Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fis‑26 ta’ Marzu 2026 (1)
Kawża C‑611/24
MA
vs
Upravitelen savet na Balgarska narodna banka
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il‑Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Statuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew – Tneħħija mill-kariga tad-Deputat Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali – Artikolu 14(2) tal-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew – Applikabbiltà – Artikolu 130 TFUE – Prinċipju ta’ indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali”
I. Introduzzjoni
1. “F’pajjiżi fejn ma hemmx Bank Ċentrali tal-Emissjoni, għandu jiġi stabbilit wieħed [...] Il-banek, u b’mod partikolari l-Banek tal-Emissjoni, għandhom ikunu ħielsa minn pressjoni politika u għandhom jiġu mmexxija esklużivament fuq il-linji ta’ finanzjament prudenti” [traduzzjoni libera] (2).
2. Id-dikjarazzjoni ta’ hawn fuq, magħmula fil-Konferenza Finanzjarja Internazzjonali tal‑1920 (3), żammet ir-rilevanza tagħha peress li tenfasizza żewġ aspetti ewlenin tal-ibbankjar ċentrali.
3. Fl-ewwel lok, hija xhieda ta’ kemm il-banek ċentrali ġew stabbiliti b’mod sod fl-arkitettura tal-ogħla awtoritajiet pubbliċi fl-ordinamenti kostituzzjonali kontemporanji. Filwaqt li huma distinti mit-“trinità” klassika li tikkaratterizza l-organizzazzjoni tas-setgħa pubblika fid-demokraziji moderni (leġiżlattiva, eżekuttiva u ġudizzjarja), il-banek ċentrali jokkupaw pożizzjoni importanti f’din l-istruttura, kif jidher b’mod partikolari mill-attenzjoni mogħtija lill-istatus tagħhom f’diversi dokumenti kostituzzjonali, li kultant jiġu msemmija b’mod espliċitu bħala indipendenti (4).
4. L-importanza ta’ din il-pożizzjoni, meta mqabbla mal-fergħat l-oħra tal-Istat, u l-portata jew il-leġittimità tas-setgħat mogħtija lill-banek ċentrali ċertament jibqgħu jikkontribwixxu għad-diskussjoni (5). Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jindikaw ukoll, fit-tieni lok, l-importanza mogħtija lill-ħtieġa għall-banek ċentrali li jibqgħu iżolati mill-influwenza esterna fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Għalkemm il-limiti preċiżi tal-awtonomija tagħhom jistgħu wkoll ikunu suġġetti għad-diskussjoni, huwa ġeneralment aċċettat li l-banek ċentrali għandhom ikunu f’pożizzjoni li jwettqu l-kompiti tagħhom, bħala atturi ewlenin fil-“kostituzzjonijiet monetarji” (6), b’mod li ma jkunx ikkundizzjonat minn ċikli politiċi ta’ żmien qasir jew kontinġenzi, kif innota wkoll il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) f’dawn il-proċeduri (7).
5. Fid-dritt tal-Unjoni, ir-rekwiżit li l-banek ċentrali għandhom ikunu ħielsa minn influwenzi esterni huwa stabbilit fl-Artikolu 130 TFUE u fl-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”) (8), li huwa fformulat b’mod kważi identiku. Dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġu, essenzjalment, li la l-BĊE, la bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru, u lanqas kwalunkwe membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom, ma jfittxu jew jieħdu struzzjonijiet mingħand xi korp estern. Għall-kuntrarju, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll il-gvernijiet tal-Istati Membri, għandhom jieħdu l-impenn li josservaw dan il-prinċipju u li ma jfittxux li jinfluwenzaw lill-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE jew tal-banek ċentrali nazzjonali fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom.
6. Din l-espressjoni ġenerali tal-indipendenza tal-banek ċentrali hija kkumplimentata mill-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, li, b’mod partikolari, jillimita l-possibbiltà li gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali jitneħħa mill-kariga qabel l-iskadenza tal-mandat tiegħu għal żewġ sitwazzjonijiet: l-ewwel, fejn “ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu”; u, it-tieni, fejn “ikun ħati ta’ mġieba serjament ħażina”.
7. Fis-sentenza tagħha Rimšēvičs (9), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tindirizza t-tieni parti ta’ dan it-“test ta’ irremovabbiltà” (imġiba serjament ħażina). Madankollu, f’dik il-kawża, ma tressqet ebda prova ta’ mġiba ħażina, bir-riżultat li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tillimita l-istħarriġ tagħha għal livell relattivament astratt, jiġifieri dak tal-livell ta’ prova applikabbli, u tikkonkludi li, sabiex tkun iġġustifikata projbizzjoni temporanja fuq il-gvernatur ikkonċernat li jeżerċita d-dmirijiet tiegħu, indikazzjonijiet suffiċjenti għandhom jeżistu li huwa wettaq imġiba serjament ħażina (10).
8. Il-kawża ineżami toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità addizzjonali – u fil-fatt iktar qawwija – sabiex tirrevedi dan it-test ta’ irremovabbiltà u teżamina l-limiti li din il-garanzija ta’ indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali, kif ukoll l-espressjoni iktar ġenerali tagħha fl-Artikolu 130 TFUE u fl-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, jimponu fuq l-Istati Membri meta jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jitneħħa mill-kariga membru ta’ korp governattiv ta’ bank ċentrali nazzjonali.
9. Il-bżonn li tiġi indirizzata din il-mistoqsija jirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Nazzjonali Bulgaru (iktar ’il quddiem il-“BNB”), li fiha kkonstata li kien hemm raġunijiet biex MA jitneħħa mid-dmirijiet tiegħu bħala Deputat Gvernatur u Direttur tad-Dipartiment tal-Emissjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-BNB”).
10. Dik id-deċiżjoni kienet segwiet konstatazzjonijiet magħmula minn korp ieħor, il-Komisia za protivodeystvie na koruptsiata (il-Kummissjoni għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, il-Bulgarija; iktar ’il quddiem il-“KPK”), li identifikat numru ta’ inkompatibbiltajiet bejn il-pożizzjoni ta’ MA bħala Deputat Gvernatur tal-BNB u diversi mill-attivitajiet l-oħra tiegħu (iktar ’il-quddiem id-“deċiżjoni tal-KPK”). Dan it-tħassib kien relatat, l-ewwel, mal-isħubija ta’ MA, meta ġie elett bħala Deputat Gvernatur, f’kumpannija b’responsabbiltà limitata u, it-tieni, mal-pożizzjoni tiegħu bħala membru tal-bord tad-diretturi ta’ żewġ entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru, jiġifieri klabb tal-golf u istitut tar-riċerka. Jidher ukoll li MA ma temmx dawn l-impenji fit-termini meħtieġa.
11. Meta adotta d-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill Governattiv tal-BNB ħa kont tad-deċiżjoni tal-KPK u kkonkluda li MA ma setax jitqies li kien qiegħed jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu bħala Deputat Gvernatur u li, barra minn hekk, kien instab ħati ta’ mġiba serjament ħażina. Fi kliem ieħor, il-Kunsill Governattiv qies li t-tneħħija mill-kariga ta’ MA kienet iġġustifikata fuq il-bażi taż-żewġ raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Għalkemm, kif diġà ġie nnotat, din id-dispożizzjoni tirrigwarda s-sitwazzjoni tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali, il-leġiżlatur Bulgaru għażel li jespandi l-applikazzjoni tat-test ta’ irremovabbiltà stabbilit fiha għal membri oħra tal-Kunsill Governattiv tal-BNB.
12. MA jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-BNB quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju f’dawn il-proċeduri. Huwa jsostni, b’mod partikolari, li l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga ma ġiet stabbilita fil-kawża ineżami. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja numru ta’ domandi li, essenzjalment, iqajmu l-kwistjonijiet li ġejjin.
13. L-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-prinċipju ta’ indipendenza tal-banek nazzjonali ċentrali jippermettix li jiġi impost obbligu mid-dritt nazzjonali fuq il-membri tal-korpi deċiżjonali tagħhom, bħad-deputat gvernatur li jiddikjaraw il-kapital azzjonarju tagħhom f’kumpanniji u ishma f’entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru (il-ħames domanda). It-tieni, peress li l-kawża tikkonċerna d-Deputat Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali u mhux il-Gvernatur tiegħu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tat-test ta’ irremovabbiltà previst fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE (l-ewwel u t-tieni domanda). It-tielet, hija qiegħda tfittex ċarezza dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ diversi elementi tad-dritt nazzjonali li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni l-persuna kkonċernata ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tagħha, li huwa wieħed miż-żewġ raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga stabbiliti f’dan it-test (it-tielet sas-seba’ domanda). Ir-raba’, hija tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-kompetenza tal-BNB sabiex jevalwa l-eżistenza ta’ mġiba serjament ħażina bħala l-parti l-oħra ta’ dan it-test (it-tmien domanda).
14. Minn dan isegwi li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jenfasizza l-kwistjoni tas-setgħa tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom membru tal-korp deċiżjonali ta’ bank ċentrali nazzjonali jista’ jitneħħa mill-kariga. Id-domandi li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tirrispondi għalhekk jirrigwardaw il-limiti li d-dritt tal-Unjoni jista’ jimponi fuq din is-setgħa u li huma maħsuba, kif ser nispjega, sabiex jiżguraw l-istabbiltà tal-mandat tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali u, b’hekk, sabiex jipproteġu l-kapaċità ta’ dawn l-istituzzjonijiet li jwettqu l-kompiti tagħhom u biex jipproteġuhom minn intervent arbitrarju.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
15. Skont l-Artikolu 130 TFUE, “[f]l-eżerċizzju tas-setgħat u fit-twettiq tal-kompiti u d-dmirijiet tagħhom mgħotija lilhom fit-Trattati u bl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, la l-[BĊE], u lanqas bank ċentrali nazzjonali, jew membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom ma għandu jfittex jew jieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi u organi ta’ l-Unjoni, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet, korpi u organi ta’ l-Unjoni u tal-gvernijiet ta’ Stati Membri jintrabtu li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jfittxux li jinfluwenzaw il-membri tal-korpi deċiżjonali tal-[BĊE] jew tal-bank ċentrali nazzjonali fil-qadi ta’ dmirijiethom.”
16. L-Artikolu 131 TFUE jipprevedi li “[k]ull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inkluż l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, tkun kumpatibbli mat-Trattati u ma’ l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”.
17. L-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE huwa intitolat “L-indipendenza” u jipprevedi li “[s]kond l-Artikolu 130 [TFUE], meta jeżerċitaw il-poteri u jwettqu l-kompiti u jaqdu d-dmirijiet fdati f’idejhom bit-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea u b’dan l-Istatut, la l-BĊE, la xi bank ċentrali nazzjonali, u lanqas xi membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom, ma għandu jitlob jew jaċċetta istruzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew korpi ta’ l-Unjoni, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet u l-korpi ta’ l-Unjoni u l-gvernijiet ta’ l-Istati Membri jintrabtu li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jippruvawx jinfluwenzaw lill-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE jew tal-banek ċentrali nazzjonali, fil-qadi ta’ dmirijiethom.”
18. L-Artikolu 14 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, intitolat “Banek ċentrali nazzjonali”, jipprevedi:
“[...]
14.2. L-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom, b’mod partikolari, jipprovdu li ż-żmien tal-kariga ta’ Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ma jkunx inqas minn ħames snin.
Gvernatur jista’ jitneħħa mill-inkarigu tiegħu biss jekk ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu jew inkella jekk ikun ħati ta’ mġieba serjament ħażina. Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi riferita lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvernatur involut jew mill-Kunsill Regolatorju, bħala ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tal-liġi marbuta ma’ l-applikazzjoni tiegħu. Dawn il-proċeduri għandhom jibdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew min-notifika tagħha lir-rikorrent jew, fin-nuqqas, mill-jum meta r-rikorrent ikun sar jaf biha, skond ma jkun il-każ.
[...]”
B. Id-dritt nazzjonali
1. Il-Liġi dwar il-Bank Nazzjonali Bulgaru
19. Skont l-Artikolu 11 taż-Zakon za Balgarskata narodna banka (il-Liġi dwar il-Bank Nazzjonali Bulgaru, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-BNB”):
“(1) Il-Kunsill Governattiv għandu jikkonsisti minn seba’ membri: il-Gvernatur tal-bank, it-tliet Deputati Gvernaturi u tliet membri oħra.
(2) Il-membri tal-Kunsill Governattiv għandhom ikunu ċittadini Bulgari.
(3) [...] Persuni b’karattru morali għoli u bi kwalifiki prominenti fl-ekonomija, fil-finanzjament jew fl-ibbankjar għandhom jiġu eletti u maħtura bħala membri tal-Kunsill Governattiv.
(4) [...] Ebda membru tal-Kunsill Governattiv ma jista’ jkun persuna:
1. li ġiet ikkundannata għall-ħabs għal reat kriminali mwettaq deliberatament;
2. li ġiet iddikjarata falluta bħala sid uniku jew soċju ġenerali fi sħubija;
3. li, matul is-sentejn qabel id-data tas-sentenza li tiddikjara kumpannija jew kooperattiva falluti, kien membru tal-bord tad-diretturi jew tal-korp superviżorju tagħha;
4. [...] [li] hija sid uniku [ta’ negozju], soċju solidali fi sħubija, direttur, rappreżentant kummerċjali, aġent kummerċjali, rappreżentant awtorizzat, sensar kummerċjali, likwidatur jew amministratur tal-insolvenza, membru tal-bord tad-diretturi jew ta’ korp superviżorju ta’ kumpannija jew kooperattiva, bl-eċċezzjoni ta’ kumpanniji li fihom għandu ishma l-[BNB];
5. li hija l-konjuġi, jew koabitant, jew persuna direttament relatata, jew persuna relatata kollateralment sar-raba’ grad, jew persuna relatata permezz taż-żwieġ sat-tieni grad ta’ membru ieħor tal-Kunsill Governattiv tal-[BNB].”
20. L-Artikolu 12 tal-Liġi dwar il-BNB huwa fformulat kif ġej:
“[...]
(5) [...] Il-Gvernatur u d-Deputati Gvernaturi ma għandhomx jipparteċipaw f’xi attività li ma hijiex it-tagħlim jew attivitajiet bħala membri tal-korpi ta’ kumpanniji li fihom għandu sehem il-[BNB] jew f’organizzazzjonijiet internazzjonali relatati mal-[BNB], sakemm ma jkunux maħtura mill-persuna li tkun qiegħda taġixxi bħala Prim Ministru skont l-Artikolu 99(5) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija. Huma jistgħu jeżerċitaw attività bla remunerazzjoni wara deċiżjoni unanima tal-Kunsill Governattiv, sakemm ma jkunx hemm kunflitt ta’ interessi.
[...]
(10) Il-Gvernatur, id-Deputati Gvernaturi u l-membri l-oħra tal-Kunsill Governattiv għandhom jissottomettu lill-awtorità li għażlithom jew ħatrithom id-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 49(1) taż-Zakon za protivodeystvie na koruptsiata [(il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni, iktar ’il quddiem iz-‘ZPK’)]. [...]”
21. Skont l-Artikolu 14 tal-Liġi dwar il-BNB:
“(1) L-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 12 tista’ tneħħi mill-kariga membru tal-Kunsill Governattiv qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu biss jekk dan il-membru ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jew jekk ikun instab ħati ta’ mġiba serjament ħażina għall-finijiet tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti [tas-SEBĊ u tal-BĊE].
(2) [...] Ir-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga bikrija ta’ Deputat Gvernatur jew membru ieħor tal-Kunsill Governattiv, ħlief il-Gvernatur, għandhom jiġu stabbiliti b’deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv skont proċedura stabbilita mill-Bord tad-Diretturi. Il-membru tal-Kunsill Governattiv li tkun proposta t-tneħħija mill-kariga tiegħu għandu jieqaf jeżerċita s-setgħat tiegħu mid-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv. Id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tista’ tiġi appellata quddiem il-Varhoven administrativen sad [(il-Qorti Suprema Amministrattiva)] fi żmien sebat ijiem. Il-Varhoven administrativen sad [(il-Qorti Amministrattiva Suprema)] għandha tagħti deċiżjoni finali fi żmien 14‑il jum minn meta tirċievi l-appell. Id-deċiżjoni finali għandha tiġi kkomunikata lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 12 fir-rigward tat-tneħħija mill-kariga bikrija.”
