Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fl‑10 ta’ Settembru 2026 (1)

Kawżi C‑38/25 P, C‑48/25 P, C‑54/25 P u C‑55/25 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Aloe Vera of Europe BV (C‑38/25 P)

Aboca SpA Soc. agr.,

Coswell SpA,

Associação portuguesa de suplementos alimentares (Apard) (C‑48/25 P)

Ortis SA (C‑54/25 P)

Syndicat national des compléments alimentaires (Synadiet),

Asociación Española de Fabricantes de Preparados alimenticios especiales, dietéticos y plantas medicinales (Afepadi),

Be-Sup Asbl,

Fitoform SAS,

Laboratoires Diététique et Santé SASU,

Laboratoires Forte Pharma S.A.M,

Laboratoires Ilapharm SAS,

Laboratoires Ineldea SAS,

Laboratoires Juva Santé SASU,

Laboratoire Pionneau SAS,

Laboratoires Super Diet SASU,

Laboratoires Vitarmonyl SARL,

La Source SARLU,

Les Trois Chênes SA,

Naturenvie SAS,

Noria Distribution SAS,

Pharmanager Ingrédients SAS,

Plantex SASU,

Santé Verte SAS,

Thera-Sana SASU,

Vitamins SAS,

V.S. Vecteur Santé Laboratoires (C‑55/25 P)

(Appell – Protezzjoni tal-konsumaturi – Regolament (KE) Nru 1925/2006 – Artikolu 8 – Sustanzi pprojbiti, ristretti jew taħt l‑iskrutinju tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) 2021/468 – Projbizzjoni ta’ “preparazzjonijiet” idderivati mill-partijiet ta’ speċijiet ta’ pjanti li fihom derivati tal-idrossiantraċen – Kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ projbizzjoni ta’ sustanzi, ta’ restrizzjoni tal-użu tagħhom jew tat-tqegħid tagħhom taħt skrutinju tal-Unjoni)






I.      Introduzzjoni

1.        Jekk ingredjent jiġi b’iktar twissijiet milli valur kulinarju, ikun wasal iż-żmien li terġa’ tikkunsidra r-riċetta.

2.        Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-addittivi”) (2), il-Kummissjoni hija inkarigata, essenzjalment, tidentifika r-raġunijiet għal dawn it-twissijiet u tistabbilixxi jekk, u sa liema grad, ikunx meħtieġ li tiġi rregolata u, jekk ikun il-każ, ipprojbita ż-żieda ta’ sustanzi u ingredjenti speċifiċi mal-ikel fid-dawl tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

3.        Dawn l-appelli jirrigwardaw erba’ sentenzi tal-Qorti Ġenerali (3). Fihom, din il-qorti annullat ir-Regolament (EU) 2021/468 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”) (4) inkwantu pprojbixxa jew issuġġetta għal skrutinju, għal raġunijiet marbuta ma’ tħassib relatat mas-saħħa pubblika, iż-żieda mal-ikel ta’ għadd ta’ sustanzi u ta’ “preparazzjonijiet” idderivati minn speċijiet ta’ pjanti, inkluż dak tal-Aloe, li fihom derivattivi tal-idrossiantraċen (“DIA”).

4.        Il-Kummissjoni Ewropea appellat minn dawn is-sentenzi billi sostniet, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni żbaljata tar‑rekwiżiti u tal-proċedura li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 8 tar‑Regolament dwar l-addittivi.

II.    Il-kuntest ġuridiku u fattwali ta’ dawn l-appelli

A.      Ir-Regolament dwar l-addittivi

5.        Waħda mill-funzjonijiet bażiċi tal-ikel hija li jipprovdi n‑nutrizzjoni meħtieġa għat-tkabbir, għall-iżvilupp u għaż-żamma ta’ ħajja sana. Għal dan l-għan, l-ikel għandu jkun sikur. Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal‑Unjoni stabbilixxa korp komprensiv ta’ regoli tal-Unjoni dwar il-valur nutrittiv u dak relatat mas-saħħa tal-ikel, kif ukoll dwar il-preżentazzjoni u r-reklamar tiegħu (5).

6.        Parti minn dan il-qafas huwa r-Regolament dwar l-addittivi. Dan ir‑regolament jispjega li ż-żieda ta’ nutrijenti u ta’ ingredjenti oħra mal-ikel, jew l-użu tagħhom fil-manifattura tal-ikel, issir jew b’mod volontarju jew b’mod obbligatorju, u għal raġunijiet differenti (6). Għaldaqstant, u sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu ta’ tali ikel fi ħdan is-suq intern, dan ir-regolament għandu l-għan li jarmonizza d-dispożizzjonijiet nazzjonali diverġenti li jirregolaw iż-żieda ta’ vitamini, minerali u sustanzi oħra mal-ikel (7).

7.        Madankollu, ir-Regolament dwar l-addittivi għandu wkoll l-għan li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-konsumatur (8). Għalhekk, dan ir-regolament huwa intiż li jiżgura li s-sustanzi miżjuda mal-ikel ikunu sikuri (9).

8.        Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni li fuqu huwa bbażat ir‑Regolament dwar l-addittivi jenfasizza b’mod partikolari dan l-aspett tas‑sikurezza meta “sustanzi jew ingredjenti li ma humiex vitamini u minerali” jiġu miżjuda b’“mod ‘innovattiv’” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-użu tagħhom “qiegħed dejjem iktar iqajjem tħassib […] prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ data xjentifika li turi li l-użu tagħhom fi kwantitajiet kbar, ħafna drabi ferm ogħla mill-kwantitajiet li fihom dawn is-sustanzi jiġu normalment inġeriti permezz ta’ dieta normali, ma joħloqx riskji għas-saħħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (10).

9.        F’dan l-isfond, ir-Regolament dwar l-addittivi jispjega li filwaqt li “[d]ieta normali u varjata fiha ħafna ingredjenti li min-naħa tagħhom fihom ħafna sustanzi. [… li] l-inġestjoni [tagħhom] ma tikkawżax tħassib u m’hemmx bżonn li tkun regolata” (11), “[h]emm varjetà kbira ta’ nutrijenti u ingredjenti oħra li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ l-ikel, inklużi, imma mhux biss, vitamini, minerali inklużi elementi ta’ traċċa, amino aċidi, aċidi mxaħħma essenzjali, fibra, diversi pjanti u estratti ta’ ħxejjex” (12). Madankollu, “[x]i sustanzi barra mill-vitamini u minerali jew ingredjenti li dawn ikun fihom jiġu miżjuda ma’ l-ikel bħala estratti jew konċentrati u jistgħu jirriżultaw f’inġestjoni li hija ogħla b’mod sinifikanti minn dawk li jistgħu jiġu inġeriti meta wieħed jiekol dieta adegwata u varjata. Is-sigurtà ta’ tali prattiċi hija, f’ċerti każi, kontestata serjament u l-benefiċċji m’humiex ċari [u għalhekk] [h]uwa xieraq, f’tali każijiet, li l-operaturi ta’ l-industrija ta’ l-ikel, responsabbli mis-sigurtà ta’ l-ikel li huma jqiegħdu fis-suq, jassumu l-piż tal-prova fir‑rigward tas-sigurtà tagħhom” (13).

10.      Għal dan il-għan, ir-regolament jipprevedi żewġ oqfsa regolatorji separati.

11.      L-ewwel qafas jirregola r-rekwiżiti, ir-restrizzjonijiet u l‑kundizzjonijiet li japplikaw għaż-żieda ta’ vitamini u ta’ minerali mal-ikel. Dan jinsab fl-Artikoli 3 sa 7 tar-Regolament dwar l-addittivi. Dawn id‑dispożizzjonijiet jistabbilixxu lista pożittiva tat-tipi ta’ vitamini u ta’ minerali li jistgħu jiżdiedu mal-ikel u l-forom li fihom jistgħu jkunu preżenti dawn il-vitamini u minerali (14), kif ukoll ċerti restrizzjonijiet (15) u rekwiżiti (16) relatati maż-żieda tagħhom mal-ikel.

12.      It-tieni qafas jirregola ż-żieda ta’ sustanzi oħra li ma humiex vitamini u minerali. Huwa dan il-qafas, stabbilit fl-Artikolu 8 tar‑Regolament dwar l-addittivi, li huwa rilevanti għal dawn l-appelli.

