Membru, li flimkien jirrigwardaw iktar minn 800 agglomerazzjoni. |
|
59 |
It-tielet nett, in-nuqqasijiet ikkonstatati fl-agglomerazzjonijiet inkwistjoni ilhom għaddejjin iktar minn disa’ snin wara l-għoti tas-sentenza C‑85/13 u iktar minn 24 sena wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271. |
|
60 |
Bħala ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi kkunsidrata, l-ewwel nett, il-kooperazzjoni tar-Repubblika Taljana matul din il-proċedura kollha, u, it-tieni nett, il-fatt li sar progress kunsiderevoli fl-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑85/13. |
|
61 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tirrileva li, skont il-punt 3.3 tal-Komunikazzjoni tal‑2023, il-koeffiċjent ta’ tul huwa espress bħala multiplikatur ta’ bejn 1 u 3 u huwa kkalkolat b’rata ta’ 0.10 fix-xahar mid-data tal-ewwel sentenza li tikkonstata l-ksur. F’dan il-każ, għaddew 109 xahar bejn l‑10 ta’ April 2014, id-data tal-għoti tas-sentenza C‑85/13, u l‑1 ta’ Ġunju 2023, data li fiha l-Kummissjoni ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, din l-istituzzjoni tipproponi li l-koeffiċjent tat-tul jiġi ffissat għal 3. |
|
62 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tippreċiża li dan l-effett dissważiv huwa rifless f’fattur “n”, li, għar-Repubblika Taljana, huwa stabbilit għal 3.41. |
|
63 |
Konsegwentement, minn naħa, il-Kummissjoni tipproponi li s-somma f’daqqa tiġi kkalkolata abbażi ta’ ammont ta’ kuljum ta’ EUR 13640, miksub billi tiġi mmultiplikata somma f’daqqa, fis-sens tal-punt 4.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023, stabbilita għal EUR 1000, bil-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 4 u bil-fattur “n” ta’ 3.41. Skont il-punt 4.2.1 ta’ din il-komunikazzjoni, din is-somma f’daqqa ta’ kuljum għandha tiġi mmultiplikata bin-numru ta’ ġranet li matulhom in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppersista. Din l-istituzzjoni tippreċiża li l-ħlas tas-somma f’daqqa miksuba b’dan il-mod għandu jiġi impost fuq ir-Repubblika Taljana jekk din is-somma tkun ogħla minn EUR 9548000, ammont tas-somma f’daqqa minima ffissata għal dan l-Istat Membru. |
|
64 |
Barra minn hekk, skont il-punt 2.1 tal-Komunikazzjoni tal‑2023, il-Kummissjoni tipproponi li l-ammont tas-somma f’daqqa jiġi aġġustat sa fejn is-sitwazzjoni ta’ ċerti agglomerazzjonijiet imsemmija fis-sentenza C‑85/13 issir konformi ma’ din is-sentenza matul il-proċedura. Din l-istituzzjoni tqis li għalhekk l-ammont tas-somma f’daqqa ta’ kuljum għandu jiġi diviż bin-numru totali ta’popolazzjoni ekwivalenti inadempjenti sabiex jinkiseb il-koeffiċjent tat-tnaqqis ta’ kuljum, jiġifieri f’dan il-każ EUR 0.09. Dan il-koeffiċjent ta’ tnaqqis ta’ kuljum għandu jitnaqqas mill-ammont tas-somma f’daqqa ta’ kuljum għal kull unità ta’ popolazzjoni ekwivalenti tal-agglomerazzjonijiet li s-sitwazzjoni tagħhom tkun effettivament konformi mad-Direttiva 91/271. |
|
65 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tipproponi li l-ammont tal-pagament tal-penalità jiġi ffissat għal EUR 122760 għal kull jum, miksub billi tiġi mmultiplikata s-somma f’daqqa tal-pagament tal-penalità, stabbilita fil-punt 1 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023, li titla’ għal EUR 3000 għal kull jum, bil-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 4, il-koeffiċjent ta’ tul ta’ 3 kif ukoll bil-fattur “n” ta’ 3.41. |
|
66 |
Madankollu, il-Kummissjoni tipproponi, konformement mat-Taqsima 2.1 ta’ din il-komunikazzjoni, li jiġu applikati pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum digressivi, li l-ammont effettiv tagħhom għandu jiġi kkalkolat kull sitt xhur, billi jitnaqqas l-ammont totali relatat ma’ kull wieħed minn dawn il-perijodi b’perċentwali li tikkorrispondi għall-proporzjon ta’ popolazzjoni ekwivalenti tal-agglomerazzjonijiet li qiegħdu s-sistemi ta’ ġbir u ta’ trattament tagħhom f’konformità mas-sentenza C‑85/13. Hija r-Repubblika Taljana li għandha tikkomunika lil din l-istituzzjoni l-provi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-konformità twettqet qabel it-tmiem ta’ kull perijodu ta’ sitt xhur. |