2. Il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni
22. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li żewġ strumenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kienu, f’mumenti differenti taż-żmien, rilevanti għall-fatti fil-proċeduri prinċipali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni: iż-Zakon za protivodeystvie na koruptsiata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo (il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u dwar il-Konfiska tal-Assi Akkwistati Illegalment, iktar ’il quddiem iz-“ZPKONPI”) u z-ZPK).
23. L-ewwel, skont il-punt 12 tal-Artikolu 6(1) taz-ZPKONPI (imħassar b’effett mis‑6 ta’ Ottubru 2023) u l-punt 12 tal-Artikolu 6(1) taz-ZPK, ifformulat b’mod simili, “il-persuni li jokkupaw karigi pubbliċi [ta’ livell għoli(11)] fis-sens ta’ din il-liġi huma” “l-Gvernatur, id-Deputati Gvernaturi, il-membri tal-Kunsill Governattiv u s-Segretarju Ġenerali tal-[BNB]”.
24. It-tieni, skont l-Artikolu 35(1) taz-ZPKONPI u l-Artikolu 49(1) taz-ZPK, ifformulati b’mod simili:
“(1) Persuni li jokkupaw karigi pubbliċi [ta’ livell għoli (12)] [...] għandhom jagħmlu d-dikjarazzjonijiet li ġejjin:
1. dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà;
2. dikjarazzjoni tal-assi u tal-interessi;
3. dikjarazzjoni ta’ kwalunkwe bidla fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fid-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 1;
4. dikjarazzjoni ta’ kwalunkwe bidla fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fid-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 2 fil-parti relatata mal-interessi u l-oriġini tal-fondi f’każ ta’ ħlas lura bikri tad-dejn u tas-self.
(2) [...] Id-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punti 1 u 3 tal-paragrafu 1 għandhom jiġu sottomessi lill-awtorità li teleġġi jew li taħtar [...] u d-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punti 2 u 4 tal-paragrafu 1 għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni [għall-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u l-Konfiska tal-Assi Miksuba Illegalment]” (dan ir-riferiment tal-aħħar ġie ssostitwit fl-Artikolu 49(4) taz-ZPK bir-riferiment għall-KPK).
25. Skont l-Artikolu 37 taz-ZPKONPI u l-Artikolu 51 taz-ZPK, ifformulat b’mod simili:
“(1) Persuni li jokkupaw karigi pubbliċi [ta’ livell għoli (13)] [...], għandhom jissottomettu dikjarazzjoni lill-Kummissjoni tal-assi u tal-interessi fil-Bulgarija u barra minnha, li fiha jiddikjaraw:
[...]
12. [(14)] kwalunkwe parteċipazzjoni f’kumpanniji, [fi sħubiji] (15), fil-bordijiet tad-diretturi jew fil-korpi superviżorji ta’ kumpanniji, f’entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru jew kooperattivi, jew l-eżerċizzju ta’ attività bħala sid uniku [ta’ negozju] fil-mument tal-elezzjoni jew tal-ħatra tagħhom u fit‑12‑il xahar qabel id-data tal-elezzjoni jew tal-ħatra tagħhom;
[...]”
26. Skont il-punt 1 tal-Artikolu 38(1) taz-ZPKONPI, dikjarazzjoni tal-assi u tal-interessi kellha tiġi ppreżentata fi żmien xahar mindu jibda fil-pożizzjoni tal-kariga pubblika ta’ livell għoli. L-Artikolu 38(2) kien jipprevedi li “fi żmien xahar mis-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni tal-assi u l-interessi, il-persuna kkonċernata tista’ timmodifika d-dikjarazzjoni tagħha jekk dan ikun meħtieġ biex tneħħi kwalunkwe nuqqasijiet jew żbalji fiċ-ċirkustanzi ddikjarati.”
27. Din id-dispożizzjoni tidher li ġiet issostitwita bl-Artikolu 53 taz-ZPK, li skontu “persuni li jokkupaw kariga pubblika għandhom jagħmlu dikjarazzjonijiet skont il-punti 3 u 4 tal-Artikolu 49(1) fi żmien xahar minn meta sseħħ il-bidla”.
28. Finalment, l-Artikolu 7 taz-ZPK jipprevedi li “l-awtorità responsabbli għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u għall-istabbiliment tal-kunflitti ta’ interessi fis-sens ta’ din il-Liġi hija l-[KPK]”.
29. Skont il-punt 8 tal-Artikolu 13(1) taz-ZPK, il-KPK “għandha tiċċekkja l-komunikazzjonijiet magħmula b’rabta ma’ dikjarazzjonijiet ta’ inkompatibbiltà minn persuni li jokkupaw kariga pubblika u, jekk tiġi stabbilita inkompatibbiltà, tirreferi l-kwistjoni lill-awtorità li teleġġi jew li taħtar sabiex jittieħdu l-miżuri xierqa [...]”.
III. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
30. MA ġie elett Deputat Gvernatur tal-BNB u Direttur tad-Dipartiment tal-Emissjoni (wieħed mit-tliet dipartimenti ewlenin tal-BNB) fis‑26 ta’ Lulju 2023 min-Narodno sabranie na Republika Bulgaria (l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija).
31. Fis‑27 ta’ Lulju 2023, huwa ssottometta lill-Assemblea Nazzjonali dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltajiet, skont il-punt 1 tal-Artikolu 35(1) taz-ZPKONPI, moqri flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 11(4) u mal-Artikolu 12(5) tal-Liġi dwar il-BNB (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltajiet”).
32. Fil‑11 ta’ Awwissu 2023, MA ppreżenta dikjarazzjoni inizjali tal-assi u tal-interessi quddiem il-KPK skont il-punt 2 tal-Artikolu 35(1) taz-ZPKONPI. F’din id-dikjarazzjoni, MA sostna li kellu 2 % tal-azzjonijiet ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata (Iontech Engineering OOD) u vvaluta dan is-sehem daqs 117 000 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 58 500) (iktar ’il quddiem l-“ewwel dikjarazzjoni tal-assi u tal-interessi”).
33. Fit‑8 ta’ Novembru 2023, MA biegħ l-azzjonijiet tiegħu f’Iontech Engineering għal BGN 100 (madwar EUR 50).
34. Fit‑13 ta’ Novembru 2023, skont il-punt 4 tal-Artikolu 49(1) taz-ZPK, MA kkomunika lill-KPK bidla fl-ewwel dikjarazzjoni tal-assi u tal-interessi, billi stima l-valur tas-sehem tiegħu f’Iontech Engineering għal BGN 100 (madwar EUR 50) (16). Huwa indika wkoll li, fil-mument tal-ħatra tiegħu, huwa kien membru tal-bord tad-diretturi ta’ żewġ entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru, jiġifieri l-Balkanski-Panitsa institut za nauchni izdirvania (l-Istitut Balkanski-Panitza għall-Istudju Avvanzat; iktar ’il quddiem l-“Istitut għall-Istudju Avvanzat”) u l-Golf Klub Blagoevgrad (iktar ’il quddiem il-“Golf Klub”) (iktar ’il quddiem it-“tieni dikjarazzjoni tal-assi u tal-interessi”).
35. Fit‑23 ta’ Novembru 2023, il-bidla fil-proprjetà msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq ġiet irreġistrata fir-reġistru kummerċjali. MA tneħħa mir-reġistru ta’ entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru bħala membru tal-bord tad-diretturi ta’ żewġ entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru fil‑15 ta’ Diċembru 2023 u fis‑17 ta’ Jannar 2024, rispettivament.
36. Fis‑7 ta’ Frar 2024, MA ssottometta lill-KPK dikjarazzjoni ġdida tal-assi u tal-interessi, konformement mal-punt 4 tal-Artikolu 49(1) taz-ZPK (iktar ’il quddiem it-“tielet dikjarazzjoni tal-assi u tal-interessi”). F’din id-dikjarazzjoni, huwa stqarr, b’mod partikolari, li, fid-data tal-elezzjoni jew tal-ħatra tiegħu, ma kellu ebda azzjoni f’kumpannija u li ma kienx membru ta’ ebda bord tad-diretturi ta’ korp superviżorju ta’ entità ġuridika mingħajr skop ta’ lukru jew kooperattiva. Barra minn hekk, huwa ddikjara li matul it‑12‑il xahar qabel id-data tal-elezzjoni jew tal-ħatra tiegħu, huwa ma kellu ebda interess f’kumpannija.
37. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2024, il-KPK ikkonstatat inkompatibbiltà, fuq il-bażi tal-punt 8 tal-Artikolu 13(1) taz-ZPK, fir-rigward ta’ MA fil-kwalità tiegħu ta’ Deputat Gvernatur tal-BNB kif ukoll ta’ Direttur tad-Dipartiment tal-Emissjoni tal-BNB f’dak li jirrigwarda, l-ewwel, il-parteċipazzjoni tiegħu f’Iontech Engineering u, it-tieni, l-attivitajiet tiegħu, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni mill-Kunsill Governattiv tal-BNB, bħala membru tal-bord tad-diretturi taż-żewġ entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru.
38. Fis‑27 ta’ Ġunju 2024, il-KPK ikkomunikat din id-deċiżjoni lill-BNB u lill-Assemblea Nazzjonali. Fuq talba ta’ MA, huwa ngħata leave mingħajr ħlas.
39. Fl‑1 ta’ Lulju 2024, MA fetaħ kawża kontra d-deċiżjoni tal-KPK quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) (17).
40. Fis‑16 ta’ Lulju 2024, MA ssottometta osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kunsill Governattiv tal-BNB, li fihom ikkontesta, inter alia, l-eżistenza tar-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga tiegħu, talab li jiġu prodotti l-provi u talab sabiex jinstema’ fil-preżenza tal-avukat tiegħu.
41. Fl-istess jum, il-Kunsill Governattiv tal-BNB adotta d-deċiżjoni tiegħu li kkonstatat li kien hemm raġunijiet biex MA jiġi mneħħi mid-dmirijiet tiegħu bħala Deputat Gvernatur u Direttur tad-Dipartiment tal-Emissjoni.
42. B’mod iktar speċifiku, u wara li ħa inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-KPK, il-Kunsill Governattiv tal-BNB ikkonkluda li MA ma ssodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tiegħu. Filwaqt li kkunsidra li din il-konstatazzjoni, fiha nnifisha, kienet raġuni suffiċjenti għat-tneħħija mill-kariga, adotta wkoll il-fehma li l-istess imġiba kienet tikkostitwixxi mġiba serjament ħażina (18).
43. MA waqaf iwettaq id-dmirijiet tiegħu bħala Deputat Gvernatur u membru tal-Kunsill Governattiv tal-BNB b’effett mid-data tad-deċiżjoni tal-BNB. Huwa kkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li ċaħdet ir-rikors tiegħu għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-BNB u ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri sabiex tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
“1) Il-kriterji għat-tneħħija mill-kariga tal-Gvernatur [ta’ bank ċentrali nazzjonali] u l-proċedura li permezz tagħha tiġi kkontestata d-deċiżjoni ta’ tneħħija, previsti fl-Artikolu 14.2 tal-[Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għall-membri kollha tal-korpi deċiżjonali ta’ bank ċentrali nazzjonali?
2) Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 14.2 tal-[Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE] jippermetti leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-istess kriterji għat-tneħħija mill-kariga tal-membri tal-korpi deċiżjonali ta’ bank ċentrali nazzjonali bħal dawk li huma previsti għall-Gvernatur f’dan l-Artikolu 14.2?
3) L-Artikolu 14.2 tal-[Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE] jippermetti l-eżerċizzju tal-kariga ta’ Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali meta fl-istess waqt dan tal-aħħar ikollu sehem f’kumpannija b’kapital azzjonarju li jintitolah għal parti mill-profitti tal-kumpannija li tkun proporzjonata mas-sehem tiegħu?
4) L-Artikolu 14.2 tal-[Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE] jippermetti l-eżerċizzju tal-kariga ta’ Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali meta fl-istess waqt dan tal-aħħar jipparteċipa fil-bord tad-diretturi ta’ persuna ġuridika mingħajr skop ta’ lukru li, konformement mal-istatut tagħha, tista’ teżerċita attività ekonomika f’sitwazzjoni fejn ma tkunx ittieħdet deċiżjoni unanima mill-Kunsill Regolatorju ta’ bank ċentrali nazzjonali kif teżiġi l-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-eżerċizzju ta’ attività mingħajr remunerazzjoni?
5) L-Artikolu 131 TFUE u l-Artikolu 7 tal-[Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE] jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-membri tal-korpi deċiżjonali ta’ bank ċentrali nazzjonali, fil-kwalità tagħhom ta’ persuni li jokkupaw kariga pubblika fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiddikjaraw, f’terminu ddeterminat mid-daħla fil-kariga tagħhom u quddiem il-korp nazzjonali kompetenti, is-sehem tagħhom f’kumpanniji b’kapital azzjonarju u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-bord tad-diretturi ta’ persuna ġuridika mingħajr skop ta’ lukru?
6) L-Artikolu 131 TFUE u l-Artikolu [14.2] tal-[Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE] jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali, fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li tokkupa kariga pubblika fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jieħu passi, f’terminu ddeterminat mid-daħla fil-kariga tiegħu, sabiex iwaqqaf is-sehem tiegħu f’kumpannija b’kapital azzjonarju u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-bord tad-diretturi ta’ persuna ġuridika mingħajr skop ta’ lukru?
7) L-Artikolu 14.2 tal-[Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE] jippermetti interpretazzjoni fis-sens li Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali li jkun waqqaf inkompatibbiltà mal-kariga tiegħu iżda biss wara l-iskadenza tat-terminu previst fil-leġiżlazzjoni jitqies li huwa persuna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet tagħha?
8) L-Artikolu 131 TFUE u l-Artikoli 7 u 14.2 tal-Istatuti tas-[SEBĊ u tal-BĊE] jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-korp responsabbli għall-konferma tal-eżistenza tar-raġuni għat-tneħħija mill-kariga sabiex, għall-finijiet u fil-kuntest ta’ din il-proċedura speċifika, tevalwa jekk kienx hemm imġiba serjament ħażina fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-[Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE]?”
44. Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn MA, mill-BNB, mill-Gvern Spanjol, mill-BĊE u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet interessati ppreżentaw argument orali waqt is-seduta li saret fit‑18 ta’ Novembru 2025.
IV. Analiżi
45. Infakkar li l-kawża prinċipali toriġina mill-informazzjoni pprovduta minn MA, fil-forma ta’ numru ta’ dikjarazzjonijiet sottomessi skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, wara l-ħatra tiegħu bħala Deputat Gvernatur tal-BNB u rigward il-kapital azzjonarju tiegħu f’kumpannija u l-pożizzjonijiet tiegħu f’entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru. F’dan il-kuntest, nibda l-analiżi tiegħi bil-ħames domanda, li biha l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina, fid-dawl tal-prinċipju tal-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali, il-kompatibbiltà tal-obbligu impost fuq membru tal-korp deċiżjonali ta’ bank bħal dan, bħalma huwa d-deputat gvernatur, li jiddikjara sitwazzjonijiet bħal dawk deskritti iktar ’il fuq (A). Sussegwentement, nirrileva li d-deċiżjoni li kien neċessarju li MA jitneħħa mid-dmirijiet tiegħu kienet ibbażata fuq il-fehma li dawn is-sitwazzjonijiet kienu jaqgħu taħt ir-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga previsti fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Għalhekk, ser nindirizza l-ewwel u t-tieni domanda, li bihom il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddetermina jekk din id-dispożizzjoni hijiex applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami (B). Ser nipproċedi billi nindirizza d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju dwar jekk id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni jippermettux il-konklużjoni li interessi bħal dawk żvelati fil-proċeduri prinċipali jistgħux jiġġustifikaw it-tneħħija mill-kariga ta’ (deputat) gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali, u jekk tali konklużjoni tistax tintlaħaq fejn ir-rimedji neċessarji ma ġewx imfittxija fit-termini applikabbli (it-tielet, ir-raba’, is-sitt u s-seba’ domanda) (C). Finalment, ser nindirizza t-tmien domanda, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddetermina jekk l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jippermettix lill-korp nazzjonali kompetenti sabiex jistabbilixxi r-raġunijiet għat-tneħħija jevalwa jekk ġietx stabbilita “imġiba serjament ħażina”, bħala waħda miż-żewġ raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga previsti f’din id-dispożizzjoni (D).