13.      L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jispjega li din il-proċedura “għandha tkun segwita fejn sustanza li mhix vitamina jew mineral, jew ingredjent li fih sustanza li mhix vitamina jew mineral, ikunu miżjuda ma’ l-ikel jew użati fil-manifattura ta’ l-ikel taħt kundizzjonijiet li kieku jirriżultaw fl-inġestjoni ta’ ammonti ta’ din is-sustanza li jaqbżu sew dawk raġonevolment mistennija li jkunu inġeriti taħt kondizzjonijiet normali ta’ konsum ta’ dieta bilanċjata u varjata u/jew kieku jirrappreżentaw bi kwalunkwe mod ieħor riskju potenzjali għall‑konsumaturi” (17).

14.      Fi kliem ieħor, l-Artikolu 8(1) jipprevedi li l-proċedura stipulata fih tiġi skattata fi tliet sitwazzjonijiet: (i) fejn ikel imsaħħaħ b’sustanzi li ma humiex vitamini u minerali jiġi inġestit f’livell li “jaqbżu sew” kundizzjonijiet normali ta’ konsum; (ii) meta sseħħ tali inġestjoni u meta jkun hemm il-possibbiltà li l-kwantitajiet inġestiti jkunu ta’ riskju potenzjali għas-sikurezza tal-ikel għall-konsumaturi; jew (iii) fejn irrispettivament mil-livell ta’ inġestjoni, hemm possibbiltà li l-inġestjoni ta’ dik is-sustanza tkun tippreżenta riskju potenzjali għas‑sikurezza tal-ikel għall-konsumaturi.

15.      Meta sseħħ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, l‑Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-addittivi sussegwentement jagħti s‑setgħa lill-Kummissjoni titlob lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal‑Ikel (EFSA) sabiex tevalwa l-“informazzjoni disponibbli” relatata maż-żieda ta’ dawn is-sustanzi l-oħra ma’ ikel jew l-użu tagħhom fil‑manifattura tal-ikel, u jekk ikun il-każ, tinkludi s-sustanza fl‑Anness III tagħha. Dan l-anness huwa magħmul mill-Partijiet A (“Sustanzi projbiti”), B (“Sustanzi ristretti”), u Ċ (“Sustanzi taħt skrutinju [tal‑Unjoni]”). Ir-rekwiżiti sabiex is-sustanza jew l-ingredjent jiġi inkluż fl‑Anness III huma deskritti fl-Artikolu 8(2)(a) u (b) tar-regolament kif ġej:

“(a)      jekk ġie identifikat effett dannuż għas-saħħa, is-sustanza u/jew l‑ingredjent li fih is-sustanza għandhom:

(i)      jitqiegħdu fl-Anness III, Parti A, u ż-żieda tagħhom ma’ l-ikel jew l-użu tagħhom fil-manifattura ta’ l-ikel għandha tkun projbita; jew

(ii)      jitqiegħdu fl-Anness III, Parti B, u ż-żieda tagħhom ma’ l-ikel jew l-użu tagħhom fil-manifattura ta’ l-ikel għandha tkun permessa biss taħt il-kondizzjonijiet speċifikati hemm;

(b)      jekk tkun identifikata l-possibbiltà ta’ effetti dannużi għas-saħħa imma tippersisti inċertezza xjentifika, is-sustanza għandha titqiegħed fil-Parti Ċ ta’ l-Anness III.”

16.      Il-Kummissjoni tista’ tibda l-proċedura indikata hawn fuq, fuq l‑inizjattiva tagħha stess jew abbażi ta’ informazzjoni pprovduta mill‑Istati Membri (18).

B.      Avvenimenti li wasslu għar-Regolament kontenzjuż

17.      Id-DIA jiffurmaw kategorija ta’ sustanzi kimiċi bi strutturi eteroġenji u differenti (19). Huma jintużaw ħafna fis-supplimenti tal-ikel u fil-prodotti mediċinali bbażati fuq pjanti għall-effett lassattiv tagħhom (20).

18.      Skont il-Qorti Ġenerali, id-DIA huma naturalment preżenti fi speċi veġetali differenti, inklużi ċerti speċi ta’ Aloe kif ukoll ċertu frott u ħaxix (21).

19.      Fl-ispeċi tal-Aloe (22), id-DIA “jinstabu prinċiparjament fil-lattiċi tal-aloe, jiġifieri l-eżudat li jinsab bejn il-ġel intern tal-werqa, jiġifieri t‑tessuti parenkimatiċi ċentrali trasparenti tal-werqa tal-aloe, u s-saff estern tagħha (il-qoxra)” (23) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

20.      Fid‑29 ta’ Ġunju 2016, filwaqt li aġixxiet fuq inizjattiva tagħha stess wara t-tħassib espress mill-Istati Membri, il-Kummissjoni fetħet il‑proċedura prevista fl-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-addittivi billi talbet lill-EFSA twettaq evalwazzjoni tal-informazzjoni disponibbli dwar is‑sikurezza tal-użu tad-DIA mis-sorsi kollha tal-ikel. Hija talbet ukoll lill‑EFSA tirrakkomanda doża ta’ kuljum ta’ DIA li ma tqajjimx tħassib dwar l-effetti ta’ ħsara possibbli fuq is-saħħa għall-popolazzjoni ġenerali u, fejn applikabbli, għas-sottogruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni (24).

21.      Fit‑22 ta’ Novembru 2017, l-EFSA adottat l-Opinjoni tal-EFSA tal‑2017, intitolata “Sikurezza tad-[DIA] użati fl-ikel”. Abbażi tad-data kollha disponibbli, l-EFSA kkonkludiet li d-DIA “għandhom jiġu meqjusa bħala ġenotossiċi u karċinoġeniċi” fin-natura tagħhom (25), u li “ma setgħetx tirrakkomanda doża ta’ kuljum ta’ [DIA] li ma tkunx tikkawża tħassib għas-saħħa tal-bniedem” (26). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22.      Fil-fatt, skont il-proċess tal-kawża, l-EFSA tqis li ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi ammont sigur ta’ doża ta’ kuljum ta’ DIA, peress li, ladarba jkun hemm tħassib dwar il-ġenotossiċità, ma jeżisti ebda livell li taħtu l-esponiment għal sustanzi ġenotossiċi jista’ jitqies bħala sigur, billi anki l-inqas livell ta’ esponiment jirrappreżenta riskju (27). Għalhekk, “ma jitqiesx xieraq li jiġu stabbiliti valuri gwida bbażati fuq is-saħħa” (28). [traduzzjoni mhux uffiċjali].

23.      Fid-dawl tal-Opinjoni tal-EFSA, il-Kummissjoni adottat ir‑Regolament kontenzjuż fit‑18 ta’ Marzu 2021.

24.      F’dan ir-regolament, il-Kummissjoni, f’parti rilevanti, tispjega li l-EFSA “sabet li d-[DIA] aloe-emodina u emodina u s-sustanza dantron relatata miegħu strutturalment, intwera li huma ġenotossiċi in vitro. Intwera wkoll li l-estratti tal-aloe huma ġenotossiċi in vitro x’aktarx minħabba d-[DIA] li jinsabu fl-estratt. Barra minn hekk, intwera li l‑aloe‑emodina hija ġenotossika in vivo. Intwera li l-estratt tal-werqa kollha tal-aloe u l-analogu strutturali dantron huma karċinoġeniċi” (29). Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li fid-dawl tal-“effetti dannużi kefrin fuq is-saħħa li huma assoċjati mal-użu tal-aloe-emodina, tal‑emodina, tad-dantron u tal-estratti tal-aloe li fihom id-[DIA] li jinsabu fl-ikel, u li ma teżistix doża ta’ kuljum li tista’ tiġi stabbilita, tad-[DIA], li ma tikkawżax tħassib għas-saħħa tal-bniedem, jenħtieġ li dawn is‑sustanzi jiġu pprojbiti” (30). Barra minn hekk, “[b]illi teżisti l-possibbiltà li l-użu ta’ Rheum, Cassia u Rhamnus u l-preparati tagħhom fl-ikel jista’ jkollu effetti dannużi fuq is-saħħa tal-bniedem, iżda għad hemm inċertezza xjentifika dwar jekk dan it-tip ta’ preparati jkun fihom is‑sustanzi elenkati fil-Parti A tal-Anness III tar-[Regolament dwar l-addittivi], jenħtieġ li dawn is-sustanzi jitqiegħdu taħt l-iskrutinju tal‑Unjoni u għaldaqstant jenħtieġ li jiddaħħlu fil-Parti Ċ tal-Anness III” ta’ dan ir-regolament (31).