|
67 |
Il-Kummissjoni tqis, barra minn hekk, li, jekk dan it-tqegħid f’konformità jseħħ progressivament, sabiex jiġi kkalkolat it-tnaqqis gradwali tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum għandu jiġi diviż bit-total tal-popolazzjonijiet ekwivalenti ġġenerati mill-agglomerazzjonijiet li, sal-lum, għadhom ma humiex konformi mas-sentenza C‑85/13. |
|
68 |
Ir-Repubblika Taljana, filwaqt li taqbel mal-Kummissjoni li jeżisti dewmien persistenti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑85/13, tqis, madankollu, li l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji mitlub minn din l-istituzzjoni huwa eċċessiv u tressaq diversi argumenti sabiex issostni din il-konstatazzjoni. |
|
69 |
L-ewwel nett, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kumplessità tal-interventi materjali li għandhom jitwettqu, li jimplikaw it-twettiq ta’ infrastrutturi kumplessi, li l-ispiża tagħhom tista’ tkun suġġetta għal varjazzjonijiet, kif ukoll in-neċessità li jiġu ttestjati, imqiegħda fis-servizz u li jiġi ssorveljat il-funzjonament tal-infrastrutturi mwettqa. Għall-finijiet ta’ dawn l-operazzjonijiet, huwa neċessarju li wieħed jirrikorri għal proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li jippreżentaw riskju għoli ta’ kontenzjuż. |
|
70 |
It-tieni nett, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni leali tal-awtoritajiet Taljani mal-Kummissjoni matul il-proċedura kollha. |
|
71 |
It-tielet nett, ir-Repubblika Taljana impenjat ruħha f’riżorsi ekonomiċi u finanzjarji kunsiderevoli sabiex timplimenta l-miżuri neċessarji kemm sabiex teżegwixxi s-sentenza C‑85/13 kif ukoll sabiex issolvi l-kawżi li hija għandha mal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma urban mormi, b’mod ġenerali. Dan l-Istat Membru jindika li alloka ammont totali ta’ iktar minn EUR 3 biljun għal dan l-għan. |
|
72 |
Ir-raba’ nett, ir-Repubblika Taljana tippreċiża li ħatret kummissarju speċjali uniku, inkarigat mill-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑85/13, sabiex iħeġġeġ u jħaffef it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet neċessarji għall-finijiet ta’ din l-eżekuzzjoni. |
|
73 |
Il-ħames nett, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-inammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni, sa fejn jirrigwarda l-agglomerazzjoni ta’ Trappeto, li l-popolazzjoni ekwivalenti ġġenerata tagħha ma taqbiżx l-10 000. |
|
74 |
Is-sitt nett, ir-Repubblika Taljana tippreċiża li, filwaqt li s-sentenza C‑85/13 kienet tirrigwarda 41-il agglomerazzjoni, li għandhom tagħbija totali ta’ 2281847 popolazzjoni ekwivalenti, l-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Mejju 2018 kienet tirrigwarda 14-il agglomerazzjoni, li għandhom tagħbija totali ta’ 462266 popolazzjoni ekwivalenti, u r-rikors ta’ din l-istituzzjoni jikkonċerna 5 agglomerazzjonijiet, li għandhom tagħbija totali ta’ 149069 popolazzjoni ekwivalenti. |
|
75 |
Is-seba’ nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-progress sinjifikattiv li sar matul din il-proċedura sabiex jitnaqqsu kemm in-numru totali ta’ agglomerazzjonijiet li ma humiex konformi mad-Direttiva 91/271 kif ukoll in-numru ta’ popolazzjoni ekwivalenti tagħhom. Għalhekk, matul il-perijodu bejn l‑2014 u l‑2023, in-numru ta’ agglomerazzjonijiet li ma humiex konformi naqas għal 88 % u n-numru ta’ popolazzjoni ekwivalenti mhux konformi naqas għal 94 %. Barra minn hekk, dawn iċ-ċifri għandhom jiġu adattati sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti esposti fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet ta’ Trappeto u ta’ Courmayeur. |
|
76 |
It-tmien nett, ir-Repubblika Taljana tqis li ma huwiex xieraq, għall-Kummissjoni, li fir-rikors tagħha tirreferi għal proċeduri oħra ta’ ksur miftuħa fir-rigward tagħha fil-qasam tal-ilma urban mormi. Fi kwalunkwe każ, mid-data dwar it-tliet proċeduri l-oħra ta’ ksur kontra dan l-Istat Membru jirriżulta li n-numru totali ta’ iktar minn 800 agglomerazzjoni mhux konformi tnaqqas progressivament għal numru totali ta’ 622 fid-data tal-preżentata tar-risposta. |
|
77 |