A. Id-dikjarazzjoni tal-kapital azzjonarju f’kumpanniji u tal-parteċipazzjoni fil-bordijiet tad-diretturi ta’ entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru (il-ħames domanda)
46. Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxu l-prinċipju tal-indipendenza tal-banek ċentrali (l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE) jippermettux leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-membri ta’ korp deċiżjonali ta’ bank ċentrali nazzjonali sabiex jiddikjaraw lill-awtorità nazzjonali kompetenti, f’terminu speċifikat minn mindu jibdew jaqdu l-kariga tagħhom, il-parteċipazzjoni tagħhom bħala azzjonisti f’kumpanniji u fil-bordijiet tad-diretturi ta’ entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru. Infakkar, f’dan ir-rigward, li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jesprimu l-prinċipju tal-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali, li japplika għal kull membru tal-korpi deċiżjonali ta’ tali banek kollha, irrispettivament minn jekk humiex parti miż-żona tal-euro jew le (19).
47. Fil-bidu, jeħtieġ li niċċara li jiena nifhem ir-riferiment, fil-formulazzjoni tad-domanda, għall-“korp nazzjonali kompetenti”, bħala l-KPK. Dan il-punt ma huwiex mingħajr importanza, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprevedi żewġ tipi ta’ dikjarazzjonijiet: “dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltajiet”, li għandha tiġi sottomessa lill-korp tal-ħatra, l-Assemblea Nazzjonali; u “dikjarazzjoni tal-assi u l-interessi”, li għandha tiġi sottomessa lill-KPK. Fil-fehma tiegħi, hija biss din l-aħħar kategorija li tidher li hija rilevanti għall-iskopijiet ta’ din l-evalwazzjoni.
48. F’dan ir-rigward, mill-punt 12 tal-Artikolu 37(1) taz-ZPKONPI u mill-punt 13 tal-Artikolu 51(1) taz-ZPK, ifformulat b’mod simili, jirriżulta li persuna li tokkupa kariga, b’mod partikolari dik ta’ deputat gvernatur tal-BNB, hija obbligata tiddikjara lill-KPK, inter alia, kull parteċipazzjoni f’kumpanniji u fil-bordijiet tad-diretturi jew korpi superviżorji ta’ entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru jew kooperattivi fil-mument tal-ħatra tagħha u matul it‑12‑il xahar preċedenti.
49. Għandu jingħad ukoll li, kif jirriżulta mill-proċess, il-KPK hija awtorità amministrattiva indipendenti, speċjalizzata u permanenti fdata b’responsabbiltajiet fil-qasam tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ kunflitti ta’ interessi (20). Kif inhu fil-kawża ineżami u kif ser nispjega f’iktar dettall fil-Parti D ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-deċiżjoni tal-KPK tista’ tiskatta azzjoni min-naħa tal-Kunsill Governattiv tal-BNB sabiex jiġi ddeterminat jekk ġietx stabbilita raġuni għat-tneħħija mill-kariga fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.
50. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma narax kif obbligu impost fuq membru tal-korp deċiżjonali ta’ bank ċentrali nazzjonali, bħalma huwa d-deputat gvernatur, li jissottometti dikjarazzjonijiet lil korp bħall-KPK, biex jiżvela l-parteċipazzjoni tiegħu f’entitajiet bi skop ta’ lukru u f’dawk mingħajr skop ta’ lukru, jista’ joħloq inkompatibbiltà mal-prinċipju tal-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali. Għall-kuntrarju, kif argumentaw il-BNB, il-Gvern Spanjol, il-BĊE u l-Kummissjoni, dan l-obbligu jikkontribwixxi biex tinżamm din l-indipendenza. Huwa proprju permezz ta’ skrutinju ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet li theddid potenzjali għall-indipendenza ta’ bank ċentrali jista’ jiġi identifikat u, fejn neċessarju, indirizzat.
51. Madankollu, meta l-mekkaniżmu ta’ tali dikjarazzjonijiet ikun marbut ma’ proċedura sussegwenti intiża sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ raġuni għat-tneħħija mill-kariga fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, huwa, naturalment, essenzjali li l-kundizzjonijiet li jirregolaw dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu ddefiniti b’mod ċar, f’dak li jirrigwarda kemm is-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu żvelati kif ukoll it-termini applikabbli.
52. F’dan ir-rigward, u suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt nazzjonali, kif imfakkra fil-punt 48 iktar ’il fuq, jidher li jiddeterminaw b’ċarezza suffiċjenti l-obbligu li jiġu żvelati l-parteċipazzjoni f’entitajiet bi skop ta’ lukru u f’dawk mingħajr skop ta’ lukru.
53. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-ħames domanda u mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-terminu għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni rilevanti jibda jiddekorri malli l-persuna kkonċernata tibda taqdi l-kariga tagħha, u sa xahar (21). Fl-astratt, u fl-assenza ta’ argumenti speċifiċi fis-sens kuntrarju, tali terminu jidher li joħloq bilanċ raġonevoli bejn in-neċessità li tiġi protetta l-indipendenza tal-bank ċentrali – li timmilita kontra terminu eċċessivament twil meta mqabbel mat-tul tal-mandat tad-deputat gvernatur – u dik li l-persuna kkonċernata tingħata biżżejjed żmien sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu inkwistjoni.
54. Għalhekk jiena tal-fehma li l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE ma jipprekludux regoli tad-dritt nazzjonali li jobbligaw lid-deputat gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali sabiex jippreżenta lill-awtorità nazzjonali kompetenti dikjarazzjoni li tiżvela l-parteċipazzjoni tiegħu bħala azzjonist ta’ kumpannija, jew il-parteċipazzjoni tiegħu fil-bordijiet tad-diretturi ta’ entità mingħajr skop ta’ lukru.
55. Din il-konklużjoni tippermettili nindirizza l-kwistjoni li ġejja, li tikkonċerna l-possibbiltà li tali membru ta’ korp deċiżjonali ta’ bank ċentrali nazzjonali jitneħħa mill-kariga meta l-informazzjoni żvelata tippermetti li jiġi konkluż li waħda mir-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga previsti fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE hija stabbilita.
B. Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE (l-ewwel u t-tieni domanda)
56. F’din it-taqsima, ser nispjega li l-kriterji li jirregolaw it-tneħħija mill-kariga ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali, previsti fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE (iktar ’il quddiem it-“test ta’ irremovabbiltà”), japplikaw, skont id-dritt tal-Unjoni, għall-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali biss (1). Imbagħad ser nispjega li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jestendu l-applikabbiltà ta’ dan it-test għal membri oħra tal-korpi deċiżjonali tal-banek ċentrali nazzjonali tagħhom (2).
1. Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE (l-ewwel domanda)
57. Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, “[l]-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom, b’mod partikolari, jipprovdu li ż-żmien tal-kariga ta’ Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ma jkunx inqas minn ħames snin.” L-istess dispożizzjoni tipprevedi, fit-tieni subparagrafu tagħha, li “Gvernatur jista’ jitneħħa mill-inkarigu tiegħu biss jekk ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu jew inkella jekk ikun ħati ta’ mġieba serjament ħażina” (22). Dan l-artikolu jipprevedi wkoll li deċiżjoni f’dan is-sens “tista’ tiġi riferita lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvernatur involut jew mill-Kunsill Regolatorju [tal-BĊE] bħala ksur tat-[Trattat FUE] jew ta’ xi regola tal-liġi marbuta ma’ l-applikazzjoni tiegħu”.
58. Minn dan isegwi li l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jinkludi tliet regoli distinti. L-ewwel, jistabbilixxi regola dwar it-tul minimu tal-mandat tal-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali; it-tieni, jispeċifika żewġ sitwazzjonijiet li fihom dan il-mandat jista’ jintemm b’mod prematur (it-“test ta’ irremovabbiltà”); u, it-tielet, jistabbilixxi rimedju speċifiku, billi jagħti lill-gvernatur ikkonċernat u lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE locus standi biex jikkontestaw tali d-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
59. Il-formulazzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni turi li, f’dawn it-tliet aspetti kollha, hija tapplika biss għall-gvernaturi u mhux għal membri oħra ta’ korpi deċiżjonali ta’ banek ċentrali nazzjonali.
60. Din il-konklużjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u mill-għanijiet li tfittex.
61. Kif diġà ġie nnotat, l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jikkumplimenta l-Artikolu 130 TFUE, riprodott essenzjalment fl-Artikolu 7 ta’ dawn l-Istatuti, li, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, jirrifletti l-importanza li l-awturi tat-Trattati taw sabiex jiġi żgurat li l-BĊE u s-SEBĊ ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti mogħtija lilhom b’mod indipendenti (23).
62. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tagħha Rimšēvičs li l-għan tat-tliet regoli li jinsabu fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE huwa “sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza funzjonali tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali” li, flimkien mal-BĊE, jikkostitwixxu s-SEBĊ (24). Barra minn hekk, il-partikolaritajiet tar-rimedju previst mit-tielet regola ta’ din id-dispożizzjoni – li jikkostitwixxi forma speċifika ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra miżura nazzjonali (25) wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkaratterizza l-loġika li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE bħala li tinkludi “sistema integrata ħafna mixtieqa mill-awturi tat-Trattati għas-SEBĊ” (26).
63. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ir-raġunament ta’ wara din is-sistema billi rreferiet għar-rabta istituzzjonali speċifika bejn il-“gvernaturi taż-żona tal-euro” u l-BĊE, peress li dawn il-gvernaturi huma membri de jure tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, il-korp deċiżjonali prinċipali kemm tal-BĊE kif ukoll tas-SEBĊ (27). Għall-finijiet ta’ kompletezza, inżid li, għalkemm dan l-aspett juri b’ċarezza partikolari n-natura “integrata ħafna” tas-sistema, l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti ma huwiex, kuntrarjament għal ċerti dispożizzjonijiet oħra tagħhom, limitat fl-applikazzjoni tiegħu għall-Istati Membri taż-żona tal-euro. L-Istati Membri “b’deroga” (28), skont it-tifsira tal-Artikolu 139(1) TFUE, jipparteċipaw fis-SEBĊ b’mod indipendenti (29), li jispjega għaliex il-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE japplikaw għalihom ukoll.
64. Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li jsostnu MA, il-BNB, il-BĊE u l-Gvern Spanjol, la n-natura speċifika tas-sistema stabbilita minn din id-dispożizzjoni u lanqas, b’mod iktar ġenerali, in-neċessità li tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali fil-qafas tal-BĊE (u tas-SEBĊ) ma jfissru li t-test ta’ irremovabbiltà stabbilit fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE japplika, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, għall-membri tal-korpi deċiżjonali tal-banek ċentrali nazzjonali minbarra l-gvernaturi.
65. Skont dak li ntqal iktar ’il fuq, u kif issostni wkoll il-Kummissjoni, għalkemm ir-rwol partikolari tal-gvernaturi fi ħdan is-SEBĊ – u, b’mod partikolari, tal-“gvernaturi taż-żona tal-euro” – jispjega għaliex id-dispożizzjoni inkwistjoni hija speċifikament indirizzata lilhom, l-għan li tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali ma jistax jiġi invokat sabiex jiġi estiż, contra legem, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni.
66. Madankollu, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, xejn fir-raġunament ta’ wara l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE ma jipprekludi lil Stat Membru milli jipprevedi, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, li t-test ta’ irremovabbiltà japplika wkoll għall-membri l-oħra tal-korp deċiżjonali tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, bħad-deputat gvernatur.
2. L-applikabbiltà estiża tat-test ta’ irremovabbiltà (it-tieni domanda)
67. Kif diġà ssemma, il-leġiżlatur Bulgaru ddeċieda, permezz tal-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar il-BNB, li jagħmel it-test ta’ irremovabbiltà stabbilit fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE applikabbli għall-membri kollha tal-korpi deċiżjonali tal-bank ċentrali Bulgaru.
68. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk din l-estensjoni hijiex kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni tal-Istatuti.
69. Kif diġà indikajt, ma nara l-ebda diffikultà f’dan ir-rigward.
70. L-ewwel, xejn fid-dritt tal-Unjoni ma jipprevjeni lill-Istati Membri milli jieħdu ispirazzjoni minn regola speċifika tad-dritt tal-Unjoni u jagħmluha applikabbli, skont id-dritt nazzjonali, għal sitwazzjonijiet li għalihom din ir-regola ma kinitx oriġinarjament maħsuba.
71. It-tieni, konklużjoni kuntrarja tkun iġġustifikata biss jekk estensjoni bħal din tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni kienet tnaqqas l-effettività tagħha jew tikser regola oħra tad-dritt tal-Unjoni.
72. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, nirrileva li, skont l-Artikolu 131 TFUE, il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri għandha tkun kompatibbli mat-Trattati u mal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Dan ir-rekwiżit jirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 130 TFUE u għall-Artikolu 7 ta’ dawn l-Istatuti, li, kif diġà ġie nnotat, jistabbilixxu l-prinċipju tal-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali, applikabbli għall-membri kollha tal-korpi deċiżjonali tagħhom. Dan il-prinċipju jeħtieġ li dawn il-banek jiġu protetti minn pressjoni politika sabiex is-SEBĊ tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha b’mod effettiv, b’mod partikolari ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet, kif previst fl-Artikolu 282 TFUE, permezz tal-eżerċizzju indipendenti tas-setgħat mogħtija lilha (30).
73. Minn din il-perspettiva, infakkar l-ispjegazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq, li skontha l-Artikolu 14.2 tas-SEBĊ u tal-BĊE jservi sabiex jipproteġi l-indipendenza funzjonali tal-gvernaturi ta’ banek ċentrali nazzjonali. B’mod iktar speċifiku, rigward it-test ta’ irremovabbiltà stabbilit f’din id-dispożizzjoni, billi jillimitaw il-possibbiltà ta’ tneħħija mill-kariga bikrija għaż-żewġ sitwazzjonijiet iddefiniti fiha, l-awturi tat-Trattati ipprovdew lill-banek ċentrali nazzjonali b’garanzija speċifika maħsuba sabiex tiżgura kontinwità u konsistenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, protetta minn kunsiderazzjonijiet politiċi fuq żmien qasir. Peress li dan it-test jippreżerva, bħala prinċipju, il-possibbiltà għal gvernatur li jibqa’ fil-kariga matul il-perijodu kollu tal-mandat tiegħu, id-deċiżjoni li din il-protezzjoni tiġi estiża għall-membri kollha tal-korp deċiżjonali ta’ bank ċentrali nazzjonali – li jistgħu wkoll ikunu involuti fl-eżerċizzju tal-kompiti marbuta mas-SEBĊ – tikkontribwixxi għall-indipendenza funzjonali tal-istituzzjoni kollha kemm hi, billi tiżgura lil dawn il-membri l-istess protezzjoni kontra t-tneħħija arbitrarja.
74. F’dan ir-rigward, bilkemm huwa neċessarju li jitfakkar li l-kompiti mogħtija lill-banek ċentrali nazzjonali mid-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tas-SEBĊ ma humiex neċessarjament irriżervati għall-gvernaturi biss (31). Barra minn hekk, anki meta ċerti kompiti huma rriżervati għalihom, l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jipprevedu l-possibbiltà li gvernatur jiġi ssostitwit, kif jipprevedi l-Artikolu 10.2 tagħhom (32). Bl-istess mod, l-Istitut Monetarju Ewropew, predeċessur storiku tal-BĊE, irrileva fir-rapport ta’ konverġenza tiegħu tal‑1995 li l-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali “tkun iktar imsaħħa jekk l-istess regoli [bħal dawk previsti, b’mod partikolari, mit-test ta’ irremovabbiltà] jiġu applikati wkoll għal membri oħra tal-korpi deċiżjonali tal-[banek ċentrali nazzjonali] inkarigati mill-kompiti marbuta mas-SEBĊ” (33) [traduzzjoni libera].
75. Minn dan isegwi li, b’risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari, l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE japplika biss, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, għall-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel it-test ta’ irremovabbiltà stabbilit fiha applikabbli wkoll għad-Deputat Gvernatur ta’ tali bank.
76. Din il-konklużjoni tippermettili nindirizza l-eżami tas-serje ta’ domandi li jmiss, li jirrigwardaw jekk din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tippermettix il-konstatazzjoni li r-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga jiġu stabbiliti fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża ineżami.