25.      B’hekk, bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament kontenzjuż, il‑Kummissjoni temenda l-Anness III tar-Regolament dwar l-addittivi bil‑mod segwenti: fil-Parti A, hija żżid “l-aloe-emodina u l-preparati kollha li fihom din is-sustanza”, “l-emodina u l-preparati kollha li fihom din is-sustanza”, preparati mill-weraq tal-ispeċijiet tal-Aloe li fihom [DIA]”, u “id-dantron u l-preparati kollha li fihom din is-sustanza”.

26.      Bl-istess mod, taħt l-Artikolu 1(2) tar-Regolament kontenzjuż, il‑Kummissjoni żżid mal-Parti Ċ tar-Regolament dwar l-addittivi, “preparati magħmulin mill-għerq u mir-riżoma ta’ Rheum palmatum L., Rheum officinale Baillon u l-ibridi tagħhom li fihom [DIA]”, “preparati mill‑weraq u mill-frott ta’ Cassia senna L. li fihom [DIA]”, u “preparati magħmulin mill-qoxra tas-siġar tal-ispeċijiet Rhamnus frangula L., Rhamnus purshiana DC. li fihom [DIA]”.

C.      Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

27.      Bjen l‑10 ta’ April u s‑27 ta’ Mejju 2021, Aloe Vera of Europe BV (fil-Kawża T‑189/21), Ortis (fil-Kawża T‑271/21), Syndicat national des compléments alimentaires (Synadiet) et (fil-Kawża T‑274/21), u Aboca, Coswell u Apard (fil-Kawża T‑302/21), kollha produtturi jew rappreżentanti ta’ produtturi li jbiegħu prodotti li fihom sustanzi dderivati minn speċijiet ta’ pjanti li jinkludu d-DIA, ippreżentaw rikorsi għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż.

28.      Fit‑13 ta’ Novembru 2024, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenzi appellati, li permezz tagħhom hija laqgħet il-motivi mqajma mir‑rikorrenti fl-ewwel istanza sa fejn dawn allegaw ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament dwar l-addittivi. Hija ma eżaminat ebda motiv ieħor imressaq minn dawk il-partijiet.

29.      Fir-rigward tas-sentenzi tagħha fil-Kawżi T‑302/21, T‑271/21 u T‑274/21, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-addittivi ma kienx jippermetti li “preparazzjonijiet” jiġu inklużi fil-Partijiet A u Ċ tal-Anness III tiegħu (32). Minbarra dik il-konstatazzjoni, fir-rigward tas‑sentenzi tagħha fil-Kawżi T‑189/21, T‑302/21, T‑271/21 u T‑274/21, il‑Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi limitu ta’ riskju li jiġġustifika l-projbizzjoni taż-żieda ma’ ikel jew tal-użu fil-manifattura ta’ ikel, ta’ sustanzi li fihom id-DIA, skont l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament dwar l-addittivi (33).

30.      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament kontenzjuż fil-partijiet rilevanti tiegħu.

D.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31.      Permezz tal-erba’ appelli tagħha, il‑Kummissjoni titlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja tannulla s-sentenzi appellati, tagħti sentenza finali f’kull waħda mill-kawżi billi tiċħad ir-rikorsi skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżamina l-motivi li għadhom ma ġewx evalwati, u tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż jew tirriżerva d‑deċiżjoni dwar l-ispejjeż fil-każ li l-kawżi jintbagħtu lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

32.      Il‑Kummissjoni hija sostnuta f’din l-azzjoni mill-EFSA, li ġiet awtorizzata tintervjeni f’kull wieħed minn dawn l-appelli (34).

33.      Ma saret l-ebda seduta.

III. Analiżi

34.      Il-konklużjonijiet tiegħi huma strutturati kif ġej. Ser nibda bl‑argument li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ddikjarat li l‑Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-addittivi ma jippermettix li “preparazzjonijiet” ta’ sustanzi li ma humiex vitamini u minerali jiġu inklużi fil-listi tal-Anness III ta’ dan ir-regolament (Taqsima A). Sussegwentement, ser ngħaddi għall-argument li l-kundizzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-Artikolu 8(1) u (2) ta’ dan ir‑regolament ma għandhomx jinqraw b’mod kumulattiv, b’tali mod li l‑Kummissjoni kellha tistabbilixxi limitu ta’ riskju għaż-żieda ma’ ikel ta’ sustanzi li fihom id-DIA jew għall-użu tagħhom fil-manifattura ta’ ikel (Taqsima B). Fl-aħħar nett, l-analiżi tiegħi ser tiffoka fuq l-argument li jallega nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata kif ukoll fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tas-setgħat ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha (Taqsima Ċ).

A.      Aggravju relatat mal-inklużjoni ta’ “preparazzjonijiet” li fihom sustanzi li ma humiex vitamini u minerali fl-Anness III tar‑Regolament dwar l-addittivi

35.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha fil-Kawżi C‑48/25 P, C‑54/25 P u C‑55/25 P, il-Kummissjoni tikkontesta l-konstatazzjoni tal‑Qorti Ġenerali li l-kunċett ta’ “preparazzjonijiet” ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-addittivi. Fis-sentenzi tagħha fil-Kawżi T‑302/21, T‑271/21 u T‑274/21, dik il-qorti kkonstatat li l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-addittivi jirreferi biss għall-kunċetti ta’ “sustanzi”, “ingredjenti”, u “ingredjent li fih [dik is-]sustanza”. B’hekk osservat li, taħt l-Artikolu 8(2)(a)(i) tar-Regolament dwar l-addittivi, hija biss iż-żieda ma’, jew l-użu tagħhom fil-manifattura tal-ikel ta’ “sustanza” jew “ingredjent li fih [dik is-]sustanza”, li jista’ jiġi pprojbit milli jiġi inkluż fil-Parti A tal-Anness III ta’ dan ir-regolament. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kunċett ta’ “preparazzjonijiet” imur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawk il-kunċetti. Bl-istess mod, hija osservat li, peress li l-Artikolu 8(2)(b) ta’ dan ir-regolament jirreferi biss għal “sustanzi” u mhux għal “ingredjenti”, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għandu jkun iktar limitat minn dak tal-Artikolu 8(2)(a)(i) tiegħu. Għaldaqstant, huma biss “sustanzi” li fir-rigward tagħhom ġiet identifikata l-possibbiltà ta’ effetti dannużi fuq is-saħħa, iżda li fir‑rigward tagħhom għadha teżisti inċertezza xjentifika, li jistgħu jiġu inklużi fil-Parti Ċ tal-Anness III. Abbażi ta’ dawn l-interpretazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kunċett ta’ “preparazzjonijiet” ma huwa kopert minn ebda wieħed mill-kunċetti ta’ “sustanzi” jew “ingredjenti”, li ma jistax jiġi ssostitwit b’xi wieħed minn dawn il-kunċetti, u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq dawn id-dispożizzjonijiet sabiex tadotta l-emendi għall-Partijiet A u Ċ tal‑Anness III ta’ dan ir-regolament permezz tal-Artikolu 1(1) u tal‑Artikolu 1(2) tar-Regolament kontenzjuż.

36.      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-EFSA, tikkontesta din il‑konstatazzjoni. Dawn il-partijiet isostnu li, meta kkonkludiet li l‑kunċett ta’ “preparazzjonijiet” huwa usa’ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-addittivi, jiġifieri li ma huwiex kopert mill-kunċetti ta’ “sustanzi” jew “ingredjenti”, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Ir‑raġunament ta’ dik il‑qorti la huwa konsistenti mal‑formulazzjoni, mal‑kuntest u mal‑għan tal‑proċedura prevista fl‑Artikolu 8 ta’ dan ir‑regolament, u lanqas ma huwa tali li jissalvagwardja l‑effett utli u l‑effikaċja tar‑regolament kollu kemm hu.