Id-disa’ nett, fir-rigward tal-kwalità tal-ilma għall-għawm, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li r-riskju ta’ dannu huwa biss teoretiku u purament potenzjali. Barra minn hekk, id-data dwar il-kwalità tal-ilma għall-għawm fiż-żoni kostali li jinsabu qrib l-agglomerazzjonijiet ta’ Castellammare del Golfo I, ta’ Cinisi, ta’ Terrassini u ta’ Trappeto, kif ikkompletata u aġġornata, tippreżenta stampa tal-kwalità tal-ilma f’dawn iż-żoni differenti minn dik li tirriżulta mir-rikors tal-Kummissjoni u turi tendenza ta’ titjib. |
|
78 |
L-għaxar nett, ir-Repubblika Taljana ssostni li, jekk il-proposti tal-Kummissjoni jiġu segwiti, hija tirriskja paradossalment li tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ sanzjonijiet pekunjarji ta’ ammont kunsiderevolment ogħla minn dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja imponitilha fis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑251/17, EU:C:2018:358), minkejja li din is-sentenza kienet tirrigwarda ksur tad-Direttiva 91/271 li jirrigwarda numru ikbar ta’ agglomerazzjonijiet u b’total ta’popolazzjoni ekwivalenti ogħla minn dak ta’ din il-kawża. |
|
79 |
Konsegwentement, ir-Repubblika Taljana titlob li l-koeffiċjent ta’ gravità jiġi ffissat f’livell inferjuri għal dak propost mill-Kummissjoni. |
|
80 |
Fir-rigward tat-talba tal-Kummissjoni intiża għall-applikazzjoni kumulattiva ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità, ir-Repubblika Taljana ssostni li, meta jkun ċert jew raġonevolment probabbli li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx f’pożizzjoni li jeżegwixxi s-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li l-iskeda ppreżentata mill-awtoritajiet nazzjonali intiża sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni kompleta ta’ din is-sentenza teċċedi t-tul tal-proċedura, il-kundizzjoni preliminari għall-impożizzjoni tas-somma f’daqqa, jiġifieri l-possibbiltà oġġettiva għall-Istat Membru li jkun naqas li jikkonforma ruħu fil-ħin, tkun nieqsa. Għaldaqstant, f’tali każ, l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa għandha tiġi evitata, peress li l-funzjoni dissważiva tkun diġà ssodisfatta kompletament mill-pagamenti ta’ penalità biss. |
|
81 |
Dan huwa preċiżament il-każ f’din il-kawża, fejn huwa materjalment impossibbli għar-Repubblika Taljana li tiżgura l-operazzjonijiet kollha sabiex teżegwixxi s-sentenza C‑85/13 qabel l-għeluq tal-proċedura skont l-Artikolu 260(2) TFUE quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru jitlob, prinċipalment, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, bl-esklużjoni ta’ somma f’daqqa, fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
|
82 |
Sussidjarjament, ir-Repubblika Taljana titlob li tiġi kkundannata biss għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, li tkun suffiċjenti sabiex tissanzjona n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa ta’ ammont kbir minbarra pagamenti ta’ penalità tkun sproporzjonata u tirriskja li tipproduċi effett kuntrarju għal dak imfittex, billi tikkomplika l-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑85/13 minħabba l-konsegwenzi finanzjarji dannużi gravi li din twassal għalihom. |
|
83 |
B’mod iktar sussidjarju, ir-Repubblika Taljana titlob li l-obbligu ta’ ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità jidħol fis-seħħ biss sa mit-tmiem tal-iskadenzi previsti. Fil-fatt, l-iffissar ta’ terminu ta’ riferiment għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità jkun soġġett għall-evalwazzjoni indipendenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
84 |
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Taljana żżid li, fid-data tal-preżentata ta’ din il-kontroreplika, tliet agglomerazzjonijiet biss li kellhom tagħbija totali ta’ 78069 popolazzjoni ekwivalenti ma kinux għadhom konformi mas-sentenza C‑85/13. Għalhekk, wara l-għoti ta’ dik is-sentenza, in-numru ta’ agglomerazzjonijiet mhux konformi naqas b’93 %, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 96.6 % tat-tagħbija mhux konformi ġġenerata. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
