|
28.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 267/23 |
P9_TA(2023)0020
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Nadine Morano
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2023 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Nadine Morano (2022/2055(IMM))
(2023/C 267/03)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Nadine Morano, trażmessa b'ittra bid-data tas-16 ta' Mejju 2022 mill-Ministru tal-Ġustizzja b'rabta mal-proċedimenti ċivili pendenti quddiem il-maġistrat inkwirenti fil-Qorti Ordinarja ta' Marsilja, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-8 ta' Ġunju 2022, |
|
— |
wara li sema' lil Nadine Morano, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976, |
|
— |
wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0011/2023), |
|
A. |
billi l-Ministeru tal-Ġustizzja Franċiż bagħat talba mill-prosekutur pubbliku tal-Qorti tal-Appell ta' Aix-en-Provence għat-tneħħija tal-immunità ta' Nadine Morano, Membru tal-Parlament Ewropew, bl-għan uniku li jkun jista' jeżaminaha fir-rigward ta' azzjoni ċivili mressqa kontriha abbażi ta' allegata malafama pubblika online; |
|
B. |
billi fis-7 ta' Ottubru 2018, waqt programm televiżiv imxandar fuq France 3, Nadine Morano qajmet dubji dwar l-attività ta' bastiment mikri mill-kwerelant u li jopera fil-Baħar Mediterran; billi t-tim ta' Nadine Morano bagħat tliet messaġġi tal-istess natura fuq il-kont ta' Twitter ta' Nadine Morano bħala “live tweets”; |
|
C. |
billi, meta għamlet il-kummenti, Nadine Morano allegatament wettqet ir-reat ta' malafama pubblika, li huwa punibbli skont l-Artikolu 23, l-ewwel paragrafu, l-Artikolu 29, l-ewwel paragrafu, l-Artikolu 32, l-ewwel paragrafu, u l-Artikolu 42 tal-Att ta' l-Att Franċiż tad-29 ta' Lulju 1881 dwar il-Libertà ta' l-Istampa u l-Artikolu 93-3 ta' l-Att Franċiż Nru 82-652 tad-29 ta' Lulju 1982 dwar il-komunikazzjoni awdjoviżiva; |
|
D. |
billi fil-5 ta' April 2019, il-prosekutur f'Marsilja fetaħ investigazzjoni ġudizzjarja għal malafama pubblika wara lment mill-assoċjazzjoni li qed tikri d-dgħajsa u, b'riżultat ta' dan, Nadine Morano ġiet akkużata formalment fit-3 ta' Ġunju 2020; billi l-att ta' akkuża ġie annullat mill-qorti kompetenti f'April 2021 għar-raġuni li kien bi ksur tal-immunità parlamentari li Nadine Morano tgawdi skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; |
|
E. |
billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala akkużat (2); |
|
F. |
billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom; |
|
G. |
billi, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, fl-eżerċizzju tal-poteri tiegħu fir-rigward ta' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom; |
|
H. |
billi dikjarazzjoni magħmula minn Membru barra mill-Parlament Ewropew tista' tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, meta jkun fiha valutazzjoni suġġettiva li jkollha rabta diretta u evidenti mal-qadi tad-dmirijiet ta' dak il-Membru fil-Parlament Ewropew; billi jekk dan hux il-każ jew le jrid għalhekk jiġi stabbilit abbażi tan-natura u l-kontenut tad-dikjarazzjoni u mhux abbażi tal-post fejn din tkun saret; |
|
I. |
billi Nadine Morano ilha Membru tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Parlament Pan-Afrikan (DPAP), Membru sostitut tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u Membru tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, li huwa responsabbli, fost l-oħrajn, għal: “(…) it-twaqqif u l-iżvilupp ta' żona ta' liberta`, sigurtà u ġustizzja, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, b'mod partikulari:
|
|
J. |
billi llum il-ġurnata d-dibattitu politiku li fih jipparteċipaw il-Membri tal-Parlament Ewropew, fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom, qed isir dejjem aktar barra mill-bini tal-Parlament, inkluż f'xandira diretta u fuq l-internet jew permezz tal-użu ta' servizzi ta' networking soċjali bħal Twitter; |
|
K. |
billi dawk id-dikjarazzjonijiet saru fil-kuntest usa' ta' dibattitu politiku li t-tema tiegħu hija rikorrenti fil-plenarja tal-Parlament Ewropew; |
|
L. |
billi, f'dan l-isfond, id-dikjarazzjonijiet magħmula minn Nadine Morano saru b'mod ċar fil-kapaċità tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew u billi tista' titqies li teżisti rabta diretta u ovvja bejn id-dikjarazzjonijiet li qed jiġu kkunsidrati u l-mandat parlamentari ta' Nadine Morano; |
1.
Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Nadine Morano;
2.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Franċiża u lil Nadine Morano.
(1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI: EU:C: 2011:543; Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.
(2) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.