37.      L-appellati jikkontestaw dan l-argument u jappoġġjaw ir‑raġunament tal-Qorti Ġenerali.

38.      Jiena naqbel mal-Kummissjoni u mal-EFSA.

39.      It-terminoloġija tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-addittivi tenfasizza li huwa intiż li jkopri dawk iċ-ċirkustanzi li fihom “sustanza li mhix vitamina jew mineral, jew ingredjent li fih sustanza li mhix vitamina jew mineral, ikunu miżjuda ma’ l-ikel jew użati fil-manifattura [tiegħu].”

40.      Kien qabel xejn b’riferiment għal interpretazzjoni letterali ta’ dik id-dispożizzjoni li l-Qorti Ġenerali qieset li l-proċedura prevista fiha ma tapplikax għaż-żieda ta’ “preparazzjonijiet” ta’ sustanzi li fihom id-DIA.

41.      Nista’ nifhem il‑frustrazzjoni tal‑Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ dik it-terminoloġija. Il-kelma “preparazzjonijiet” ma tinsabx fl‑Artikolu 8 tar‑Regolament dwar l-addittivi, u lanqas ma tintuża fil-kumplament ta’ dan ir‑regolament. Skont kif tiġi interpretata dik il-kelma, l-użu tagħha jista’ jinftiehem bħala li jmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament. Ir-raġuni għaliex il-Kummissjoni madankollu qieset li kien meħtieġ li tuża din it-terminoloġija fid-dispożittiv ta’ regolament ta’ implimentazzjoni, bir-riskju li tiġi interpretata b’mod żbaljat fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamentazzjoni li hija kellha l-intenzjoni tadotta, ma hijiex spjegata fil-proċess tal-kawża.

42.      Il-Kummissjoni u l-EFSA ma pprovdewx spjegazzjoni konvinċenti f’dan ir-rigward. Pereżempju, il-fatt li l-EFSA, f’dokument ta’ gwida tal‑2009 (35) mhux relatat ma’ dawn il-proċeduri, tuża l-kunċett ta’ “preparazzjonijiet” minflok “sustanzi” jew “ingredjenti” sabiex tipprovdi sfumaturi addizzjonali għall-analiżi tagħha (ħaġa li hija, bla dubju, intitolata tagħmel), huwa ċertament utli sabiex jinftiehem il‑kuntest li fih jintuża dak it-terminu. Madankollu, dan bl-ebda mod ma jista’ jinfluwenza la l-portata ta’, u lanqas it-terminoloġija użata minn, att tad-dritt tal-Unjoni li għandu grad superjuri fil-ġerarkija normattiva.

43.      Fl-istess ħin, ma tistax ma tingħatax importanza lill-fatt li l-atti kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ġenerali ta’ validità (36). Dan ifisser li dawn l-atti għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’mod li josserva dik il-preżunzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, dan jimplika wkoll li s-sempliċi użu ta’ kelma fid-dispożittiv ta’ att ta’ implimentazzjoni li ma tintużax mod ieħor fl-att bażiku ma huwiex, fih innifsu, biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata dik il‑preżunzjoni.

44.      Dan huwa b’mod partikolari l-każ fejn, bħal f’dawn il-kawżi, il‑Kummissjoni u l-EFSA sostnew kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kunċett ta’ “preparazzjonijiet”, kif użat fir-Regolament kontenzjuż, għandu jinftiehem bħala li jkopri dawk il-prodotti kollha li jidħlu fil-proċess ta’ manifattura u li fihom is-sustanza li fir-rigward tagħha ġew identifikati effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa.

45.      Fi kliem ieħor, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-EFSA jinsistu li, permezz tal-kunċett ta’ “preparazzjonijiet”, ir-Regolament kontenzjuż kien intiż sabiex jinkludi ż-żieda indiretta ta’ sustanza pprojbita mal-ikel jew fil-manifattura tiegħu.

46.      Skont dawn il-partijiet, tali interpretazzjoni ma hija prekluża la mill-kamp ta’ applikazzjoni u lanqas mill-għan tal‑Artikolu 8 tar‑Regolament dwar l-addittivi. Huma jsostnu li l-interpretazzjoni letterali adottata mill-Qorti Ġenerali ta’ dik id-dispożizzjoni tonqos milli tqis mhux biss elementi testwali oħra li jinsabu fiha, bħall-espressjonijiet “miżjuda mal-ikel” u “użati fil-manifattura tal-ikel”, iżda wkoll il-fatt li l-kunċett ta’ “ingredjenti”, skont l-interpretazzjoni tagħha, huwa tali li jinkludi d-diversi forom ta’ żieda indiretta mal-ikel jew ta’ użu fil‑manifattura tal-ikel ta’ sustanzi li fir-rigward tagħhom ikunu ġew identifikati effetti potenzjalment dannużi fuq is-saħħa.

47.      Fl-opinjoni tiegħi, interpretazzjoni li l-kunċett ta’ “ingredjenti” għandu jinftiehem fis-sens li jkopri d-diversi forom u modalitajiet ta’ żieda indiretta ta’ sustanza li għandha effetti dannużi mal-ikel tkun, effettivament, dik li tiżgura bl-aħjar mod l-effett utli tal-Artikolu 8 tar‑Regolament dwar l-addittivi.

48.      Kif spjegajt, l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jistabbilixxi qafas regolatorju għall-kontroll tal-“varjetà kbira ta’ nutrijenti u ingredjenti oħra li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ l-ikel” (37), li ż-żieda volontarja tagħhom mal-ikel tista’ tqajjem tħassib f’dak li jirrigwarda l‑protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi (38).

49.      L-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-addittivi jagħmel dan fir-rigward ta’ sustanzi oħra minbarra vitamini u minerali (39).

50.      Sabiex jintlaħaq dan l-għan, ma għandux ikun ta’ importanza deċiżiva jekk is-sustanza kkonċernata tkunx preżenti fil-forma pura tagħha jew jekk tkunx ġiet miksuba permezz ta’ proċessi minn qabel sabiex tiġi inkluża, direttament jew indirettament, fil-forma ta’ “preparazzjoni”, taħlita jew ingredjent, sakemm tiġi miżjuda volontarjament mal-ikel jew tintuża fil-manifattura tiegħu.

51.      Fil-fatt, kif tindika l-EFSA, dak li huwa importanti huwa li sustanza li tista’ tkun ta’ ħsara tiġi miżjuda, irrispettivament mill‑modalità li biha sseħħ dik iż-żieda. Wara kollox, is-suċċess jew il‑falliment tal-qafas stabbilit fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, jiddependu mill-kapaċità tal-Kummissjoni li tirregola tali żieda fir‑rigward ta’ sustanzi potenzjalment dannużi fuq is-saħħa.

52.      Għaldaqstant, l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-addittivi għandu jkun tali li jkopri kemm id-diversi forom li tista’ tieħu sustanza bħal din kif ukoll id-diversi modi li bihom dik is-sustanza tista’ tiġi introdotta fl‑ikel jew utilizzata fil-manifattura tiegħu.

53.      Interpretazzjoni differenti, bħal dik adottata mill-Qorti Ġenerali, tista’ twassal għal sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni tista’, essenzjalment, tirregola ż-żieda diretta ta’, pereżempju, aloe-emodin, emodin jew danthron mal-ikel, iżda mhux iż‑żieda indiretta ta’ dawn is-sustanzi permezz tal-inklużjoni tagħhom minn qabel f’preparazzjoni, qabel iż‑żieda tagħhom mal-ikel jew l-użu tagħhom fil-manifattura tiegħu. Ma narax kif tali riżultat jista’ jkun loġiku jew konformi mal-għan tal‑protezzjoni tal-konsumatur kontra żidiet dannużi fl-ikel.

54.      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni jkollha l-effett li ċċaħħad il‑kunċett ta’ “ingredjent”, kif użat fl-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-addittivi, mill-effett prattiku tiegħu f’dik id-dispożizzjoni.

55.      Għaldaqstant, kemm jekk sustanza tiġi miżjuda direttament mal‑ikel jew tintuża fil-manifattura tiegħu, kif ukoll jekk l-ewwel tiġi kkombinata ma’ sustanzi oħra qabel ma tiġi miżjuda mal-ikel jew użata fil-manifattura tiegħu, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta’ dan ir‑regolament għandha tkun kapaċi tkopriha.

56.      L-istess loġika għandha neċessarjament testendi ruħha wkoll għall‑Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament dwar l-addittivi.