85 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE huwa li Stat Membru inadempjenti jiġi mħeġġeġ jeżegwixxi sentenza li tikkonstata nuqqas u, għalhekk, li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, u li l-miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-pagamenti ta’ penalità u s-somma f’daqqa, għandhom it-tnejn li huma dan l-istess għan (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ Applikanti għal Protezzjoni Internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
86 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa tiddependi mill-kapaċità ta’ kull waħda minnhom li tissodisfa l-għan imfittex skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex eskluż li jsir użu miż-żewġ tipi ta’ sanzjonijiet previsti (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑367/14, EU:C:2015:611, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
87 |
Jekk l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità tkun tidher partikolarment xierqa sabiex tħeġġeġ Stat Membru jtemm, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas li, fl-assenza ta’ tali miżura, x’aktarx jibqa’ jippersisti, l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa tiddependi l-aktar fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi ta-Istat Membru inkwistjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas baqa’ għaddej għal żmien twil wara s-sentenza li kienet inizjalment ikkonstatat l-imsemmi nuqqas (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑367/14, EU:C:2015:611, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
88 |
Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li jkollha quddiemha kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ Applikanti għal Protezzjoni Internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
89 |
Għalhekk, il-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss bażi ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mibdija minn din l-istituzzjoni (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Għajnuna Illegali lis-Settur tal-Lukandi f’Sardegna), C‑576/18, EU:C:2020:202, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
– Fuq il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa
|
90 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lilha fil-qasam ikkunsidrat, timponi, b’mod kumulattiv, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑367/14, EU:C:2015:611, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata), u dan b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fl-istess ħin, ikun dam għal perijodu twil u kien intiż li jippersisti (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 82). |
|
91 |
Issa, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-punti 38, 44 u 46 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-istess ċirkustanzi bħal dawk imsemmija fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jikkaratterizzaw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni f’din il-kawża. Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana ma tistax tikkontesta b’mod utli l-applikazzjoni kumulattiva, fir-rigward tagħha, taż-żewġ sanzjonijiet pekunjarji. |
– Fuq is-somma f’daqqa
|
92 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-iffissar tal-eventwali ammont ta’ din is-somma għandhom, f’kull każ inkwistjoni, jibqgħu jiddependu mill-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw kemm il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll l-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija skont l-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, dan l-artikolu jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar jekk tali sanzjoni tiġix imposta u sabiex tiddetermina, jekk ikun il-każ, l-ammont tagħha (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ Applikanti għal Protezzjoni Internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
93 |