C. L-impossibbiltà/il-possibbiltà taż-żamma ta’ ċerti assi u l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet (it-tielet, ir-raba’, is-sitt u s-seba’ domanda)
77. Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jippermettix sitwazzjoni li fiha l-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali, l-ewwel, ikollu parteċipazzjoni fil-kapital ta’ kumpannija li tagħtih dritt għal sehem mill-profitti ta’ din il-kumpannija (it-tielet domanda) u, it-tieni, ipoġġi, mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa, fuq il-bord tad-diretturi ta’ entità ġuridika mingħajr skop ta’ lukru li tista’ teżerċita attività ekonomika (ir-raba’ domanda).
78. Permezz tas-sitt u tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex ukoll li taċċerta ruħha, l-ewwel, jekk l-ewwel parti tat-test ta’ irremovabbiltà (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet”) tippermettix obbligu tal-gvernatur li, fi żmien speċifikat wara li jibda jaqdi l-kariga tiegħu, jadotta miżuri maħsuba biex itemmu tali parteċipazzjonijiet (is-sitt domanda) u, it-tieni, fejn dawk il-parteċipazzjonijiet jitwaqqfu tard wisq, jekk din tippermettix il-konklużjoni li dik l-ewwel parti tat-test hija ssodisfatta (is-seba’ domanda) (34).
79. Biex inwieġeb dawn id-domandi, ser nanalizza l-loġika li fuqha huwa bbażat dan it-test ta’ irremovabbiltà (1) u l-implikazzjonijiet li jirriżultaw minnha (2).
1. It-test ta’ irremovabbiltà: kummenti ġenerali
80. L-ewwel punt li għandu jitfakkar huwa li l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jillimita l-possibbiltà li Stat Membru jneħħi lil gvernatur mill-kariga b’mod prematur għal żewġ sitwazzjonijiet: fejn dan ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu jew fejn ikun instab ħati bi mġiba serjament ħażina. Għalhekk l-Istati Membri ma humiex permessi li jżidu mal-lista tar-raġunijiet li jiġġustifikaw tneħħija mill-kariga bikrija. Jekk gvernatur jista’ jitneħħa mill-kariga għandu jiġi evalwat esklużivament b’riferiment għal dawn iż-żewġ raġunijiet (35).
81. Kif diġà spjegat, it-test ta’ irremovabbiltà huwa strument speċifiku maħsub biex jipproteġi l-indipendenza funzjonali tal-banek ċentrali nazzjonali. Il-kisba effettiva ta’ dan l-għan teħtieġ li l-gvernaturi jkunu jistgħu, bħala prinċipju, jibqgħu fil-kariga tul il-mandat kollu tagħhom, suġġetti biss għal dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet.
82. It-tieni, l-użu tal-verb “jista’” f’din id-dispożizzjoni jindika li, anki fejn tkun stabbilita waħda mir-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga, il-gvernatur ma għandux neċessarjament jitneħħa mill-kariga. Għalhekk, l-Artikolu 14(2) tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jagħti lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ evalwazzjoni dwar jekk għandhiex issir tneħħija mill-kariga fiċ-ċirkustanzi ta’ kawża partikolari, suġġett, madankollu għall-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-effettività tal-garanzija ta’ indipendenza.
83. F’dan il-kuntest, issa ser neżamina ż-żewġ raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga, f’iktar dettall.
a) In-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dmirijiet
84. Fir-rigward tal-ewwel raġuni għat-tneħħija mill-kariga, diġà osservajt li din hija parti minn test usa’ li jirregola ċ-ċirkustanzi li fihom gvernatur jista’ jitneħħa mill-kariga. Fl-assenza ta’ riferiment għal-liġijiet tal-Istati Membri, dan il-kriterju għandu jitqies bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (36). Madankollu, peress li l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE ma jipprovdi ebda indikazzjoni dwar in-natura tal-“kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet”, id-definizzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet hija, bħala prinċipju, fdata f’idejn l-Istati Membri (37), suġġetta għal ċerti limiti li ser nistabbilixxi iktar ’il quddiem.
85. Ħarsa ġenerali komparattiva turi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tadotta varjetà ta’ pożizzjonijiet, kemm fir-rigward tal-livell ta’ dettall kif ukoll fir-rigward tas-sustanza tar-rekwiżiti ta’ kwalifika u ta’ skwalifika għall-membri tal-korpi deċiżjonali tal-banek ċentrali nazzjonali. Dawn il-kundizzjonijiet tipikament jirrigwardaw attributi ġenerali bħall-integrità, ir-reputazzjoni tajba jew il-kompetenza rrikonoxxuta (38), jew rekwiżiti iktar speċifiċi ispirati minn kunsiderazzjonijiet simili, bħall-assenza ta’ kundanna kriminali jew ta’ proċeduri ta’ insolvenza, jew il-pussess ta’ lawrja universitarja (kemm jekk f’qasam ġenerali jew partikolari, bħall-ekonomija jew il-finanzi) (39).
86. Fl-istess ħin, l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE – li, għal darba oħra, japplikaw għall-membri kollha tal-korpi deċiżjonali tal-banek ċentrali nazzjonali – jistabbilixxu l-għan tal-indipendenza tagħhom. Il-kisba effettiva ta’ dan l-għan tinvolvi ċerti restrizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom josservaw, kemm meta jiddeterminaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ dawn id-dmirijiet, kif ukoll meta jevalwaw jekk tkunx ġiet issodisfatta l-ewwel raġuni għat-tneħħija mill-kariga skont it-test ta’ irremovabbiltà.
87. Fil-kuntest attwali, dan il-limitu ġenerali huwa espress f’żewġ rekwiżiti iktar speċifiċi.
88. L-ewwel, il-kundizzjonijiet dwar l-eżerċizzju tad-dmirijiet għandhom jiġu fformulati b’ċarezza suffiċjenti sabiex jiġu evitati l-abbuż jew l-istrumentalizzazzjoni, li mingħajrhom l-invokazzjoni tal-ewwel raġuni għat-tneħħija mill-kariga li tinsab fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE tista’ jippreġudika l-effett utli nnifsu ta’ din id-dispożizzjoni (40). Minflok ma tkun protezzjoni kontra pressjoni esterna u tneħħija mill-kariga arbitrarja, din tista’ ssir punt ta’ aċċess preċiżament sabiex dawn ir-riskji jimmaterjalizzaw ruħhom. Iċ-ċarezza tar-regoli li jirregolaw iċ-ċirkustanzi li fihom membru ta’ bank ċentrali nazzjonali jista’ jokkupa kariga jew jiġi mneħħi minnha hija għalhekk ta’ importanza kbira għall-eżistenza ta’ ambjent istituzzjonali stabbli u imparzjali.
89. Dan ir-rekwiżit ta’ ċarezza, naturalment, ma jipprekludix l-użu ta’ kundizzjonijiet miftuħa, bħal dawk imsemmija iktar ’il fuq (integrità, reputazzjoni u simili). F’każijiet bħal dawn, l-evalwazzjoni ta’ jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex (u għadhomx) issodisfatti ser tinvolvi neċessarjament eżami ta’ diversi fatturi (li rarament ser ikun neċessarju fil-każ ta’ kundizzjonijiet ddefiniti b’mod ristrett, bħall-assenza ta’ kundanna kriminali). Il-livell ta’ ġeneralità li bih dawn il-kundizzjonijiet huma ddefiniti huwa, fil-fehma tiegħi, fattur li ser jaffettwa l-analiżi tal-proporzjonalità sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonċernata tistax u għandhiex titneħħa mill-kariga fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, peress li tali analiżi teħtieġ ibbilanċjar, b’mod partikolari, tal-interess li tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-bank u tal-interess fl-istabbiltà tal-kariga.
90. Barra minn hekk, l-awtonomija tal-Istati Membri tippermettilhom ukoll jistabbilixxu rekwiżiti negattivi li jidentifikaw ċerti sitwazzjonijiet bħala inkompatibbli mal-kariga, irrispettivament minn jekk dawn iwasslux għal kunflitt ta’ interessi konkret. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri jistgħu, fil-fehma tiegħi, jeħtieġu mhux biss assenza ta’ kunflitti ta’ interessi attwali jew potenzjali iżda wkoll assenza ta’ sitwazzjonijiet li b’mod raġonevoli jistgħu jiġu meqjusa bħala tali. Dawn il-projbizzjonijiet jistgħu jvarjaw minn projbizzjonijiet assoluti għal sistemi li jippermettu li l-eċċezzjonijiet jiġu deċiżi każ b’każ (41).
91. L-approċċ li permezz tiegħu ċerti sitwazzjonijiet jiġu ttrattati bħala inkompatibbli mal-kariga, irrispettivament minn kwalunkwe kunflitti ta’ interessi attwali jew potenzjali, huwa ġġustifikat mill-fatt li huma jistgħu jiġu pperċepiti li tipikament jistgħu jqajmu, f’moħħ il-pubbliku, dubji dwar jekk il-membri tal-korpi deċiżjonali tal-banek ċentrali nazzjonali jaġixxux fl-interess pubbliku iktar milli fuq il-bażi ta’ dawk privati (42). Tali dubji jirriskjaw li jippreġudikaw il-kredibbiltà tal-istituzzjoni nnifisha (43), u għalhekk huwa leġittimu għall-Istati Membri li jfittxu li jiżguraw li sitwazzjonijiet li jistgħu jipproduċu dan l-effett sempliċement ma jseħħux (44).
92. It-tieni, irrispettivament minn jekk l-Istat Membru jagħżilx kundizzjonijiet iddefiniti b’mod ristrett jew kundizzjonijiet miftuħa, il-qafas riżultanti għandu jkun komprensiv. B’mod partikolari, fejn ikunu elenkati kundizzjonijiet negattivi (inkompatibbiltajiet), l-eżistenza ta’ lista espliċita ma tistax tagħmilha impossibbli li jiġi indirizzat kunflitt ta’ interessi li joħroġ minn sitwazzjoni li ma hijiex espressament koperta minn din il-lista.
93. Għalkemm kunflitt ta’ interessi ma huwiex, bħala tali, imniżżel bħala raġuni għat-tneħħija fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, ma tantx hemm bżonn jiġi enfasizzat li l-assenza ta’ kunflitti ta’ interessi hija inerenti fir-rekwiżit li l-kompiti fdati lill-banek ċentrali jitwettqu b’mod indipendenti (45), bħalma l-imparzjalità hija implikata mir-rekwiżit tal-indipendenza tal-imħallfin (46) jew tal-membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (47).
94. Meta jinqala’ kunflitt ta’ interessi li ma jaqax taħt kategorija astratta ta’ inkompatibbiltà predefinita, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li ssir evalwazzjoni każ b’każ, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jistax jiġġustifika t-tneħħija mill-kariga, kif sostnut, essenzjalment, mill-BĊE u mill-Gvern Spanjol fil-kawża ineżami. Issa li saret din il-preċiżazzjoni, ser nindirizza t-tieni parti tat-test ta’ irremovabbiltà stabbilit fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.
b) Imġiba serjament ħażina
95. Ser nibda billi nosserva li, fl-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għad-dritt nazzjonali fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-kunċett ta’ mġiba serjament ħażina għandu jitqies bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Peress li dan il-kunċett ma huwiex iddefinit (48), huwa għandu jiġi interpretat skont it-tifsira komuni tat-termini fil-lingwa ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija mir-regoli li minnhom huwa jagħmel parti u l-kuntest li fih jintuża (49).
96. Fit-tifsira ordinarja tiegħu, l-aġġettiv “serju” jindika ċertu livell ta’ gravità, filwaqt li l-kliem “imġiba ħażina” jirreferu għal “imġiba mhux aċċettabbli jew ħażina minn xi ħadd f’pożizzjoni ta’ awtorità jew ta’ responsabbiltà” (50) [traduzzjoni libera].
97. Fir-rigward tal-kuntest u tal-għanijiet rilevanti, tliet kunsiderazzjonijiet, fil-fehma tiegħi, huma ta’ importanza partikolari.
98. L-ewwel, il-kunċett ta’ mġiba serjament ħażina jagħmel parti mill-garanziji maħsuba biex jipproteġu l-indipendenza tal-istituzzjoni kontra l-interferenza esterna fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha. Barra minn hekk, huwa marbut ma’ konsegwenza daqstant estensiva bħat-tneħħija mill-kariga ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali, miżura li neċessarjament taffettwa – anki jekk temporanjament biss, sas-sostituzzjoni tiegħu– il-funzjonament tas-SEBĊ u tal-BĊE. Dan huwa, b’mod partikolari, għalkemm mhux esklużivament, meta jkun involut il-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru taż-żona tal-euro (51). Din il-kunsiderazzjoni timplika li l-limitu għall-“imġiba serjament ħażina” ma jistax jiġi stabbilit baxx wisq (52).
99. It-tieni, l-istess kunċett iservi wkoll biex jipproteġi l-kredibbiltà tal-istituzzjoni, u b’hekk il-kapaċità tagħha li twettaq id-dmirijiet tagħha, minn kondotta interna tal-membri tagħha li tista’ tpoġġi dawn l-attribwiti f’perikolu. L-indipendenza li tgawdi l-istituzzjoni għandha, bħala korollarju tagħha, l-akkontabbiltà tal-membri tagħha, sabiex tiġi żgurata li l-kondotta tagħhom ma jkollhiex effett domino fuq il-fiduċja pubblika fl-istituzzjoni (53). Din il-kunsiderazzjoni teħtieġ li t-test ikun suffiċjentement flessibbli sabiex jinkludi kull imġiba li serjament jaffettwa jew il-kapaċità tal-istituzzjoni li twettaq id-dmirijiet tagħha jew inkella l-fiduċja li l-pubbliku jpoġġi fl-indipendenza tal-operat tagħha.
100. L-evalwazzjoni taż-żewġ aspetti deskritti iktar ’il fuq għandha, min-natura tagħha stess, issir każ b’każ u tieħu inkunsiderazzjoni firxa ta’ fatturi, bħal dawk identifikati mill-BĊE fil-kawża ineżami; b’mod partikolari, in-natura tal-ksur, iċ-ċirkustanzi li seħħ fihom, jekk kienx riżultat ta’ kondotta intenzjonali jew negliġenti b’mod gravi, l-iskala tal-ħsara kkawżata, u l-impatt konkret fuq il-funzjonament tal-istituzzjoni jew l-immaġni pubblika tagħha.
101. It-tielet, għandi nżid li, kuntrarjament għas-sottomissjonijiet tal-BĊE u tal-Kummissjoni, ma nqisx li r-raġuni ta’ mġiba serjament ħażina hija neċessarjament reċiprokament esklużiva mar-raġuni relatata man-nuqqas ta’ twettiq tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dmirijiet. Huwa minnu li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ ċerti kundizzjonijiet, f’ħafna każijiet, huwa improbabbli li jammonta għal imġiba serjament ħażina. Dan, fil-fehma tiegħi, huwa tipikament il-każ f’ċerti attivitajiet inkompatibbli, fejn huma pprojbiti b’mod astratt, fl-assenza ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interessi speċifiku. Madankollu, dan ma jfissirx li nuqqas ta’ twettiq ta’ kundizzjoni speċifika għall-eżerċizzju tad-dmirijiet ma jista’ qatt, minnu nnifsu, jikkostitwixxi wkoll imġiba serjament ħażina. Fl-istess eżempju, dan jista’ jkun il-każ fejn attività pprojbita fil-fatt titwettaq u twassal għal kunflitt ta’ interessi li jaffettwa l-operat indipendenti tal-istituzzjoni jew il-fiduċja pubblika fil-funzjonament indipendenti tagħha. In-nuqqas li tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni li wieħed ma jkunx ġie kkundannat kriminalment jista’ jitqies bħala eżempju ieħor.
102. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li issa ser nindirizza s-sitwazzjonijiet fattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
2. Kunsiderazzjoni tas-sitwazzjonijiet fattwali inkwistjoni (it-tielet, ir-raba’, is-sitt u s-seba’ domanda)
103. L-iktar mod xieraq biex nibnu fuq l-iżviluppi preċedenti fil-kuntest tal-kawża ineżami huwa, l-ewwel, billi neżaminaw il-kapital azzjonarju ta’ MA fil-kumpannija (a) u, it-tieni, li nindirizzaw l-involviment tiegħu fl-entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru (b).
a) Il-kapital azzjonarju f’kumpannija (it-tielet, is-sitt u s-seba’ domanda)
104. L-ewwel xenarju fattwali li wassal lill-BNB sabiex jikkonstata li ż-żewġ raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga skont l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE kienu ssodisfatti jikkonċerna l-kapital azzjonarju ta’ 2 % li MA kellu f’kumpannija fil-mument tal-ħatra tiegħu. Nammetti li ma huwiex kompletament ċar għalija kif intlaħqet din il-konklużjoni, peress li ma jidhirx mill-qafas legali nazzjonali kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju li tali kapital azzjonarju jikkostitwixxi inkompatibbiltà “astratta”, irrispettivament minn kwalunkwe kunflitt ta’ interessi attwali, kif innotaw ukoll il-BĊE u l-Kummissjoni.