57.      Huwa minnu li, kif isostnu l-appellati u kif jirriżulta mis-sentenzi appellati, dik id-dispożizzjoni ssemmi biss il-kunċett ta’ “sustanzi” u mhux ukoll dak ta’ “ingredjenti”. Huwa abbażi ta’ dan li ġie argumentat li l-Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament dwar l-addittivi jippermetti biss li s-sustanzi li jiġu miżjuda direttament mal-ikel jew użati fil-manifattura tiegħu jkunu suġġetti għal skrutinju fil-livell tal-Unjoni. Madankollu, kif spjegajt, fid-dawl tal-għan segwit mill-qafas stabbilit fl-Artikolu 8 tar‑Regolament dwar l-addittivi kollu kemm hu, ma jkunx loġiku li tali proċess jiġi limitat b’dan il-mod, u li tiġi eskluża l-possibbiltà li jkunu suġġetti għal skrutinju ż-żidiet indiretti ta’ sustanzi li fir-rigward tagħhom ikunu ġew identifikati effetti possibbilment dannużi fuq is‑saħħa, iżda li fir-rigward tagħhom għadha tippersisti inċertezza xjentifika.

58.      Interpretazzjoni kuntrarja lanqas ma hija konvinċenti meta d‑dispożizzjoni inkwistjoni tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-Artikolu 8 stess: skont il-proċedura ta’ urġenza prevista fil-paragrafu 5 tiegħu, il‑Kummissjoni tista’ tittrasferixxi “sustanza” mill-Parti Ċ tal-Anness III għall-Parti A jew għall-Parti B. Konsegwentement, sabiex tali trasferiment ikun possibbli fir-rigward ta’ “ingredjenti” għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Parti Ċ tal-Anness III għandha neċessarjament tkun tista’ tinkludi wkoll “ingredjenti”. Dan ifisser li l‑Artikolu 8(2)(b) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat bħala li jestendi wkoll għat-tqegħid ta’ “ingredjenti” fil-Parti Ċ tal-Anness III ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, u irrispettivament mill-fatt li l-argument tal-appellati ma huwiex wieħed ġdid (40), dan ma jistax fi kwalunkwe każ, jipprekludi lill‑Kummissjoni milli tirregola ż-żieda mal-ikel ta’ sustanzi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem.

59.      Applikat għaċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-proċeduri, dan ifisser li r‑Regolament dwar l-addittivi ma fih xejn li jmur kontra interpretazzjoni li l‑kunċetti ta’ “sustanzi” u “ingredjenti”, kif użati fl-Artikolu 8 tiegħu, jinkludu wkoll iż-żieda indiretta mal-ikel ta’ sustanzi oħra li ma humiex vitamini u minerali, jew l-użu ta’ tali sustanzi fil-manifattura tal-ikel fil‑forma ta’ “preparazzjonijiet”. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li dik id-dispożizzjoni ma testendix għal tali sitwazzjoni, u meta annullat il-partijiet rilevanti tar-Regolament kontenzjuż, b’mod partikolari, fuq din il-bażi.

60.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tilqa’ l-ewwel aggravju tal-appell invokat mill-Kummissjoni fil-Kawżi C‑48/25 P, C‑54/25 P u C‑55/25 P bħala fondat.

B.      Aggravji relatati mal-kundizzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-Artikoli 8(1) u 8(2) tar-Regolament dwar l-addittivi

61.      Fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament dwar l-addittivi fis-sens li jistipula żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tipprojbixxi ż-żieda mal-ikel jew l-użu fil-manifattura tal-ikel ta’ sustanza jew ingredjent: l-ewwel nett, li ż-żieda tagħhom tirriżulta minn inġestjoni ta’ ammonti tas-sustanza li jaqbżu sew dawk raġonevolment mistennija li jkunu inġeriti taħt kundizzjonijiet normali ta’ konsum ta’ dieta bbilanċjata u varjata u/jew kieku jirrappreżentaw bi kwalunkwe mod ieħor riskju potenzjali għall-konsumaturi (l-Artikolu 8(1)); u it-tieni nett, li ġie identifikat effett dannuż għas-saħħa (l-Artikolu 8(2)). Abbażi ta’ dan, u fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma stipulatx limitu fir-rigward tal‑ammonti ta’ DIA f’dieta bbilanċjata u varjata, kif kien jeżiġi l‑Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, il-Qorti Ġenerali annullat il‑partijiet rilevanti tar‑Regolament kontenzjuż (41).

62.      Permezz tal-ewwel aggravju ta’ appell tagħha fil-Kawża C‑38/25 P u t-tieni aggravju ta’ appell tagħha fil-Kawżi C‑48/25 P, C‑54/25 P u C‑55/25 P, il-Kummissjoni tikkontesta dawn il‑konstatazzjonijiet. Sostnuta mill-EFSA, hija targumenta, li l-unika kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex tiġi pprojbita ż-żieda ta’ sustanza mal-ikel jew l-użu tagħha fil-manifattura tiegħu, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ ingredjenti li jkun fihom tali sustanza, hija dik stabbilita fl‑Artikolu 8(2)(a) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l‑identifikazzjoni ta’ effett dannuż fuq is-saħħa (42).

63.      L-appellati jikkontestaw dan l-argument u jappoġġjaw ir‑raġunament tal-Qorti Ġenerali.

64.      Jiena naqbel mal-Kummissjoni u mal-EFSA.

65.      Kif spjegat fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-addittivi jistabbilixxi tliet xenarji ta’ riskju li fihom il‑Kummissjoni hija kompetenti sabiex tibda l-proċedura intiża għat‑tqegħid ta’ ċerti sustanzi u/jew ingredjenti fl-Anness III. L-ewwel wieħed huwa dak fejn l-inġestjoni ta’ tali sustanzi jew ingredjenti tmur lil hinn minn dak li jirriżulta minn dieta normali u bbilanċjata; it-tieni wieħed huwa dak fejn tali inġestjoni sseħħ u jeżisti riskju potenzjali għall‑konsumaturi; u t-tielet wieħed huwa dak fejn, irrispettivament mil‑livell ta’ inġestjoni, iż-żieda ta’ dawk is-sustanzi jew ingredjenti tippreżenta riskju potenzjali għas-saħħa tal-konsumaturi.

66.      Dawn il-kundizzjonijiet huma b’mod ċar preċedenti għal, u separati mill-proċess deċiżjonali previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-addittivi, li huwa intiż li jirregola r-riskju hekk identifikat. Dan il‑proċess deċiżjonali jinbeda biss wara li l-Kummissjoni tikkonkludi, jew abbażi ta’ tħassib espress mill-Istati Membri jew fuq inizjattiva tagħha stess, li jista’ jkun jeżisti wieħed jew iktar mix-xenarji ta’ riskju stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-addittivi.

67.      Jidhirli li huwa ċar li l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-addittivi huwa strutturat f’żewġ stadji distinti: l-istadju tal-identifikazzjoni ta’ riskju (taħt l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament) u l-istadju tad-deċiżjoni dwar miżuri għall-immaniġġjar ta’ dak ir-riskju (taħt l-Artikolu 8(2) tiegħu).

68.      F’dan it-tieni stadju, dak tal-immaniġġjar tar-riskju, il‑Kummissjoni għandha tagħżel mill-miżuri ta’ politika stabbiliti mil‑leġiżlatur tal-Unjoni sabiex tirregola s-sustanza jew l-ingredjent ikkonċernat.

69.      F’dan il-punt, ix-xenarji relatati mal-identifikazzjoni tar-riskju previsti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-addittivi huma irrilevanti.

70.      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, f’dan l-istadju, u fid-dawl tal-evalwazzjoni mwettqa mill-EFSA, il‑Kummissjoni tista’, meta jkun ġie stabbilit effett dannuż, jew tqiegħed is-sustanza jew l-ingredjent fil-Parti A tal-Anness III u tipprojbixxi l-użu tiegħu kompletament (skont l-Artikolu 8(2)(a)(i)) jew tqiegħdu fil-Parti B u tippermetti l-użu tiegħu suġġett għal kundizzjonijiet (skont l‑Artikolu 8(2)(a)(ii)); jew jekk ikun ġie identifikat effett dannuż iżda tippersisti inċertezza xjentifika, il-Kummissjoni tista’ tqiegħed is‑sustanza jew l-ingredjent fil-Parti Ċ tal-Anness III, tippermetti l-użu tiegħu u tissuġġettah għal skrutinju (skont l-Artikolu 8(2)(b)). Fi kliem ieħor, hija għandha tiddeċiedi dwar il-miżuri speċifiċi li għandha tieħu b’riferiment għall-probabbiltà ta’ effetti dannużi kif stabbilita xjentifikament.