F’din il-kawża, l-elementi legali u fattwali kollha li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, permezz tas-sentenza C‑85/13, l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif ukoll iċ-ċirkustanzi li għaddejjin erba’ proċeduri ta’ ksur kontra r-Repubblika Taljana fil-qasam tat-trattament tal-ilma urban mormi, li jirrigwardaw numru totali ta’ iktar minn 800 agglomerazzjoni, u li dan l-Istat Membru diġà kien is-suġġett ta’ diversi sentenzi li jikkonstataw nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’dan is-settur speċifiku tal-azzjoni tal-Unjoni, jiġifieri s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑251/17, EU:C:2018:358), u dawk imsemmija fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni tirrendi neċessarja l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. |
|
94 |
Hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, li għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa b’tali mod li din tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata mal-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm elementi bħall-gravità u t-tul tal-ksur kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ Applikanti għal Protezzjoni Internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punti 100 u 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
95 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-gravità tal-ksur, minn naħa, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 91/271 għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent kontra ħsara kkawżata mill-iskariki tal-ilma mormi. Madankollu, l-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ sistemi ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma urban mormi jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent u għandhom jitqiesu li huma partikolarment serji. Min-naħa l-oħra, l-importanza tal-ħsara lill-ambjent tiddependi, fil-parti l-kbira, min-numru ta’ agglomerazzjonijiet ikkonċernati mill-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, EU:C:2018:358, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
96 |
F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-agglomerazzjonijiet ta’ Castellammare del Golfo I, ta’ Cinisi u ta’ Terrasini, huwa paċifiku li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 4, 5 u 10 tad-Direttiva 91/271, kif ikkonstatati fis-sentenza C‑85/13, kienu għadhom ma ġewx osservati fid-data tas-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, jiġifieri fit‑13 ta’ Novembru 2024. |
|
97 |
Fir-rigward, it-tieni nett, tal-agglomerazzjoni ta’ Trappeto, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, li x-xogħlijiet li jikkonċernaw l-impjant ta’ trattament ta’ din l-agglomerazzjoni tlestew u l-ġestjoni ta’ dan l-impjant ingħatat, fit‑22 ta’ Diċembru 2023, lil AMAP, ġestjonarja tas-servizz tal-ilma integrat tal-ATO ta’ Palermo. Barra minn hekk, il-prova tal-osservanza tal-limiti ta’ emissjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 91/271, għall-perijodu bejn it‑23 ta’ Ġunju u l‑15 ta’ Diċembru 2023, ġiet prodotta fil-kontroreplika. |
|
98 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat, kif qablet ukoll il-Kummissjoni waqt is-seduta, li r-Repubblika Taljana, fil‑15 ta’ Diċembru 2023, ħadet il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma l-agglomerazzjoni ta’ Trappeto mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 4, 5 u 10 tad-Direttiva 91/271, kif ikkonstatati fis-sentenza C‑85/13. |
|
99 |
Fir-rigward, it-tielet nett, tal-agglomerazzjoni ta’ Courmayeur, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika Taljana allegat, fil-kontroreplika tagħha, li s-sitwazzjoni ta’ din l-agglomerazzjoni kienet konformi mad-Direttiva 91/271, mhux biss mill-perspettiva fiżika, mat-tlestija u mal-konnessjoni tas-sistemi ta’ ġbir mal-impjant ta’ trattament ta’ La Salle, iżda wkoll mill-perspettiva funzjonali u tal-effikaċja tat-trattament. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru bbaża ruħu, waqt is-seduta, fuq analiżijiet ġodda kkomunikati lill-Kummissjoni, li jikkonfermaw l-osservanza tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti minn din id-direttiva. |
|
100 |