105. Bħala spjegazzjoni, infakkar li l-punt 4 tal-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar il-BNB jikklassifika bħala inkompatibbli mal-funzjoni, inter alia, ta’ deputat gvernatur, l-istatus ta’, inter alia, “sid uniku [ta’ negozju], soċju solidali fi sħubija, direttur […] [jew] membru tal-bord tad-diretturi jew ta’ korp superviżorju ta’ kumpannija jew kooperattiva […]”. Infakkar ukoll li Iontech Engineering, il-kumpannija inkwistjoni, hija deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju bħala kumpannija b’responsabbiltà limitata li fiha MA kellu kapital azzjonarju ta’ 2 %. Dan jissuġġerixxi li s-sitwazzjoni ta’ MA ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni minkejja li l-BNB jidher li adotta l-fehma kuntrarja (54).
106. Filwaqt li din il-kwistjoni hija ħaġa li naturalment għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, ninnota li t-tielet domanda preliminari hija bbażata fuq il-premessa li l-kapital azzjonarju fil-kumpannija inkwistjoni ma huwiex, per se, ipprojbit mid-dritt nazzjonali applikabbli. Għalhekk ser nadotta din il-premessa bħala l-ipoteżi prinċipali, u ser nindirizza l-ipoteżi l-oħra – jiġifieri li tali kapital azzjonarju huwa pprojbit – biss sussidjarjament u għall-finijiet ta’ kompletezza.
107. Fir-rigward tal-premessa prinċipali, ma nqisx li l-prinċipju ta’ indipendenza stabbilit fl-Artikolu 130 TFUE u fl-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jipprekludi regola tad-dritt nazzjonali li ma tipprojbixxix lid-Deputat Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali milli jkollu kapital azzjonarju f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, kif irrilevat il-Kummissjoni.
108. F’dan ir-rigward, nirreferi għall-osservazzjonijiet preċedenti tiegħi dwar l-awtonomija tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet applikabbli għall-eżerċizzju tad-dmirijiet, suġġetti għall-obbligu li jipprevedu mekkaniżmi li kapaċi jidentifikaw kunflitti ta’ interessi każ b’każ.
109. Ninnota, b’analoġija, li, fir-rigward tal-President tal-BĊE, ir-regoli applikabbli jipprevedu li “[i]l-ġestjoni tal-assi personali [tagħha] [...] lil hinn mill-assi meħtieġa għall-użu ordinarju personali u tal-familja, għandha tkun organizzata b’tali mod li jiżgura l-indipendenza tagħha u l-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi u li jipprojbixxi kwalunkwe użu ta’ informazzjoni pprivileġġata mill-President” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (55). Dispożizzjonijiet iktar iddettaljati huma stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Kondotta tal-BĊE u fil-Linja Gwida dwar il-Qafas tal-Etika tal-BĊE. L-ebda wieħed minn dawn l-istrumenti ma jeskludi, b’mod assolut, kapital azzjonarju f’kumpanniji b’responsabbiltà limitata; pjuttost, dawn jistabbilixxu mekkaniżmi maħsuba biex jiskopru u jipprevjenu kunflitti ta’ interessi u l-użu ħażin ta’ informazzjoni sensittiva tas-suq (56).
110. F’dan id-dawl, li kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi li l-kapital azzjonarju inkwistjoni ma jaqax taħt projbizzjoni astratta, ikun ifisser li għandha teżamina jekk dan iwassalx għal kunflitt ta’ interessi, u tista’ tikkonkludi li l-ewwel parti tat-test ta’ irremovabbiltà hija ssodisfatta biss jekk jiġi stabbilit kunflitt bħal dan u jkun tali li jeħtieġ it-tneħħija mill-kariga. Din l-evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex tiddetermina jekk dawn joħolqux riskju attwali jew potenzjali li interess personali jista’ jinfluwenza, jew jista’ jitqies li qiegħed jinfluwenza, l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tad-dmirijiet. Fatturi rilevanti jistgħu jinkludu, inter alia, id-daqs tal-kapital azzjonarju u d-drittijiet marbuta miegħu, kif ukoll l-istruttura, id-daqs jew l-attività tal-kumpannija inkwistjoni (57).
111. Barra minn hekk, b’risposta għall-aspetti rilevanti tas-sitt u tas-seba’ domanda, nosserva li, meta kunflitt ta’ interessi jiġi identifikat każ b’każ, il-marġni ta’ evalwazzjoni inerenti għall-applikazzjoni tat-test ta’ irremovabbiltà jippermetti, fil-fehma tiegħi, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li jiġi rrimedjat il-kunflitt f’terminu preċiż u xieraq, u fin-nuqqas ta’ dan il-persuna kkonċernata tista’ għalhekk titqies li ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet (58). Nifhem li dawn id-domandi jimplikaw li l-qafas ġuridiku nazzjonali jippermetti li tiġi eliminata “inkompatibbiltà”, fis-sens tad-dritt nazzjonali, fi żmien xahar, u li din il-possibbiltà tista’ tapplika wkoll meta jiġi identifikat kunflitt ta’ interessi fuq bażi ta’ każ b’każ. Kif sostna l-BĊE, jekk tali perijodu huwiex adegwat jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi. F’dan il-kuntest ninnota li ma huwiex kompletament ċar xi tqies, fil-kawża ineżami, bħala l-bidu tad-dekorrenza rilevanti ta’ dan it-terminu, kif irrileva wkoll il-BĊE (59). Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina dawn il-kwistjonijiet.
112. Finalment, il-possibbiltà li jiġi rrimedjat kunflitt ta’ interessi għandha hija stess tiġi evalwata fid-dawl tal-obbligu li tiġi żgurata l-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali, kif stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 130 TFUE. Fil-fehma tiegħi, l-effettività tal-protezzjoni li għandha tingħata lil din l-indipendenza tipprekludi l-użu ta’ tali rimedju meta l-kunflitt ta’ interessi jkun ta’ natura li twassal għall-konklużjoni li l-fiduċja tal-pubbliku fl-indipendenza tal-istituzzjoni tkun diġà ġiet ippreġudikata, jew li l-funzjonament tal-istituzzjoni jkun diġà ġie affettwat, jew, barra minn hekk, li tkun tat lok għal “imġiba serjament ħażina” fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.
113. Issa, fir-rigward tat-tieni xenarju (sussidjarju), jiġifieri li l-kapital azzjonarju ta’ deputat gvernatur f’kumpannija b’responsabbiltà limitata huwa pprojbit (li jidher li huwa l-mod li bih il-Kummissjoni tifhem it-tielet domanda), ma narax kif tali regola tista’ tmur kontra l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.
114. Naturalment, wieħed jista’ joġġezzjona li mhux kull kapital azzjonarju f’kumpannija b’responsabbiltà limitata jwassal għal kunflitt ta’ interessi personali. Fuq din il-bażi, jista’ jiġi sostnut li tali kapital azzjonarju ma jpoġġix neċessarjament l-indipendenza tal-korp deċiżjonali ta’ bank ċentrali nazzjonali f’riskju, kif issuġġerixxa l-Gvern Spanjol, u li għalhekk evalwazzjoni każ b’każ tista’ tkun preferibbli.
115. Madankollu, kif diġà spjegajt, id-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri f’dan il-qasam hija pjuttost wiesgħa, meta wieħed iqis, b’mod partikolari, l-għan leġittimu tal-prevenzjoni ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu joħolqu dubji dwar jekk id-dmirijiet ta’ bank ċentrali nazzjonali humiex qegħdin jiġu eżerċitati esklużivament fl-interess pubbliku, kif il-Kummissjoni essenzjalment sostniet. It-tfittxija ta’ dan l-għan – li huwa intiż mhux biss sabiex jipprevjeni kunflitti ta’ interessi attwali, iżda wkoll sabiex jissalvagwardja l-immaġni pubblika tal-istituzzjoni – ma huwiex suġġett, min-natura tiegħu stess, għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata jkollha possibbiltà realistika li tuża ħażin l-informazzjoni miksuba fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħha.
116. Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-kapital azzjonarju inkwistjoni kien ipprojbit, nirreferiha għall-kummenti preċedenti tiegħi rigward il-possibbiltà ta’ rimedju ta’ dik is-sitwazzjoni, sa fejn jidher li tali possibbiltà hija prevista fid-dritt nazzjonali applikabbli.
b) Il-parteċipazzjoni mhux awtorizzata f’entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru (ir-raba’, is-sitt u s-seba’ domanda)
117. Infakkar li t-tieni sitwazzjoni invokata kontra MA hija li, fil-mument tal-ħatra tiegħu, kien membru tal-bord tad-diretturi ta’ żewġ entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru li kienu kapaċi jipparteċipaw f’attività ekonomika, jiġifieri l-Istitut għall-Istudju Avvanzat u l-Golf Klub, mingħajr ma kien kiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel meħtieġa skont l-Artikolu 12(5) tal-Liġi dwar il-BNB (60).
118. Ninnota li MA sostna fis-seduta li din id-dispożizzjoni hija wisq ġenerali biex titqies bħala waħda li tistabbilixxi kundizzjoni għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu. F’dan ir-rigward, hija naturalment il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-klassifikazzjoni preċiża tagħha fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tad-dritt intern. Madankollu, l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kif ippreżentata, jissuġġerixxu li hija fil-fatt tistabbilixxi kundizzjoni negattiva għall-eżerċizzju tad-dmirijiet (61). Fl-affermattiv, hija tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-eżerċizzju tad-dmirijiet, fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.
119. Skont dak li indikajt iktar ’il fuq, u bi qbil mal-Kummissjoni, inqis li l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu projbizzjoni ġenerali tal-attivitajiet paralleli kollha, inklużi l-attivitajiet mhux irremunerati, u li jorbtu din il-projbizzjoni ġenerali mal-possibbiltà ta’ awtorizzazzjonijiet każ b’każ, kif jidher li huwa l-każ skont l-Artikolu 12(5) tal-Liġi dwar il-BNB. Inqis ukoll li, fejn ma jkunx hemm konformità ma’ projbizzjoni bħal din, il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dmirijiet ma ġewx issodisfatti tista’ tkun iġġustifikata, dment li l-kundizzjonijiet li jirregolaw it-talba għall-awtorizzazzjoni jkunu ċari biżżejjed.
120. Konsegwenza bħal din tista’ tidher iebsa, kif osservat il-Kummissjoni. Madankollu, kif innotat ukoll, il-membri tal-korpi deċiżjonali ta’ bank ċentrali nazzjonali, bħal deputat gvernatur, huma fdati b’livell ta’ responsabbiltà partikolarment għoli u jeżerċitaw influwenza sinjifikattiva fuq il-mod kif dan il-bank jeżerċita d-dmirijiet tiegħu. Għalhekk, il-kondotta tagħhom hija partikolarment suxxettibbli li taffettwa l-perċezzjoni pubblika tal-operat tal-bank ċentrali nazzjonali. Dan, kif diġà spjegajt, jiġġustifika li Stat Membru jipprojbixxi ċerti sitwazzjonijiet jew attivitajiet li fihom dawn il-membri jistgħu jieħdu sehem, sabiex jiġi evitat li l-operat indipendenti tal-bank jiġi mhedded u biex tiġi ssalvagwardjata l-fiduċja pubblika li l-bank jaġixxi mingħajr ma jiġi influwenzat mill-interessi privati tal-membri tiegħu jew ta’ terzi.
121. F’dan id-dawl, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrikjedi li membru ta’ bank ċentrali nazzjonali, bħad-Deputat Gvernatur tiegħu, ma jokkupa l-ebda pożizzjoni esterna mingħajr awtorizzazzjoni, u fejn dan ir-rekwiżit ma jiġix osservat, l-Istati Membri għandhom, fil-fehma tiegħi, id-dritt jieħdu l-pożizzjoni li jekk ma jiġux infurzati l-konsegwenzi xierqa skont l-ewwel parti tat-“test ta’ irremovabbiltà”, l-effettività ta’ dan ir-rekwiżit tiġi miċħuda u dan jista’ jippreġudika l-fiduċja li l-pubbliku għandu fl-istituzzjoni b’mod ġenerali.
122. Madankollu, u kif diġà indikajt, il-kundizzjonijiet (anki dawk negattivi) għall-eżerċizzju tad-dmirijiet għandhom ikunu ċari biżżejjed. Fil-kuntest attwali, dan jinvolvi, b’mod partikolari, ċarezza dwar il-mument meta għandha tinkiseb l-awtorizzazzjoni u dwar jekk il-liġi applikabbli tipprevedix il-possibbiltà li tiġi rrimedjata l-inkompatibbiltà li tista’ tirriżulta (jekk, b’mod partikolari, il-persuna kkonċernata ma titlobx l-awtorizzazzjoni). L-eżistenza ta’ possibbiltà bħal din tidher, għal darba oħra, li hija implikata mis-sitt u mis-seba’ domanda magħmula. Hija, naturalment, il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika u tevalwa dawn il-kwistjonijiet fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali esposti fis-subtaqsima preċedenti.
123. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis, b’risposta għat-tielet, għar-raba’, għas-sitt u għas-seba’ domanda, l-ewwel, li l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprojbixxix lid-Deputat Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali milli jkollu kapital azzjonarju f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, sakemm din il-leġiżlazzjoni tinkludi mekkaniżmu li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari, tali kapital azzjonarju jagħtix lok għal kunflitt ta’ interessi li jistgħu jaffettwaw l-operat indipendenti tal-bank ċentrali nazzjonali jew il-fiduċja pubblika f’din l-indipendenza. Meta tali kunflitt ta’ interessi jkun ġie identifikat u tkun teżisti possibbiltà li jiġi eliminat f’terminu partikolari, l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fin-nuqqas li l-persuna kkonċernata telimina dan il-kunflitt f’dan it-terminu, hija tista’ titqies li ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dmirijiet, sakemm it-terminu mogħti jkun adegwat u sakemm il-mument li minnu jibda jiddekorri jkun iddefinit b’mod ċar.
124. It-tieni, l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-parteċipazzjoni ta’ deputat gvernatur fil-bord tad-diretturi ta’ entità ġuridika mingħajr skop ta’ lukru mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-korp kompetenti. Meta d-dritt nazzjonali jippermetti li tali attività inkompatibbli tintemm f’terminu partikolari wara l-ħatra, l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk il-persuna kkonċernata ma ttemmx din l-attività f’dan it-terminu, hija tista’ titqies li ma għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dmirijiet, bil-kundizzjoni li t-terminu mogħti jkun adegwat u li l-mument li minnu jibda jiddekorri jkun iddefinit b’mod ċar.
D. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tal-BNB biex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ mġiba serjament ħażina (it-tmien domanda)
125. Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 131 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, jippermettix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li l-korp responsabbli biex jistabbilixxi r-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga jevalwa, għal dan l-għan, jekk il-persuna kkonċernata hijiex ħatja ta’ mġiba serjament ħażina, fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.
126. Fil-fehma tiegħi, din id-domanda tista’ tingħata risposta fil-qosor ħafna: id-dritt tal-Unjoni mhux biss jippermetti lill-korp kompetenti jwettaq tali evalwazzjoni, iżda tobbligah jagħmel dan ukoll.
127. Biex niżviluppa din il-pożizzjoni, l-ewwel ser nindirizza l-kuntest tad-dritt intern u ċ-ċirkustanzi tal-każ li jidher li wasslu għat-tmien domanda (1). Imbagħad ser nippreżenta l-evalwazzjoni legali tiegħi (2). Fl-aħħar, peress li diversi mill-persuni kkonċernati enfasizzaw l-importanza tal-istħarriġ ġudizzjarju f’dan il-kuntest, ser nerġa’ nindirizza dan l-aspett bħala konklużjoni (3).