71.      Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, nifhem li l-Kummissjoni bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-addittivi biss abbażi tal-konstatazzjoni li l-inġestjoni ta’ sustanzi li fihom id-DIA kienet tippreżenta riskju għas-saħħa tal-konsumaturi. Fid-dawl tal‑evalwazzjoni pprovduta mill-EFSA, li identifikat l-eżistenza ta’ tali riskju fir-rigward ta’ ċerti sustanzi (43), il-Kummissjoni mbagħad applikat il‑miżura prevista fl‑Artikolu 8(2)(a)(i) tar-Regolament dwar l-addittivi.

72.      Kif jirriżulta b’mod ċar mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, meta l‑Kummissjoni tagħżel li tapplika l-Artikolu 8(2)(a)(i), hija obbligata tipprojbixxi kompletament is-sustanza jew l-ingredjent, u konsegwentement, hija ma tgawdix minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tistabbilixxi limitu massimu ta’ konsum għal dak it-tip ta’ sustanza partikolari (anki jekk dan kien possibbli fir-rigward ta’ sustanzi ġenotossiċi) (44). Li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill‑Kummissjoni tali marġni ta’ diskrezzjoni, kien jindika dan b’mod espliċitu, kif għamel fl-Artikolu 8(2)(a)(ii) tiegħu (45).

73.      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta interpretat l‑Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-addittivi fis-sens li għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 8(1) tiegħu, b’tali mod li l-Kummissjoni għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet qabel ma tkun tista’ tinkludi sustanza fl‑Anness III ta’ dan ir-regolament.

74.      Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellati, l-interpretazzjoni mogħtija hawn fuq ma għandhiex l-effett li ċċaħħad lill-Artikolu 8(1) tar‑Regolament dwar l-addittivi mill-effett utli tiegħu. Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-partijiet qed iħawdu żewġ kunċetti li huma distinti, dak tal‑istima tar-riskju u tal-immaniġġjar tar-riskju.

75.      L-istima tar-riskju, minn naħa waħda, hija proċess ibbażat fuq evidenza xjentifika li jikkonsisti f’erba’ stadji: l-identifikazzjoni tal‑perikolu, il-karatterizzazzjoni tal-perikolu, l-istima tal-esponiment u l‑karatterizzazzjoni tar-riskju (46). Dan il-proċess jinvolvi evalwazzjoni xjentifika kumplessa tas-sikurezza ta’ sustanza jew aġent bijoloġiku abbażi tad-data xjentifika u teknika rilevanti kollha, bil-għan li jiġu identifikati u pprevenuti riskji emerġenti. Fil-livell tal-Unjoni, u għall‑finijiet tar-Regolament dwar l-addittivi, dan il-kompitu jitwettaq mill‑EFSA. Immaniġġjar tar-riskju, min-naħa l-oħra, huwa “proċess, distint mill-istima tar-riskju, tal-konsiderazzjoni ta’ alternattivi b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati, bil-konsiderazzjoni ta’ l-istima tar-riskju u fatturi oħra leġittimi, u, fejn meħtieġ, bl-għażla adattata ta’ prevenzjoni u għażla ta' kontrolli” (47). Huwa biss meta jitlesta l-proċess ta’ analiżi tar-riskju li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiddeterminaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw il-livell ta’ protezzjoni mixtieq (48).

76.      Kif spjegajt, għalkemm l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-addittivi jista’ jitqies bħala li jagħmel parti mill-proċess tal-istima tar‑riskju, l-Artikolu 8(2) tiegħu jiddefinixxi b’mod ċar l-għażliet regolatorji differenti disponibbli għall-immaniġġjar ta’ riskju li jkun diġà ġie identifikat, evalwat u kkaratterizzat mill-EFSA (49). F’din il-kawża, il‑Kummissjoni mmaniġġjat ir-riskju identifikat mill-EFSA permezz tal‑miżuri stipulata fl-Artikolu 8(1)(a)(i) tar-Regolament dwar l-addittivi: li tinkludi s-sustanza inkwistjoni fil-Parti A tal-Anness III ta’ dan ir-regolament u tipprojbixxi ż‑żieda tagħha mal-ikel jew l-użu tagħha fil-manifattura tiegħu. L‑istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa limitat għall-verifika tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

77.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel aggravju tal-appell tal-Kummissjoni fil‑Kawża C‑38/25 P u t-tieni aggravju tal-appell fil-Kawżi C‑48/25 P, C‑54/25 P u C‑55/25 P bħala fondati.

C.      Aggravji tal-appell relatati mal-obbligu ta’ motivazzjoni tal‑Qorti Ġenerali u l-portata tas-setgħat ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha

78.      Permezz tat-tieni aggravju tal-appell tagħha fil-Kawża C‑38/25 P u t-tielet aggravju tal-appell tagħha fil-Kawżi C‑48/25 P, C‑54/25 P u C‑55/25 P, il-Kummissjoni, sostnuta mill-EFSA, targumenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha (50) u li qabżet il-limiti tas-setgħat ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha (51).

79.      L-appellati jqisu li l-argumenti tal-Kummissjoni huma inammissibbli u li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali la naqset mill‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u lanqas ma qabżet il-limiti tas‑setgħat ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha.

80.      Jiena naqbel mal-appellati.

81.      Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti motivazzjoni, għandu jitfakkar li għandha ssir distinzjoni bejn l-eżistenza ta’ motivazzjoni, kif meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE, u l-kwistjoni dwar jekk dik il-motivazzjoni hijiex fondata fid-dritt. Huwa biss argument li jirrigwarda l-eżistenza ta’ motivazzjoni jista’ jaqa’ taħt l‑Artikolu 296 TFUE (52). Madankollu, huwa ċar li l-Kummissjoni ma tallegax li s-sentenzi appellati huma nieqsa minn motivazzjoni. Minflok, hija tikkritika l-kontenut tal-motivazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet inkwistjoni. Peress li tali tip ta’ argument ma jistax jiġi sostnut taħt l‑Artikolu 296 TFUE, l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

82.      Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tas‑setgħat ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha, l-ewwel nett, u kuntrarjament għal dak li targumenta l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx stħarriġ komprensiv tal-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni relatati mal-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-addittivi, u, għaldaqstant, ma eċċedietx il-limiti tas-setgħat ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha fir-rigward tal‑evalwazzjonijiet xjentifiċi (53). Minflok, dik il-qorti eżaminat l‑interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni tal-Artikolu 8(1) u (2) tar‑Regolament dwar l-addittivi, li fir-rigward tagħha, kif spjegajt, hija kkonstatat b’mod żbaljat li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jistabbilixxu kundizzjonijiet kumulattivi. Peress li l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni sħiħa sabiex jinterpretaw id-dritt, l-argument tal‑Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat sa fejn huwa bbażat fuq din l-allegazzjoni. It-tieni nett, sa fejn il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet ir-raġunament tagħha għal dak tal-EFSA meta kkonkludiet li “la mill-opinjoni xjentifika tal‑2017, u lanqas minn xi element tal-proċess, ma jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament kontenzjuż ġew adottati minħabba l-fatt li s-sustanzi u l-preparati inkwistjoni kienu jirrappreżentaw għal raġunijiet oħrajn riskju potenzjali għall-konsumatur” (54), huwa ċar li tali konklużjoni tikkostitwixxi sempliċement konstatazzjoni fattwali limitata għal dak li l-Qorti Ġenerali qieset li jirriżulta mill-proċess tal-kawża. Dik il-konstatazzjoni ma għandhiex natura xjentifika u ma tammontax għal evalwazzjoni xjentifika. Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni qiegħda tikkontesta konstatazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali mingħajr ma tinvoka żnaturament tal-provi, dan l-argument għandu wkoll jiġi ddikjarat inammissibbli.