Madankollu, il-Kummissjoni kkontestat, waqt din is-seduta, li r-Repubblika Taljana pproduċiet il-prova tal-konformità tas-sitwazzjoni tal-agglomerazzjoni ta’ Courmayeur mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, din l-istituzzjoni rrilevat, mingħajr ma ġiet kontradetta minn dan l-Istat Membru, li, minn naħa, l-elementi l-ġodda ppreżentati minnu kienu jikkonċernaw biss parti minn din l-agglomerazzjoni u għalhekk ma kinux jistabbilixxu l-konformità tal-imsemmija agglomerazzjoni, kollha kemm hi, mal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, ir-rapport ta’ aċċettazzjoni tat-tieni parti tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u ta’ konnessjoni tas-sistemi ta’ ġbir ma’ dan l-impjant, iċ-ċertifikat ta’ aċċettazzjoni tal-impjant li jirriżulta u ċ-ċertifikat ta’ funzjonament tal-imsemmi impjant ma kinux ġew ikkomunikati. |
|
101 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-Repubblika Taljana ma stabbilixxietx, fid-data tas-seduta, li hija kienet ħadet il-miżuri kollha neċessarji sabiex l-agglomerazzjoni ta’ Courmayeur tkun konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva 91/271, kif ikkonstatati fis-sentenza C‑85/13. |
|
102 |
Minn dan isegwi li n-numru ta’ agglomerazzjonijiet li, f’din id-data, ma kinux konformi mad-Direttiva 91/271, jiġifieri 4, tnaqqas b’mod sinjifikattiv meta mqabbel man-numru totali ta’ agglomerazzjonijiet li kienu s-suġġett tas-sentenza C‑85/13, jiġifieri 41, u, korrelattivament, il-ħsara lill-ambjent naqset meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta min-nuqqas inizjali ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat f’din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 75). Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana naqqset kunsiderevolment il-ħsara lill-ambjent li tirriżulta mill-ksur ikkonstatat mis-sentenza C‑85/13. |
|
103 |
Xorta jibqa’ l-fatt li għad hemm ħsara, ċertament inqas sinjifikattiva, għall-ambjent. Din il-ħsara hija iktar u iktar gravi peress li l-erba’ agglomerazzjonijiet mhux konformi kollha jiżbokkaw l-iskariki tagħhom ta’ ilma f’ilmijiet riċeventi kkunsidrati bħala żoni sensittivi. Billi kklassifikat t-territorji kkonċernati bħala “żoni sensittivi”, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/271 u l-Anness II tagħha, r-Repubblika Taljana, fil-fatt, irrikonoxxiet l-ħtieġa ta’ protezzjoni ambjentali miżjuda ta’ dawn it-territorji. Madankollu, l-assenza ta’ trattament tal-ilma mormi urban jikkostitwixxi ħsara lill-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑533/11, EU:C:2013:659, punt 55). |
|
104 |
Fir-rigward tar-riskji li, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, il-ksur inkwistjoni jinvolvi għall-interessi pubbliċi importanti inkwistjoni, marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, la l-kumplessità tal-interventi materjali li għandhom jitwettqu u lanqas il-fatt, jekk jiġi preżunt li dan huwa minnu, li r-riskju ta’ dannu lill-kwalità tal-ilma għall-għawm fiż-żoni kostali kkonċernati huwa teoretiku u purament potenzjali jew li l-kwalità ta’ dan l-ilma tippreżenta, fi kwalunkwe każ, tendenza għat-titjib ma jistgħux iwasslu għal evalwazzjoni inqas severa tal-gravità ta’ dan il-ksur. |
|
105 |
Għaldaqstant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, l-ewwel nett, il-kooperazzjoni tar-Repubblika Taljana mas-servizzi tal-Kummissjoni matul il-proċedura kollha, it-tieni nett, il-progress li dan l-Istat Membru wettaq fl-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑85/13, it-tielet nett, l-isforzi ta’ investiment importanti li l-imsemmi Stat Membru għamel sabiex jeżegwixxi din is-sentenza u, ir-raba’ nett, il-ħatra ta’ kummissarju speċjali uniku għal dan l-għan. |
|
106 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, it-tul tal-ksur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu bejn l-għoti tas-sentenza li tikkonstata l-ewwel nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u l-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ Applikanti għal Protezzjoni Internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
107 |
F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza C‑85/13 kien ilu għaddej, fid-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja evalwat il-fatti, għal madwar ħdax-il sena, li jikkostitwixxi tul eċċessiv, anki jekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu sinjifikattiv ta’ diversi snin li x-xogħlijiet ta’ infrastruttura meħtieġa kienu jeħtieġu. |