1. Il-kuntest tad-dritt intern u ċ-ċirkustanzi tal-kawża
128. Infakkar li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, huwa l-Kunsill Governattiv tal-BNB li għandu jiddetermina jekk hijiex preżenti waħda mir-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga ta’ wieħed mill-membri tiegħu (minbarra l-gvernatur) (62). Infakkar ukoll li dawn ir-raġunijiet, għall-membri kollha, huma dawk imsemmija fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Għalkemm id-deċiżjoni tal-BNB ikkonstatat li ż-żewġ raġunijiet kienu ssodisfatti fir-rigward ta’ MA, it-tmien domanda tirrigwarda biss ir-raġuni ta’ mġiba serjament ħażina.
129. Id-deċiżjoni tal-BNB ġiet adottata wara d-deċiżjoni tal-KPK dwar l-inkompatibbiltajiet bejn il-pożizzjoni ta’ MA, b’mod partikolari bħala d-Deputat Gvernatur tal-BNB, u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-kumpannija b’responsabbiltà limitata u fiż-żewġ entitajiet ikkonċernati mingħajr skop ta’ lukru (63).
130. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-KPK hija fdata, b’mod iktar ġenerali, bid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ inkompatibbiltajiet bejn ċerti karigi pubbliċi, inklużi dawk tal-Gvernatur u tad-Deputat Gvernatur tal-BNB, u attivitajiet oħra eżerċitati minn dawk li jokkupaw dawn il-karigi. Skont il-punt 8 tal-Artikolu 13(1) taz-ZPK, meta tiġi kkonstatata inkompatibbiltà, il-KPK tadixxi lill-korp pubbliku kompetenti sabiex jieħu azzjoni ulterjuri. Nifhem li dan seħħ meta l-KPK informat lill-Assemblea Nazzjonali u lill-BNB bil-konstatazzjonijiet tagħha rigward MA.
131. Il-qorti tar-rinviju tispjega wkoll li l-Kunsill Governattiv tal-BNB huwa marbut bid-deċiżjoni tal-KPK rigward l-eżistenza tal-inkompatibbiltà. Għalkemm il-qorti tar-rinviju żżid li, fil-kawża ineżami, il-Kunsill Governattiv tal-BNB ivverifika l-eżistenza ta’ dawn l-inkompatibbiltajiet billi kkonsulta sorsi pubblikament disponibbli, bħal reġistri kummerċjali, nifhem din l-ispjegazzjoni fis-sens, l-ewwel, li l-Kunsill huwa marbut bil-konklużjonijiet fattwali tal-KPK u l-klassifikazzjoni legali tagħha bħala “inkompatibbiltajiet” skont it-tifsira tad-dritt nazzjonali u, it-tieni, li dawn id-deċiżjonijiet jikkostitwixxu skattar obbligatorju għall-BNB biex jeżamina jekk l-inkompatibbiltajiet inkwistjoni jammontawx għal raġuni għat-tneħħija mill-kariga.
132. Fl-aħħar, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li MA kkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-KPK quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija). MA, il-BNB, il-Kummissjoni u l-BĊE jgħidu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li din il-qorti ddikjarat, fil‑11 ta’ Diċembru 2024 (jiġifieri, wara li sar dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari), id-deċiżjoni tal-KPK nulla u bla effett. Skont MA u l-Kummissjoni, u suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, ir-raġunijiet għal dan l-annullament jirrigwardaw l-illegalità formali (allegatament il-KPK ma kellhiex mandat mill-Assemblea Nazzjonali matul il-perijodu rilevanti) u s-sustanza tad-deċiżjoni (il-fatti kkunsidrati ma kinux jikkostitwixxu inkompatibbiltà), kif ukoll aspetti oħra (b’mod partikolari, in-nuqqas li l-proċeduri jiġu kkomunikati lil MA u n-natura inkompleta tal-provi miġbura).
133. Min-naħa tiegħu, il-BNB jinnota li dik is-sentenza ta’ annullament ġiet appellata mill-KPK, liema appell għadu pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju fi proċeduri separati. Bi tweġiba għal dawn l-iżviluppi, MA jsostni, fil-kuntest tal-kawża ineżami, li d-deċiżjoni tal-BNB – adottata wara d-deċiżjoni tal-KPK ma tistax tinżamm għaliex tikkostitwixxi konsegwenza diretta u awtomatika ta’ din id-deċiżjoni, filwaqt li l-BNB isostni li d-deċiżjoni tiegħu hija bbażata fuq raġunijiet awtonomi. Hija naturalment il-qorti tar-rinviju li għandha ssib is-soluzzjoni ta’ din il-kwistjoni, inklużi l-effetti li jista’ jkollu l-annullament tad-deċiżjoni tal-KPK, jekk tiġi kkonfermata fl-appell. Nifhem, madankollu, li l-legalità tad-deċiżjoni tal-BNB tibqa’, fi kwalunkwe każ, waħda mill-kwistjonijiet li din il-qorti għandha tevalwa, għalkemm minn perspettiva differenti.
2. Il-merti tat-tmien domanda
134. Ninnota li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, jiġifieri l-Artikoli 130 u 131 TFUE kif ukoll l-Artikoli 7 u 14 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, ma jinkludu ebda regola li tirregola l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-kompetenza tal-korp inkarigat, skont id-dritt nazzjonali, biex jistabbilixxi l-eżistenza tar-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga fis-sens tal-Artikolu 14.2 ta’ dawn l-Istatuti.
135. Dan l-aspett jaqa’ għalhekk taħt id-diskrezzjoni tal-Istati Membri, li hija suġġetta għall-bżonn li tinżamm l-effettività prattika tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni msemmija iktar ’il fuq (filwaqt li tiġi żgurata l-konsistenza mad-drittijiet żgurati mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) (64).
136. F’dan il-kuntest, dan ifisser b’mod partikolari li l-kompetenza mogħtija lill-awtorità kompetenti (in casu l-Kunsill Governattiv tal-BNB) għandha tippermetti li tiġi ppreżervata b’mod effettiv l-indipendenza tal-bank ċentrali nazzjonali u, għaldaqstant, li jiġu evalwati b’mod effettiv l-elementi li jagħmlu parti mit-test ta’ irremovabbiltà stabbilit fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.
137. F’dan ir-rigward, l-ewwel, inqis li l-prinċipju tal-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali ma jipprevjenix, per se, sitwazzjoni fejn il-konstatazzjonijiet ta’ korp ieħor, bħall-KPK, jiskattaw azzjoni min-naħa tal-awtorità, bħall-Kunsill Governattiv tal-BNB, li hija kompetenti biex tevalwa l-eżistenza ta’ raġunijiet għal tneħħija mill-kariga.
138. Fil-fatt, jidhirli li diversi korpi fl-amministrazzjoni pubblika jistgħu jingħataw mandati speċifiċi biex jissorveljaw il-funzjonament xieraq ta’ din l-amministrazzjoni. Ninnota, b’analoġija, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatat ebda ksur tal-indipendenza tal-BĊE fil-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) setgħat investigattivi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-frodi li jistgħu japplikaw għall-BĊE (65). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-indipendenza tal-BĊE, stabbilita fl-Artikolu 130 TFUE (li kien l-Artikolu 108 KE), “ma jfissirx li [l-BĊE] huwa kompletament isseparat mill-Komunità Ewropea u li huwa eżentat minn kull regola tad-dritt Komunitarju” (66). Dan jirrifletti l-idea iktar ġenerali li l-indipendenza tal-banek ċentrali ma teħtieġx iżolament kliniku minn partijiet oħra tal-amministrazzjoni pubblika, iżda (sempliċement) iżolament mill-influwenzi esterni li jippreżerva l-kapaċità tiegħu li jeżerċita l-kompiti tiegħu b’mod indipendenti.
139. Lura għaċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, id-dikjarazzjoni astratta li r-rekwiżit għall-indipendenza ma jipprevjenix sistema speċifika ta’ attivazzjoni (li tobbliga lill-awtorità kompetenti bħall-Kunsill Governattiv tal-BNB taġixxi) ma tfissirx li kwalunkwe mekkaniżmu bħal dan huwa kompatibbli mal-prinċipju msemmi iktar ’il fuq, irrispettivament minn kif jaħdem u irrispettivament mill-karatteristiċi tiegħu. Ninnota, għal darba oħra b’analoġija, li, fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal diversi garanziji li jagħtu indipendenza lill-OLAF, li jiżguraw li dan jaġixxi bl-osservanza sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, sabiex jintlaħaq għan iddefinit b’mod ċar permezz ta’ mezzi speċifikament elenkati (67). Dan premess, fl-assenza ta’ kwalunkwe argument li l-funzjonament tal-KPK kien ivvizzjat, ser nillimita ruħi għal din id-dikjarazzjoni ġenerali (68).
140. It-tieni, ir-rekwiżit tal-prinċipju tal-indipendenza tal-banek ċentrali ma jeskludix li l-Kunsill Governattiv tal-BNB ikun marbut bid-deċiżjoni tal-KPK u bil-klassifikazzjoni legali tagħhom bħala “inkompatibbiltà” kif iddefinita fid-dritt nazzjonali. Għalhekk, jien tal-fehma li l-prinċipju tal-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali ma jeħtieġx (u għalhekk ma jagħtix is-setgħa) li l-awtorità li hija kompetenti tistabbilixxi r-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga biex tirrevedi u tissostitwixxi l-effetti legali ta’ atti amministrattivi interni (inklużi l-konstatazzjonijiet fattwali miġbura u l-klassifikazzjonijiet legali magħmula). Din l-osservazzjoni tibqa’ valida, fil-fehma tiegħi, anki meta din l-awtorità tkun korp ta’ bank ċentrali nazzjonali. Sakemm regoli speċifiċi tad-dritt nazzjonali ma jipprevedux mod ieħor, konklużjoni kuntrarja timplika li din l-awtorità kompetenti tista’ tidħol fuq is-setgħat ta’ korpi oħra amministrattivi pubbliċi, kif essenzjalment wissa l-BNB waqt is-seduta (69). Barra minn hekk, il-pożizzjoni kuntrarja tkun tfisser li l-awtorità li hija kompetenti sabiex tistabbilixxi r-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga tista’ tissostitwixxi lill-korp amministrattiv ikkonċernat (bħall-pulizija, l-awtoritajiet fiskali, eċċ.), li jista’, barra minn hekk, iwassal għal deċiżjonijiet diverġenti dwar l-istess sitwazzjoni fattwali u l-klassifikazzjoni legali tagħhom skont l-istess leġiżlazzjoni li tiġi adottata, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.
141. It-tielet, il-kisba effettiva tal-għan li tiġi żgurata l-indipendenza tal-banek ċentrali, madankollu, teskludi kwalunkwe awtomatiċità fl-evalwazzjoni dwar jekk teżistix raġuni għat-tneħħija mill-kariga, kif sostnew MA, il-BNB u l-Gvern Spanjol. Fi kliem ieħor, il-protezzjoni effettiva tal-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali ma tippermettix regola tad-dritt nazzjonali li tobbliga lill-awtorità kompetenti tikkonkludi awtomatikament, mingħajr ebda evalwazzjoni awtonoma, li tkun stabbilita raġuni għat-tneħħija mill-kariga sempliċement billi din il-konklużjoni tiġi estrapolata minn konstatazzjonijiet fattwali u legali magħmula minn awtorità oħra taħt sett speċifiku ta’ regoli nazzjonali li jfittxu għan differenti (irrispettivament mill-fatt li dan l-għan jista’ jkun relatat ma’ dak imfittex permezz tat-test ta’ irremovabbiltà li huwa inkwistjoni hawnhekk). Rubberstamping bħal dan imur kontra l-loġika stess tal-eżistenza ta’ raġunijiet awtonomi għat-tneħħija mill-kariga, kif ukoll tal-possibbiltà li ssir evalwazzjoni każ b’każ fejn din l-evalwazzjoni tkun meħtieġa (70). Ninnota li l-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill Governattiv tal-BNB wettaqx evalwazzjoni awtonoma tar-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga hija kkontestata bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, li hija ħaġa li naturalment għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.
142. Ir-raba’ (u fl-aħħar), fejn il-kompetenza li jiġu stabbiliti r-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga tingħata lil awtorità mingħajr ma jkunu jeżistu regoli oħra li potenzjalment jagħtu s-setgħa lil korpi oħra biex jiskattaw il-proċedura quddiemha (li, suġġett għall-verifika tal-qorti tar-rinviju, jidher li huwa l-każ tal-Kunsill Governattiv tal-BNB (71)), inqis li l-awtorità kompetenti għandu jkollha s-setgħa li tibda l-proċedura ex officio. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nara ebda soluzzjoni oħra li tiżgura l-effettività tat-test ta’ irremovabbiltà skont l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE u, b’estensjoni, l-effettività tal-protezzjoni tal-indipendenza tal-banek ċentrali.
143. Fil-fatt, kif nifhem is-sitwazzjoni skont id-dritt nazzjonali inkwistjoni, l-obbligu għall-KPK li tinforma lill-Kunsill Governattiv tal-BNB huwa limitat għal sitwazzjonijiet iddefiniti bħala “inkompatibbiltajiet” fid-dritt nazzjonali. Madankollu, is-sitwazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu mġiba serjament ħażina skont it-tifsira tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jistgħu jkunu multipli. Filwaqt li ċċarajt il-kriterji li għandhom jiggwidaw l-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett, is-sitwazzjonijiet fattwali li jistgħu jiġu kklassifikati bħala mġiba serjament ħażina ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti minn qabel. Għalhekk, id-definizzjoni ta’ “inkompatibbiltajiet” skont il-leġiżlazzjoni rispettiva ma tistax tkopri kull xenarju li jista’ jkun rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Dan, fil-fehma tiegħi, jeħtieġ li l-awtorità responsabbli biex tistabbilixxi jekk teżistix raġuni għal tkeċċija bbażata fuq imġiba serjament ħażina għandha taġixxi ex officio meta fatti rilevanti jiġu ppreżentati quddiemha jew joħorġu fil-beraħ bħala riżultat tal-investigazzjoni tagħha stess, li jindikaw li l-indipendenza tal-banek ċentrali tista’ tiġi mhedda, kif sostnut, essenzjalment, mill-BNB u mill-Gvern Spanjol.
144. Għal dan l-għan, fil-fehma tiegħi, l-awtorità kompetenti għandha titħalla tiġbor kemm jista’ jkun provi rilevanti skont kemm huwa legalment possibbli skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, inkluż billi tikkoopera mal-korpi kompetenti jew billi tikkonsulta informazzjoni disponibbli pubblikament, bħal dik li tinsab fir-reġistri kummerċjali pubbliċi, biex tasal għal konklużjoni informata dwar jekk tkunx irriżultat ir-raġuni għat-tneħħija mill-kariga minħabba mġiba ħażina serja, b’rispett sħiħ tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata (72).
145. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-Artikolu 130 TFUE kif ukoll l-Artikoli 7 u 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu li l-awtorità responsabbli biex tistabbilixxi r-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga jkollha s-setgħa tevalwa, għal dan l-għan, jekk il-persuna kkonċernata tkunx ser tinsab ħatja ta’ mġiba serjament ħażina fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.
146. Filwaqt li din il-konklużjoni tipprovdi risposta għat-tmien domanda, nixtieq nirreaġixxi għal argumenti speċifiċi mressqa minn xi wħud mill-persuni kkonċernati rigward is-superviżjoni ġudizzjarja fil-proċess kollu.
3. Superviżjoni ġudizzjarja fil-proċess
147. Ġew żviluppati żewġ linji ta’ argument distinti matul il-kawża ineżami, fejn kull waħda minnhom tirrigwarda aspett differenti tal-istħarriġ ġudizzjarju.
148. L-ewwel, il-BĊE, appoġġjat fis-seduta mill-Gvern Spanjol, sostna li konstatazzjoni ta’ mġiba serjament ħażina għandha tkun preċeduta minn deċiżjoni ġudizzjarja.
149. B’mod iktar speċifiku, il-BĊE sostna li, filwaqt li l-prinċipju tal-irrevokabbiltà inerenti fl-indipendenza tal-bank ċentrali jeħtieġ li l-awtorità kompetenti biex tevalwa l-gravità tal-imġiba ħażina u l-proporzjonalità tat-tneħħija mill-kariga, hija qorti indipendenti li għandha tiddeċiedi, fl-ewwel lok, jekk seħħitx imġiba ħażina. Din il-konklużjoni hija, skont il-BĊE, issuġġerita mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi (73).