83.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni aggravju tal-appell tal-Kummissjoni fil‑Kawża C‑38/25 P u t-tielet aggravju tal-appell tagħha fil-Kawżi C‑48/25 P, C‑54/25 P u C‑55/25 P bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

IV.    Konsegwenzi

84.      L-ewwel aggravju fil-Kawża C‑38/25 P u l-ewwel u t-tieni aggravju fil-Kawżi C‑48/25 P, C‑54/25 P u C‑55/25 P huma fondati. Għaldaqstant, is-sentenzi appellati għandhom jiġu annullati. Madankollu, peress li l‑Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-motivi kollha invokati fl-ewwel istanza, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi definittivament il-kawżi u għandha tibgħathom lura quddiem il‑Qorti Ġenerali (55).

V.      Konklużjoni

85.      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tannulla s-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2024, Aloe Vera of Europe vs Il-Kummissjoni (T‑189/21, EU:T:2024:802); tat‑13 ta’ Novembru 2024, Aboca et vs Il-Kummissjoni (T‑302/21, EU:T:2024:808); tat‑13 ta’ Novembru 2024, Ortis vs Il-Kummissjoni (T‑271/21, EU:T:2024:804); u tat‑13 ta’ Novembru 2024, Synadiet et vs Il-Kummissjoni (T‑274/21, EU:T:2024:806);

–        tibgħat lura l-kawża quddiem il‑Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-motivi l-oħra li għadhom ma ġewx eżaminati; u

–        tordna li l-ispejjeż ikunu rriżervati.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż‑żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel (ĠU 2006, L 404, p. 26)


3      Sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2024, Aloe Vera of Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑189/21, EU:T:2024:802) (iktar ’il quddiem “Aloe Vera of Europe vs Il‑Kummissjoni”); tat‑13 Novembru 2024, Aboca et vs Il‑Kummissjoni (T‑302/21, EU:T:2024:808) (iktar ’il quddiem “Aboca et vs Il‑Kummissjoni”); tat‑13 Novembru 2024, Ortis vs Il‑Kummissjoni  (T‑271/21, EU:T:2024:804) (iktar ’il quddiem “Ortis vs Il‑Kummissjoni”); u tat‑13 Novembru 2024, Synadiet et vs Il‑Kummissjoni  (T‑274/21, EU:T:2024:806) (iktar ’il quddiem “Synadiet et vs Il‑Kummissjoni”) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi appellati”).


4      Regolament tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Marzu 2021 li jemenda l-Anness III tar‑Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-ispeċijiet botaniċi li fihom derivati tal-idrossiantraċen (ĠU 2021, L 96, p. 6).


5      Ara b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s‑saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU 2006, L 404, p. 9) u r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l‑għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal‑Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id‑Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal‑Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18).


6      Ara l-premessi 3 u 4 tar-Regolament dwar l-addittivi. Ara wkoll il-Proposta għar‑Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż‑żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel, COM(2003) 671 finali (iktar ’il quddiem il-“Proposta għar-Regolament dwar l-addittivi”), p. 3.


7      Ara, għal dan il-għan, il-premessi 1, 2 u 22 tar-Regolament dwar l-addittivi u l-Artikoli 1(1) u 10 tiegħu. Ara wkoll il-Proposta għar-Regolament dwar l-addittivi, p. 1.


8      Ara, għal dan il-għan, il-premessi 14 u 22 tar-Regolament dwar l-addittivi, u l‑Artikolu 1(1) tiegħu.


9      Ara l-premessa 12 tar-Regolament dwar l-addittivi.


10      Ara l-Proposta għar-Regolament dwar l-addittivi, punt 21.


11      Ara l-premessa 20 tar-Regolament dwar l-addittivi.


12      Ara l-premessa 41 tar-Regolament dwar l-addittivi.


13      Ara l-premessa 20 tar-Regolament dwar l-addittivi. Ara wkoll il-premessa 2 ta’ dan ir‑regolament għal lingwaġġ simili.


14      Ara l-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar l-addittivi, li jistipula li “[i]l-vitamini u/jew il‑minerali elenkati fl-Anness I biss, fil-forom elenkati fl-Anness II, jistgħu jiġu miżjuda ma’ l-ikel, skond ir-regoli mniżżla f’dan ir-Regolament”.


15      Ara l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-addittivi, li jistabbilixxi l-kategoriji ta’ prodotti li magħhom ma jistgħux jiżdiedu vitamini u minerali.


16      Ara l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar l-addittivi, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom vitamini u minerali jistgħu jiżdiedu mal-ikel.


17      Ara l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-addittivi (enfasi miżjuda minni). Lingwaġġ simili jinsab fil-premessa 2 tiegħu.


18      Ara l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-addittivi.


19      Ara, għal dan il-għan, Aloe Vera of Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 4; Aboca et vs Il‑Kummissjoni, punt 5; Ortis vs Il‑Kummissjoni, punt 3; u Synadiet et vs Il‑Kummissjoni, punt 3.


20      Ara Aloe Vera of Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 4; Aboca et vs Il‑Kummissjoni, punt 5; Ortis vs Il‑Kummissjoni, punt 3; u Synadiet et vs Il‑Kummissjoni, punt 3.


21      Ara Aloe Vera of Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 4; Aboca et vs Il‑Kummissjoni, punt 5; Ortis vs Il‑Kummissjoni, punt 3; u Synadiet et vs Il‑Kummissjoni, punt 3.


22      Fis-sentenza tagħha f’Aloe Vera of Europe vs Il-Kummissjoni, punt 3, il-Qorti Ġenerali tispjega li “[l]-Aloe vera hija speċi ta’ Aloe li l-werqa tagħha hija magħmula minn tliet saffi, jiġifieri, l-ewwel waħda, li tikkorrispondi għal kisja ħoxna ħadra esterna li tipproteġi l-pjanta kontra t-temp ħażin; it-tieni waħda, li tikkorrispondi għal saff intermedju magħmul minn latex safrani li fih derivati tal-idrossiantraċen  [DIA]; u, it-tielet waħda, tikkorrispondi għal saff intern umdu u trasparenti ta’ likwidu ġelatinuż li fih in-nutrijenti tal-pjanta.”


23      Il-Bord tal-EFSA dwar l-Addittivi tal-Ikel u s-Sorsi tan-Nutrijenti miżjuda mal-Ikel, “Sikurezza tad-Derivati Idrossiantraċen użati fl-Ikel,”, EFSA Journal; Vol. 16, Ħarġa 1, 5090, 2018. Disponibbli fuq: https://doi:10.2093/j.efsa.2018.5090 (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni tal‑EFSA tal‑2017”), p. 19.


24      Ara, għal dan il-għan, Aloe Vera of Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 5; Aboca et vs Il‑Kummissjoni, punt 6; Ortis vs Il‑Kummissjoni, punt 4; u Synadiet et vs Il‑Kummissjoni, punt 4.


25      Ara l-Opinjoni tal-EFSA tal‑2017, p. 1.


26      Ara l-Opinjoni tal-EFSA tal‑2017 , p. 69.


27      Ara, għal dan il-għan, il-Kumitat Xjentifiku tal-EFSA, Opinjoni Xjentifika dwar strateġiji għall-ittestjar tal-ġenotossiċità applikabbli għall-evalwazzjoni tas‑sikurezza tal-ikel u l-għalf, EFSA Journal,  Vol. 9, Ħarġa 9, 2379, 2011. Disponibbli fuq: https://doi:10.2903/j.efsa.2011.2379. Ara, b’mod partikolari, p. 9, u t-taqsima 4.2 dwar l-esponiment, paġni 23 sa 25.


28      Il-Kumitat Xjentifiku tal-EFSA, Opinjoni Xjentifika dwar il-kjarifika ta’ xi aspetti relatati mal-evalwazzjoni tal-ġenotossiċità, EFSA Journal, Vol. 15, Ħarġa 12, 5113, 2017, p. 1. Disponibbli fuq: https://doi.org/10.2903/j.efsa.2017.5113. Ara wkoll paġni 14 u 15 dwar l-istabbiliment ta’ valuri gwida bbażati fuq is-saħħa għal sustanzi ġenotossiċi.


29      Regolament kontenzjuż, premessa 7.


30      Regolament kontenzjuż, premessa 9.


31      Regolament kontenzjuż, premessa 11.


32      Ara Aboca et vs Il‑Kummissjoni, punt 61; Ortis vs Il‑Kummissjoni, punt 65; u Synadiet et vs Il‑Kummissjoni, punt 57.


33      Ara, għal dan il-għan, Aloe Vera of Europe vs Il‑Kummissjoni, punti 66 u 67; Aboca et vs Il‑Kummissjoni, punti 90 u 91; Ortis vs Il‑Kummissjoni, punti 95 u 96; u Synadiet et vs Il‑Kummissjoni, punti 86 u 87.