|
108 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni pproponiet, konformement mal-punti 3.4 u 4.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prodott domestiku gross (PDG) ta’ dan l-Istat Membru meta mqabbel mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri għal żewġ terzi tal-kalkolu kif ukoll il-popolazzjoni tiegħu meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjoni tal-Istati Membri, bħala kriterju demografiku, għal terz tal-kalkolu. |
|
109 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tinkludi fil-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n”, li jirrappreżenta l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju demografiku skont il-modalitajiet previsti fil-punti 3.4 u 4.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Direttiva dwar l-informaturi),C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 86). |
|
110 |
Għalhekk, sabiex tiġi ddeterminata l-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika Taljana, jeħtieġ li wieħed jibbaża ruħu fuq il-PDG tagħha, bħala fattur predominanti, u li tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti ta’ dan il-PDG, kif kienet fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ Applikanti għal Protezzjoni Internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
111 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fin-nuqqas ta’ determinazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kriterju validu għal kalkolu tal-fattur “n”, li jistabbilixxi l-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika Taljana, huwa b’teħid inkunsiderazzjoni tal-PDG medju ta’ dan l-Istat Membru, ikkalkolat fuq l-aħħar tlett snin, li l-ammont tas-somma f’daqqa għandu jiġi ffissat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkostanzi tal-każ bl-iffissar tal-ammont ta’ 10 miljun euro bħala somma f’daqqa imposta fuq l-imsemmi Stat Membru. |
– Fuq il-pagamenti ta’ penalità
|
112 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, bħala prinċipju, hija ġġustifikata biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ Applikanti għal Protezzjoni Internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
113 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 96 sa 102 ta’ din is-sentenza, fid-data tas-seduta, il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑85/13 kienu għadhom ma ġewx adottati b’mod sħiħ. |
|
114 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundanna tar-Repubblika Taljana għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità hija mezz pekunjarju xieraq sabiex dan l-Istat Membru jiġi inkuraġġit jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jintemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza C‑85/13. |
|
115 |
F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li dawn l-pagamenti ta’ penalità għandhom jiġu stabbiliti skont il-grad ta’ persważjoni neċessarju sabiex l-Istat Membru kkonċernat jibdel l-aġir tiegħu u jtemm l-aġir inkriminati (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ Applikanti għal Protezzjoni Internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
116 |
Fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha f’dan il-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-imsemmija pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ Applikanti għal Protezzjoni Internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
117 |
Għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni, huma, bħala prinċipju, il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jitqiesu, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ Stat Membru ikkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza sabiex l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ Applikanti għal Protezzjoni Internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
118 |
Fir-rigward ta’ dawn il-fatturi, iċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jirriżultaw b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 96 sa 110 ta’ din is-sentenza, relatati mal-gravità u mat-tul tal-ksur inkwistjoni, kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika Taljana. |