150. Ma iniex konvint b’din il-pożizzjoni. Filwaqt li l-espressjoni “ħati ta’ mġiba serjament ħażina” f’xi verżjonijiet lingwistiċi tista’, prima facie, tinftiehem bħala referenza għal konstatazzjoni ġudizzjarja preċedenti ta’ ħtija (għal reat kriminali) (74), verżjonijiet lingwistiċi oħra jirreferu b’mod iktar ġenerali għal imġiba serjament ħażina li tkun “twettqet” (75), li ma timplikax rekwiżit bħal dan.
151. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-għan imfittex mill-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, jiġifieri l-protezzjoni tal-indipendenza tal-banek ċentrali. Għalkemm kondotta li serjament tippreġudika l-indipendenza ta’ istituzzjoni tista’ wkoll tikkostitwixxi reat kriminali u fl-aħħar mill-aħħar tista’ tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali, dawn il-proċeduri, fi kwalunkwe każ, jistgħu jieħdu żmien konsiderevoli. Kif ammetta l-BĊE nnifsu, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn l-awtorità kompetenti jkollha tkun kapaċi taġixxi b’mod rapidu, fuq il-bażi tal-indizji disponibbli, inkluż f’każijiet fejn l-indizji jkunu qawwija ħafna (pereżempju, filmati CCTV) jew il-fatti jkunu ċari u inkontestati (bħal ammissjoni) (76).
152. Madankollu, naqbel ma’ MA, mal-Kummissjoni u mal-BĊE li, meta d-deċiżjoni li tistabbilixxi raġuni għal tneħħija mill-kariga tittieħed minn korp li ma huwiex qorti, għandu jkun disponibbli stħarriġ ġudizzjarju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (77).
153. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tat-termini stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jipprevedu, essenzjalment, terminu qasir ħafna biex wieħed iressaq azzjoni u terminu daqstant qasir għall-qorti biex tagħti deċiżjoni. F’dan ir-rigward, hija għamlet riferiment għar-Rapport dwar il-Konverġenza tal-BĊE tal‑2024, li jidentifika bħala imperfezzjoni reżidwa “it-terminu qasir għall-appell u t-terminu limitat ħafna għall-proċedura ġudizzjarja prevista fl-[Artikolu 14(2) attwali tal-Liġi dwar il-BNB]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (78). Dan huwa rifless ukoll fir-Rapport dwar il-Konverġenza tal‑2025 (79).
154. Prima facie, nikkondividi dawn il-preokkupazzjonijiet. Madankollu, ma saret l-ebda domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni, li għalhekk ma ġietx iddibattuta bis-sħiħ quddiemha. Ninnota wkoll li l-Gvern Bulgaru ma pparteċipax fil-kawża ineżami. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nħossx li huwa xieraq li neżamina din il-kwistjoni hawnhekk.
155. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda tixtieq tindirizzaha, b’mod partikolari fir-rigward tat-terminu qasir ħafna impost fuq il-qorti tar-rinviju (li jidher li huwa rilevanti, ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta tagħha f’din il-kawża), nagħmel is-segwenti osservazzjonijiet fil-qosor.
156. B’mod ġenerali, l-eżistenza ta’ termini għall-istħarriġ ġudizzjarju ma huwiex, bħala tali, problematiku, peress li dawn il-limiti jservu l-għan leġittimu li jiżguraw il-kondotta spedita tal-proċeduri. Madankollu, huwa diffiċli li wieħed jevalwa b’mod astratt jekk terminu partikolari huwiex xieraq f’kull ċirkustanza. Dak li jista’ jkun adegwat f’sitwazzjoni waħda jista’ jkun insuffiċjenti f’oħra (80).
157. F’dan il-kuntest, in-neċessità li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonament tal-bank ċentrali nazzjonali fil-fatt tiġġustifika l-bżonn għal stħarriġ ġudizzjarju mgħaġġel. Fl-istess ħin, l-importanza tad-deċiżjoni inkwistjoni għall-operat tal-bank ċentrali kkonċernat u l-konsegwenzi potenzjalment serji tagħha għall-persuna kkonċernata, flimkien mal-bżonn li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, jistgħu jagħmluha impossibbli għall-qorti nazzjonali li ttemm l-istħarriġ tagħha f’terminu estremament qasir. Jekk tinħoloq sitwazzjoni bħal din, inqis li l-qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tinjora dan it-terminu u tagħti d-deċiżjoni tagħha kemm jista’ jkun malajr wara (81).
V. Konklużjoni
158. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il-Bulgarija) kif ġej:
L-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”)
għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux regoli tad-dritt nazzjonali li jimponu fuq membru tal-korp deċiżjonali ta’ bank ċentrali nazzjonali, bħal deputat gvernatur, l-obbligu li jissottometti lill-awtorità nazzjonali kompetenti dikjarazzjoni li tiżvela l-interessi tiegħu, bħall-parteċipazzjoni tiegħu bħala azzjonist f’kumpannija, jew il-parteċipazzjoni tiegħu f’korp ta’ deċiżjoni ta’ persuna ġuridika mingħajr skop ta’ lukru (il-ħames domanda).
L-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE
għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, biss għall-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali. Madankollu, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala waħda li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel il-kundizzjonijiet sostantivi ddefiniti fiha, li taħthom gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali jista’ jitneħħa mill-kariga b’mod prematur, applikabbli wkoll għad-Deputat Gvernatur ta’ tali bank (l-ewwel u t-tieni domanda).
L-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE
għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprojbixxix lid-Deputat Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali milli jkollu kapital azzjonarju f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, sakemm din il-leġiżlazzjoni tinkludi mekkaniżmu li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari, tali kapital azzjonarju jagħtix lok għal kunflitt ta’ interessi li jistgħu jaffettwaw l-operat indipendenti tal-bank ċentrali nazzjonali jew il-fiduċja pubblika f’din l-indipendenza. Meta tali kunflitt ta’ interessi jkun ġie identifikat u tkun teżisti possibbiltà li jiġi eliminat f’terminu partikolari wara l-ħatra, l-Artikolu 14.2 ta’ dawn l-Istatuti għandu jiġi interpretat fis-sens li, fin-nuqqas li l-persuna kkonċernata telimina dan il-kunflitt f’dan it-terminu, hija tista’ titqies li ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dmirijiet, sakemm it-terminu mogħti jkun adegwat u sakemm il-mument li minnu jibda jiddekorri jkun iddefinit b’mod ċar.
L-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE
għandhom ukoll jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-parteċipazzjoni ta’ deputat gvernatur fil-bord tad-diretturi ta’ entità ġuridika mingħajr skop ta’ lukru, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-korp kompetenti. Meta d-dritt nazzjonali jippermetti li tali attività inkompatibbli tintemm f’terminu partikolari wara l-ħatra, l-Artikolu 14.2 ta’ dawn l-Istatuti għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx temmet din l-attività f’dan it-terminu, hija tista’ titqies li ma għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dmirijiet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li t-terminu mogħti jkun adegwat u li l-mument li minnu jibda jiddekorri jkun iddefinit b’mod ċar (it-tielet, ir-raba’, is-sitt u s-seba’ domanda).
L-Artikolu 130 TFUE kif ukoll l-Artikoli 7 u 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE
għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu li l-awtorità li hija kompetenti sabiex tistabbilixxi r-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali jkollha s-setgħa tevalwa, għal dan l-għan, jekk il-persuna kkonċernata tkunx instabet ħatja ta’ mġiba serjament ħażina fis-sens tal-Artikolu 14.2 ta’ dawn l-Istatuti (it-tmien domanda).
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Lega tan-Nazzjonijiet, “Riżoluzzjonijiet XIV u III”, Rapport tal-Konferenza Finanzjarja Internazzjonali, Th. Dewarichet, Brussell, 1920, p. 23 u 26; Arkivji tan-Nazzjonijiet Uniti f’Genève (l-Isvizzera): S145D/99/15. Kif imsemmi wkoll f’Tucker, P., Unelected Power: The Quest for Legitimacy in Central Banking and the Regulatory State, Princeton University Press, 2018, p. xvi‑656, b’mod partikolari p. 4.
3 Ara Hill, M., The Economic and Financial Organization of the League of Nations. A Survey of Twenty-Five Years’ Experience, Carnegie Endowment for International Peace, Washington, 1946, p. xv‑168, b’mod partikolari p. 24, u Pauly, L. W., The League of Nations and the Foreshadowing of the International Monetary Fund. Essays in International Finance, Nru 201, Princeton University, New Jersey, 1996, p. 1 sa 47, b’mod partikolari p. 7.
4 Ara, fir-rigward tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ustav Republike Hrvatske (il-Kostituzzjoni Kroata), l-Artikolu 56 tal-Ústava Slovenskej republiky (il-Kostituzzjoni Slovakka), l-Artikolu 152 tal-Ustava Republike Slovenije (il-Kostituzzjoni Slovena) u l-Artikolu 13 tal-iSveriges grundlagar (il-Kostituzzjoni Svediża). Ara wkoll l-Artikolu 118(2) tal-Σύνταγμα της Κυπριακής Δημοκρατίας (il-Kostituzzjoni Ċiprijotta) jew l-Artikolu 98 tal-Ústava České republiky (il-Kostituzzjoni Ċeka).
5 Ara, pereżempju, Tucker, P., “How the European Central Bank and Other Independent Agencies Reveal a Gap in Constitutionalism: A Spectrum of Institutions for Commitment”, German Law Journal, Vol. 22, Nru 6, 2021, p. 999 sa 1027; jew van’t Klooster, J., “Central Banks”, f’Bellamy, R. u King, J. (edituri), The Cambridge Handbook of Constitutional Theory, Cambridge University Press, 2025, p. 622 sa 638.
6 Dan it-terminu jiddeskrivi, b’mod ġenerali, is-settijiet ta’ regoli u mekkaniżmi li jirregolaw is-sistema monetarja partikolari. Ara, fuq dan il-kunċett, van’t Klooster, J., in-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, op. cit., p. 624, li jipprovdi iktar referenzi.
7 B’riferiment għal-litigazzjoni li għaddejja wara t-tneħħija reċenti ta’ wieħed mill-membri tal-Bord tal-Gvernaturi tas-Sistema tar-Riżerva Federali: Donald J. Trump, President tal-Istati Uniti, rikorrent vs Lisa D. Cook et, Nru 25A312.
8 Li jinsabu fil-Protokoll Nru 4 anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE.
9 Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rimšēvičs”, EU:C:2019:139, punti 89 sa 96).
10 Ibid., punti 92, 94 u 96.
11 Dan l-aġġettiv jidher biss fil-punt 12 tal-Artikolu 6(1) taz-ZPKONPI.
12 L-istess osservazzjoni tapplika mutatis mutandis.
13 Dan l-aġġettiv jidher biss fl-Artikolu 37(1) taz-ZPKONPI.
14 Fil-każ taz-ZPK, il-punt rilevanti tal-Artikolu 51(1) huwa l-punt 13.
15 Dawn it-termini jidhru biss fil-punt 13 tal-Artikolu 51(1) taz-ZPK.
16 Ma huwiex ċar x’kienu r-raġunijiet għat-tnaqqis fil-valur tas-sehem.
17 Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, jidher li dawn il-proċeduri wasslu għall-annullament tad-deċiżjoni tal-KPK. L-appell minn din id-deċiżjoni jidher li għadu pendenti.
18 Infakkar li dawn ir-raġunijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, imsemmija fl-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar il-BNB.
19 Għalhekk, iċ-ċirkustanza li, fil-mument rilevanti, il-Bulgarija ma kinitx għadha parti miż-żona tal-euro ma għandhiex rilevanza fil-kawża ineżami (hija ngħaqdet fl‑1 ta’ Jannar 2026). Ara r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1408 tat‑8 ta’ Lulju 2025 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward tal-introduzzjoni tal-euro fil-Bulgarija (ĠU L, 2025/1408).
20 Huwa magħmul minn tliet membri eletti mill-Assemblea Nazzjonali (b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tad-deputati kollha wara diskussjoni f’kumitat speċjali għall-ħatra) għal mandat ta’ sitt snin.
21 Ara l-Artikolu 38(1) taz-ZPKONPI.
22 Enfasi miżjuda.
23 Is-sentenza Rimšēvičs, punt 46. Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 40).
24 Is-sentenza Rimšēvičs, punt 48. Infakkar li, skont l-Artikolu 282(1) TFUE, “[il-BĊE], flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali, jikkostitwixxu s-[SEBĊ].”
25 Is-sentenza Rimšēvičs, punti 66 sa 71.
26 Ibid., punt 70.
27 L-Artikolu 283(1) TFUE jipprevedi li “[i]l-Kunsill Regolatorju tal-[BĊE] għandu jkollu fih il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-[BĊE] u l-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro”. Ara wkoll l-Artikoli 8 u 10.1 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.
28 Ara l-Artikolu 42.1 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.
29 Ara l-Artikolu 141(2) TFUE. Il-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri b’deroga huma membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE, wieħed mit-tliet korpi deċiżjonali tal-BĊE. Ara l-Artikolu 129(1) TFUE u l-Artikoli 9.3 u 44 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.
30 Is-sentenza Rimšēvičs, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.
31 Skont l-Artikoli 3.2 u 3.5 tad-Deċiżjoni 2004/257/KE tal-Bank Ċentrali Ewropew tad‑19 ta’ Frar 2004 li taddotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/2) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 46), kif emendata (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura tal-BĊE”), l-attendenza fil-laqgħat tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma hijiex irriżervata għall-gvernaturi, li jistgħu jkunu akkumpanjati minn persuna waħda.
32 Skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni: “[...] [Ir-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE għandhom] jipprovdu wkoll li membru tal-Kunsill Regolatorju li ma jkunx jista’ jattendi l-laqgħat tal-Kunsill Regolatorju għall-perjodu twil jista’ jaħtar sostitut bħala membru tal-Kunsill Regolatorju.” Ara wkoll l-Artikoli 3.3, 4.4 u 4.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, u, mutatis mutandis, l-Artikolu 1.2 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE (ĠU 2022, C 478, p. 3), adottat mill-BĊE (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Kondotta tal-BĊE”).
33 Dan l-argument kien ibbażat fuq il-fatt li l-predeċessur tal-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jirreferu b’mod esplicitu għal “membri tal-korpi deċiżjonali […] tal-banek ċentrali nazzjonali” (enfasi miżjuda). L-Istitut Monetarju Ewropew, Progress towards convergence, Frankfurt am Main, 1995, p. 93.
34 Sa fejn dawn id-domandi jfittxu, inter alia, l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li tikkonċerna lill-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali, minflok id-Deputati Gvernaturi (bħal fil-proċeduri prinċipali), jista’ jiġi sostnut li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti tal-kawża, bir-riżultat li d-domandi kkonċernati jkunu inammissibbli. Madankollu, naħseb li, skont il-linja tal-ġurisprudenza stabbilita sew li oriġinat mis-sentenza Dzodzi, huwa manifestament fl-interess tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi l-interpretazzjoni mitluba, sabiex jiġu evitati diverġenzi futuri fil-fehim tat-test ta’ irremovabbiltà. Dan għaliex l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE sar applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali permezz ta’ riferiment dirett u inkundizzjonat (fl-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar il-BNB), mingħajr ebda bidla fl-għan jew fil-portata tiegħu. Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 36 u 37), kif ukoll tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Baltijas Starptautiskā Akadēmija u Stockholm School of Economics in Riga (C‑164/21 u C‑318/21, EU:C:2022:785, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, fuq il-“linja tal-ġurisprudenza Dzozdi”, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:649, punti 27 sa 74).
35 Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Rimšēvičs vs Il‑Latvja u BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża Rimšēvičs”, EU:C:2018:1030, punt 156).
36 Ara l-konklużjonijiet fil-kawża Rimšēvičs, punt 77.
37 B’analoġija, l-istess konklużjoni ssegwi mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali ta’ selezzjoni ta’ kandidat għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Valančius (C‑119/23, EU:C:2024:653, punti 54 u 57). Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, id-dritt tal-Unjoni jillimita ruħu li jeħtieġ indipendenza bil-“garanziji kollha” u “[l]-kapaċità meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji għoljin” (Artikoli 19(2) TUE u 254 TFUE). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Valančius (C‑119/23, EU:C:2024:325, punt 54).
38 Ara, b’analoġija, l-Artikolu 283(2) TFUE u l-Artikolu 11.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE li jipprevedu li l-President, il-Viċi-President u l-membri oħra tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandhom jiġu magħżula “minn fost persuni ta’ statura rikonoxxuta u ta’ esperjenza professjonali f’materji monetarji jew bankarji”.