34      Għandu jiġi nnotat ukoll li r-Repubblika Taljana ressqet talba għal intervent insostenn tat-talbiet tal-konvenuti fil-Kawża C‑48/25 P. Madankollu, peress li din it‑talba tressqet wara li skada t-terminu msemmi fl-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda qabel id-deċiżjoni li tinfetaħ il-parti orali tal-proċeduri, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Mejju 2025, dik il-parti kienet awtorizzata tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha waqt seduta, jekk din issir, skont l-Artikolu 194 tar-Regoli tal-Proċedura.


35      Il-Kumitat Xjentifiku tal-EFSA, “Gwida dwar il-valutazzjoni tas-sikurezza ta’ sustanzi botaniċi u preparazzjonijiet botaniċi maħsuba għall-użu bħala ingredjenti fis-supplimenti tal-ikel”, EFSA Journal, Vol. 7, Ħarġa 9, 1249, 2009, p. 2. Disponibbli fuq: https://doi:10.2093/j.efsa.2009.1249, p. 2.


36      Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat‑13 ta’ Frar 1979, Granaria (101/78, EU:C:1979:38, punt 4) u tas‑27 ta’ Jannar 2026, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Riklassifikazzjoni tal-kannabis) (C‑271/23, EU:C:2026:45, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37      Ara l-premessa 1 tar-Regolament dwar l-addittivi.


38      Ara, għal dan il-għan, il-premessa 20 tar-Regolament dwar l-addittivi. Il-Kummissjoni tqis li l-preżenza “mhux intenzjonata” ta’ sustanzi dannużi fl-ikel hija rregolata mir‑Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat‑8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 204), li bis-saħħa tiegħu l‑Kummissjoni tista’ tistabbilixxi livelli massimi għall-kontaminanti fl‑ikel.


39      Kif spjegajt fil-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-proċedura l-oħra hija dik relatata maż-żieda ta’ vitamini u minerali.


40      Ara, għal dan il-għan, il-Proposta għar-Regolament dwar l-addittivi, li fil-punt 21, tinnota li “xi drabi [l-użu ta’ ċerti sustanzi oħra] u l-preżentazzjoni tagħhom fl‑ittikkettjar jistgħu jqajmu mistoqsijiet dwar jekk dawn għandhomx jiġu ttrattati bħala ingredjenti użati fil-manifattura tal-ikel jew jekk għandhomx jitqiesu bħala sustanzi “miżjuda”. Irrispettivament mir-risposta għal din il-mistoqsija, ikun xieraq li l-użu sikur ta’ tali sustanzi jew ingredjenti jiġi rregolat u, fejn meħtieġ, li l‑użu tagħhom jiġi pprojbit taħt dan ir-Regolament propost.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


41      Ara, għal dan il-għan, Aloe Vera of Europe vs Il‑Kummissjoni, punti 51 u 59; Aboca et vs Il‑Kummissjoni, punti 75 u 83; Ortis vs Il‑Kummissjoni, punti 79 u 87; u Synadiet et vs Il‑Kummissjoni, punti 70 u 78.


42      Filwaqt li l-appellati fil-Kawżi C‑54/25 P u C‑55/25 P isostnu li dan l-aggravju tal‑appell huwa inammissibbli minħabba li l-Kummissjoni qajmitu għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell, huwa ċar li l-Kummissjoni sempliċement ressqet argument li jirriżulta mis-sentenzi appellati fir-rigward tan-natura tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament dwar l-addittivi. Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jintlaqa’; ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni (C‑176/06 P, EU:C:2007:730, punt 17) u tal‑10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni (C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punti 101 u 102).


43      Jiġifieri s-sustanzi elenkati fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Kif nispjega fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-EFSA tqis li ma jeżisti ebda livell li taħtu l-inġestjoni ta’ sustanzi ġenotossiċi tista’ titqies li hija nieqsa minn effetti dannużi jew minn riskju għas-saħħa tal-bniedem. Konsegwentement, hija tqis li ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi limitu għal sustanzi ġenotossiċi.


45      Għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tinkludi s‑sustanza jew l-ingredjent li jkun fih is-sustanza inkwistjoni fil-Parti B tal‑Anness III u tindika li ż-żieda tiegħu mal-ikel jew l-użu tiegħu fil-manifattura tal‑ikel huma awtorizzati biss taħt kundizzjonijiet speċifiċi. Madankollu, lanqas din id-dispożizzjoni ma timponi l-obbligu li jiġi stabbilit limitu ta’ konsum li taħtu ż‑żieda ta’ dik is-sustanza ma tkunx ta’ tħassib għas-saħħa tal-bniedem, anki jekk ir‑“rekwiżiti addizzjonali” marbuta mal-entrati fil‑Parti B tal-Anness III fir-rigward tas-sustanzi elenkati fih jistabbilixxu tali limitu. Ara, pereżempju, ir-Regolament tal‑Kummissjoni (EU) 2022/2340 tat‑30 ta’ Novembru 2022 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-estratti tat-te aħdar li fihom l-(-)-epigallokatekina-3-gallat (ĠU 2022, L 310, p. 7).


46      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(11) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-[EFSA] u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463), li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “stima tar-riskju” bħala “proċess ibbażat xjentifikament li jkun jikkonsisti f’erba’ stadji: l-identifikazzjoni tal-perikolu, il-karatterizzazzjoni tal-perikolu, l-istima ta’ l-esponiment u l‑karatterizzazzjoni tar-riskju”. Ara wkoll, b’analoġija, il l-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawżi magħquda Franza vs Il‑Kummissjoni  u Il‑Kummissjoni vs CWS Powder Coatings et (C‑71/23 P u C‑82/23 P, EU:C:2025:65, punti 75 u 76).


47      Ara l-Artikolu 3(12) tar-Regolament Nru 178/2002. Enfasi miżjuda minni.


48      Ara wkoll, b’analoġija, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni, COM(2000) 1 finali tat‑2 ta’ Frar 2000, p. 15, li tiddikjara li “meta dawk responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet jiġu konxji ta’ riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal‑bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti li jista’, fin-nuqqas ta’ intervent, ikollu konsegwenzi serji, tqum il-kwistjoni tal-adozzjoni ta’ miżuri protettivi adegwati. Huma għandhom jiksbu, permezz ta’ proċess strutturat, evalwazzjoni xjentifika tar‑riskju għall-ambjent, jew għas-saħħa, li tkun kemm jista’ jkun komprensiva, sabiex ikunu jistgħu jagħżlu l-iktar miżura jew kors ta’ azzjoni xieraq” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


49      Kif diġà osservajt fil-kuntest tal-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala dannuża għas‑saħħa tal-bniedem, meta tadotta miżuri ta’ immaniġġjar tar-riskju, il‑Kummissjoni għandha biss setgħa diskrezzjonali limitata lil hinn mill-miżuri stabbiliti mil-leġiżlatur tal‑Unjoni. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Franza vs Il‑Kummissjoni  u Il‑Kummissjoni vs CWS Powder Coatings et (C‑71/23 P u C‑82/23 P, EU:C:2025:65, punt 78).


50      Il-Kummissjoni tqajjem dan l-argument fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet li jinsabu f’Aloe Vera of Europe vs Il‑Kummissjoni, punti 58 u 60; Aboca et vs Il‑Kummissjoni, punti 82 u 84; Ortis vs Il‑Kummissjoni, punti 86 u 88; u Synadiet et vs Il‑Kummissjoni, punti 77 u 79.


51      Il-Kummissjoni tqajjem dan l-argument fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet li jinsabu f’Aloe Vera of Europe vs Il‑Kummissjoni punt 60; Aboca et vs Il‑Kummissjoni punt 84; Ortis vs Il‑Kummissjoni, punt 88; u Synadiet et vs Il‑Kummissjoni, punt 79.


52      Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill  (C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal‑10 ta’ Settembru 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑465/20 P, EU:C:2024:724, punt 390 u l-ġurisprudenza ċċitata).


53      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Franza u Il‑Kummissjoni vs CWS Powder Coatings et (C‑71/23 P u C‑82/23 P, EU:C:2025:601, punt 106 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


54      Ara l-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Ara, għal dan il-għan, l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.