|
119 |
Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza aggravanti, il-fatt li l-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza C‑85/13 għandha sseħħ biss, skont l-aħħar indikazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Taljana fil-kontroreplika tagħha, fl‑2026, li huwa ekwivalenti għal dewmien ta’ bejn 26 u 28 sena meta mqabbel mad-data li fiha l-Istati Membri kellhom jiżguraw l-osservanza tal-Artikoli 4 u/jew 5 kif ukoll 10 tad-Direttiva 91/271. |
|
120 |
Ulterjorment, il-Kummissjoni pproponiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tnaqqas gradwalment il-pagamenti ta’ penalità skont il-progress imwettaq fl-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑85/13. |
|
121 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm, sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-pagamenti ta’ penalità għandhom jintalbu fl-intier tagħhom sakemm l-Istat Membru jkun ħa l-miżuri kollha neċessarji sabiex itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, f’ċerti każijiet partikolari tista’, madankollu, tiġi prevista sanzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-progress li jkun eventwalment sar mill-Istat Membru fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, EU:C:2018:358, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
122 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, wara li s-sitwazzjoni tal-agglomerazzjoni ta’ Trappeto tqiegħdet f’konformità mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 91/271, in-numru ta’ popolazzjoni ekwivalenti ta’ agglomerazzjonijiet li ma għandhomx sistemi ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma mormi urban konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva kien jammonta, fid-data tas-seduta, għal 137253. |
|
123 |
Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità li jitnaqqsu gradwalment ta’ ammont ta’ EUR 75000 għal kull jum. |
|
124 |
Fir-rigward tal-perijodiċità tal-pagamenti ta’ penalità, il-komponent digressiv tagħhom huwa stabbilit, skont il-proposta tal-Kummissjoni, fuq bażi ta’ sitt xhur, peress li l-istabbiliment u l-analiżi tal-prova tal-konformità tas-sitwazzjoni tal-agglomerazzjonijiet inkwistjoni mad-Direttiva 91/271 jistgħu jeżiġu ċertu terminu u dan sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-progress eventwalment imwettaq mir-Repubblika Taljana. Għalhekk, l-ammont totali dwar kull wieħed minn dawn il-perijodi għandu jitnaqqas b’perċentwali li jikkorrispondi għall-proporzjon li jirrappreżenta n-numru ta’ popolazzjoni ekwivalenti tal-agglomerazzjonijiet li s-sistemi ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma urban mormi tagħhom kienu reżi konformi mas-sentenza C‑85/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, EU:C:2018:358, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
125 |
Ir-Repubblika Taljana għalhekk għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 13687500 għal kull semestru ta’ dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza C‑85/13, mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sal-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza C‑85/13, li l-ammont effettiv tagħhom għandu jiġi kkalkolat fi tmiem kull perijodu ta’ sitt xhur billi l-ammont totali dwar kull wieħed minn dawn il-perijodi jitnaqqas b’perċentwali li jikkorrispondi għall-proporzjon li jirrappreżenta n-numru ta’ popolazzjoni ekwivalenti tal-agglomerazzjonijiet li s-sistemi ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma urban mormi tagħhom kienu reżi konformi mas-sentenza C‑85/13, fl-aħħar tal-perijodu kkunsidrat, meta mqabbel man-numru ta’ popolazzjoni ekwivalenti ta’ agglomerazzjonijiet mhux mgħammra b’sistemi bħal dawn fil-jum tal-għoti ta’ din is-sentenza. |
Fuq l‑ispejjeż
|
126 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Taljana tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet il-kawża, hemm lok li r-Repubblika Taljana tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.