39 Għal ħarsa ġenerali lejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ara l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Nota ta’ Riċerka tad-Direction de recherche et documentation, Désignation, incompatibilités, prévention des conflits et révocation des membres des organes décisionnels des banques centrales nationales, 25/008, Novembru 2025, b’mod partikolari, p. 12 sa 17. Nirrileva li wħud mill-kundizzjonijiet imsemmija huma wkoll previsti fl-Artikolu 11(3) u (4) tal-Liġi dwar il-BNB.
40 Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Valančius (C‑119/23, EU:C:2024:325, punt 48).
41 Ara n-Nota ta’ Riċerka msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 iktar ’il fuq u, b’analoġija, l-Artikolu 11.1 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE li jipprevedi li “[l]-membri [tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE] jiddedikaw irwieħhom esklussivament għal dmirjiethom. L-ebda membru ma jista’ jimpenja ruħu f’xi impjieg ieħor, sew bi ħlas sew jekk le, sakemm ma tkunx ingħatat eċċezzjonalment eżenzjoni mill-Kunsill Regolatorju.” Ara wkoll l-Artikolu 3 tat-Termini u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg għall-President tal-Bank Ċentrali Ewropew (SEC/GovC/X/18/163a), intitolat “Inkompatibbiltajiet”, li taħt il-punt (a) jgħid li “l-President [tal-BĊE] għandu jastjeni minn kwalunkwe tranżazzjoni ekonomika jew kummerċjali, u jirriżenja minn kwalunkwe pożizzjoni li tista’ tfixkel l-indipendenza tiegħu jew tagħtih il-possibbiltà li juża informazzjoni privileġġjata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
42 Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Valančius (C‑119/23, EU:C:2024:653, punt 54).
43 Infakkar, b’analoġija, l-osservazzjoni magħmula mill-Avukat Ġenerali Geelhoed rigward ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-membri tal-Kummissjoni, kif kien stabbilit fl-Artikolu 213(2) KE (issa l-Artikolu 17(3) TUE): “il-kwalitajiet personali ta’ dawn il-persuni jirriflettu direttament il-fiduċja li l-pubbliku ġenerali għandu fl-istituzzjonijiet tal-Komunità, il-kredibbiltà tagħhom u, għalhekk, l-effikaċja tagħhom”. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson”, EU:C:2006:140, punt 67).
44 Ninnota li l-premessa 1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-BĊE, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 iktar ’il fuq, tgħid li l-BĊE “huwa meħtieġ li jaqdi l-interess pubbliku u jiżgura l-ogħla standards ta’ integrità. Għalhekk il-BĊE jqiegħed ir-responsabbiltà, it-trasparenza u l-ogħla standards ta’ etika fiċ-ċentru tal-approċċ tiegħu għall-governanza korporattiva. Il-konformità ma’ dawn il-prinċipji hija element ewlieni għall-kredibbiltà tal-BĊE u hija vitali biex tiżgura l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej.” Ara wkoll il-premessi 3 u 5 tal-Linja gwida (UE) 2021/2253 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat‑2 ta’ Novembru 2021 li tistabbilixxi l-prinċipji tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema (BĊE/2021/49) (ĠU 2021, C 454, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Linja Gwida dwar il-Qafas tal-Etika tal-BĊE”) u l-konklużjonijiet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson, punt 73.
45 Ara wkoll il-konklużjonijiet fil-kawża Rimšēvičs, punt 101, li jirreferu għall-indipendenza bħala “il-qalba intanġibbli [ta’ dawn il-kundizzjonijiet]”. Ara wkoll l-Artikolu 6 tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-BĊE msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 iktar ’il fuq.
46 Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Valančius (C‑119/23, EU:C:2024:653, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Il‑Qorti tal‑Awdituri vs Pinxten (C‑130/19, EU:C:2021:782, punt 868).
48 Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra b’mod simili ma jipprovdu l-ebda gwida partikolari (ara, b’mod partikolari, “faute grave” fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, “σοβαρό παράπτωμα” fil-verżjoni bil-lingwa Griega, “falta grave” fil-verżjoni bil-lingwa Spanjola, “gravi mancanze” fil-verżjoni bil-lingwa Taljana, u “schwere Verfehlung” fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża). L-istess osservazzjoni tapplika għal tliet każijiet oħra fejn dan il-kunċett jidher fid-dritt primarju tal-Unjoni f’kuntest relatat jew paragunabbli (ara l-Artikolu 11.4 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE fir-rigward tal-Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, l-Artikolu 228(2) TFUE fir-rigward tal-Ombudsman u l-Artikolu 247 TFUE fir-rigward tal-Membri tal-Kummissjoni).
49 Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, Burdene (C‑126/23, EU:C:2024:937, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
50 https://dictionary.cambridge.org/dictionary/english/misconduct, https://dictionary.cambridge.org/dictionary/english/serious, https://www.collinsdictionary.com/dictionary/english/serious, https://www.collinsdictionary.com/dictionary/english/misconduct.
51 Ara, f’dan is-sens, l-ispjegazzjoni mogħtija fil-punti 62 u 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
52 Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet fil-kawża Rimšēvičs, punt 104.
53 Il-konklużjonijiet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson, punt 67.
54 Skont il-BNB, il-kapital azzjonarju ta’ MA jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar il-BNB. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jirreferi għall-karatteristiċi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata skont id-dritt Bulgaru dwar il-kumpanniji u jissottometti, essenzjalment, li kwalunkwe parteċipazzjoni f’kumpannija b’responsabbiltà limitata twassal awtomatikament biex wieħed ikun membru tal-bord tad-diretturi ta’ tali kumpannija.
55 Artikolu 3(b) tat-Termini u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg għall-President tal-Bank Ċentrali Ewropew imsemmija iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41.
56 Il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-BĊE msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, b’mod partikolari l-Artikoli 11, 16 u 17. Ara wkoll l-Artikoli 10 u 11 tal-Linja Gwida dwar il-Qafas tal-Etika tal-BĊE msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 iktar ’il fuq. Għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 1(1) tal-Linja Gwida dwar il-Qafas tal-Etika tal-BĊE, dan it-test japplika biss għall-banek ċentrali tal-Eurosistema u għall-uffiċjali tagħhom. Fil-mument rilevanti, dan kienu għadu ma huwiex il-każ għall-Bulgarija. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq.
57 Ara, b’analoġija, id-definizzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi fl-Artikolu 11 tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-BĊE, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 iktar ’il fuq, u fl-Artikolu 2(9) tal-Linja Gwida dwar il-Qafas tal-Etika tal-BĊE, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 iktar ’il fuq.
58 Mill-proċess isegwi li l-Artikolu 36(3) taz-ZPKONPI u l-Artikolu 50(3) taz-ZPK jeħtieġu li l-persuna li ddikjarat inkompatibbiltà tieħu l-miżuri meħtieġa biex teliminaha fi żmien xahar mis-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni u tipprovdi lill-awtorità li teleġġi jew li taħtar bi prova xierqa ta’ dan. Fin-nuqqas ta’ tali azzjoni ta’ rimedju, l-awtorità li teleġġi jew li taħtar – fil-kawża ineżami, l-Assemblea Nazzjonali – hija obbligata tieħu miżuri sabiex ittemm ir-relazzjoni ġuridika (l-Artikolu 36(4) taz-ZPKONPI u l-Artikolu 50(4) taz-ZPK). Dawn id-dispożizzjonijiet jidhru li jirreferu għad-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltajiet li għandha tiġi sottomessa lill-Assemblea Nazzjonali skont il-punt 1 tal-Artikolu 35(1) u l-Artikolu 35(2) taz-ZPKONPI kif ukoll l-Artikolu 50 taz-ZPK, ifformulat f’termini simili. Kif diġà spjegajt, madankollu, jidher li l-kawża prinċipali ġiet skattata minn dikjarazzjoni ta’ assi u ta’ interessi sottomessa lill-KPK. Kif diġà ġie sostnut, ir-rabta bejn il-kontenut ta’ tali dikjarazzjoni u l-obbligu li tiġi eliminata “inkompatibbiltà” ma hijiex ċara u, fi kwalunkwe każ, hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.
59 Infakkar ukoll li, fil-kawża ineżami, ġew sottomessi tliet dikjarazzjonijiet separati tal-assi u tal-interessi wara l-ħatra ta’ MA, u ma huwiex ċar għalija kif ġie evalwat l-obbligu li jitneħħew kwalunkwe inkompatibbiltajiet iddikjarati fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ewwel u tat-tieni dikjarazzjoni.
60 Bħala tfakkira, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Gvernatur u d-Deputati Gvernaturi tal-BNB “jistgħu jeżerċitaw attività bla remunerazzjoni wara deċiżjoni unanima tal-Kunsill Governattiv, sakemm ma jkunx hemm kunflitt ta’ interessi”.
61 Jidher, kif sostna l-BNB, li l-għan tagħha huwa li tipprevjeni kunflitti ta’ interessi, billi l-assenza tagħhom hija, kif spjegat, inerenti fir-rekwiżit ta’ indipendenza stabbilit fl-Artikolu 130 TFUE u fl-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.
62 Din l-esklużjoni ma għandhiex tfixkel l-analiżi. Dak li huwa importanti għall-kawża ineżami huwa li l-korp inkwistjoni għandu s-setgħa li jevalwa t-test ta’ irremovabbiltà kif ġie applikabbli, b’mod partikolari, għad-Deputat Gvernatur tal-BNB. F’dan ir-rigward, ma ngħatat l-ebda informazzjoni speċifika dwar il-proċedura għat-tneħħija mill-kariga tal-Gvernatur tal-BNB. Madankollu, mill-Artikolu 14.1 tal-Liġi dwar il-BNB jidher li deċiżjoni f’dan is-sens tittieħed direttament mill-korp li jaħtar, jiġifieri l-Assemblea Nazzjonali. Jidher ukoll li din tal-aħħar għandha l-kompetenza li tneħħi mill-kariga lill-membri l-oħra tal-Kunsill Governattiv tal-BNB wara deċiżjoni, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża ineżami, adottata minn dan il-Kunsill.
63 Mill-proċess isegwi li, skont l-Artikolu 7 tad-dispożizzjonijiet supplimentari taz-ZPKONPI u l-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-dispożizzjonijiet supplimentari taz-ZPK, l-“inkompatibbiltà” hija ddefinita bħala l-okkupazzjoni ta’ kariga oħra jew l-eżerċizzju ta’ attività li, minħabba l-Kostituzzjoni jew dispożizzjoni legali, hija inkompatibbli mal-istatus ta’ min jokkupa kariga pubblika għolja.
64 Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2020, C.F. (Kontroll fiskali) (C‑430/19, EU:C:2020:429, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑18 ta’ April 2024, Heureka Group (Tqabbil tax-xiri online) (C‑605/21, EU:C:2024:324, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
65 Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BĊE (C‑11/00, EU:C:2003:395, punti 130 sa 145).
66 Ibid., punt 135.
67 Ibid., punti 139 sa 141.
68 Jekk l-operazzjoni tal-KPK kinitx tiddependi, fil-mument rilevanti, fuq bażi legali xierqa, hija ovvjament kwistjoni pjuttost differenti, u nifhem li hija suġġetta għall-appell pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, kif diġà indikat iktar ’il fuq.
69 Din l-osservazzjoni naturalment ikollha tiġi adattata jekk l-awtorità li hija kompetenti biex tistabbilixxi r-raġunijiet għat-tneħħija mill-kariga tkun qorti. Ara, b’analoġija, l-Artikolu 11.4 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE li jipprovdi li, “[j]ekk membru tal-Bord Eżekuttiv [tal-BĊE] ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu jew inkella kien ħati ta’ mġieba serjament ħażina, il-Qorti tal-Ġustizzja, tista’, wara rikors tal-Kunsill Regolatorju jew tal-Bord Eżekuttiv, iġġiegħlu jirtira.”
70 Infakkar li t-tmien domanda tirrigwarda biss din ir-raġuni għat-tneħħija mill-kariga.
71 Għal eżempju differenti, ara d-dispożizzjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69.
72 Dan il-prinċipju jikkostitwixxi wieħed mill-komponenti “operattivi” tad-dritt għal amministrazzjoni tajba; ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Ispas (C‑298/16, EU:C:2017:650, punt 87). Huwa stabbilit sew fil-ġurisprudenza li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi żgurata kull meta tittieħed deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv lill-individwu. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, C.F. (Kontroll fiskali) (C‑430/19, EU:C:2020:429, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ma nara l-ebda raġuni għaliex il-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża ma għandux japplika meta d-deċiżjoni inkwistjoni tittieħed minn organu ta’ bank ċentrali nazzjonali, sakemm din id-deċiżjoni taffettwa b’mod negattiv il-pożizzjoni legali tal-individwu kkonċernat.
73 Il-BĊE jirreferi għall-verżjonijiet bil-Ġermaniż (“eine schwere Verletzung begangen hat”), bl-Ingliż (“has been guilty of serious misconduct”), bil-Franċiż (“a commis une faute grave”) u bit-Italjan (“è reso colpevole di gravi mancanze”).
74 Ara l-verżjonijiet bl-Ingliż u bit-Taljan msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.
75 Ara, f’dan ir-rigward, il-verżjonijiet bil-Ġermaniż (“eine schwere Verletzung begangen hat”), bil-Franċiż (“a commis une faute grave”), bl-Ispanjol (“haya incurrido en falta grave”) u biċ-Ċek (“nebo se dopustí vážného pochybení”).
76 Ninnota li fis-sentenza Rimšēvičs il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat il-miżura kkontestata bħala deċiżjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, minkejja l-assenza ta’ kwalunkwe determinazzjoni ġudizzjarja preċedenti ta’ responsabbiltà kriminali. Jidhirli li li kieku tali rekwiżit importanti kien inerenti għall-kunċett ta’ mġiba serjament ħażina, dan kien jipprovdi raġuni ovvja u suffiċjenti ta’ annullament f’dik il-kawża (li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fuq bażi differenti). B’dan premess, dik il-kawża kienet tirrigwarda projbizzjoni temporanja fuq il-gvernatur li jeżerċita d-dmirijiet ta’ bank ċentrali nazzjonali. Minkejja dan, fid-dawl tal-konklużjoni li wasalt għaliha fir-rigward ta’ dan l-aspett, ma nqisx li huwa meħtieġ li nindirizza d-distinzjoni magħmula mill-BĊE, li skontha r-rekwiżit ta’ deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti ma japplikax fil-każ tar-raġuni l-oħra għat-tneħħija mill-kariga, jiġifieri n-nuqqas li wieħed jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dmirijiet.
77 Fir-rigward tad-drittijiet speċifiċi involuti, deċiżjoni li timplimenta t-test ta’ irremovabbiltà stabbilit fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE tista’ taffettwa kemm id-dritt tal-persuna kkonċernata li tibqa’ fil-kariga għall-perijodu minimu tal-mandat kif ukoll id-drittijiet żgurati mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (bħal, fil-kawża ineżami, id-dritt għall-proprjetà jew id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni). Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tispeċifikax it-tul tal-mandat tal-membri tal-Kunsill Governattiv tal-BNB. Madankollu, il-Kummissjoni u l-BĊE jindikaw li dan it-terminu huwa ta’ sitt snin (Artikolu 12(4) tal-Liġi dwar il-BNB). Għalkemm ma huwiex ċar jekk dan it-terminu jirriflettix “esportazzjoni normattiva” tar-regola dwar it-tul minimu tal-mandat, stabbilita fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, id-dritt li wieħed jibqa’ fil-kariga sal-iskadenza tal-mandat jikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, korollarju tal-garanzija ta’ indipendenza stabbilita fl-Artikolu 130 TFUE u fl-Artikolu 7 ta’ dawn l-Istatuti.
78 Kummissjoni Ewropea, Rapport dwar il-Konverġenza 2024, Dokument Istituzzjonali 294, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2024, p. 43.
79 Kummissjoni Ewropea, Rapport dwar il-Konverġenza 2025 fuq il-Bulgarija, Dokument Istituzzjonali 320, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2025, p. 25.
80 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (C‑406/18, EU:C:2019:1055, punti 48, 53 u 56).
81 B’analoġija ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (C‑406/18, EU:C:2020:216, punti 36 u 37). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (C‑406/18, EU:C:2019:1055, punt 69), b’riferimenti għall-ġurisprudenza li tfakkar li l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu effett dirett u għalhekk jippermetti li tiġi annullata kull leġiżlazzjoni inkompatibbli.